Ottorino Respighi
Ottorino Respighi (Bolonja, 9 ta' Lulju 1879 – Ruma, 18 ta' April 1936) kien kompożitur, mużikologu u direttur mużikali Taljan. Hu l-iktar magħruf għat-Triloġija Orkestrali Rumana tiegħu: Fontane di Roma, Pini di Roma u Feste Romane. L-interess qawwi li kellu fil-mużika tas-sekli 16, 17 u 18 wassluh sabiex jikkomponi bċejjeċ mużikali bbażati fuq dawn il-perjodi.
Studja l-kompożizzjoni ma' Giuseppe Martucci u Nikolai Rimsky-Korsakov. Diversi sorsi jindikaw li għal perjodu qasir studja wkoll ma' Max Bruch, però fil-bijografija tal-kompożitur, mart Respighi tgħid li dan mhuwiex minnu. Waqt li sal-1908 kien primarjament vjolinista, wara sar primarjament kompożitur.
Bijografija
immodifikaOttorino Respighi twieled Bolonja, l-Italja. Missieru, li kien l-għalliem lokali tal-pjanu, għallmu l-pjanu u l-vjolin. Hu kompla jistudja l-vjolin u l-vjola ma' Federico Sarti fil-Liceo Musicale ta' Bolonja, il-kompożizzjoni ma' Giuseppe Martucci u studji storiċi ma' Luigi Torchi, studjuż ta' mużika antika. Sena wara li ġab diploma fil-vjolin fl-1899, Respighi mar ir-Russja biex idoqq bħala l-vjolinista prinċipali mal-orkestra tat-Teatru Imperjali Russu f'San Pietruburgu matul l-istaġun tagħha tal-opra Taljana. Waqt li kien hemm studja għal ħames xhur ma' Rimsky-Korsakov. Wara dan, Respighi reġa' lura lejn Bolonja fejn ġab it-tieni diploma tiegħu fil-kompożizzjoni. Sal-1908, l-attività prinċipali tiegħu kienet bħala l-prim vjolinista tal-Kwintett Mugellini. Bejn l-1908 u l-1909 qatta' xi żmien idoqq il-Ġermanja qabel irritorna lejn l-Italja u beda jikkonċentra b'mod esklussiv fuq il-kompożizzjoni.
Meta laħaq professur tal-kompożizzjoni fil-Conservatorio di Santa Cecilia fl-1913, Respighi mar joqgħod Ruma u għex hemm għal bqija ta' ħajtu. Fl-1917, il-fama tiegħu bdiet tinfirex minħabba diversi eżekuzzjonijiet internazzjonali tal-ewwel fost il-poeżiji toniċi Rumani tiegħu, Le fontane di Roma. Fl-1919, hu żżewweġ studenta tal-passat tiegħu, il-kantanta Elsa Olivieri-Sangiacomo. Bejn is-snin 1923 u 1926 kien id-direttur tal-Conservatorio. Fl-1925, ikkollabora ma' Sebastiano Arturo Luciani fuq ktieb elementari bl-isem ta' Orpheus. Kien elett għall-Akkademja Rjali tal-Italja fl-1932.
Il-mawra sal-Brażil irriżultat fil-kompożizzjoni Impressione Brasiliane. L-intenzjoni primarja tiegħu kienet li din tkun sensiela ta' ħames bċejjeċ, però sal-1928 tlieta biss minnhom kienu għadhom tlestew, u għalhekk iddeċieda li jippreżentahom kif kienu. L-ewwel eżekuzzjoni kienet fl-1928 f'Rio de Janeiro. L-ewwel biċċa hija notturn Notte Tropicale, bi frammenti ta' ritmi ta' żfin, issuġġeriti minn tat-timbri senswali. It-tieni biċċa hija rappreżentazzjoni sinistra ta' institut tar-riċerka fuq is-sriep, Instituto Butantan, li Respighi kien żar f'São Paulo, bi ħjiel ta' kant tal-għasafar (bħal f'Pini di Roma). L-aħħar moviment huwa żifna Brażiljana ħajja u kulurita.
Fuq il-vapur lura minn Rio de Janeiro, Respighi ltaqa' b'kumbinazzjoni mal-fiżiku Taljan Enrico Fermi. Waqt id-diskursata twila tagħhom, Fermi pprova jieħu spjegazzjoni tal-mużika permezz tal-fiżika, però Respighi ma kienx kapaċi jagħmel dan. Minkejja dan, huma baqgħu ħbieb kbar sal-mewt ta' Respighi fl-1936.
Respighi ma baqgħax jappoġġa b'mod sħiħ ’il-Partit Nazzjonali Faxxist ta' Benito Mussolini. Beda jaqbeż għal nies li kkritikaw lir-reġim, bħal Arturo Toscanini, li bis-saħħa ta' Respighi żamm xogħlu fi ħdan ir-reġim. It-Tielet parti tat-triloġija Rumana, Feste Romane, indaqqet min-New York Philharmonic Orchestra immexxija minn Toscanini fl-1929. Barra minn hekk, Toscanini irrekordja din il-mużika darbtejn għal RCA Victor, l-ewwel darba fl-1942 mal- Philadelphia Orchestra, u t-tieni darba fl-1949 mal-NBC Symphony Orchestra. Il-mużika ta' Respighi kellha suċċessi kbar fl-Istati Uniti: it-Toccata għal pjanu u orkestra indaqqet għall-ewwel darba f'Novembru tal-1928 fil-Carnegie Hall min-New York Philharmonic immexxija minn Willem Mengelberg, b'Respighi nnifsu bħala solista fuq il-pjanu. Ix-xogħol kbir maħdum fuq tema u varjazzjonijiet bl-isem ta' Metamorphoseon kien ikkummisjonat għal ħamsin anniversarju tal-Boston Symphony Orchestra.
Respighi kien studjuż ukoll tal-mużika Taljana tas-sekli sittax, sbatax u tmintax. Ippublika xi edizzjonijiet tal-mużika ta' Claudio Monteverdi u Antonio Vivaldi, kif ukoll edizzjoni ta' Didone ta' Benedetto Marcello. B'mod ġenerali, Respighi evita milli juża l-idjoma tal-Perjodu Klassiku. Minflok, ipprefera jgħaqqad stili melodiċi u forom mużikali (bħal żfin) ta' qabel il-Perjodu Klassiku mal-armonija u tessatura romantika ta' tmiem is-seklu dsatax.
Respighi baqa jikkomponi u jagħti kunċerti madwar id-dinja sa Jannar tal-1936, sakemm beda jħossu dgħajjef u marid. Miet fit-18 ta' April tal-istess sena wara attakk tal-qalb ikkawżat minn infezzjoni f'qalbu, fl-età ta' 56 sena. Sena wara mewtu, il-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti lejn Bologna, raħal twelidu, u reġa ndifen hemmhekk bl-ispejjeż imħallsin mill-istess belt.
Xogħlijiet
immodifikaOpra
immodifika- Re Enzo (1905)
- Semirâma (1909)
- Marie Victoire (li tlestiet fl-1913, iżda ma nħadmitx qabel l-2004)
- La bella dormente nel bosco (1922)
- Belfagor (1923)
- La campana sommersa (1927)
- Maria Egiziaca (1932)
- La fiamma (1934)
- Lucrezia (1937) (li tlestiet wara mewtu minn martu, Elsa, u mill-istudent tiegħu Ennio Porrino)
Ballett
immodifika- La Boutique fantasque (1918), li tuża temi u melodiji mill-kompożitur Rossini. Indaqqet għall-ewwel darba Londra fil-5 ta' Ġunju 1919.
- Sèvres de la vieille France (1920)
- La Pentola magica (1920)
- Le astuzie de Columbina (1920)
- Belkis, Regina di Saba (1930), l-aħħar xogħol għal ballett
Orkestrali
immodifika- Varjazzjonijiet Simfoniċi (1900)
- Preludju, koral u fuga (1901)
- Aria għal korda (1901)
- Suite għal korda (1902)
- Suite fil-Mi maġġuri (Sinfonia) (1901 rev. 1903)
- Burlesca (1906)
- Overtura: carnevalesca (1913)
- Sinfonia Drammatica (1913–14)
- It-Triloġija Rumana (tlett poemi simfoniċi li jevokaw postijiet Ruman u avvenimenti)
- Le fontane di Roma (Il-funtani ta' Ruma) (1915–1916)
- I pini di Roma (Il-Pini ta' Ruma) (1923–1924)
- Feste Romane (Festi Rumani) (1928)
- Antiche arie e danze per liuto
- Suite No. 1 (1917) għall-orkestra,
- Suite No. 2 (1923) għall-orkestra,
- Suite No. 3 (1932) għall-orkestra tal-korda,
- Ballata delle Gnomidi (Żifna tal-Injomi) (1920), ibbażata fuq poeżija ta' Claudio Clausetti
- Rossiniana (1925) - traskrizzjonijiet ta' Quelques riens (minn Péchés de vieillesse) taRossini
- Vetrate di chiesa (Twieqi ta' Knisja) (1925), erba' movimenti, li tlieta minnhom huma bbażati fuq Tre Preludi sopra melodie gregoriane għal pjanu (1919)
- Gli Uccelli (L-għasafar) (1927), bbażata fuq kompożżizzjoni barokki li jimitaw il-ħsejjes tal-għasafar. Dawn huma: Introduzione (Bernardo Pasquini), La Colomba (Jacques de Callot), La Gallina (Rameau), L'Usignolo (kompożitur anonimu Ingliż tas-seklu sbatax) u Il Cucu (Pasquini)
- Trittico Botticelliano (1927)
- Impressioni brasiliane (Impressjonijiet Brażiljani) (1928)
- Metamorphoseon Modi XII: Tema e Variazioni (1930)
Kunċerti
immodifikaPiano
- Kunċert għal pjanu in La minore (1902)
- Fantasia Slava (1903)
- Concerto in modo misolidio (Kunċert mibni fuq il-Mod Misolidju) (1925)
- Toccata għal Pjanu u Orkestra (1928)
Vjolin
- Leggenda għal Vjolin u Orkestra (1902)
- Humoreske għal Vjolin u Orkestra (1903)
- Concerto in la maggiore għal Vjolin u Orkestra (1903), li tlesta minn Salvatore Di Vittorio (2009)
- Concerto all'antica għal Vjolin u Orkestra (1908)
- Poema autunnale (Poema tal-Ħarifa) għal Vjolin u Orkestra (1920-5)
- Concerto gregoriano għal Vjolin u Orkestra (1921)
Oħrajn
- Suite in Sol Maġġore għal Orgni u Korda (1905)
- Adagio con variazioni (1920), għal Vjolonċell u Orkestra
- Concerto a cinque (Kunċert għal Ħamsa) (1933), għal Obwe, Kurunetta, Pjanu, Viola d'amore, Kuntrabaxx u Korda
Vokali/Korali
immodifika- Christus (kliem ta' Respighi) (1898–99), kantata Biblika għal solisti, kor u orkestra
- Nebbie (1906), vuċi u pjanu
- Stornellatrice (1906?), vuċi u pjanu
- Cinque canti all'antica (1906), vuċi u pjanu
- Aretusa (kliem ta' Shelley) (1910–11), kantata għal mezzo-sopran u orkestra
- La Sensitiva (Il-Pjanta Sensittiva, kliem ta' Shelley) (1914), għal mezzo-sopran u orkestra
- Il Tramonto (L-Għabex, kliem by Shelley) (1914), għal mezzo-sopran u kwartett tal-korda (jew orkestra tal-Korda)
- Deità silvane (Allat tal-Foresti, kliem ta' Antonio Rubino) (1917), ċiklu ta' kanzunetti għal sopran u orkestra żgħira
- Cinque liriche (1917), vuċi u pjanu
- Quattro liriche (Gabriele d'Annunzio) (1920), vuċi u pjanu
- La Primavera (Ir-Rebbiegħa, kliem ta' Constant Zarian) (1922) poema lirika għal solisti, kor u orkestra
- Lauda per la Natività del Signore (Tifħira għat-Twelid tal-Mulej, kliem attribwit lil Jacopone da Todi) (1930), kantata għal 3 solisti (sopran, mezzo-sopran u tenur), kor (b'ħafna sezzjonijiet għal kor bi 8 vuċijiet u kor maskili TTBB), u ensemble da camera (lenji u pjanu quattro mani)
Mużika da Kamera/Strumentali
immodifika- Kwartett tal-Korda fir-Re maġġuri f'moviment wieħed (bla data)
- Kwartett tal-Korda No. 1 fir-Re maġġuri (1892–98)
- Kwartett tal-Korda No. 2 fis-Si bimoll maġġuri (1898)
- Kwartett tal-Korda fir-Re maġġuri (1907)
- Kwartett tal-Korda fir-Re minuri (1909) sottotitulat mill-kompożitur "Ernst is das Leben, heiter ist die Kunst"
- Quartetto Dorico jew Kwartett tal-Korda doriku (1924)
- Tre Preludi sopra melodie gregoriane, għal pjanu (1921)
- Sonata għal Vjolin fis-Si minuri
- Sonata għal Pjanu fis-Fa minuri
- Variazioni, għal kitarra
- Kwartett Doppju fir-Re minuri (1901)
- Kwintett tal-Pjanu fil-Fa minuri (1902)
- Sitt Biċċiet għal Vjolin u Pjanu (1901–06)
- Kwarteet in Re maġġiore għal 4 Violi da gamba (1906)
- Huntingtower: Ballata għal banda (1932)
- Kwintett tal-Korda għal 2 Vjolini, Vjola u 2 Vjolinċelli fis-Sol minuri (1901, mhux komplut)
Nota: Ħafna minn dawn ix-xogħolijiet da kamera mhumiex ppublikati u jinsabu miktuba fuq manuskritti fil-konservatorji ta' Bologna u ta' Ruma. Tlett Kwartetti tal-Korda (1907, 1909 u 1924), il-Ballata Huntingtower, u l-Kwintett tal-Pjanu huma ppublikati.