Bolonja
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Bolonja hi belt Taljana b'xi 375000 abitant, li qiegħda fil-majjistral tal-pajjiż, bejn ix-xmara Po u l-Apennini. Hi l-kapitali tal-provinċja tal-istess isem u tar-reġjuni tal-Emilia-Romagna u waħda mill-bliet prinċipali tal-Italja.
Bolonja | |||
---|---|---|---|
Italja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Italja | ||
Region of Italy | Emilia-Romagna | ||
Metropolitan city of Italy | Metropolitan City of Bologna (en) | ||
Kap tal-Gvern | Matteo Lepore (en) | ||
Isem uffiċjali | Bologna | ||
Ismijiet oriġinali | Bologna | ||
Kodiċi postali |
40121, 40122, 40123, 40124, 40125, 40126, 40127, 40128, 40129, 40131, 40132, 40133, 40134, 40135, 40136, 40137, 40138, 40139u 40141 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 44°29′38″N 11°20′34″E / 44.4939°N 11.3428°EKoordinati: 44°29′38″N 11°20′34″E / 44.4939°N 11.3428°E | ||
Superfiċjenti | 140.86 kilometru kwadru | ||
Għoli | 54 m | ||
Fruntieri ma' | Calderara di Reno (en) , Casalecchio di Reno (en) , Castenaso (en) , Pianoro (en) , Sasso Marconi (en) , Zola Predosa (en) , Anzola dell'Emilia (en) , Castel Maggiore (en) , Granarolo dell'Emilia (en) u San Lazzaro di Savena (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 387,971 abitanti (1 Jannar 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
051 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Leipzig, Żagreb, Bari, Valencia, Thessaloniki, St. Louis, Kharkiv, La Plata (en) , San Fele (en) , Pollica (en) , Tuzla, Coventry, Hamamatsuu Meknès | ||
comune.bologna.it |
L-università ta' Bolonja, li twaqqfet fl-1088, hi l-università l-iżjed antika tal-punent. Minħabba dan tlaqqmet La Dotta (l-għarfa). Il-belt għandha żewġ laqmijiet oħra La Rossa (il-ħamra), minħabba s-soqfa ħomor tat-terrakotta u wkoll minħabba l-politika xellugija tagħha, u La Grassa (il-ħoxna) minħabba l-ikel eċċellenti.
L-abitanti tagħha huma l-Bolonjiżi. Huwa kurjuż li l-platt li jissejjaħ spaghetti Bolognese ma jeżistix fil-kċina Bolonjiża. Kull sena fir-rebbiegħa f'Bolonja ssir fiera magħrufa internazzjonali tal-kotba għat-tfal, La Fiera del Libro per Ragazzi.
Ġeografija
immodifikaBolonja tinstab f'żona ta' pjanuri u għoljiet, bejn il-wied tar-Reno u dak tas-Savena. Il-komun jinqasam f'disa' kwartieri: Borgo Panigale, San Donato, San Vitale, Sàvena, Navile, Porto, Saragozza, Santo Stefano, Reno.
Storja
immodifikaBolonja twaqqfet mill-Etruski bl-isem ta' Felsina fl-534 QK f'żona abitata mill-qedem mill-poplu ta' Villanova, razza ta' bdiewa u rgħajja. Il-belt Etruska kibret madwar santwarju mibni fuq għolja, li kienet mdawra b'nekropoli. Fir-raba' seklu QK il-belt intrebħet mill-Galli Boj, minn fejn ġej l-isem antik tagħha, Bononia, li taw ir-Rumani lil din il-kolonja li rebħu fil-191 QK. 3000 familja ta' koloni Rumani mmexxijin mill-Konsli Lucius Valerius Flaccus, Marcus Atilius Seranus u Lucius Valerius Tappo, ġew joqogħdu f'din il-kolonja ġdida Rumana. Il-bini tal-Via Æmilia fil-187 QK għamlet ‘il Bolonja salib it-toroq importanti, magħquda ma' Arezzo bil-Via Flaminia u ma' Aquileia bil-Via Aemilia Altinate.
Fit-88 QK, il-belt saret municipium. Hi nbniet f'toroq dritti b'sitt cardi u tmien decumani, li għadhom jagħmlu l-istruttura tagħha s'issa. Il-belt kellha xi 10,000 abitant taħt l-Imperu Ruman, kif ukoll bosta tempji, termi, teatri u arena. Skont Pomponju Mela, Bononia kienet fost il-ħames bliet opulentissimae ( l-iżjed għonja) tal-Italja. Il-belt reġgħet inbniet minn Neruni wara li nħarqet.
Wara li marret lura għal żmien twil, Bolonja twieldet mill-ġdid fis-seklu V bil-ħeġġa tal-isqof Petronju, li bena l-knisja ta' San Stiefnu. Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman, Bolonja nbidlet f'fortizza fuq il-fruntiera tal-Esarkat ta' Ravenna fil-Pjanura Padana. Il-belt kienet protetta bis-swar imma dawn ma kinux jipproteġu r-rovini tal-belt antika Rumana. Fis-728 il-belt intrebħet minn Liutprando, Re tal-Lombardi, li għaqqadha mar-renju tal-Lombardi.
Fis-seklu XI, Bolonja kellha perijodu ġdid ta' kobor u saret Komun li nagħqdet mal-Lega Lombarda fl-1164 biex tiġġieled kontra Federiku Barbarossa. Fl-1088 inħolqot l-Università ta' Bolonja, li hi issa l-eqdem università tal-Ewropa. Bosta nies famużi kienu jistudjaw hemm fil-Medju Evu bħal Irnerio, Dante, Boccaccio u Petrarca. Fis-seklu XII, l-iżvilupp tal-belt ħtieġ swar ġodda u sar tkabbir ieħor fis-seklu XIV.
Fl-1256 Bolonja għaddiet il-Legge del Paradiso ("Liġi tal-Ġenna"), li neħħiet il-jasar fewdali u ħelset l-iskjavi bil-flus tal-belt. Fl-stess żmien il-qalba tal-belt inksiet bit-torrijiet, mibnija mill-familji għonja u qawwija tal-belt biex juru l-qawwa tagħhom, u bil-bini pubbliku, knejjes u abaziji. Dan it-tkabbir u din l-għana fl-1294 għamlu l-belt waħda mill-iżjed popolati tal-Ewropa.
Bħall-biċċa kbira tal-komuni tal-epoka, Bolonja kienet maqsuma bil-ġlied intern li wassal għat-tkeċċija tal-familja tal-Ghibellini fl-1274. Wara li tħarbtet fil-battalja ta' Zappolino mill-forzi ta' Modena fl-1325, Bolonja bdiet tmur lura u talbet il-protezzjoni tal-Papa fil-bidu tas-seklu XIV.
Wara s-snin henjin taħt il-gvern ta' Taddeo Pepoli (1337-1347), Bolonja waqgħet f'idejn il-Visconti, imma reġgħet taħt l-awtorità Papali bil-Kardinal Gil de Albornoz fl-1360. Is-snin li missu raw ħafna bdil bejn gvernijiet repubblikani (bħal ta' 1377, li bena l-Bażilika ta' San Petronju u l-Loggia dei Mercanti) u l-ħakma papali jew tal-Visconti. Matul daż-żmien, il-familji qawwijin tal-belt kienu mitlufin fi ġlied fratriċidu għall-kontroll tagħha. F'nofs is-seklu XV, il-familja Bentivoglio kisbet il-poter biż-żewġ membri Sante (1445-1462) u Giovanni II (1462-1506). Dak il-perijodu kien l-iżjed fjorenti tal-belt, bil-preżenza ta' arkitetti u pitturi famużi ġol-ħitan tagħha, li bidlu ‘l Bolonja f'veru belt tar-Rinaxximent.
Ir-renju ta' Giovanni II spiċċa fl-1506 waqt li t-truppi papali ta' Ġulju II kienu qegħdin jassedjaw u jħarbtu l-belt. Minn dik id-data sas-seklu XVIII, Bolonja kienet tagħmel parti mill-istati papali u kienet immexxija minn Cardinal legato u Senat li kull xahrejn kien jagħżel gonfaloniere (imħallef), megħjun minn tmien konsli iżjed anzjani. Il-prosperità tal-belt baqgħet tikber, allavolja fit-tmiem tas-seklu XVI il-pesta naqqset il-popolazzjoni minn 72 000 għal 59 000 abitant. Din il-prosperità rriżultat f'ħafna bini importanti, bħal Piazza Nettuno u l-Palazzo dei Banchi fl-1564. Il-ħakma papali rat il-bini ta' ħafna knejjes u stabbilimenti reliġjużi oħra ġodda u r-rinnovazzjoni tal-antiki. B'96 kunvent Bolonja kellha r-rekord tal-Italja. Il-pitturi li kienu jaħdmu Bolonja waqfu l-Iskola Bolonjiża li fosthom kien hemm Annibale Carracci, Domenichino, Guercino u pitturi oħra famużi.
Taħt Napuljun, Bolonja saret il-kapitali tar-“Repubblica Cispadana”. Wara l-waqgħa ta' Napuljun, Bolonja reġgħet marret taħt il-papa u rribellat kontrih fl-1831 u għal darb'oħra fl-1849. Il-Papa Piju IX żar il-belt fl-1857. Bolonja vvotat li tingħaqad mar-Renju ta' Sardinja fit-12 ta' Ġunju 1859, u hekk ħadet parti fir-Risorgimento. Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-istorja ta' Bolonja hi mħallta ma' dik tal-Italja.
Matul is-Snin taċ-Ċomb, l-Attentat ta' l-Istazzjon ta' Bolonja (magħruf fl-Italja bħala la strage di Bologna) kien wieħed mill-iżjed attentati terroristiċi importanti li laqtu l-Italja. Dan ġara fit-2 ta' Awwissu, 1980 fl-10.25 ta' filgħodu. Fih mietu 85 ruħ u kien hemm iżjed minn 200 ferut. Xi membri ta' grupp tal-lemin estrem kienu kkundannati għall-attentat.
Bolonja llum hi qalba kulturali importanti imma wkoll ċentru kummerċjali, industrijali u tal-komunikazzjoni. Fil-bidu tas-seklu XXI is-swar qodma twaqqgħu biex jinbena vjal u djar ġodda.
Ekonomija
immodifikaEkonomikament, Bolonja hi belt prospera ħafna. Hi l-kapitali ta' reġjun għani u dinamiku, minħabba r-riċerka u l-innovazzjoni. Għandha attività industrijali kbira (30% tal-impjegati fl-1998) b'xi gruppi prestiġjużi bħal Ducati u Lamborghini fis-settur awtomobilistiku u Borbonese fis-settur tal-moda. Il-belt għandha wieħed mill-ikbar parks għall-wirjiet fl-Ewropa. Bolonja hi wkoll ċentru kulturali u turistiku importanti minħabba l-istorja u l-monumenti sbieħ tagħha.
Bolonja għandha wkoll l-vantaġġ tal-pożizzjoni tagħha ta' salib it-toroq Ewropej. Hi fil-qalba tax-xibka tal-awtostradi tat-tramuntana tal-Italja ( A1, A13 u A14 ), imma qiegħda anki fuq il-linja tal-ferrovija l-iżjed importanti tal-Italja. Fl-aħħar mill-ajruport tagħha "G. Marconi", li qiegħed 6 km 'il bogħod mill-belt, hemm titjiriet nazzjonali u internazzjonali.
Kultura
immodifikaIl-monumenti tal-belt
immodifikaBolonja hi waħda mill-bliet medjovali l-iżjed preżervati tal-Ewropa, u għalhekk għandha valur storiku kbir. Minkejja l-ħsara konsiderevoli li saret mill-bumbardamenti tal-1944, iċ-ċentru storiku ta' Bolonja, hu wieħed mill-ikbar ta' Ewropa, u fih hemm rikkezzi sew medjovali, kif ukoll Rinaxximentali u Barokki.
- Il-Piazza Maggiore hi l-pjazza prinċipali tal-belt. Il-forma tagħha attwali ġejja mis-seklu XV u fiha l-bini medjovali ewlenin tal-belt. Fil-fatt il-Palazzo d'Accursio, il-Bażilika ta' San Petronju, il-Palazzo dei Notai, il-Palazzo del Podestà u l-Palazzo dei Banchi jagħtu fuq din il-pjazza. Il-pjazza hi maġenb pjazza oħra notevoli tal-belt, il-Piazza Nettuno.
- Il-Palazzo d'Accursio, li jgħidulu wkoll Palazzo Comunale, hu s-sede tal-muniċipju ta' Bolonja. Fil-bidu kien ir-reżidenza ta' Francesco d'Accursio, imma ma damx ma sar iċ-ċentru tal-poter Bolonjiż. Il-palazz li ra l-inkoronazzjoni ta' Karlu V, għandu bosta affreski li jirrakkontaw l-istorja tal-belt.
- Il-Bażilika ta' San Petronju hi l-ikbar waħda tal-belt u l-ħames waħda fid-dinja. Il-Bażilika, li bdiet tinbena fl-1390, qiegħda fil-Piazza Maggiore. Il-kisi tal-faċċata tagħha bl-irħam qatt ma tkompla.
- Il-Palazzo dei Banchi hu palazz tas-sekli XV/XVI li qiegħed ukoll fil-Piazza Maggiore.
- Il-Palazzo dei Notai hu palazz li nbena mis-soċjetà tan-Nutara fl-1381. Waħda mill-faċċati tranġat fl-1437, u l-bini sħiħ kien rinnovat fil-bidu tas-seklu X.
- Il-Funtana ta' Nettunu ( La Fontana del Nettuno ) hi skultura monumentali tal-bronż, maħduma mill-iskultur Fjamming manjerista, Jean de Boulogne, imlaqqam Giambologna, bejn l-1563 u l-1537 u ordnata mill-Kardinal Carlo Borromeo.
- Il-Palazz tar-Re Enzo ( Palazzo Re Enzo ) inbena fl-1245, u serva ta' ħabs għar-re Enzo ta' Sardinja sa' mewtu fl-1272. Qiegħed maġenb il-Palazzo del Podestà.
Personalitajiet u Sport
immodifikaNies Famużi
immodifikaArtisti u Sportivi | Politiċi u Xjenzjati |
---|---|
|
|
Sport
immodifikaGħalkemm il-futbol hu r-re tal-isport fl-Italja, Bolonja tispikka fil-Basket-ball. Infatti l-belt hi mlaqqma "Basket City" u dan minħabba ż-żewġ klabbs tal-Basket-ball : Virtus Bologna u Fortitudo Bologna. Dawn iż-żewġ timijiet huma fost l-aħjar fl-Italja u wkoll fl-Ewropa b'xi rebħiet fit-Tazza tal-Ewropa. Madankollu l-belt għandha klabb tal-futbol, Bologna FC 1909, imma dan daż-żmien m'għandux suċċess kbir u qiegħed fis-Serie B.