Premju Nobel
Il-Premju Nobel (bl-Iżvediż: Nobelpriset) huwa unur internazzjonali li jingħata kull sena mill-gvern Żvediż. Il-premju jingħata lil persuni li jkunu ddistingwew ruħhom fid-diversi oqsma ta' għarfien, "li ġabu benefiċċji sostanzjali lill-umanità" bir-riċerki, bl-iskoperti u bl-invenzjonijiet, bix-xogħol letterarju tagħhom, jew bl-impenn li urew lejn il-paċi fid-dinja.
Dan il-premju ġie stabbilit fl-1901 skont l-aħħar xewqat ta' Alfred Nobel (1833-1896), inventur tad-dinamite.[1][2][3] Iċ-ċerimonja ssir fl-10 ta' Diċembru, fil-ġurnata tal-mewt tal-fundatur Żvediż.
Testment ta' Alfred Nobel
immodifikaMal-mewt tiegħu, Alfred Nobel ħalla wirt ta' 31 miljun krona, 94 % tal-assi kollha tiegħu. It-testment tiegħu, miktub fl-1895, ma jipprovdi l-ebda eredi dirett għall-wirt tiegħu, imma Alfred Nobel sejjaħ għal istituzzjoni li tippremja kull sena nies li taw l-impenn kbir tagħhom lejn l-umanità, li tejbu jew għamlu progress konsiderevoli fil-qasam tal-għarfien u l-kultura f'ħames dixxiplini differenti: il-paċi jew id-diplomazija, il-letteratura, il-kimika, il-fiżjoloġija jew il-mediċina, u l-fiżika. Barra minn hekk, it-testment jgħid li n-nazzjonalità tal-persuna li jieħu l-premju m'għandha tilgħab l-ebda parti fl-għoti ta' dan l-istess premju.
Il-Fondazzjoni Nobel twieldet fid-29 ta' Ġunju 1900. Din tara li timxi mal-aħħar xewqat tat-testatur, u tara li kollox jimxi skont ir-regoli fid-deżinjazzjoni tar-rebbieħa u tivverifika l-progress tan-nomina tagħhom. Il-Fondazzjoni nnifisha mhijiex involuta fl-għażla tan-nominati għall-premju. Din l-istituzzjoni privata hi eżenti minn kull taxxa fl-Iżvezja (mill-1946) u mit-taxxi tal-investiment fl-Istati Uniti (mill-1956). Mis-snin tmenin tas-seklu 20, l-investimenti tal-Fondazzjoni ġabu aktar profitt fejn sa Diċembru tal-2007, l-assi kkontrollati mill-Fondazzjoni Nobel kienu jammontaw għal 3.628 biljun krona (madwar 560 miljun dollaru Amerikan).
L-ewwel ċerimonja saret fl-1901 qrib l-akkademja rjali qadima tal-mużika ta' Stokkolma (iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi sar ġewwa Oslo). Mill-1902, il-premjijiet bdew jiġu mogħtija b'mod formali mir-Re tal-Iżvezja. Dawn il-premjijiet jingħataw waqt ċerimonja li ssir kull sena fl-10 ta' Diċembru. Madanakollu, l-ismijiet tar-rebbieħa jkunu diġà ġew imħabbra f'Ottubru mill-kumitati u mill-istituzzjonijiet li jagħmluha ta' ġurija. L-għotja tal-Premju Nobel twassal ukoll għar-rebħ ta' somma flus, li attwalment hija madwar 10 miljun krona Żvediża (ftit iktar minn miljun ewro).[4] Il-premju ta' flus kien intiż fil-bidu sabiex jistimola lir-rebbieħa biex ikomplu javvanzaw fil-qasam tagħhom u jibqgħu jaħdmu jew jagħmlu r-riċerki mingħajr il-pressjoni tal-ġbir tal-fondi.
Premjijiet
immodifikaIl-premjijiet bdew jingħataw mill-1901 għall-kategoriji segwenti:
- Fiżika (mogħti mill-Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi)
- Kimika (mogħti mill-Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi)
- Fiżjoloġija jew Mediċina (mogħti mill-Istitut Karolinska)
- Letteratura (mogħti mill-Akkademja Żvediża)
- Paċi (mogħti minn kumitat nominat mill-parlament Norverġiż)
Mill-1968, bi qbil mal-Fondazzjoni Nobel, il-Bank tal-Iżvezja (bl-Iżvediż: Sveriges Riksbank) beda jagħti wkoll il-Premju Nobel għall-Ekonomija. Minħabba li dan il-premju m'għandu l-ebda għeruq mix-xewqat ta' Nobel u ma jiġix iffinanzjat mill-fondi tal-familja Nobel, teknikament ma jistax jiġi kkunsidrat bħala Premju Nobel (il-membri attwali tal-familja ma jaċċettawx bħala wieħed mill-premjijiet Nobel). Mill-1968 ġie deċiż li ma jiġux miżjuda iktar kategoriji ma' dawk preżenti.
Kritika
immodifikaIl-Premju Nobel matul l-istorja ma kienx nieqes mill-kritika, partikolarment fl-istorja riċenti tiegħu. L-iktar kritika li tingħata hi fuq kif xi kultant il-premju ma jingħatax għall-merti tar-rebbieħ imma għall-"kumdità" politika, u b'hekk il-Premju Nobel jispiċċa jsir premju politiku.
Wieħed mill-aktar premjijiet kontroversjali kien dak tal-Premju Nobel għall-Paċi tal-2009 li ngħata lil Barack Obama. In-nominazzjonijiet kienu għalqu ħdax-il ġurnata wara li Obama kien beda uffiċjalment il-kariga ġdida tiegħu ta' President tal-Amerika. Obama stess stqarr li hu ma ħassx li kien jixraqlu dan l-unur. Dan il-premju lil Obama, flimkien ma' dawk li ngħataw preċedentament lil Jimmy Carter u Al Gore, wasslu għal akkużi ta' preferenzi xellugin.
Fost l-aktar Premju Nobel għall-Paċi kkritikat kien dak ta' Henry Kissinger u Lê Ðức Thọ, li aktar tard irrifjutaw dan il-premju. Dan wassal sabiex il-membri tal-Kumitat Nobel Norveġiż irriżenjaw. Ir-raġuni wara l-għotja tal-premju lil Kissinger u lil Thọ kien li kienu qabblu li jwaqqfu l-ġlied bejn il-Vjetnam ta' Fuq u l-Istati Uniti f'Jannar 1973. Madanakollu, meta dan il-premju ġie mħabbar, l-ostilità bejn dawn iż-żewġ naħat kienet għadha preżenti. Ħafna kritiċi kienu tal-opinjoni li Kissinger saħansitra kien aktar responsabbli li jqanqal il-gwerra milli jipprova jikseb il-paċi.
Yasser Arafat, Shimon Peres, u Yitzhak Rabin irċevew il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1994 għall-isforzi tagħhom sabiex tinkiseb il-paċi bejn Iżrael u l-Palestina. Skont il-ġurnalista Caroline Frost numru ta' kwistjonijiet, fosthom il-kundizzjoni gravi tar-refuġjati Palestinjani, ma ġewx indirizzati u ma ġiet stabbilita l-ebda paċi permanenti bejn Iżrael u l-Palestina. Immedjatament wara li l-unur ġie mħabbar ħames membri tal-Kumitat Nobel Norveġiż ikkundannaw lil Arafat bħala terrorista u rriżenjaw.
L-unur tal-2004 tal-Premju Nobel għal-Letteratura lil Elfriede Jelinek wassal għal protesta minn Knut Ahnlund, membru tal-Akkademja Żvediża. Dan tal-aħħar irriżenja u stqarr li l-għażla ta' Jelinek ikkawżat "ħsara irreparabbli għall-forzi progressivi kollha" u "kkonfondiet il-ħarsa ġenerali tal-letteratura bħala arti". Il-Premju Nobel għal-Letteratura tal-2009 lil Herta Müller ġab miegħu wkoll kritika, u skont il-Washington Post ħafna kritiċi u professuri letterarji Amerikani qatt ma kienu semgħu biha qabel. Din ħassbet lil ħafna li l-premjijiet huma influwenzati mill-perspettiva Ewropea.
Ħoloq esterni
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ "Alfred Nobel's will". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-10.
- ^ "All Nobel Prizes". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-10.
- ^ "Nomination and selection of Laureates in Economic Sciences". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-10.
- ^ "Press". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-10.