L-istudju tal-folklor jiġbor fih l-istħarriġ tad-drawwiet ta' popli jew komunitajiet li għexu flimkien u ħaddnu l-istess użanzi għal bosta ġenerazzjonijiet, fi żmien qabel ma' dik l-istess s-soċjetà industrijalizzat ruħha. Biex wieħed jagħti eżempju sempliċi, fl-istudju tal-folklor wieħed jiktellem dwar produzzjoni ta' oġġetti magħmula bl-idejn u mhux bil-magni almenu mhux makkinarju modern. L-istess jekk wieħed jistudja is-sajd, wieħed jitkellem fuq is-sajd artiġjanali u mhux is-sajd bit-trawlers.Il-folklor hu l-istudju etnografiku ta' poplu jew komunità u mhux ta' individwi. Il-folklor jirrigwarda dak il-livell tal-istorja li titbiddel bil-mod, ħafna aktar mill-istorja politika li tista' tinbidel b'daqqa ta' pinna jew b'mod vjolenti.

Barnuża Ħamra mill-pittur Jessie Willcox Smith

Żviluppi li saru dan l-aħħar fl-analażi ta’ miti u aspetti ta’ lingwistika u antropoloġija taw sehem importanti fl-istudju tal-folklor bħala eżaminazzjoni ta’ ħolqien ta’ sistemi folk ta’ interpretazzjoni u espressjoni tar-realtà. Il-folklor huwa meqjus bħala l-fdalijiet magħrufa minna ta’ drawwiet qodma li baqgħu jgħixu barra minn żmienhom. Ħafna drabi dawn id-drawwiet huma marbutin ma’ klassi soċjali speċifika u etnika. Ħafna jassoċjaw element romantiku ma’ din il-kelma minħabba li min-natura tagħha ġġib sens ta’ nostalġija għall-imgħoddi. F’pajjiż żgħir bħal Malta, il-folklor jitqies bħala aspett importanti ħafna fit-tiswir ta’ l-identità Maltija. B’xi mod nistgħu ngħidu li l-folklor jiġbor fih modi ta’ għajxien imxierka li fihom jieħdu sehem ġemgħat speċifiċi ta’ individwi u b’hekk jikkonsolidaw il-kultura tagħhom. B’kultura hawnhekk nifhmu modi ta’ għajxien imxierek.

Il-folklor huwa dak l-arkivju li mhux dejjem ssibu miktub. Kultant din l-informazzjoni dwar il-folklor tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra b'mod orali. L-antik jibqa' b'hekk, fil-memorja kollettiva tal-poplu.

Folklor Malti

immodifika

Studjuzi tal-folklor Malti, fosthom Luigi Bonelli, Hans Stumme, Bertha Ilg, Fr. Manwel Magri, Ġuże Cassar Pullicino, Guido Lanfranco, Manwel Mifsud Chirkop, Tarcisio Zarb, Anton F. Attard, u Charles Coleiro fost oħrajn studjaw aspetti differenti tal-folklor Malti u ippruvaw ta’ sikwit jiskopru l-oriġini tal-użanzi, b’enfasi partikolari fuq l-oriġini Romanza jew l-oriġini Semitika ta’ dawn l-istess drawwiet.

It-Tramuntana tal-Afrika, Sqallija, l-Italja u Spanja kif ukoll Rodi jitqiesu bħala l-pajjiżi ta’ l-oriġini tal-element folkloristiku Rumanz fil-kultura Maltija. Il-ħakma Għarbija, ħalliet residwu fil-folklor Malti, fosthom l-istejjer ta' Ġaħan. Minn żmien il-Medjuevu, sa żmien l-Ordni ta' San Ġwann hemm mistur l-oriġini ta' ħafna drawwiet bħal ma ngħidu aħna, il-bikkejja li kienu jakkumpanjaw il-mejjet fil-funeral. Hemm folklor aktar riċenti, dak ta' żmien l-Ingliżi.

Il-ħajja mit-twelid sal-mewt

immodifika

Wieħed jista' jiġbor il-folkor kollu f'dokument wieħed u jintitolah: 'Il-Ħajja ta' Dari'. Fih wieħed jista' jirrakkonta l-użanzi tal-bniedem minn meta jitwieled sakemm imut. Hekk insibu illi fil-folkor Malti hemm marbuta ħafna użanzi mal-liturġija tal-Knisja, il-biedja u s-sajd, il-bini, u l-mod ta' kif il-familja kienet tgħix.

Ir-riti reliġjużi u l-mod ta' kif dawn ikunu kkumplimentati mill-poplu jgħaqqdu volumi sħaħ. Ngħidu aħna, l-użanzi fil-magħmudija, fil-preċett, fiż-żwieġ u l-funerali, kollha għandhom ir-ritwal reliġjuż tagħhom li jmur lura mijiet tas-snin. Xi wħud minn dawn l-użanzi imbidlu. L-għemejjel u  l-ħsibijiet, kultant superstizzjużi, kienu barra r-regoli tal-Knisja. Biex nagħtu eżempju, insemmu il-ġilwa tat-tieġ, jiġifieri l-purċissjoni li kienet issir mid-dar tal-għarusa sal-knisja ftit qabel iċ-ċerimonja taż-żwieġ, it-tbaħħir tad-dar bil-weraq taż-żebbuġ, jew inkella, il-ġarr tal-amuletti kontra l-għajn ħażina.  

Logħob tat-tfal

immodifika

Agius de Soldanis fid-Damma, id-dizzjunarju tiegħu li kiteb bejn 1659 u l-1670, isemmi bosta logħbiet tat-tfal, xi wħud minnhom għadhom jintlabu sal-lum, oħrajn li ntesew. Fost dawn isemmi l-gardinaw, speċi ta' logħba bħall-ħarba. Logħba oħra antika hi in-noli. Ftit jafu li l-isem ta' din il-logħba ġej mit-Taljan, għaliex meta t-tifel li jfittex lil sħabu kien jgħajjat: tu li? ir-risposta kienet tkun no li, le mhux hemm!' Anki l-kbar kellhom u għad għandhom il-logħob tradizzjonali tagħhom, bħal ma nsemmu il-logħob tal-brilli u l-logħob tal-boċċi.

Għajdut u leġġendi

immodifika

Ħafna drabi l-antiki kienu jħobbu jinterpretaw dak li ma jifhmux bi qlajjiet u stejjer, biex jissodisfaw, b'mod kif jifhmu huma l-misteri tal-ħajja. Per eżempju, wieħed kien jipprova jaqta' t-temp bl-irwiegel li kienu interpretati fil-jiem ta' qabel il-Milied. In-natura tat-temp ta' kull wieħed mit-tnax-il jum ta' qabel il-Milied kien suppost jirrifletti it-temp ta' kull xahar tas-sena ta' wara. Stejjer li kienu jingħadu lit-tfal, biż-żmien saru leġġendi u llum jagħmlu parti mill-folkor Malti. Hekk insibu l-istorja ta' kif saret il-ħofra tal-Maqluba li hemm qrib il-Qrendi, jew ta' kif inbnew it-tempji preistoriċi.

Kant u żfin

immodifika

In-nies riedu mhux biss jaħdmu biex jaqilgħu x'jieklu, iżda anki jiddevertu, biex forsi b'hekk ineħħu ftit mill-monotonija tal-ħajja. Il-Maltin, bħal popli oħra fittxew il-kant u l-mużika biex jiddevertu, l-aktar fil-festi. L-għana, kien popolari ħafna u kien jitkanta ġewwa l-ħwienet tat-te, jew fuq xi għatba, jekk mhux ukoll f’xi festa. Hemm l-għana tal-fatt, fejn isir rakkont ta' ġrajja vera; l-għana spirtu pront, fejn żewġ għannejja jew aktar jgħannu b'versi li jagħtu botta u risposta li jivvintaw dak il-ħin fil-pront. Hemm ukoll l-għana msejjaħ, ala Bormliża, fejn l-għannej ikanta b'noti għoljin daqs li kieku ser jaqla' l-garġi

Fost ħafna modi kif il-folklor wasal għandna, hu mill-qwiel. Il-qwiel jirreferuna għal kull aspett tal-ħajja ta' dari. Bihom, ta' qabilna għaddew kwantità kbira ta' twissijiet siewja dwar x'għandna u x'ma għandniex nagħmlu f'kull tip ta' sitwazzjoni tal-ħajja. Il-kalendarju tal-bidwi kien imsaħħaħ bil-qwiel, ibbażat fuq l-esperjenza ta' minn ġarrab is-suċċessi u l-fallimenti tal-biedja. L-istess f'kull sitwazzjoni oħra, biex wieħed seta' jevita l-inkwiet kien u għadu jdur għall-qwiel.  

Ma' dawn l-eżempji nistgħu inżidu lista sħiħa, bħas-snajja’ jew l-ikel li kien jittiekel. Il-folklor hu dak it-teżor ta' informazzjoni dwar il-ħajja tal-passat. Il-folklor jibqa' dejjem is-sinsla tal-mod kif il-pajjiż, il-poplu jew il-komunità żvilupaw biex saru dak li huma llum.

Biblijografija dwar il-folkor Malti

immodifika
  • Agius W. Albert, Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħra. BDL. 2004.
  • Attard Anton F., Mid-Dinja tas-Seħer. A. & M. Printing Press, Qala, Għawdex. 2002.
  • Attard Anton F., Mill-Ħajja tal-Imgħoddi. A. & M. Printing Press, Qala, Għawdex. 1991.
  • Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1992.
  • Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta' Lsieni.Klabb Kotba Maltin. 2005.
  • Gatti Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta' Lsieni 2.Klabb Kotba Maltin. 2015.
  • Grima Lily, (tradott u editat) Stumme's Folktales from Malta. Malta University Publishing. 2019.
  • Lanfranco Guido, Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-tfal Maltin. Wise Owl Publication.
  • Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN. 2004.
  • Mallia Fiona, Il-Kultura Maltija. Klabb Kotba Maltin. 2012.
  • Micallef Denise, Malta - mitt sena ilu. PEG.1986.
  • Pisani Ġorġ. Għawdex Joħlom fil-Leġġendi - L-ewwel ġabra ta' leġġendi Għawdxin.PIN. 1999.
  • Spiteri Charles B. Drawwiet u Tifkiriet. BDL. 2015.
  • Zarb Tarcisio, Folklore of An Island - Maltese Threshold Customs. PEG. 1998.