Kon-Katidral ta' San Ġwann

Il-Kon-Katidral ta` San Ġwann jinsab fil-Belt Valletta u ġawhra tal-arti u tal-istil Barokk. L-Ordni ta' San Ġwann bena din il-knisja bħala l-Knisja Konventwali tal-Ordni, jiġifieri din kienet il-knisja prinċipali fejn l-Ordni seta' jamministra s-servizzi reliġjużi. Il-knisja bdiet tinbena fl-1572 fi żmien il-Gran Mastru Jean de la Cassière fuq id-disinn tal-arkitett Malti, Ġlormu Cassar. Il-knisja hija ddedikata lil San Ġwann Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni.

Kon-Katidral ta' San-Ġwann
Preżentazzjoni
Qima Kattoliku
Dedikat San Ġwann Battista
Tip Kon-Katidral
Bidu tal-kostruzzjoni 1573
Tmiem ix-xogħlijiet 1577
Perit Ġlormu Cassar
Websajt https://www.stjohnscocathedral.com
Post
Pajjiż Malta
Belt Valletta

Il-faċċata sempliċi, li għandha kampnar kbir fuq kull naħa, hija awstera u għandha l-karattru ta' fortizza li jirrifletti l-istat sobriju tal-Ordni wara l-Assedju l-Kbir. In-navata hija twila 53 metru u wiesgħa 15-il metru u għandha kappelli tal-ġenb fuq kull naħa. Dawn il-kappelli kienu assenjati lid-diversi lingwi skont l-anzjanità. Il-lingwi ta' Franza, l-Italja u Aragona, li kienu predominanti, tqiegħdu l-aktar qrib l-altar.


Kif it-tbexbix tas-seklu 17 daħħal l-istil Barokk ġdid, il-Gran Mastru Kottoner ordna d-dekorazzjoni tal-knisja minn ġewwa. Il-Kavallieri kienu ħerqana li jħabbtuha mal-knejjes kbar ta' Ruma u l-karattru pompuż u dimostrattiv tal-era tahom materjal kemm riedu biex jagħmlu dan. L-artist Kalabriż Mattia Preti, li kien ikkummissjonat b'dan ix-xogħol, bidel ġewwa f'ċelebrazzjoni ta' arti Barokka. Huwa l-kuntrast bejn il-faċċata sempliċi u sobrija tal-binja mal-karattru festiv ta' ġewwa li jagħmel lil San Ġwann monument daqstant uniku.

Il-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca għamel donazzjonijiet sostanzjali lill-Knisja Konventwali tal-Ordni, fosthom żewġ qniepen kbar u tqal fonduti mill-Mastru Funditur tal-Ordni, Aloisio Bouchut, fl-1747 u fl-1748; dawn għadhom imdendlin fil-kampnari tal-Kon-Katidral. Dawn il-qniepen ġew fonduti mill-bronż ta' żewġ bażiliski li ħallew warajhom it-Torok fl-assedju tal-1565.

Kif il-Knisja Konventwali saret Kon-Katidral

immodifika

Bosta jikkonfondu għaliex il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann hu msejjaħ hekk - Kon-Katidral u mhux Katidral. L-Ordni kien bena l-Knisja Konventwali biex din isservi esklużivament bħala knisja tal-Ordni. L-Isqof ta’ Malta qatt ma kellu xi jeddijiet fuq din il-knisja sakemm l-Ordni baqa’ f’Malta. Meta Napuljun keċċa lill-Ordni minn Malta, l-Isqof Labini, immedjatament talab lill-awtoritajiet Franċiżi biex il-knisja ta’ San Ġwann tgħaddi taħt idejh. Din it-talba kienet aċċettata fuq bażi temporanja ta’ sena. Meta mbagħad Malta waqgħet f’idejn l-Ingliżi, dawn ma ridux li l-knisja ta’ San Ġwann tingħata f’idejn l-Isqof ta’ Malta. L-argument tagħhom kien illi jekk il-Knisja Konventwali kienet nbniet mill-Ordni, li kien jiggverna lil Malta, mela l-knisja ta’ San Ġwann kellha bi dritt taqa’ f’idejn l-awtorità governattiva, li f’dan il-każ kienet l-Gvernatur Ingliż. Biss qatt ma azzardaw li jbiddlu din il-knisja f'waħda Anglikana għax kienu jafu li l-konsegwenzi kienu jkunu kbar.

 
Il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann jeħlisha ħafif mill-ħsara tal-attakki mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija

Din il-kwistjoni baqgħet għal bosta snin taħt it-tapit. Sadattant, l-Isqof kellu biża’ kbir li din il-knisja tant prestiġġjuża bir-rikkezzi tagħha xi darba taqa’ f’idejn il-Gvern barrani, li kien ta’ twemmin Anglikan, l-aktar għax issa bdew jiġu l-għalliema Metodisti. L-Isqof Mattei ra kif għamel u ġab l-approvazzjoni mingħand il-Papa biex din il-knisja taqa’ taħt r-responsabbiltà tiegħu. Bi ftehim mal-Gvernatur Ingliż li aċċetta s-sitwazzjoni, fis-27 ta’ Jannar 1816, il-Papa Piju VII ta r-rikonoxximent u eleva l-istatus tal-knisja għal dak ta’ “Kon-Katidral”, jiġifieri Katidral li jaqsam id-dinjità u l-preċedenza onorarja tiegħu mal-Katidral tal-Imdina. Biex ma tinkisirx ir-rieda tajba mal-Gvern Ingliż, b’mod diplomatiku ntlaħaq ftehim li bih l-Gvern Ingliż kellu ċerta setgħa nominali fuq il-Kon-Katidral. B’hekk fuq il-presbiterju b'mod simboliku, mat-tron tal-Isqof tqiegħed ukoll it-tron irriżervat għall-Gvernatur. Intant, l-awtorità tal-Gvernatur vis a vis il-Knisja f’Malta kienet tkun manifestata fl-istess Kon-Katidral f’Jum il-gandlora meta kull sena il-Gvernatur kien jagħmel id-diskors tiegħu lill-kleru minn fuq il-presbiterju. Fi snin aktar riċenti qamu diżgwidi oħra, din id-darba mal-Gvern Malti dwar min kellu d-dritt tal-proprjetà tal-Kon-Katidral.

It-tibdil ta' xogħol artistiku min-Nazzareni

immodifika

Il-pittur famuż Giuseppi Hyzler (1787-1858), artist Malti ta’ dixxendenza Ġermaniża, kien issieħeb ma’ moviment artistiku f'Ruma magħruf bħala n-Nazzareni. Meta ġie lura minn Ruma, fl-1823, hu ħajjar lil bosta artisti Maltin biex isegwu dan l-istil. Hyzler ħadem ħafna ma’ ħuh Vincenzo u mal-assistent tiegħu Giuseppe Calleja, kif ukoll ma’ ħames artisti oħra, l-aktar f’xogħlijiet fil-knejjes. Hyzler kien ħass li l-arti Barokka fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann kienet frivola u esaġerata, u allura ma kienx għad hemm lokha. B’hekk ħa l-inkarigu li jqaxxar l-induratura tal-ħitan u jneħħi l-iskultura Barokka li kien hemm fil-kappelli u n-navata. Kienu laħaq biss dar il-kappella ta’ Franza, (iddedikata lil San Pawl), meta mbagħad ix-xogħol waqaf.

Tul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Kon-Katidral ta' San Ġwann ġarrab ħsarat kbar waqt attakk bil-bombi mill-ajru fuq il-Belt Valletta. Parti mill-Anness sofriet l-aktar u l-knisja nnifisha ħelset qerda totali għal ftit. Il-kampnari u l-Sagristija wkoll saritilhom ħsara kbira u l-bieb prinċipali nfaqa' 'l ġewwa. Fortunatament, dak li kien hemm fil-knisja kien diġà ġie trasferit f'post ieħor fil-ħin.

 
L-intern tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann

L-intern tal-Kon-Katidral, il-biċċa kbira huwa magħmul mill-pittur magħruf Mattia Preti. Suor Maria de Dominici kienet fost l-artisti u assistenti oħra li ħadmu ma' Preti. L-istil huwa dak Barokk u l-intern huwa mżejjen ħafna speċjalment fil-faċċata. Preti ħadem fil-ħitan u pinġa l-artali li kellhom xeni mil-ħajja ta' San Ġwann. Viċin l-entrata prinċipali, wieħed jista' jara' il-monumenti tal-Gran Mastru Fra Marc'Antonio Zondadari.

Opri tal-arti

immodifika
 
Il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann, 1608.

Il-Kon-Katidral huwa mimli b'xogħlijiet importanti tal-arti kemm f'dak li hu pittura kif ukoll skultura. Wieħed mill-aktar xogħlijiet prestiġjużi u importanti huma l-pitturi l-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann u l-Meditazzjoni ta' San Ġirolamu, it-tnejn xogħlijiet tal-pittur famuż Michelangelo Merisi da Caravaggio. Dawn jinsabu fl-Oratorju.

Caravaggio

immodifika

Caravaggio kien ġie Malta fl-1607. Dan l-artist famuż jibqa’ jissemma bħala l-ewwel u l-aqwa esponent tal-istil ta' arti magħruf bħala il-chiaroscuro. Caravaggio jibqa' magħruf ukoll bħala l-artist pijunier tar-Realiżmu. Hu kien jagħżel il-mudelli tiegħu min-nies kwalunkwe li kien jiltaqa’ magħhom. Fl-arti Karavaġġeska jispiċċa l-idealiżmu tas-sbuħija u l-perfezzjoni tal-figura umana. Minflok tispikka r-realtà bid-difetti u anki l-kruha kollha tagħha. Hekk pereżempju fil-pittura ta’ San Ġirolamu, dan il-karattru hu rrappreżentat b'mod mill-aktar uman, bil-fattizzi li jagħmluh bniedem li kien jeżisti verament. Fil-figura ta' dan il-qaddis ma tidhirx figura iddillistika b'wiċċ b'fattizzi perfetti biex il-qaddis ikun perfett fis-sbuħija tiegħu. F'dan ir-ritratt, il-figura għandha l-ġilda mkemxa tal-pala tal-id. Din għandha tonalità ta' kulur differenti minn dik tad-driegħ bajdanija, bħalma jiġri fir-realtà meta bniedem ikun liebes u protett mix-xemx. Karatteristika oħra importanti tal-pitturi ta’ Caravaggio hi l-kompożizzjoni tal-pittura bis-saħħa tad-dawl bħalma naraw fil-kapulavur tiegħu l-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann. Hawn naraw id-dawl fuq l-iġsma tal-karattri ġej minn sors wieħed, minn naħa ta' fuq, bħallikieku l-uniku dawl dieħel mit-tieqa hu dak li hemm fis-saqaf tal-oratorju. Fl-arti, dan id-dawl jissejjaħ, luce della cantina.

Arazzi Fjammingi

immodifika

Fil-mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann hemm sett ta' arazzi magħruf bħala “L-Arazzi Fjammingi” li nġieb Malta fl-1701. L-arazzi kienu kkumissjonati mill-Gran Mastru Perellos biex iżejnu l-Knisja Konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan is-sett hu msejjaħ hekk għaliex kien maħdum minn Judocus de Vos, fil-belt Fjamminga ta’ Brussell. Is-sett hu magħmul minn ħmistax-il biċċa tapizzerija, kull waħda, 7.5 m b’6.5 m, u minn 14-il panew żgħir (kull wieħed 2 m b’7.5 m). Dan is-sett jittratta t-tema tat-“Trijonf tal-Fidi”. Dawn l-arazzi kienu maħdumin fuq disinn ta’ Peter Paul Rubens u ta’ Nicholas Poussielgue. Fl-antik, dawn it-tapizzerji kienu jiddendlu fil-Kon-Katidral għall-festi ta’ Corpus u ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Pentekoste u fl-Imnarja.

Illum il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann hu wkoll post fejn isiru avvenimenti kulturali u hu wieħed mill-attrazzjonijiet l-aktar popolari mat-turisti f'Malta. Huwa amministrat mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann li twaqqfet fl-2001 biex tiżgura l-konservazzjoni u r-restawr kull fejn u meta jkun meħtieġ, kif ukoll tieħu ħsieb id-dħul u li l-finanzi minn dan id-dħul ikunu sostenibbli.