Bieb il-Belt
Bieb il-Belt jinsab fid-daħla tal-Belt Valletta, Malta. Attwalment, Bieb il-Belt jixbah iktar fetħa jew daħla milli bieb proprja kif kien fl-ewwel verżjonijiet tal-imgħoddi. Id-daħla tal-Belt Valletta kif inhi llum inbniet bejn l-2011 u l-2014 skont id-disinni tal-arkitett Taljan Renzo Piano.
L-ewwel verżjoni tal-bieb fid-daħla tal-belt kienet sempliċement bħal bieb żgħir li minnha seta' jgħaddi kaless u fuq il-bieb kien hemm torri tal-għassa. Dan il-bieb kien magħruf bħala Porta San Giorgio. Inbena bħala parti mill-fortifikazzjoni tal-belt fl-1569 skont id-disinni ta' Francesco Laparelli.[1] Isem il-bieb inbidel għal Porta Reale (jew Putirjal) lejn l-1586. Id-daħla reġgħet inbniet fl-1633, skont id-disinn ta' Tommaso Dingli. Waqt iż-żmien qasir tal-okkupazzjoni Franċiża fl-1798, il-bieb ingħata l-isem ta' Porte Nazionale. Biss dan qatt ma kien xi isem li l-Maltin kienu jużaw biex jirriferu għall-bieb. Fi żmien l-Brittaniċi xorta baqa' magħruf bħala Putirjal li tfisser il-Bieb/id-Daħla l-Kbira). L-istess Strada Rjali tfisser it-Triq Prinċipali. Fl-1853, il-bieb ġie mwaqqa' u floku sar ieħor ikbar fuq id-disinn tal-Kurunell Thompson tal-Inġiniera Rjali (bl-Ingliż: Royal Engineers). Kien matul żmien il-Brittaniċi li din id-daħla saret magħrufa wkoll bħala Kingsgate u Strada Rjali. Dawn l-ewwel daħliet dejjem kellhom l-iskop li jiddefendu l-belt u kienu dejjem jissakkru billejl.
Id-Daħla ta' Thompson twaqqgħet fl-1964 u minflokha ttellgħet daħla moderna fl-istil tagħha, verament stil arkitettoniku ispirat mir-Razzjonaliżmu, ta' żmien l-Għoxrinjiet u t-Tletinijiet tas-seklu 20 fl-Italja. Din id-daħla ġiet ddisinjata minn Alziro Bergonzo. Daqs ħamsin sena wara din id-daħla twaqqgħet ukoll, biex sar disinn b'kunċett ġdid mill-arkitett ta' fama internazzjonali, Renzo Piano. Ix-xogħol fuq din id-daħla tlesta fl-2014.
Pożizzjoni
immodifikaId-daħla tinsab f'nofs is-swar li nbnew biex jiddefendu l-Belt Valletta min-naħa tal-Punent, dik il-parti li tħares lejn il-Furjana, bejn il-Kavallier ta' San Ġakbu u l-Kavallier ta' San Ġwann.[2] Biex wieħed jasal għal din id-daħla prinċipali tal-Belt min-naħa tal-Furjana hemm bżonn li wieħed jaqsam il-pont tal-ġebel li jaqqgħad il-ġewwieni tal-Belt mal-Furjana. Oriġinarjament, il-bieb kien protett b'couvre porte, foss avvanzat u lunetta (struttura arkitetturali ta' fortifikazzjoni b'għamla ta' nofs qamar) magħrufa bħala l-Lunetta ta' Santa Maddelena.[3] Fi żmien l-Ingliżi, il-lunetta twaqqgħet u parti mill-foss avvanzat imtela bir-radam. Iktar 'il quddiem dawn l-akkwati ta' barra Bieb il-Belt intużaw bħala l-venda prinċipali għat-trasport pubbliku ta' Malta kollha. Il-Funtana tat-Trituni, xogħol l-iskultur Vincenzo Apap, tqiegħdet hawn fl-1955. Fejn kien hemm il-karozzi tal-linja, illum inbidel f'żona pedonali fejn wieħed jista' jieqaf, jistrieħ u jgawdi l-ambjent sabiħ ta' barra l-Belt.[4]
Bieb il-Belt jagħti bidu għal Triq ir-Repubblika, it-triq prinċipali tal-Belt Valletta, li tibqa' sejra dritt sal-Forti Sant'Iermu. Appena tidħol minn fuq il-pont, fuq kull naħa hemm turġien fil-wisa'. Dawn jagħtu għaż-żewġ naħat tas-swar li jħaddnu Bieb il-Belt minn kull naħa. Qrib id-daħla, fuq il-lemin hemm il-Parlament il-ġdid, bini modern li ddisinjah ukoll Renzo Piano. Fuq in-naħa tax-xellug hemm appartamenti u kumpless kummerċjali ta' ħwienet. Aktar lil hinn mill-Parlament hemm Pjazza Teatru Rjal.
Storja
immodifikaL-ewwel bieb (1568-1633)
immodifikaDan inbena flimkien u fl-istess żmien tal-bqija tas-swar (1566 - 1571) u kien magħruf bħala Porta San Giorgio u triq prinċipali, Strada San Giorgio, skont il-pjanta ta' Francesco Laparelli.[5] Id-disinn tad-daħla kien wieħed oster u magħmul biss biex iservi bħala parti mid-difiża tal-belt u għalhekk ma kellux ornamenti arkitettoniċi. Lanqas ma kienet daħla ta' importanza kbira, żgur mhux daqs id-daħla li tagħti minn ħdejn ta' Liesse, magħrufa bħala Porta del Monte. Dan għaliex l-aqwa komunikazzjonijiet mill-ibliet l-aktar popolati kienu n-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir u l-aqwa komunikazzjoni mal-Belt kienet bil-baħar. Għalkemm id-daħla tinsab preċiżament f'nofs is-swar li jħarsu lejn l-intern u ċ-ċentru ta' Malta, meta nbniet din id-daħla kienet ikkunsidrata bħala waħda pjuttost sekondarja għax ftit kienu jidħlu nies minnha.
Oriġinarjament, il-pont tal-ġebel li jaqsam il-foss kien jasal sa distanza ta' ftit metri mid-daħla tal-Belt, imbagħad kien hemm pont tal-injam li jgħaqqad il-pont tal-ġebel mas-swar (drawbridge). Il-pont iserraħ fuq pilastri massiċċi tal-ġebla tal-franka li ġew kemm-il darba rrestawrati matul is-snin. [6] Fuq il-bieb kien hemm torri.
Lejn l-1586, fi żmien il-Gran Mastru Hugues Loubenx de Verdalle, isem din id-daħla sar Porta Reale.[7] Fl-aħħar tas-seklu 16, inbena bieb estern iżgħar u ġiet miżjuda arkata trionfali fuq il-bieb oriġinali.[8]
It-tieni bieb (1633-1853)
immodifikaIt-tieni struttura ta' Bieb il-Belt nbniet fl-1633, fi żmien il-Gran Mastru Antoine de Paule. Dan il-bieb kien imżejjen aktar b'arkitettura ornamentali. Mal-bieb prinċipali issa żdiedu żewġ arkati laterali. Dan il-bieb kien iddisinjat mill-arkitett Malti Tommaso Dingli.[9]
Meta Malta waqgħet taħt il-Franċiżi (1798 - 1800), id-daħla bdiet tissejjaħ, Porte Nationale (jew Bieb Nazzjonali).[10] Imbagħad meta Malta saret kolonja Ingliża, b'konformità mal-Proklamazzjoni Nru VI tal-1814, li nħarġet mill-Gvernatur Sir Thomas Maitland, fl-1815 tqiegħdet l-arma tal-monarkija Brittanika. L-istemma araldika hi xogħol l-iskultur Vincenzo Dimech.[11]
Il-bieb ġie mmodifikat tul iż-żmien, u sal-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19 kien hemm għadd ta' karatteristiċi li żdiedu u li ma kinux parti mid-disinn oriġinali ta' Tommaso Dingli. Il-bieb twaqqa' fl-1853 bi ħsieb li tinbena daħla akbar.[8]
Biċċiet mill-pont tal-injam tas-seklu 17, li kien mekkanizzat biex jittella' u jitniżżel minn tulu sabiex jgħaqqad il-bieb mal-bqija tal-pont, huma eżibiti fiċ-Ċentru ta' Interpretazzjoni tal-Fortifikazzjonijiet (Biagio Steps) fi Triq San Mark.[12]
It-tielet bieb (1853-1964)
immodifikaIt-tielet verżjoni ta' din id-daħla nbniet fl-1853, fi żmien l-Ingliżi. Minn Porta Reale issa bdew anki jsejħulha Kingsgate u t-triq prinċipali, Kingsway.[5][13]
Il-bieb ġie ddisinjat mill-Kurunell Thompson tar-Royal Engineers. Id-daħla issa kienet magħmula minn żewġ arkati flok waħda u tnejn oħra iżgħar fil-ġenb. Fuq kull naħa tal-bieb kien hemm niċċa u f'kull waħda minnhom statwa, dik ta' Philippe Villiers de L'Isle-Adam, l-ewwel Gran Mastru f'Malta, u l-oħra ta' Jean Parisot de Valette, il-fundatur tal-Belt Valletta.[14] Fl-24 ta' Lulju 1892, fuq l-arkata lejn in-naħa ta' wara tal-bieb, ġie installat bust tal-bronż tal-Papa Piju V, li kien tant għen biex wara l-Assedju l-Kbir tinbena l-Belt Valletta.[15]
Fil-bidu tas-seklu 20, il-bieb kien diġa' beda jitqies li kien żgħir biex ilaħħaq mat-traffiku tan-nies deħlin u ħerġin minnu kuljum f'kull ħin, aktar u aktar meta bdew deħlin il-karozzi privati. Mal-ewwel gvern awtonomu Malti, ġie bi proposti biex din il-problema tkun eliminata u jkun hemm karreġġata miftuħa.[16] Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-istruttura ta' Putirjal ntlaqtet mill-attakki li saru mill-għadu fuq il-Belt, biss il-ħsarat kienu żgħar. L-istatwi ta' L'Isle-Adam u ta' de Valette kienu tfarrku.[17]
Fis-snin 50 tas-seklu 20, kienu bdew xi pjanijiet mill-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier biex fl-1962 id-daħla tal-Belt tkun modernizzata. F'wirja tal-Fiera ta' Malta tal-1963, kien intwera l-mudell il-ġdid ta' Bieb il-Belt. Dak ta' Thompson twaqqa' f'Ġunju 1964[18] u l-bust tal-bronż ta' Papa Piju V ġie merfugħ. Fl-2005, il-bust tqiegħed f'Misraħ Assedju l-Kbir, qrib il-Kon-Katidral ta' San Ġwann u l-Qorti.[15]
Ir-raba' bieb (1965-2011)
immodifikaIr-raba' struttura tad-daħla nbniet bejn Ġunju 1964 u Awwissu 1965 skont id-disinni tal-arkitett Alziro Bergonzo, bl-istil tar-Razzjonaliżmu Taljan. Il-bieb kien magħmul minn arkata kwadra prinċipali fin-nofs minn fejn kellu jgħaddi t-traffiku u tnejn oħra iżgħar fuq kull biex iservu bħala passaġġi pedonali għall-pubbliku. Id-disinn fuq din l-istruttura kien awster.[16][19] Fuq dawn l-arkati kienet infetħet triq, li minnha kien jgħaddi t-traffiku li jagħti għal ġewwa l-Belt. It-triq issemmiet għal Papa Piju V.[20]
Il-ħsieb wara dan il-proġett kien fl-ambitu li d-daħla tal-Belt Valletta tiġi żviluppata mill-ġdid flimkien mat-Teatru Rjal. F'Marzu 1965, meta l-kostruzzjoni tad-daħla kienet għadha għaddejja, il-Kamra tal-Periti kkritikat id-disinn bħala "fjask arkitettoniku". L-argumenti li tressqu favur il-bieb kienu li d-daħla kienet toffri veduta aħjar tas-swar, u li d-disinn sempliċi tiegħu kien jirrifletti l-awsterità tal-fortifikazzjonijiet.[16]
Fid-deċennji ta' wara, il-kritika negattiva dwar dan id-disinn baqgħet. Fl-1988, l-arkitett Taljan Renzo Piano ġie avviċinat biex iħejji abbozz biex jiġi żviluppat kompletament l-ambjent qrib id-daħla tal-Belt Valletta fl-1988. Sal -1992 dan l-abbozz kien lest, biss, sab ħafna minn jikkritikah u spiċċa tħalla fuq l-ixkaffa. Fl-2008, il-Gvern reġa' dar fuq dan l-istess proġett u għal darb'oħra avviċina lil Renzo Piano biex il-proġett jibda'.[21] Il-modifiki il-ġodda ta' Renzo Piano ġew żvelati fis-27 ta' Ġunju 2009[22]. Id-daħla ta' Bergonzo twaqqgħet Mejju tal-2011.[23]
Il-ħames bieb (2014)
immodifikaIl-ħames daħla, dik attwali, inbniet bejn l-2011 u l-2014 skont id-disinn ta' Renzo Piano. Din id-daħla tikkonsisti minn fetħa fis-swar, bi blokok kbar tal-ġebel fuq kull naħa li huma separati mill-ħitan tas-swar b'materjal (sheets) tal-azzar. Din id-darba, flok daħla b'bieb li jgħalaq, jew arkata li tirrapreżenta rixtellu, hemm fetħa, bħallikieku issa s-swar ma għandhomx bżonn li jingħalqu, anzi għal kuntrarju is-swar qegħdin jilqgħu bir-rixtellu miftuħ biex in-nies jidħlu l-Belt b'kumdità aktar minn qatt qabel. Iż-żewġ arbli tal-metall, wieħed kull naħa tas-swar, jixbhu lil żewġ lanez jew stendardi, bħallikieku dawn huma miżmuma minn żewġ kavallieri li qed isellmu b'ċerta rispett u attenzjoni lil kull min ikun dieħel u ħiereġ mill-Belt.
Il-proġett ta' Bieb il-Belt jinkludi l-bini taż-żewġ turġien lussużi kif ukoll il-binja tal-Parlament il-ġdid. Ma' dawn ġie ukoll inkluż ir-riabilitazzjoni tat-Teatru Rjal wara li sarlu ammont ta' restawr u xi żidiet, bħala teatru għall-apert. Dan illum hu magħruf bħala Pjazza Teatru Rjal. Il-misraħ, li parti kbira minnu sal-2014 kienet tintuża l-aktar bħala parkeġġ, issa ġie jagħmel parti integrali mill-ambjent ta' Bieb il-Belt. Dan għadu magħruf bl-istess isem, Misraħ il-Ħelsien.[24]
Kommemorazzjonijiet
immodifikaF'Ottobru tal-2014, installazzjoni kontemporanja tal-arti msejħa Prospettiva ġiet inawgurata qrib Triq Ġlormu Cassar li tagħmel parti mill-venda tal-karozzi tal-linja. L-installazzjoni tinkorpora elementi mill-ħames bibien fid-daħla tal-belt tul iż-żmien, u ġiet iddisinjata mill-arkitett Chris Briffa. L-installazzjoni tikkommemora l-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.[25]
Biblijografija
immodifika- De Giorgio Roger, A City By An Order, Progress Press. 1985.
- Wismayer J.M. 'Dingli Gate - An Entrance to a City' A Miscellanea of Historical Records.
- 'The City Gate Project'.
Referenzi
immodifika- ^ De Giorgio, Roger (1985). A City by an Order (bl-Ingliż). Vallettta: Progress Press. p. 112.
- ^ ""Porta Reale Curtain – Valletta" (PDF). National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands. Arkivjat 13-7-2015" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ ""Advanced Ditch – Valletta" (PDF). National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands. Arkivjat 13-07-2015" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-13. Miġbur 2021-03-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Valletta's entrance is to get a radical facelift". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ a b "Valletta: The City Gates". Air Malta Blog (bl-Ingliż). 2014-02-13. Miġbur 2021-03-06.
- ^ "The Remains of the bridge of Porta San Giorgio/Porta Reale". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ "Reviving Porta Reale in Valletta". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ a b "The Many pasts of City Gate - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2021-03-06.
- ^ Schiavone, Michael J. (2009). Dictionary of Maltese Biographies Vol. 1 A–F. Pietà: Pubblikazzjonijiet Indipendenza. p. 731. ISBN 9789993291329.
- ^ "Where the streets have four names". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ "Ellul, Michael (1982). "Art and architecture in Malta in the early nineteenth century". Proceedings of History Week: 5, 17. Arkivjat 22-04-2016" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-22. Miġbur 2021-03-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Fortifications Interpretation Centre, a must-see in Valletta". Malta InsideOut (bl-Ingliż). 2013-12-15. Miġbur 2021-03-06.
- ^ "Frendo, Henry. "Intra-European Colonial Nationalism: The Case of Malta: 1922-1927" (PDF). Melita Historica. 11 (1): 86. Arkivjat 16-04-2016" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-16. Miġbur 2021-03-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ ""Swar, lukandi u x'naf jien", Leħen is-Sewwa, Mons. Prof. A. Bonnici. Aċċessat 06-03-2021" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-22. Miġbur 2021-03-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b "History of a bust". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ a b ċ Muscat, Mark Geoffrey (2016). "The Fascist Interlude and Stile Littorio". Maltese Architecture 1900–1970: Progress and Innovations. Valletta: Fondazzjoni Patrimonju Malti. pp. 57–63. ISBN 9789990932065.
- ^ "Statues of grandmasters at City Gate (1)". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ "The gate triumphant". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ Thake, Conrad (2011). "A PROJECT FOR A 'CENTRO D'ITALIANITÀ' IN MALTA". Malta Historical Society. Melita Historica. XV (4): 445–447. ISSN 1021-6952.
- ^ ""€1.39m to demolish City Gate". di-ve.com".
- ^ "Renzo Piano resurrected for City Gate". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ "Revealed: the new face of Valletta". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ "City Gate bites the dust". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.
- ^ Rix, Juliet (2015). Malta and Gozo. Bradt Travel Guides. p. 118. ISBN 9781784770259.
- ^ "Valletta installation recalls city's gates and celebrates the city of culture". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-06.