Rużar Briffa
Rużar Briffa (1906 - 1963) kien poeta u dermatologu Malti daqskemm figura ewlenija fil-letteratura Maltija.
Rużar Briffa | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Valletta, 16 Jannar 1906 |
Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta |
Mewt | Valletta, 22 Frar 1963 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Malta |
Lingwi | Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
poeta dermatologu |
Studja fl-iskola elementari tal-Gvern f’Sant’ Iermu u l-Liċeo tal-Belt u wara li għadda mill-eżamijiet tal-Matrikola, fl-1923 beda jgħallem fl-iskejjel elementari. Kellu jkun l-ewwel għalliem bil-matrikola fid-Dipartiment.
Tabib u Dermatologu
immodifikaFtit xhur wara, fl-1924, beda l-istudju tiegħu fil-mediċina, fl-Università ta’ Malta u ssoktah f’Londra fil-Venereoloġija u d-Dermatoloġija. Fl-1932 sar speċjalista tal-mard tal-ġilda. Baqa’ magħruf għall-umiltà u l-qalb kbira li wera mal-morda, speċjalment mal-lebbrużi. Skont martu Louisette, ix-xewqa tiegħu fil-professjoni medika kienet li jkabbar il-ġmiel fil-ġilda u jnaqqas il-kruha tagħha, u dan l-aspett jixref sikwit fil-versi tiegħu, tant li fi żmienu kien magħruf bħala l-Poeta tas-Sbuħija.
Lura f’Malta, Briffa nħatar tabib anzjan fis-sezzjoni tal-mard tal-ġilda fl-Isptar Ċentrali. Kien ukoll speċjalista tal-marda tal-lebbra fl-Isptar San Bartilmew fl-Imgieret u fl-Isptar Chambray ta’ Għawdex. Matul il-pesta li kellna f’Malta fis-snin 1936-37, Ruzar kien jaħdem fl-Isptar ta’ Lazzarett f’Manoel Island. Fl-1938 kien mar fil-Lvant Imbiegħed fejn ħadem u studja fi sptarijiet f’Kalkutta, Gobra, Bankura u Madras.
Matul il-gwerra, meta kien mar joqgħod San Giljan, Rużar kien speċjalista onorarju tad-dermatoloġija fil-Malta War Memorial Hospital for Children. Tul l-istess żmien kien ukoll Supretendent fl-Isptar Blue Sisters. Bejn is-snin 1951 u 1963, Rużar kien jgħallem id-dermatoloġija u l-veneoroloġija fl-Università ta’ Malta.
L-Għaqda tal-Malti
immodifikaFlimkien ma’ sieħbu Ġużè Bonnici, fl-1931 waqqaf l-Għaqda tal-Malti – Università, li għadha attiva sal-lum, u beda joħroġ ir-rivista Leħen il-Malti.
Poeta
immodifika- "Qatt ma kelli l-ħsieb li nistampa dawn il-poeżiji fi ktieb. Uħud minnhom ktibthom fi żmien ta’ dwejjaq kbar, oħrajn ta’ ferħ. U ktibthom għalija…."
Dan kien kliem il-poeta nnifsu li deher fl-ewwel ġabra ta’ poeżiji li ppubblika bl-isem Poeżiji fl-1971 grazzi għall-insistenza tat-tieni mara tiegħu Louisette u ta’ ħabibu P. Valentin Barbara. Il-biċċa l-kbira tal-poeżiji tiegħu kitibhom fuq folji maqtugħa ta’ xi ktejjeb tal-but jew fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ pakketti vojta tas-sigaretti. Oħrajn kitibhom fuq karti tar-riċetti mediċi, fuq boroż, insomma, fuq kulma kien jiġi għal idejh f’waqt ta’ muża.
Rużar Briffa baqa’ magħruf bħala l-poeta taċ-ċokon u tas-sempliċità. Għalkemm kiteb ftit, Briffa kien apprezzat fit-tul minn diversi kritiċi letterarji. Bosta kitbu fuqu. Dawn huma xi kummenti li hu nnifsu għadda fuq il-poeżija bħala interpretazzjoni individwali u bħala espressjoni artistika, universali:
- "Il-poeżiji tiegħi la huma ġrajjiet kbar, la ħsibijiet profondi fuq il-Ħajja u lanqas xewqat għolja ta’ Dinja oħra. Huma biss impressjonijiet, biex ngħid hekk ‘snapshots’ tal-ħajja ta’ kuljum kif tħosshom qalbi. Anki s-‘snapshot’ għandu l-qawwa tiegħu għax ħafna drabi fiċ-ċokon tiegħu jiġbor irqaqat li f’ritratt kbir kienu jitilfu mir-reqqa tagħhom ... jiena wkoll inħoss li l-poeżiji tiegħi għandhom il-qawwa tas-sempliċità."
- "Ma ktibtx għall-fama. Il-Poeżija għalija xejn ma hi ħaġa ta’ gost imma aktarx ta’ tbatija kbira."
- "Jolqotni ħsieb u jdum iberren f’moħħi għal xhur sħaħ – xi drabi għal snin. Imbagħad f’daqqa jtini ferħ ta’ ġenn. Inkun fejn inkun ikolli nieħu lapis u karta u f’temp ta’ minuta toħroġ weħidha l-poeżija. Ebda poeżija ma ħaditli iżjed minn ħames minuti biex niktibha."
- "l-poeżija m’għandhiex tfittex ħlief li tilħaq il-qalb tal-qalb tal-bniedem, u jekk anki jirnexxilha tagħmel dan darba biss, allura l-poeżija tkun laħqet l-aqwa tagħha."
Poeżiji tiegħu
immodifikaJum ir-Rebħ
immodifika- U l-Kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
- Miskin min ikasbarni, - miskin min jidħak bija!”
- U l-Kotra għanniet f’daqqa – u semmgħet ma’ l-irjieħ
- L-Innu ta’ Malta tagħna, – u l-leħen kien rebbieħ,
- Fuq ngħas l-imgħoddi ġwejjef, – in-ngħas ta’ l-Apatija
- Xħin ruħna kienet rieqda – ġo sodda barranija;
- U l-ombra ta’ Vassalli – qamet minn qiegħ il-qabar,
- U għajtet: “Issa fl-aħħar – jiena se nsib is-sabar.”
Dawn il-versi jalludu għall-protesta li kienet saret fl-Empire Stadium mis-sapporters Maltin fit-2 ta’ Marzu, 1945 qabel ma bdiet il-logħba ta’ ħbiberija bejn Malta u t-tim Jugoslav, Hadjuk ta' Split (Hrvatski nogometni klub Hajduk Split), li dik il-ħabta kien magħruf mad-dinja kollha. L-King’s Own Band daqqew kemm l-innu nazzjonali Jugoslav u kemm il-God Save the King, mingħajr ma daqqew l-Innu Malti. Il-folla maqrusa fil-laħam il-ħaj qamet bil-wieqfa u bdiet tkanta spontanjament il-versi ta’ Dun Karm fuq mużika ta’ Dr Robert Sammut. Dan il-waqt emozzjonanti ferm li kien baqa’ fuq fomm kulħadd għal ġimgħat sħaħ, tpenġa permezz tal-kelma minn Rużar Briffa fil-poeżija t’hawn fuq. F`din il-poezija jidher is-sens qawwi ta` patrijotizmu tal-Maltin li qamu mill-apatija li kien fiha taht hakmiet barannin.
Lil Ommi
immodifika- Bennini ħa norqod,
- Benninni bil-ħlewwa,
- Kull diqa nessini,
- Nessini kull dnewwa;
- benninni bil-lajma
- ta’ leħnek jirtogħod,
- benninni, benninni,
- hekk, hekka, bil-mod.
- Aħbili li hemm barra
- Qed jokrob ir-riħ,
- bħal ruħ qiegħda tfittex,
- għalxejn il-mistrieħ.
- Benninni, benninni,
- nessini kull dieqa,
- benninni, bħal meta
- kont ċkejken fin-nieqa,
- u l-għanja tennili
- – il-għanja ta’ dari –
- tat-tfajjel imqareb
- mitluf ġewwa x-xagħri:
- “Iżd’ommu wisq talbet
- lit-twajjeb Bambin,
- u Dan it-triq sablu,
- għaliex hu ħanin.”
- Jien ġrali bħat-tfajjel,
- tbegħidt wisq mid-dar,
- u kollox sibt hieni,
- sakemm il-lejl sar,
- u nfirxet ir-reżħa
- u d-dlam fuq ix-xagħri,
- u sfajt għajjien mejjet,
- imriegħex minn dwari.
- Fejn taf, għażiż’ommi,
- kemm ra l-iben tiegħek
- minn xħin telaq daru
- u nfired minn miegħek!
- Benninni, benninni,
- fissidni bħal dari …
- hekk … hekk … iva, daħhal
- subgħajk ġewwa xagħri;
- W għannili, bil-ħlewwa,
- il-għanja tas-sewwa.
Hawn jinħass il-poeta introvers li bil-lirika tiegħu fassal il-pedament tal-poeżija moderna Maltija
L-Għanja tal-Imnikket
immodifikaO Madonna tad-Duluri,
Mhux il-ward
Jiena fittixt ħa nsebbaħ darek
U nfewwaħlek lil altarek,
Imma x-xewk minn qalb ix-xagħri
U għollieq, marrâd, musfari,
O Madonna tad-Duluri,
Dana biss!
O Madonna tad-Duluri,
l-oħrajn ġew
U bid-deheb għammru lil darek,
U bil-ħaġar sawru altarek –
Jiena biss kont il-barrani
Mingħajr ward u deheb il-għani,
Jiena biss!
O Madonna tad-Duluri,
Ma stmerrejtx
Int l-imnikket ġewwa darek,
‘Ma tbissimt minn fuq altarek,
Kollok ħlewwa, kollok ħniena,
Serraħt Int lill-qalb għajjiena.
Inti biss!
Nofsinhar Sajfi
immodifikaBarra bis-sħana qiegħda mgħaxxa l-ħajja
Taħt xemx li tikwi - l-eħrex xemx sajfija -
U kollox ħiemed, bħallikieku l-ġrajja
Waqfu tal-jum, imbikkma minn did-dija.
Fuq għolja bżar, żunżan bil-qtajja’qtajja’
Irewwaħ ġewnħu; joħroġ mill-ħamrija
ħanfus sewdieni, bl-akbar skiet jissajja
ħa jsib il-qmuħ imxerrda fil-mogħdija.
Ħiemed il-mewġ jitniegħes ġewwa l-qala;
il bogħod ‘il bogħod jitriegħex qlugħ bajdani
bil-mod il-mod, u donnu le jaf l-għala.
Hekk bla taf l-għala tħoss il-qalb tixxabba’
Minn kulm’hu dwarha, tikbi lill-warrani,
U mdejqa tnin, bix-xewqa tal-imħabba.
Quo Vadis?
immodifikaWeħidha,
fuq l-għolja ġeblija,
imbiegħda mill-bqija ta’ ħutha
fil-qalb ħadranija
tal-wied,
ix-xwejħa ħarruba
magħtuba
mit-toqol tas-snin
qed tħares madwarha
ħa tara
il-għaġla tan-nies għaddejjin
...U taħseb:
kemm huma mgħaġġlin,
fejn huma sejrin
għal dejjem bla sabar
min-nieqa sal-qabar
dal-ħalja bnedmin?
Fejn huma l-għeruq?
Qatt lilhom ma trażżan il-bewsa tar-riħ?
Qatt lilhom ma tlajjem is-sħana tax-xemx?
Għaliex ftit mistrieħ
għalihom ma hemmx,
u l-lehma biss tagħhom
il-ħajja tas-suq?
Waħdi
immodifikaWaħdi tlajt
l-għoljiet xemxija
taż-żgħorija;
ħadd ma qalli
x’għandi nsib …
bogħod … jew qrib …
Waħdi sibtha l-lehma tiegħi
dak in-nhar li tgħannqet miegħi
is-Sbuħija!
Lejl u nhar,
Ġunju Frar
kollox xorta mingħalija,
basta l-ħajja dejjem ħajja.
Hekk għaddew
leħħu ntfew
l-isbaħ snin,
minn ġuf dinja qerredija
misruqin.
‘Mma fil-ħarba ta’ snin twal
tbiddlu d-dwal
kollox jagħti fis-sewdieni
aktarx tinsa l-lewn ewlieni
'Mma s-Sbuħija għadha miegħi
taqsam ferħ u dwejjaq tiegħi
Għadni dejjem, dejjem jien,
anke jekk kiebi u għajjien:
il-poeta taż-Żgħorija
il-poeta tas-Sbuħija.
Minn kull ma ħlomt f'żgħożiti
immodifikaMinn kull ma ħlomt f'żgħożiti,
Infittex kollox baħħ.
Il-qalb xiħa w għajjiena
Ma tafx tgħid ħlief "aħħ".
Li ħlomt kien kollu ħolma,
Li għext kien ħajja biss.
Aħ kieku t-tnejn ingħaqdu,
Il-qamar kont immiss.
Issa qasira l-ħajja,
U l-ħolm duħħan itir........
Il-Ballatella tal-Funtana
immodifikaDin kienet l-aħħar poeżija li kiteb.
U qniepen, qniepen, qniepen,
Qniepen viċin, ’il bogħod,
Leħinkom f’dell l-għaxija
Minn fomm il-għajn jirtogħod.
Funtana misterjuża
Ta’ ħolm u ta’ xewqat.
għanjiet ta’ żmien warrani
Fit-tempju ilhom mitfija;
Imma llum minn ġol-Funtana
Mill-ġdid il-liturġija.
Funtana misterjuża
Ta’ ħolm u ta’ xewqat.
Bakkan fiċ-ċimiterji,
Fis-sħarijiet tal-qamar,
U żfin minn dlam l-alkovi;
Titniegħed l-għajn bla sabar.
Funtana misterjuża
Ta’ ħolm u ta’ xewqat.
Mewt
immodifikaRużar Briffa miet nhar it-22 ta’ Frar, 1963. Il-bijografija sħiħa tiegħu dehret fl-1984 f'xogħol tal-Professur Oliver Friggieri.