Austin Camilleri

artist Malti

Austin Camilleri twieled fl-1972[1] huwa artist Malti li jaħdem fil-ħolqien tal-installazzjonijiet, fil-pittura, fit-tpinġija, fis-settur awdjoviżiv u fl-iskultura.

Austin Camilleri
Austin Camilleri
Ħajja
Twelid 1972 (51/52 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Lingwi Malti
Ingliż
Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni artist
skultur
għalliem fl-università

Bijografija

immodifika

Austin Camilleri twieled fl-1972. Huwa trabba mill-ġenituri Għawdxin tiegħu f'Għawdex iżda nannuh Wistin Camilleri (1885-1979)[2], li kien l-ewwel artist fl-arblu tar-razza tal-familja tiegħu, kien Malti ta' nisel Franċiż.[3]

Huwa studja fl-Università ta' Malta u fl-Akkademja Pietro Vannucci f'Perugia, l-Italja.

Camilleri tella' u kien il-kuratur ta' wirjiet u ħoloq għadd ta' avvenimenti interdixxiplinari fejn sikwit ħadem ma' awturi, kompożituri, atturi, arkitetti u koreografi, flimkien magħhom jew b'mod separat. Huwa waqqaf 356, huwa membru fundatur ta' StArt, Fundazzjoni Klula u ISTRA Foundation u huwa lettur mhux permanenti fil-Fakultà għall-Ambjent Mibni tal-Università ta' Malta.[4][5]

Austin Camilleri jgħix f'Għawdex u jaħdem l-iktar f'Malta u fl-Italja.[4]

Ix-xogħlijiet tiegħu ġew esebiti fil-Wirja Biennali ta' Venezja[6], fil-Wirja Biennali tal-Mediterran, fil-Wirja Biennali ta' Artraker u fil-Wirja Biennali għall-Artisti Żgħażagħ. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet tiegħu ntwerew fi spettakli fil-Gallerija tal-Arti Viżiva f'New Delhi, l-Indja; fiċ-Ċentru Henderson f'Beijing, iċ-Ċina; f'CENTRALE (iċ-Ċentru Ewropew għall-Arti Kontemporanja), fil-Mużew Botaniku u fil-Pjazza Fontainas fi Brussell, il-Belġju; fil-Mużew tal-Arti Kontemporanja fi Cluj-Napoca, ir-Rumanija; f'Apollonia fi Strasburgu, f'Galerie GNG f'Pariġi u fil-Fondation Villa Datris f'L’Isle sur la Sorgue, Franza; fil-Palais Liechtenstein f'Feldkirch, l-Awstrija; fil-Mużew tal-Vatikan u fil-Wirja Biennali tal-Artisti Żgħażagħ, f'Ruma, u fil-kumpless tal-Mużew Arkeoloġiku ta' Lipari, fil-Mużew Ċiviku ta' Nichelino, fil-Biblijoteka Universitarja ta' Torino, fil-Biblijoteka Nazzjonali f'Ruma u f'Cosenza, f'Villa Maser fi Treviso, l-Italja; fil-Kwartieri Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u fil-Gallerija SAI fil-Belt ta' New York, l-Istati Uniti; fil-Palazz ta' San Ġakbu f'Londra, ir-Renju Unit; fid-WTC fi Stokkolma u fil-Mużew ta' Kalmar fl-Iżvezja; fil-Palais des Nations, f'Ġinevra, l-Iżvizzera; f'Inguat, il-Belt ta' Gwatemala, il-Gwatemala; fil-Grote Kerk ta' Den Haag, in-Netherlands; u fil-Knisja ta' Santa Kjara, ir-Repubblika ta' San Marino.[4]

Barra minn hekk, esebixxa xogħol pubbliku fil-Ġnien tan-Nazzjonijiet f'Ramallah, il-Palestina; f'Beith Shemesh, f'Ġerusalemm, Iżrael; fil-Palais Kherredine f'Tunis u fil-Palais Abdelliya, f'La Marsa, it-Tuneżija; fil-Munchen Kunstelerhaus fi Munich, fil-Galerie Bagnato u fil-Kulturzentrum f'Konstanz, il-Ġermanja; kif ukoll fil-Mużew Nazzjonali tal-Belle Arti, fil-Mużew Marittimu, fil-Mużew tal-Arkeoloġija u fil-Fondazzjoni tal-Arti Kontemporanja f'Malta.[4]

Xogħlijiet

immodifika

Xogħlijiet ewlenin

immodifika
  • Sacredaustin (April 1998), installazzjoni b'ħajt tal-konkos fil-Knisja Kattolika ta' San Ġakbu, f'Għawdex
  • Convalescence of an interrupted conundrum (2003), installazzjoni bi statwi tal-festa ta' nannuh imġeżwrin fil-plastik ġo spazju klawstrofobiku.
  • Leanbh=baby / Prayer (2001/2002), rużarju tal-aluminju fondut b'irjus ta' tarbija minflok żibeġ.
  • Deposition (2006), installazzjoni bi projezzjoni doppja ta' filmat ta' sitt minuti u għoxrin sekonda, b'ħamsin sekonda pawża bejniethom fil-Kulturzentrum ta' Kostanz, il-Ġermanja.
  • Kelmabejntnejn (2008), żejt fuq it-tila bi struzzjonijiet bl-email fl-MCA, il-Marsa.
  • Homo immortalis (2011), disa' busti ta' dittaturi dinjin, mgħottijin u magħmula mill-ġibs ta' Pariġi u mill-irħam ta' Carrara.
  • Milk (2012), xogħol bir-rakkmu.
  • Bloħladawl (2014)[7], proġett ta' monument kunċettwali f'foss qrib il-Forti ta' Sant'Iermu, biex jiċċelebra l-erbgħin anniversarju minn mindu Malta saret repubblika.
  • Stones (1999), diversi blatiet fil-Gżejjer Maltin indurati bil-folji tad-deheb ta' 22 ct.
  • Ghost trip series (2015), filmat u sensiela ta' xogħlijiet fuq il-karta; esposti fiċ-Ċentru ta' Henderson f'Beijing, iċ-Ċina.
  • Sebgħa (2017), serje ta' tinqix fil-blat naturali minn seba' poeżiji ta' sitt poeti Maltin, Rużar Briffa, Norbert Bugeja, Claudia Gauci, Maria Grech Ganado, Adrian Grima, u Daniel Massa, u mill-grupp mużikali Brikkuni, f'postijiet differenti fil-Gżejjer Maltin.
  • Night has fallen (2016-2017), installazzjoni b'neon fiżiku u b'neon diġitali flimkien ma' filmat HD f'ħin reali; ikkummissjonat għall-wirja Malta - Land of Sea, fil-BOZAR, Brussell, il-Belġju.
  • Żieme (2014), installazzjoni temporanja ta' statwa permanenti ta' żiemel bi tliet saqajn, magħmula bil-bronż, li fl-2014 ġiet installata qrib Bieb il-Belt, quddiem il-binja tal-Parlament ta' Malta fil-Belt Valletta[8], u fl-2016 ġiet installata f'Kalmar, l-Iżvezja[9], u fl-2021 ġiet installata fi Krakovja, il-Polonja.[10][11]
  • Disgħa (2018), serje ta' tinqix fil-blat naturali minn disa' poeżiji differenti ta' poeti Maltin bit-titli u fil-postijiet li ġejjin: Mhix f'residenza privata fil-Wardija, Għadira f'sit ta' żvilupp f'Tas-Sliema, L-Aħħar f'irdum bejn Sannat u l-Munxar, Mappa f'barriera fil-Qala, Pajjiżi f'moll tal-konkos f'Kemmuna, Ferħ fis-salini ta' Marsaxlokk, Fossila fit-tafal ta' Għar Qawqla f'Għawdex, Ħin fil-blat artab fil-Forti ta' Sant'Iermu fil-Belt Valletta, u Xemx f'sit ta' żvilupp fil-Mosta.[12]

Kollaborazzjonijiet

immodifika
  • The Hate Politik (2015), spettaklu li jinkludi ż-żfin, il-mużika, l-arti viżiva u t-teatru f'daqqa; flimkien ma' Kenneth Spiteri, Mario Sammut u Tommi Zueggin.[13]

Referenzi

immodifika
  1. ^ WorldCat. "Camilleri, Austin".
  2. ^ "convalescence of an interrupted conundrum". AUSTINCAMILLERI (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  3. ^ "The hills are alive". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  4. ^ a b ċ d "bio". AUSTINCAMILLERI (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  5. ^ Malta, L.-Università ta'. "Mr Austin Camilleri". L-Università ta' Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-08.
  6. ^ "Arts Council Malta". www.facebook.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-08.
  7. ^ "A conceptual monument to celebrate the republic of Malta". News MyTemplArt (bl-Ingliż). 2014-09-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-08. Miġbur 2021-08-07.
  8. ^ "Żieme is a challenge for its neigh-sayers". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  9. ^ "Controversial Austin Camilleri sculpture finds its way to Sweden". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  10. ^ "Zieme by Austin Camilleri makes it to Krakow, Poland". ARTZID (bl-Ingliż). 2021-07-13. Miġbur 2021-08-07.
  11. ^ "Three-legged horse sculpture now embellishing a main square in Poland - www.tvm.com.mt" (bl-Ingliż). 2021-08-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-08. Miġbur 2021-08-07.
  12. ^ Constellation Malta. "Disgħa". www.facebook.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-08.
  13. ^ "The Hate Politik". www.facebook.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-08.

Ħoloq esterni

immodifika