Sir Isaac Newton (Woolsthorpe-by-Colsterworth, 4 ta' Jannar 1643Londra, 31 ta' Marzu 1727)[1] kien matematiku, fiżiku, astronomu u filosfu Ingliż. Figura emblematika fix-xjenzi, Newton hu l-aktar magħruf għat-teorija tal-gravità universali, u l-ħolqien u l-iżvilupp tal-kalkulu infiniteżmali li skopra kontemporanjament ma' Leibniz.

Isaac Newton

Sir Isaac Newton ta' 46 sena
12. President tas-Soċjetà Rjali

1703 - 1727
John Somers, 1st Baron Somers (en) Translate - Hans Sloane (mul) Translate
Membru tal-Parlament Ingliż tal-1701/1702

Diċembru 1701 - 1702
District: Cambridge University (en) Translate
Direttur taz-Zekka

Jannar 1700 - 31 Marzu 1727
Warden of the Mint (en) Translate

1696 - Jannar 1700
Membru tal-Parlament Ingliż tal-1689/1690

1689 - 1690
District: Università ta' Cambridge
Lucasian Professor of Mathematics (en) Translate

1669 - 1702
Ħajja
Twelid Woolsthorpe Manor (en) Translateu Woolsthorpe-by-Colsterworth (en) Translate, 25 Diċembru 1642 (in Julian calendar), 4 Jannar 1643, 1642
Nazzjonalità Renju tal-Ingilterra
Gran Brittanja
Residenza Ingilterra
Grupp etniku L-Ingliżi
Mewt Kensington, 20 Marzu 1727 (Julian)
Post tad-dfin Abbazija ta’ Westminster
Familja
Missier Isaac Newton Sr.
Omm Hannah Ayscough
Familja
uri
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Cambridge
The King's School, Grantham (en) Translate
(1655 - 1659)
Trinity College
(Ġunju 1661 - Awwissu 1665) Baċellerat tal-Arti
Trinity College
(April 1667 - 1668) Masters tal-Arti
Direttur tat-teżi Isaac Barrow (mul) Translate
Benjamin Pulleyn (mul) Translate
no value
Lingwi Latin
Ingliż
Għalliema Isaac Barrow (mul) Translate
Benjamin Pulleyn (mul) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni matematiku
filosofu
fiżiku
astronomu
teologu
inventur
alkimist
politiku
bniedem universali
għalliem fl-università
kittieb ta' saġġistika
fiżiku teoretiku
kimiku
teologu
astrologu
kittieb
mintmaster (en) Translate
xjenzat
executive (en) Translate
Post tax-xogħol Cambridge
Londra
Impjegaturi Università ta' Cambridge
Xogħlijiet importanti Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica (en) Translate
Method of Fluxions (en) Translate
Opticks, or a Treatise of the Reflections, Refractions, Inflections and Colours of Light (en) Translate
Premjijiet
List
Influwenzat minn René Descartes
Sħubija Soċjetà Rjali

Fl-ottika, żviluppa teorija tal-kulur ibbażata fuq l-osservazzjoni li priżma jaqsam id-dawl abjad fl-ispettru viżibbli. Ivvinta wkoll it-teleskopju riflettur magħmul minn mera konkava, imsejjaħ it-teleskopju ta' Newton. Fil-mekkanika, stabbilixxa t-tliet liġijiet universali tal-moviment li huma l-prinċipji li fuqhom hi msejsa t-teorija tiegħu għall-moviment tal-korpi, teorija li daż-żmien tissejjaħ il-Mekkanika klassika.

Fil-matematika, Newton qasam ma' Gottfried Wilhelm Leibniz l-iskoperta tal-kalkulu infiniteżmali. Hu magħruf ukoll għall-ġeneralizazzjoni tal-teorema binomjali u l-invenzjoni ta' dak li hu msejjaħ il-metodu ta' Newton li jippermettilna nsibu xi approssimazzjonijiet għaż-żero (jew radiċi) ta' funzjoni ta' varjabbli waħda reali b'valuri reali. Newton wera li l-moviment tal-oġgetti fuq l-art u l-korpi ċelesti huma mmexxija mill-istess liġijiet naturali; u bl-għajnuna tal-liġijiet ta' Kepler fuq il-moviment tal-pjaneti,[2] żviluppa l-gravità universali.

Il-ktieb tiegħu f'żewġ volumi, Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica, hu meqjus bħala wieħed mix-xogħlijiet il-kbar fl-istorja tax-xjenza. Fih hu ddeskriva l-gravità universali, ifformula t-tliet liġijiet tal-moviment u lesta l-bażi tal-mekkanika klassika. Għamel ukoll xi tiftix fl-oqsma tat-teoloġija, il-filosofija u l-alkimija.

Bijografija

immodifika
 
Woolsthorpe Manor, id-dar fejn twieled Isaac Newton

Isaac Newton twieled Woolsthorpe-by-Colsterworth qrib Grantham, f'Lincolnshire, l-Ingilterra, minn ġenituri tar-raba'. Missieru miet tliet xhur qabel ma twieled ibnu, u meta t-tifel kellu tliet snin, ommu, Hannah Ayscough, reġgħet iżżewwġet. Kien għalhekk li mar joqgħod ma' nanntu fejn ħa ħsiebu zijuh. It-tfulija tiegħu tidher li ma kinitx hienja wisq.[3] Meta kellu ħames snin mar l-iskola primarja ta' Skillington, imbagħad meta kellu tnax beda jattendi l-iskola King's School ta' Grantham.

Baqa' hemm erba' snin sakemm ommu sejħitlu biex imur Woolsthorpe biex jintefa' fuq il-biedja u jieħu ħsieb ir-raba' tagħhom. Sadanittant ommu indunat li binha kien iżjed jinqala' għall-mekkanika milli għall-agrikultura u ħallietu jerġa' jmur l-iskola Grantham biex wara jidħol l-università. Meta kellu sbatax-il sena beda jinnamra ma' tfalja Ann Storer, il-filjastra tal-ispiżjar, William Clarke, ma' minn kien qiegħed joqgħod. Dan ħallieh jiltaqa' magħha u jitgħarrasha, imma riedu jtemm l-istudji tiegħu qabel jiżżewwiġha. Fl-aħħar, iż-żwieġ ma sarx u Newton baqa' għażeb ħajtu kollha. Voltaire kiteb li Newton ma kien jaf 'l ebda mara oħra f'ħajtu.[4]

Ta' tmintax-il sena daħal Trinity College, Cambridge fejn baqa' hemm seba' snin. Hemm studja l-aritmetika, il-ġeometrija fl-"Elementi" ta' Ewklidi u t-trigonometrija, imma kellu wkoll interess personali fl-astronomija, u l-alkimija u t-teoloġija. Ta' 25 sena ħa l-lawrja, imma kellu jieqaf mill-istudji tiegħu għal sentejn minħabba li feġġet il-marda qerrieda tal-pesta, li laqtet il-belt fl-1665, u reġa' lura lejn raħal twelidu.[5] Kien matul dan iż-żmien li Newton għamel progress kbir fil-matematika, il-fiżika u fuq kollox fl-ottika (beda jifhem li d-dawl mhux abjad imma magħmul minn spettru ta' lwien), l-iskoperti kbar kollha li spjega fis-snin ta' wara kienu l-frott ta' dawn is-sentejn.[6] Kien ukoll f'dan iż-żmien li suppost saret il-ġrajja leġġendarja tat-tuffieħa li waqgħet fuq rasu u b'hekk induna bil-liġi tal-gravità universali. Newton żied il-pass fir-riċerka; fl-1666 beda l-istudju tal-funzjonijiet derivabbli u d-derivati tagħhom ibbażat fuq ix-xogħol ta' Fermat. Ikklassifika l-funzjonijiet kubiċi u ta grafiċi korretti għalihom bl-asintoti, inflessionijiet u punti ta' dawrien. Fl-1669, kiteb fuq is-sisien tal-kalkulu infiniteżmali li sejjaħlu l-"metodu tal-flussjonijiet". Hekk Newton kien waqqaf l-analisi moderna.

Fl-stess sena 1669, Newton ħa l-katedra tal-matematika.[7] Tliet snin wara fl-età ta' 29 sena, sar membru tar-Royal Society ta' Londra, fejn iltaqa' ma' Robert Boyle, bniedem ta' influwenza kbira. Irnexxilu wkoll jiżviluppa teleskopju bil-mirja sferiċi mingħajr aberazzjoni kromatika. Is-sena ta' wara iddeċieda li jispjega fit-tul ix-xogħol tiegħu fuq id-dawl u dan għamlu famuż f'ħakka t'għajn. Minħabba din iċ-ċelebrità l-iskoperti tiegħu saru l-oġġett ta' ħafna kontroversji u ġlied li hu kien jistmerr.

Meta spjega x-xogħol tiegħu fuq id-dawl, ipprova bl-għajnuna tal-priżma li dan hu magħmul minn spettru ta' bosta kuluri u fl-1675, temm dan ix-xogħol billi spjega t-teorija korpuskulari tiegħu. Fl-1684 ikkuntatjah l-astronomu Ingliż Edmund Halley (li kien skopra l-famuża kometa msemmija għalih) dwar il-liġijiet ta' Kepler fuq l-orbiti ellittiċi tal-pjaneti. Newton tah spjegazzjoni konvinċenti ħafna u Halley ħajru jippublika x-xogħlijiet tiegħu.

Fl-1687, ippublika x-xogħol kbir tiegħu: Philosophiae naturalis principia mathematica. Dan ix-xogħol jimmarka l-bidu tal-matematizzazzjoni tal-fiżika. Fih Newton spjega l-prinċipju tal-inerzja, il-proporzjonalità bejn il-forzi u l-aċċellerazzjoni, l-ugwaljanza tal-azzjoni u r-reazzjoni, il-liġijiet tal-impatti, il-moviment tal-fluwidi, il-frugħ u l-mili tal-baħar, etċ. Imma fuq kollox spjega fih it-teorija tiegħu tal-attrazzjoni universali: Il-korpi jattiraw 'il xulxin b'forza proporzjonali għall-prodott tal-mases tagħhom u inversament proporzjonali għad-distanza bejniethom kwadrata.

Newton kien jobgħod jispjega x-xogħol tiegħu u sikwit ippublikah bosta snin wara li kien wettqu. Inqabad spiss f'argumenti ma' Robert Hooke dwar id-dawl u t-teorija tiegħu tal-gravitazzjoni. Newton stenna li Hooke imut biex jippubblika x-xogħol tiegħu fuq l-ottika. Hooke akkuża 'l Newton bi plaġju fuq it-teorija tal-inversi kwadrati, minħabba li Newton beda x-xogħol tiegħu fl-istess żmien bħalu mingħajr ma qal lil ħadd, li irrabjat mhux ftit lil Hooke.[8] Newton, filwaqt ippretenda li ma kienx jaf bir-riċerki ta' Hooke u li lanqas kien qara x-xogħol tiegħu fuq il-gravità. Illum nafu li Newton kien gideb, mhux bil-ħażen imma minħabba l-biża' li jidħol fil-ġlied.

Newton kien ibati b'personalità tturmentata u komplessa. Bejn l-1692 u l-1693, waqa' f'perjodu gravi ta' depressjoni nervuża, aktarx minħabba l-mewt ta' ommu, il-qirda tal-laboratorju tal-alkemija li kellu, u x-xogħol żejjed. Kien jgħix fi stat ta' paranoja u kien ikollu xi alluċinazzjoni. Ħa tliet snin biex jerga' jiġi f'tiegħu.[9]

 
Isaac Newton (Godfrey Kneller, National Portrait Gallery, Londra, 1702)

Fl-1696, Newton inħatar gwardjan taz-zekka tal-Ingilterra u sena wara sar ministru taz-zekka. Newton stima li 20% mill-muniti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni waqt ir-Riforma Kbira monetarja tal-1696 kienu foloz.[10] Il-falsifikazzjoni tal-muniti kienet meqjusa bħala att ta' tradiment, ikkastigata bil-mewt bit-tgħallieq u l-iskwartament. Tant kien ikraħ il-kastig li t-tribunali ma kinux jagħtuh ħlief meta l-ministru seta' jagħti xhieda inkonfutabbli quddiem il-ġurati. Newton kien lest għal dan ix-xogħol.

Ġabar il-fatti u pprova t-teoriji tiegħu b'mod brillanti daqs meta kien qiegħed jipprova xi liġi xjentifika. Bejn Ġunju tal-1698 u l-Milied tal-1699, mexxa madwar 200 kontro-interrogatorji ta' xhieda, informaturi u ta' nies suspettati u kiseb l-istqarrijiet li kellu bżonn. Ma kellux id-dritt li jirrikorri għat-torturi, imma hemm xi dubji fuq il-metodi użati, l-aktar billi Newton stess ordna li jinqerdu r-rapporti tal-interrogatorji. Kien kif kien, irnexxielu jikkonvinċi 'l-ġurati: fi Frar tal-1699, għaxar priġunieri ġew ikkundanati għall-mewt.

Newton kellu l-ikbar suċċess bħala prokuratur tar-re fil-każ kontra William Chaloner. Dan kien ħalliel mill-kbar li stgħana biżżejjed biex jista' jagħmilha ta' ġentilwom. F'petizzjoni lill-parlament akkuża liz-Zekka li kienet qiegħda tagħti l-għodda lill-falzarji (akkuża li kienet saret diġà), u ppropona li jħalluh jispezzjona l-proċess taz-Zekka biex itejbu. Talab lill-parlament li jadotta l-pjani tiegħu biex isiru muniti li ma jistgħux jiġu ffalsifikati. Newton irrabja ħafna u għamel kollox biex jitkixxef kemm jista' fuq Chaloner. Sab li Chaloner stess kien imdaħħal fil-falsifikazzjoni tal-muniti u tellgħu quddiem il-qorti. L-ewwel darba Chaloner ħeles għax kellu ħafna ħbieb qawwija imma Newton reġa' tellgħu quddiem il-qorti u din id-darba kellu xhieda biżżejjed biex jiġi ikkundanat għall-mewt. Fl-23 ta' Marzu 1699, Chaloner ġie mgħallaq u skwartat.

Fl-1699 inħatar membru tal-kunsill tar-"Royal Society", fl-1703 ġie elett president tagħha u baqa' president sa mewtu. Fl-1705 kien investit bit-titlu ta' Kavallier mir-Reġina Anna, iżjed biex tippremjah għar-riformi kbar tiegħu fiz-zekka milli għax-xogħol xjentifiku tiegħu. Fl-1717 iffissa rata ta' ekwivalenza bejn il-fidda u d-deheb b'dik li hi msejħa l-"liġi tar-Reġina Anna".

Fl-1724, Isaac Newton marad. Tliet snin wara bilkemm kien għadu kemm fieq minn attakk tal-gotta meta reġa' mar Londra biex jippresiedi laqgħa tar-Royal Society. Dan il-vjaġġ għejjieh ħafna. Meta wasal lura Kensington, kellu jibqa' fis-sodda u miet fil-31 ta' Marzu tal-1727, fl-età ta' 84 sena. Kien midfun b'ċeremonji kbar f'Westminster Abbey, fejn jindifnu r-rejiet tal-Ingilterra.

Newton hu meqjus bħala wieħed mill-ikbar ġenji u għorrief tal-istorja umana. Nistgħu inqabbluh, fil-wisgħa tax-xogħol u l-iskoperti tiegħu, maż-żewġ ismijiet kbar l-oħra tax-xjenza: Arkimede u Albert Einstein.

Teoriji xjentifiċi

immodifika
 
L-ewwel edizzjoni tal-1704 tat-trattat Opticks fuq ir-riflessjoni, ir-rifrazzjoni, d-diffrazzjoni u t-teorija tal-lwien

Bejn l-1670 u l-1672, Newton studja r-rifrazzjoni tad-dawl u wera li priżma tal-ħġieġ jaqsam id-dawl abjad fi spettru ta' lwien, u li apparat b'żewġ priżmi kontra xulxin jerga' jgħaqqad l-ispettru ta' ħafna kuluri f'dawl abjad.

Isaac Newton għamel l-ewwel esperimenti tiegħu bid-dawl u d-dekompożizzjoni tiegħu fl-1666.[11] Għadda raġġ tax-xemx minn ġo priżma u kiseb qawsalla ta' kuluri tal-ispettru viżibblii. Sa dak iż-żmien kienu jaħsbu li dan jiġri għaliex il-priżma għandu l-kuluri moħbija ġo fih. Imma Newton induna li jekk jerġa' jgħaddi d-dawl minn priżma oħra imqiegħda kontra l-ewwel wieħed, il-qawsalla ta' dawl terġa' ssir dawl abjad. Din wasslitu għal konklużjoni rivoluzzjonarja: il-kulur qiegħed fid-dawl u mhux fil-ħġieġ. Jiġifieri, id-dawl abjad li naraw hu fir-realtà taħlita tal-kuluri kollha tal-ispettru li nistgħu naraw b'għajnejna. Wera wkoll li l-proprjetajiet tad-dawl ikkulurit ma jinbidlux meta jintefa' raġġ fuq xi oġġett. Newton innota li ma jimpurtax jekk id-dawl jiġix rifless, mifrux jew trażmess, hekk kif dan jibqa' dejjem l-istess lewn. Hekk sar jaf li l-kulur hu r-riżultat tal-interazzjoni bejn id-dawl li diġà għandu kulur u l-oġġetti, u mhux ħiereġ mill-oġġetti stess. Din jgħidulha t-teorija tal-kuluri ta' Newton.

Fl-1704 Newton ippubblika t-trattat tiegħu Opticks fejn, fost affarijiet oħra, spjega t-teorija korpuskolari tiegħu tad-dawl. Fiha ssopona li d-dawl hu magħmul minn korpuskoli ħfief ħafna u l-materja ordinarja hi magħmula minn korpuskoli itqal u ssuġġerixxa li dawn jistgħu jinbidlu f'xulxin. Fit-trattat spjega wkoll ir-rifrazzjoni u d-diffrazzjoni tad-dawl u t-teorija tal-kuluri.

 
Replika tat-teleskopju ta' 6 pulzieri (150 mm) li Isaac Newton ippreżenta lir-Royal Society fl-1672.

Il-ħidma tiegħu fil-qasam tal-istrumenti ottiċi ta' żmienu kienet importanti. Fl-1671 beda jtejjeb it-teleskopju riflettur ta' James Gregory. Mix-xogħol tiegħu fuq ir-rifrazzjoni, fejn wera d-dispersjoni tal-kuluri, ikkonkluda li t-teleskopji kollha bir-rifrazzjoni ibatu bid-dispersjoni tad-dawl u dan ħajru jistinka biex jevita l-problema. It-teleskopju riflettur bil-mera konkava li ħoloq illum insejħulu t-teleskopju ta' Newton. Newton kien jitħan il-mirja hu stess u biex iqies il-kwalità tax-xbieha ottika miksuba minhom kien juża' l-fenomenu li illum insejħulu ċ-ċrieki ta' Newton. L-ewwel verżjoni tat-teleskopju riflettur tiegħu kellu mera primarja konkava. Dan l-istrument kien ħafna aħjar mit-teleskopju astronomiku ta' Galileo billi kellu dijametru ikbar mingħajr bdil fl-immaġini. Fl-istess sena, ir-Royal Society stednitu jagħti dimostrazzjoni tat-teleskopju riflettur. Dan l-interess ħajjar lil Newton biex jippublika n-noti tiegħu fuq it-teorija tal-kuluri, li żviluppa iktar tard fit-trattat fuq l-ottika. It-teleskopju wrieh fl-1672.

Kien hemm minn ma qabilx ma' Newton. Robert Hooke malli nduna li x-xogħol ta' Newton fuq l-ottika kien qrib ix-xogħol tiegħu, beda jikkritika bil-kbir ċerti ideat ta' Newton. Dan xaba' mill-argumenti kontra tiegħu u rtira minn kull diskussjoni fil-pubbliku.[12] Iż-żewġt irġiel baqgħu għedewwa tul ħajjithom.

Mekkanika

immodifika
 
Statwa ta' Isaac Newton fit-Trinity College, Cambridge.

Fl-1677, Newton reġa' beda jaħdem fuq il-mekkanika, jiġifieri l-gravità u l-effetti tagħha fuq l-orbiti tal-pjaneti. Għal dan ix-xogħol mexa mal-liġijiet ta' Kepler fuq il-moviment tal-pjaneti u kkonsulta wkoll 'il Robert Hooke u 'l John Flamsteed.[13] F'Novembru tal-1684, bagħat 'il Halley trattat qasir ta' disa' paġni bit-titlu: De motu corporum in gyrum (Moviment tal-korpi jduru), fejn wera l-Liġi tal-invers kwadrat, il-forza ċentripeta u kien fih l-ewwel ħjiel tal-Liġijiet tal-moviment ta' Newton li nsibu aktar tard fix-xogħol kbir tiegħu Philosophiae Naturalis Principia Mathematica (li llum insibuh bl-isem Principia jew Principia Mathematica) li ħareġ fil-5 ta' Lulju 1687 bl-għajnuna finanzjarja u l-inkuraġġament ta' Edmond Halley. Il-metodi tal-kalkulu li uża fih kienu l-ewwel bidu tal-kalkulu vettorjali. Fil-ktieb tiegħu, fuq żewġ volumi, Newton stabbilixxa t-tliet liġijiet universali tal-moviment li baqgħu mingħajr bdil jew titjib għal żewġ sekli. Fih uża l-kelma bil-Latin "gravitas" li tfisser piż, biex jitkellem fuq l-effetti li llum insejħulhom gravità u ddefinixxa l-liġijiet tal-gravitazzjoni universali. Fl-istess xogħol ippreżenta l-ewwel determinazzjoni analitika, ibbażata fuq il-liġijiet ta' Edmond Halley u Robert Boyle tal-veloċità tal-ħoss.

Bil-Principia, Newton sar magħruf fuq skala internazzjonali u kiseb ċirku ta' ammiraturi. Fosthom kien hemm il-matematiku ta' oriġni Żvizzera, Nicolas Fatio de Duillier, li miegħu rabba ħbiberija kbira li damet sal-1693. Meta spiċċat din il-ħbiberija, 'il Newton qabditu depressjoni qawwija.

 
Philosophiae Naturalis Principia Mathematica

Isaac Newton huwa fuq kollox missier il-mekkanika moderna minħabba t-tliet liġijiet tal-moviment li jġibu ismu li nagħtu hawn taħt kif nitgħallmuhom illum:

  • Il-prinċipju tal-inerzja,
  • Il-prinċipju fundamentali tad-dinamika,
  • Il-prinċipju tal-azzjonijiet reċiproċi.

Dan tal-aħħar kultant insibuh bħala l-liġi tal-azzjoni reazzjoni.

Matematika

immodifika

Barra l-kontribuzzjonijet tiegħu fil-fiżika, Newton, fl-istess ħin ma' Gottfried Wilhelm von Leibniz, żviluppa l-prinċipji li waqqfu l-kalkulu infiniteżmali. Waqt li Newton ma ppubblika xejn fuq il-metodu tiegħu tal-flussjonijiet u s-suċċessjonijiet infiniti qabel l-1687, Leibniz ippubblika x-xogħol tiegħu fl-1684. Għalhekk hemm il-problema ta' min kien l-ewwel li għamel is-sejba. Però Newton fix-xogħol tiegħu, Principia, ppubblikat fl-1687, faħħar l-iskoperta ta' Leibniz waqt li rrikonoxxa li dan kien wasal għall-istess riżultati b'metodu analogu għal tiegħu.[14]

 
Isaac Newton (Bolton, Sarah K. Nies famużi tax-Xjenza New York: Thomas Y. Crowell & Co., 1889)

Minkejja dan, xi membri tar-Royal Society (li Newton kien membru tagħha) akkużaw lil Leibniz li kien ipplaġja lil Newton. L-argument ħareġ fil-beraħ fl-1711.[15] meta r-Royal Society fi studju stqarret li kien Newton li kien skopra l-metodu u li Leibniz kien impostur. L-argument ħassar il-ħajja ta' Newton u ta' Leibniz sakemm dan miet fl-1716.

Għal xi żmien, Newton kellu ħbiberija qawwija ma' Nicolas Fatio de Duillier li kien impressjonat ħafna bit-teorija tal-gravità. Fl-1691 dan beda jlesti verżjoni ġdida tal-Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica imma qatt ma' spiċċaha. Il-ħbiberija birdet ħesrem fl-1694. Dak iż-żmien Duillier kellu xi korrespondenza ma' Leibniz. Ma dan kollu f'mémoire ippublikat fl-1699, Duriez għaraf lil Newton bħala l-ewwel inventur tal-kalkulu infiniteżmali.

Newton huwa magħruf għat-Teorema Binomjali valida għall-potenzi kollha. Skopra wkoll l-identitajiet ta' Newton, il-metodu ta' Newton u kklassifika l-kurvi kubiċi fil-pjan (polinomi ta' ordni tlieta b'żewġ varjabbli). Kien l-ewwel wieħed li uża indiċi frazzjonarji fil-ġeometrija analitika biex isolvi l-ekwazzjonijiet Diofantini. Stima wkoll is-somom parzjali tas-serje armonika permezz tal-logaritmi (prekursur tal-famuża formola ta' Euler) u sab formola biex jikkalkula n-numru pi (π).

Fl-1699 inħatar professur Lucasjan[16] tal-matematika fl-Università ta' Cambridge. Dak iż-żmien kull min jgħallem Cambridge jew Oxford kien irid ikun qassis fil-knisja Anglikana. Imma waħda mill-kundizzjonijiet tal-katedra Lucasjana hi li min joħodha ma jistgħax jieħu sehem attiv fil-knisja (x'aktarx biex ikun jista' juża ħinu kollu għax-xjenza). Newton allura talab li jiġi eżentat mill-ħtieġa li jkun ordnat qassis u r-Re Karlu II tah il-permess li kellu bżonn. Hekk ġew evitati l-kunflitti bejn l-opinjonijiet reliġjużi ta' Newton u l-ortodossija Anglikana.

Il-liġi universali tal-gravità

immodifika
 
2 Orbiti u 2 ekklissi

Newton skopra l-liġi universali tal-gravità jew il-ġibda universali li hi l-kawża tal-moviment tal-pjaneti. Fl-1684 għarraf f'ittra indirizzata lil sieħbu Edmund Halley li kien solva l-problema tal-forza inversament proporzjonali għall-kwadrat tad-distanzi u dik tal-orbiti ellittiċi, miġjuba minn Kepler.[17]

Fl-1685, kiteb trattat qasir De motu corporum in gyrum (Fuq il-moviment tal-korpi jduru) li fih iddeskriva l-liġi tiegħu li tqħaqqad il-mekkanika terrestri mal-mekkanika ċelesti. Esprima din il-liġi b'mod simplifikat permezz ta' din l-espressjoni matematika:

 

fejn   hu l-vettur ta' norma wieħed li juri d-direzzjoni tal-moviment,   il-forza u   kostanti tal-proporzjonalità jew il-kostanti gravitazzjonali. Minn din il-liġi ħareġ it-tliet liġijiet ta' Kepler li bihom spjega il-moviment tal-pjaneti matul l-orbita tagħhom.

Waqt li x-xemx teżerċita l-forza tal-gravità fuq il-pjaneti, bil-maqlub il-pjaneti għandhom l-istess l-effett fuq ix-xemx. Skont it-teorija tal-gravità ta' Newton, l-oġġetti kollha tal-univers jiġbdu 'l xulxin. Newton kien induna li l-moviment tal-korpi ċelesti ma kienx kostanti u dan fetaħ it-triq għall-iżvilupp sekli wara għall-prinċipju tar-relattività minn Albert Einstein. Newton kien qal li l-pjaneti ma jgħaddux iżjed minn darba mill-istess orbita.

Teoloġija

immodifika

Il-liġi tal-gravità saret is-sejba l-iżjed magħrufa ta' Newton imma hu wissa kontra l-użu tagħha biex inħarsu lejn l-univers bħala sempliċi magna jew arloġġ kbir. Qal:

"Il-gravità tispjega l-movimenti tal-pjaneti, iżda ma tistax tispjega minn ġiegħel lill-pjaneti jimxu. Alla jiggverna l-ħwejjeġ kollha u jaf kull ma hu u kull ma jista' jsir."

Newton kiteb ukoll:

"Din is-sistema mill-isbaħ tax-xemx, pjaneti, u kometi, setgħet toħroġ biss mill-ħsieb u l-qawwa ta' Esseri intelliġenti. ... Dan l-Esseri jiggverna l-ħwejjeġ kollha, mhux bħala r-ruħ tad-dinja, iżda bħala Mulej fuq kollox; u minħabba l-qawwa tiegħu irid li jissejjaħ "Mulej Alla" παντοκρατωρ [pantokrator] jew "Mexxej Universali". ... Is-suprem Alla huwa Esseri etern, infinit, assolutament perfett[18]
"L-oppożizzjoni għar-reliġjon hu atejiżmu fl-istqarrija u fil-prattika. L-atejiżmu hu tant bla sens u tant mistmerr mill-umanità li qatt ma kien hemm ħafna li jistqarruh[19]."

Għalkemm hu iżjed magħruf għad-dedikazzjoni tiegħu għax-xjenza, il-Bibbja kienet l-ikbar imħabba ta' Newton. Hu ddedika aktar ħin għall-istudju tal-iSkrittura milli għax-xjenza, u qal, "Jien għandi twemmin fundamentali fil-Bibbja bħala l-Kelma t'Alla, miktuba minn dawk li kienu ispirati minnu. Nistudja l-Bibbja kuljum." Qatta' ħafna żmien jipprova jiskopri messaġġi moħbija fil-Bibbja.

Hemm opinjoni mifruxa li Newton kien Unitarjan u Arjan, u ma jaqbilx mad-domma tat-Trinità. Semma' "l-adorazzjoni ta' Kristu bħala Alla" fil-lista ta' "Idolatria" fil-pitazz teoloġiku tiegħu[20]. Hemm minoranza li huma tal-fehma li x'aktarx Newton fil-ħsieb tiegħu kien ħafna eqreb lejn kif il-Knisja Ortodossa tal-Lvant tħares lejn it-Trrinità milli kif iħarsu lejha il-knejjes Insara tal punent bħall-Kattoliċi, l-Anglikani u l-parti l-kbira tal-Protestanti[21].

Il-filosofija mekkanista ta' Newton u Boyle intlaqgħet tajjeb mill-propagandisti tar-razzjonaliżmu bħala alternattiva aċċettabbli għas-setet Panteisti u Entużjasti, u ġiet aċċettata wara xi reżistenza mill-kleru ortodoss kif ukoll mid-dissidenti bħall-Latitudinaristi[22]. Fiċ-ċarezza u s-sempliċità tax-xjenza sabu mod li bih setgħu jikkumbattu l-entużjażmu superstizzjuż ġej minn eċċess ta' emozzjoni u ta' metafiżika, kif ukoll it-theddida tal-atejiżmu[23].

L-attakki magħmula kontra l-ħsieb maġiku ta' qabel l-Illuminiżmu, u l-elementi mistiċi tal-Kristjaneżmu, kellhom is-sisien tagħhom fil-kunċett mekkaniku tal-univers ta' Boyle. Newton ipperfezzjona l-ideat ta' Boyle billi tahom provi matematiċii, u iktar importanti rnexxilu jagħmilhom popolari [24]. Newton ittrasforma d-dinja immexxija minn Alla intervenzjonista għal dinja maħluqa minn Alla li iddisinjaha fuq prinċipji razzjonali u universali[25]. Billi dawn il-prinċipji jista' jiskoprihom kulħadd, il-bniedem jista' jsegwi u jilħaq l-għanijiet tiegħu f'din il-ħajja, mhux f'li jmiss, u li jipperfezzjona ruħu bil-poteri razzjonali tiegħu stess [26]. Din il-possibbiltà li raw in-Newtonjani li jispjegaw d-dinja, kemm fiżika kif ukoll soċjali, permezz ta' kalkuli loġiċi biss, kien kruċjali għad-diżillużjoni li daħal fil-Kristjaneżmu[27].

Newton kien jara 'l Alla bħala ħallieq omnipotenti li l-eżistenza tiegħu ma setgħitx tiġi miċħuda quddiem il-grandjożità kollha tal-ħolqien[28]. Imma l-konsegwenza imprevista teoloġika ta' kif kien jara 'l Alla, kif irrimarka Leibniz, kien li Alla issa kien tneħħa kompletament mit-tmexxija tad-dinja, peress li ħtieġa ta' intervent turi biss imperfezzjoni fil-ħolqien t'Alla, li hu impossibbli għal ħallieq perfett u omnipotent[29]. Minkejja l-iskużi vagi, Alla kien tneħħa filosofikament mill-parteċipazzjoni fil-ħolqien tiegħu, u l-fehim tad-dinja issa tniżżel għal-livell tas-sempliċi raġuni tal-bniedem.

Min-naħa l-oħra, ideat Latitudinaristi u Newtonjani imbuttati sat-tarf iwasslu għall-Millenarjaniżmu, setta reliġjuża ta' nies iddedikati għall-kunċett ta' univers mekkaniku imma li jsibu fih l-istess entużjażmu u mistiċiżmu li l-Illuminiżmu tant iġġieled biex jeqred[30]. Newton stess forsi kien interessat fil- Millenarjaniżmu billi kiteb dwar il-Ktieb ta' Danjel u l-Ktieb tal-Apokalissi fil-kitba tiegħu "Osservazzjonijiet dwar il-profezziji"[31].

Il-kunċett ta' Newton tad-dinja fiżika pprovda mudell stabbli tad-dinja naturali li kien ħa jsaħaħ l-istabbilità u l-armonija fid-dinja ċivika[32].

Newton u Leibniz

immodifika
 
Gottfried Wilhelm von Leibniz

Il-kontoversja bejn dawn iż-żewġ ġganti tax-xjenza, Newton u Leibniz, fil-bidu tas-seklu 18 kienet iddur l-iżjed madwar żewġ punti. Il-punt l-inqas importanti kien fuq l-iskoperta li għamlu fl-istess ħin tal-kalkulu infiniteżmali, il-punt l-ieħor, wisq iżjed importanti u ġej minn raġunijiet profondi, kien l-argument fuq it-teorija tal-gravità. Minħabba l-fehma tiegħu ta' univers, għal Gottfried Wilhelm von Leibniz, il-moviment tal-pjaneti madwar ix-xemx kien immexxi miċ-ċirkulazzjoni armonika ta' eter fluwidu madwarha li jkaxkar miegħu il-kwiekeb.[33] Fil-fatt, il-metafiżika tiegħu ma ħallitux jikkonċepixxi spazju vojt, għax b'dan Alla jkun ħoloq xi ħaġa imperfetta ħafna (Leibniz iċċitat f'Koyré)[33]

Fuq dan il-punt il-Karteżjani kienu qrib il-Leibnizjani, u Roger Cotes matul din il-kontroversja kien isejħilhom it-tnejn "plenisti".[33] Henry More, filosfu tal-iskola msejħa tal-Platoniċi ta' Cambridge, minkejja li kien wieħed mill-ewwel li appoġġa 'l René Descartes fl-Ingilterra, kien ukoll wieħed mill-ewwel li oppona din l-idea u ħareġ favur "l-eżistenza effettiva tal-ispazju battal".[33] B'ċertu mod More fetaħ it-triq li fl-aħħar segwa Newton.

Id-diskussjoni min-naħa favur Newton kienet immexxija[33] minn xi nies qrib tiegħu bħal Samuel Clarke u Roger Cotes. Waslet għand Leibniz u l-Karteżjani imma dawn tal-aħħar ma wiġbux, u daret fuq il-kunċett ta' Alla u fuq l-idea viċina tal-libertà u r-razzjonalità. Hu importanti li nifhmu s-sens ta' din id-diskussjoni għaliex għal Alexandre Koyré ir-rebħa ta' Newton kienet Pirika u l-premju diżastruż "Hekk il-forza tal-attrazzjoni – li għal Newton kienet il-prova li l-mekkaniżmu waħdu mhux biżżejjed, xhieda ta' qawwiet superjuri mhux mekkaniċi, wirja tal-preżenza u l-għemil ta' Alla fid-dinja – ma baqgħetx hekk iżjed imma saret forza purament naturali, proprjetà tal-materja li saħħet iżjed il-mekkaniżmu minflok dgħajfitu".[33]

Skont Alexandre Koyré[33] id-differenza bejniethom fuq l-idea ta' Alla kienet ċara għal kollox: "L-Alla ta' Leibniz ma kienx il-Mulej Newtonjan li jaħdem fuq id-dinja l-ħin kollu bħal ma għamel l-Alla tal-Bibbja fl-ewwel sitt ijiem tal-Ħolqien. Kien, jekk nazzarda nkompli il-paragun, l-Alla Bibbliku fil-jum tas-Sabat meta kien wettaq xogħlu u sab li dan jirrapreżenta …l-aħjar mid-dinjiet possibbli…". Bil-maqlub għal Leibniz, kif kiteb Samuel Clarke, għal Newton id-Dinja tista' tittejjeb[33] u meta skopra l-liġijiet tal-ġibda universali ma sab l-ebda ħtieġa li dawn huma kif inhuma. Sempliċiment qal x'inhuma.

Dan it-tiftix mill-Leibnitzjani għal-liġijiet meħtieġa, skont Samuel Clarke, jinnegaw il-libertà tal-aġenti. Fir-raba' tweġiba lil Leibnitz, kiteb hekk: "Id-dutrina li nsibu hawn twassal għan-Neċessità u l-Fatalità, meta nissoponu li l-Mottivi għandhom l-istess effett fuq Aġent intelliġenti bħall-użin fuq il-miżien…. Imma l-Esseri intelliġenti huma Aġenti; m'humiex sempliċiment passivi u l-Mottivi ma jaġixxux fuqhom kif jaġixxu l-użin fuq il-miżien. Għandhom qawwa attiva…."[33]

Leibniz u ċerti Karteżjani Franċiżi bħal Nicolas Malebranche, kellhom l-idea li bir-raġuni tiegħu il-bniedem "jista' jsib xhieda tal-aħjar li Alla jista' jagħmel".[34] Bil-kuntrarju, għal Newton u n-Newtonjani, ir-raġuni aktarx tfittex u tosserva l-fatti u tispjegahom milli tipprova ssib spjegazzjonijiet totali. Newton kiteb fil-Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica "Jien nispjega sa hawn il-fenomeni tas-sema u dawk tal-baħar permezz tal-forza tal-gravità, imma mkien ma nagħti l-kawża tal-gravità."

Newton alkimista

immodifika
 
Newton, minn William Blake. Newton, ġeometra divin

Matul ħajjet Newton, l-istudju tal-kimika kien għadu fi tfulitu, u għalhekk meta Newton iddeskriva l-istudji sperimentali tiegħu uża lingwaġġ eżoteriku u terminoloġija vaga li hi assoċjata mal-alkimija. Kellhom jgħaddu għexieren ta' snin wara mewtu qabel ma saru l-esperimenti fl-istekjometrija, parti mix-xogħol pijunier ta' Antoine Lavoisier, u l-kimika analitika, bin-nomenklatura tagħha, saret tixbah il-kimika kif nafuha llum.

Ħafna mill-kitba ta' Newton fuq l-alkimija x'aktarx inħarqet meta l-laboratorju qabad in-nar. Għalhekk il-ħidma tigħu f'dan il-qasam setgħet kienet ikbar milli nafu biha issa. Barra minn dan, 'il Newton qabditu depressjoni nervuża fiż-żmiem li kien qiegħed jaħdem fl-alkimija. Xi wħud jaħsbu li kienet effett psikoloġiku li oriġinarjament l-alkimija kienet maħluqa biex ikollha waqt li oħrajn jgħidu li kienet xi sura ta' avvelenament kimiku (forsi bil-merkurju, ċomb, jew xi materjal ieħor).

Il-kitba ta' Newton iġġiegħlna naħsbu li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ħidma tiegħu fl-alkimija seta' kien is-sejba tal-Ħaġar Filosofali (materjal li kienu jemmnu li kien jibdel metalli mhux prezzjużi fid-deheb), u forsi naqra inqas, l-iskoperta tal-wisq mixtieq Eliżir tal-Ħajja.[35]

 
Inċiżjoni tal-1874 li turi l-ħruq tal-laboratorju ta' Newton.[36]

Xi tipi ta' alkimija kienu pprojbiti fl-Ingilterra matul il-ħajja ta' Newton, minħabba xi prattikanti bla skrupli li kienu jwegħdu lill-benefatturi għonja riżultati li qatt ma setgħu jintlaħqu biex jisolħulhom il-flus. Il-gvern Ingliż kien jibża' wkoll li jekk jinstab il-Ħaġar Filosofali, id-deheb imbagħad jitlef il-valur tiegħu, u għalhekk għamel pieni ħorox għal min jipprattika l-alkimija. F'ċerti każi il-kastig għall-prattika tal-alkimija bla permess kien ikun tgħallieq fuq forka ndurata imżejna bil-karti kuluriti.

Newton apposta ma ppubblikax il-ħidma tiegħu fil-qasam tal-alkimija għal din ir-raġuni u forsi minħabba l-biża' li x-xjenzati l-oħra jiflu u jikkritikaw ix-xogħol tiegħu. Kulħadd kien jaf li Newton kien jieħu għalih malajr meta jikkritikawh bħal ma ġara fil-bosta drabi li kkritikah Robert Hooke, u hu stess ammetta li ma tantx ried jippubblika informazzjoni sostanzjali fuq il-kalkulu qabel l-1693. Min-natura tiegħu kien perfezzjonista u ma kienx ikun irid jippubblika materjal li kien iħoss li mhuwiex komplut għal kollox, kif tixhed il-qabża ta' tletin sena mindu meta suppost għaraf l-kalkulu fl-1666 sa meta ppubblika x-xogħol komplut fl-1704, li kellu jwassal għall-polemika infami bejnu u bejn Leibniz.

Fl-1936, ġabra ta' xogħlijiet ta' Isaac Newton li qatt ma ġew ippubblikati, telgħu għall-irkant f'Sotheby, Londra. Din kienet ta' ċertu Gerard Wallop, id-disa' Earl ta' Portsmouth, u għalhekk huma magħrufin bħala l-"Portsmouth Papers". 'Il fuq minn terz minn dawn il-manuskritti hu fuq l-alkimija. Meta miet Newton, dan il-materjal intilef billi l-eredi tiegħu ma qisux tajjeb għall-pubblikazjoni u s-sejba tiegħu fl-1936 kienet sensazzjonali. Fl-irkant bosta mid-dokumenti nxtraw mill-ekonomista John Maynard Keynes, li matul ħajtu kien ġemma ħafna mill-kitbiet ta' Newton fuq l-alkimija.

Ta' min jinnota

immodifika

Isaac Newton ta ismu lil dawn:

  • Fil-Fiżika:
  • Fil-Matematika :
    • It-teorema binomjali ta' Newton, formola li tagħti l-iżvilupp ta'   f'serje għal n sħiħa u pożittiva. Newton oriġinarjament kien l-iżjed interessat fis-serje ta'   fejn il-poter hu numru reali.
    • Il-metodu ta' Newton-Raphson fl-analisi numerika, użat għall-kalkulazzjoni tal-valur approssimattiv ta' soluzzjoni ta' ekwazzjoni.
    • Il-metodu ta' Newton-Cotes fl-analisi numerika, li jestendi il-metodu tat-trapeżji u l-metodu ta' Simpson għall-kalkulazzjoni tal-integrali.
    • Il-poligonu ta' Newton, użat biex jinstabu t-termini fl-iżvilupp ta' funzjonijiet alġebrin, minkejja li l-metodu fil-fatt nafuh lil Puiseux.
    • Il-formula tal-interpolazzjoni ta' Newton.
    • It-teorija tal-potenzjal Newtonjan, isem mogħti minn Gauss lit-teorija li tgħaqqad fiha l-gravitazzjoni Newtonjana u l-elettrostatika ta' Coulomb, imsejħa wkoll it-teorija klassika tal-potenzjal.
  • Fl-Astronomija

It-teoriji ta' Newton baqgħu s-suġġett ta' kontroversji u polemiċi xjentifiċi matul is-seklu 18. Mill-1734, dawk li jżommu mas-sistema ta' Newton bdew jissejħu Newtonjani, bil-kontra tal-Karteżjani.

Il-poeta Ingliż, Alexander Pope (1688-1744) kiteb epitaffju fuq Newton li baqa' famuż:[37]

"Il-liġijiet tan-Natura kienu fil-lejl moħbija.

Qal Alla "jkun hemm Newton" u nkixfu bid-dija."

  • Newton kien alkimista akkanit. Imma l-familja tiegħu ħbiet id-dokumenti tiegħu f'dan il-qasam għax beżgħu li fil-futur dawn kienu ħa jnaqqsu mill-fama tiegħu.[38]
  • Newton sikwit jppreżentawh bħala veġetarjan ħerqan,[39] madanakollu m'hemm xejn li jappoġġja din l-ipoteżi ħlief xi riċetti mit-tobba lejn l-aħħar ta' ħajtu, iħajruh jiekol ikel ħafif.
  • Newton hu rikonoxxut li stabbilixxa l-liġi tal-gravità universali, imma hemm bżonn li ngħidu li għad hemm xi dubji dwar dan il-fatt. Fil-fatt, Newton dam jaħdem ma' Robert Hooke, u warrbu b'ċertu mod li l-iskoperta saret tiegħu biss. L-iskoperta waqqfet il-ħidma xjentifika ta' Hook.
  • Skont artiklu ppubblikat f'rivista Amerikana tal-psikjatrija fl-2000, Newton meta kellu ħamsin sena bata b'psikożi tal-persekuzzjoni.[40]

Xogħlijiet

immodifika
  • Xogħlijiet xjentifiċi
    • Method of Fluxions and Infinite series (Il-Metodu tal-Flussjonijiet u s-Serji infiniti): xogħol fuq il-kalkulu differenzjali, mitmum fl-1671 u ippubblikat wara mewtu fl-1736.
    • De motu corporum in gyrum (Fuq il-moviment tal-korpi jduru), mibgħut lil Edmund Halley fl-1684.
    • Philosophiae Naturalis Principia Mathematica, Londra, 1687, 2ni ed. 1713, 3et ed. 1726
    • Opticks, Londra, 1704. Dan wieħed mix-xogħlijiet l-iżjed importanti fl-istorja tax-xjenza. Jittratta d-dawl u l-kompożizzjoni tiegħu.
    • Arithmetica Universalis, ippublikat fl-1707 jiġbor fih xi kunċetti matematiċi.
    • Lectiones opticae, ippubblikat wara mewtu fl-1728.
  • Xogħlijiet oħra ippubblikati wara mewtu
    • A treatise of the system of the world (Trattat fuq is-sistema tad-dinja), ippublikat fl-1728.
    • The chronology of ancient kingdoms amended (Il-kronoloġija tas-saltniet tal-qedem ikkoreġuta), ippubblikat fl-1728.
    • Observations upon the prophecies of Daniel and the apocalypse of St John (Osservazzjonijiet fuq il-profeziji ta' Danjel u l-apokalissi ta' San Ġwann), ippubblikat fl-1733.
    • Two letters of Sir Isaac Newton to Mr Leclerc...containing a Dissertation upon the Reading of the Greek Text, ippubblikat fl-1754.
  • Xogħlijiet mhux ippublikati
    • Of Natures Obvious Laws & Processes in Vegetation (Fuq il-liġijiet evidenti tan-natura u l-proċess tal-veġetazzjoni) (1671–75), xogħol fuq l-alkimija.

Studji fuq il-personalità u x-xogħol ta' Newton

immodifika

Noti u Referenzi

immodifika
  1. ^ Billi l-Ingilterra kienet għadha m'addottatx il-kalendarju Gregorjan, id-data tat-twelid ta' Isaac Newton kienet irregistrata bħala l-25 ta' Diċembru 1642. Id-dati tal-25 ta' Diċembru 1642 u l-20 ta' Marzu 1727 li nsibu fuq il-qabar ta' Newton f'Westminster Abbey, għat-twelid u l-mewt tiegħu jirreferu għall-kalendarju Ġuljanu, u jikkorispondu mal-4 ta' Jannar 1643 u l-31 ta' Marzu 1726 tal-kalendarju Gregorjan.
  2. ^ La Loi de la gravitation universelle Newton, Euler et Laplace, Prosper Schroeder paġna 50 51
  3. ^ Dictionary of Scientific Biography, Vol. 11, paġna 43. Cohen, IB (New York: Charles Scribner's Sons - 1970)
  4. ^ Oeuvres complètes de Voltaire: Mélanges Vol 17, paġna 81 (Edizzjoni Lahure et Cie, Pariġi - 1860)
  5. ^ Dictionnaire universel d'Histoire et de Géographie. N. Douillet, paġna 1267 (Pariġi, Hachette - 1858)
  6. ^ Oeuvres complètes de Bernard Le Bouyer de Fontenelle, Vol I, parti I, paġna 387 (Pariġi, Belin - 1818)
  7. ^ Nouvelle Biographie générale: depuis les temps les plus reculés jusqu'à nos jours, Vol. 37, paġna 842 (Firmin-Didot, Pariġi - 1863)
  8. ^ Revue des deux mondes, Vol 6, paġni 541 sa 543 (Bureau de la revue des deux mondes, Pariġi - 1856)
  9. ^ Revue des Cours scientifiques de la France et de l'Etranger, Paġni 196&197 (Pariġi, germer Baillère, 1864-1865)
  10. ^ Monnaie et Histoire: Les univers des monnaies métalliques jusqu'à la Première Guerre Mondiale, Michel Aglietta (Università ta' Pariġi 10 - Nanterre EconomiX)
  11. ^ Nouvelle Biographie Générale: depuis les Temps les plus reculés jusqu'à nos jours, Murray u Nicolini, Vol 37, paġna 864 (Firmin Didot, Pariġi - 1863)
  12. ^ Ibid, paġna 867
  13. ^ Oxford Figures 800 Years of the Mathematical Sciences, John Fauvel, Raymond Flood, Robin J. Wilson, paġni 121 & 122 (Oxford University Press - 2000) (ISBN 0-19-852309-2)
  14. ^ L'Investigateur, paġni 136 u 137 (Journal de L'Institut historique de France - 1857)
  15. ^ Der Briefwechsel von Johann I Bernoulli, Band 3. P Costabel, Pierre Varignon, J. Peiffer, David Speiser, Otto-Spiess-Stiftung. Notes en français: paġni 541 & 542 (Birkhaüser - 1992)(ISBN 3-7643-2637-9)
  16. ^ Il-katedra twaqqfet fl-1663 minn Henry Lucas, li kien deputat fil-parlament għall-Università ta' Cambridge mill-1639 sal-1640, u kienet stabbilita uffiċjalment mir-Re Karlu II fl-1664. Lucas fit-testment tiegħu ħalla l-biblijoteka tiegħu li kien fiha 4,000 volum u stipula li tinxtara l-art biex tipprovdi 100 lira fis-sena għat-twaqqif ta' professorat.
  17. ^ Encyclopédie, ou dictionnaire raisonné des sciences, des arts et des métiers. De Denis Diderot, Jean Le Rond d' Alembert Vol 36, paġna 180. (Pellet, 1779)
  18. ^ Principia, Book III; iċċitat f' Newton’s Philosophy of Nature: Selections from his writings, (Il-filosofija ta' Newton tan-Natura:: Għażliet mill-kitba tiegħu), p. 42, ed. H.S. Thayer, Hafner Library of Classics, NY, 1953."
  19. ^ }} A Short Scheme of the True Religion, (Skema qasira tar-Reliġjon Vera) manuskritt iċċitat f' Memoirs of the Life, Writings and Discoveries of Sir Isaac Newton, (Memoirs tal-ħajja: Il-kitba u l-iskoperti ta' Sir Isaac Newton) minn Sir David Brewster, Edinburgh, 1850; iċċitat f' ibid, p. 65.
  20. ^ Westfall, Richard S. The Life of Isaac Newton, (Il-Ħajja ta' Isaac Newton), Cambridge U Press, 1993, ISBN 0-521-47737-9, p. 124
  21. ^ Pfizenmaier, T.C., "Was Isaac Newton an Arian?", (Newton kien Arjan?), Journal of the History of Ideas 68(1):57–80, 1997.
  22. ^ Jacob, Margaret C., The Newtonians and the English Revolution: 1689-1720, (In-Newtonjani u r-Rivoluzzjoni Ingliża: 1689-1720), p28.
  23. ^ Jacob, Margaret C., The Newtonians and the English Revolution: 1689-1720 (In-Newtonjani u r-Rivoluzzjoni Ingliża: 1689-1720), p37 and p44.
  24. ^ Westfall, Richard S. Science and Religion in Seventeenth-Century England, (Ix-Xjenza u r-Reliġjon fl-Ingilterra tas-Seklu Sbatgħax), Yale University Press, New Haven: 1958. p 200.
  25. ^ Fitzpatrick, Martin. ed. Knud Haakonssen. "The Enlightenment, politics and providence: some Scottish and English comparisons", (L-Illuminiżmu, il-pulitka u l-providenza: xi paraguni bejn l-iSkozja u l-Ingilterra), Enlightenment and Religion: Rational Dissent in eighteenth-century Britain, (L-Illuminiżmu u r-Reliġjon: Dissens Razzjonali fil-Brittanja tas-seklu tmintax), Cambridge University Press, Cambridge: 1996. p 64.
  26. ^ Frankel, Charles. The Faith of Reason: The Idea of Progress in the French Enlightenment, (Il-Fidi tar-Raġuni: L-idea ta' progress fl-Illuminiżmu Franċiż), King’s Crown Press, New York: 1948. p1.
  27. ^ Germain, Gilbert G. A Discourse on Disenchantment: Reflections on Politics and Technology, (Diskors dwar id-Diżillużjoni: Ħsibijiet fuq il-Pulitka u t-Teknoloġija), p28.
  28. ^ Webb, R.K. ed. Knud Haakonssen. "The emergence of Rational Dissent", (Il-feġġ tad-Dissens Razzjonali) Enlightenment and Religion: Rational Dissent in eighteenth-century Britain, (L-Illuminiżmu u r-Reliġjon: Dissens Razzjonali fil-Brittanja tas-seklu tmintax), Cambridge University Press, Cambridge: 1996. p19.
  29. ^ Westfall, Richard S. Science and Religion in Seventeenth-Century England, (Ix-Xjenza u r-Reliġjon fis-Seklu Sbatgħtax), p201.
  30. ^ Westfall, Richard S. Science and Religion in Seventeenth-Century England, (Ix-Xjenza u r-Reliġjon fis-Seklu Sbatgħtax), p201.
  31. ^ [1]
  32. ^ Jacob, Margaret C. The Newtonians and the English Revolution: 1689-1720, (In-Newtonjani u r-Rivoluzzjoni Ingliża: 1689-1720), p61.
  33. ^ a b ċ d e f ġ g From the Closed World to the Infinite Universe, Alexandre Koyré, Baltimore 1957
  34. ^ Roger Cotes Prefazju għat-tieni edizzjoni
  35. ^ Nova: Newton's Dark Secrets [2] PBS, USA, 2005
  36. ^ Alfred Rupert Hall, Isaac Newton: Eighteenth Century Perspectives, Oxford University Press, 1999, paġna 175. ISBN 0-19-850364-4.
  37. ^ Bl-Ingliż: Nature and nature's laws lay hid in night. God said "Let Newton be" and all was light.
  38. ^ Newton ou le triomphe de l'alchimie par Jean-Paul Auffray, Le Pommier editur, April 2000
  39. ^ Congrès International de la Protection de L'Enfance. Vol 1, paġna 195 (Durand et Pedone-Lauriel, Paris - 1883) (ISBN 1-4212-0198-4)
  40. ^ [3] Chronic Late-Onset Schizophrenia-Like Psychosis That Remitted: Revisiting Newton's Psychosis? -- Jeste, et al. 157 (3): 444 -- Am J Psychiatry


Ħoloq esterni

immodifika