Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista (Caravaggio)

pittura ta’ Caravaggio

Il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann Battista hija pittura biż-żejt fuq it-tila tal-artist Taljan Michelangelo Merisi da Caravaggio, magħruf l-iktar bħala Caravaggio. Skont Andrea Pomella f'Caravaggio: An Artist through Images (Caravaggio: Lenti fuq l-Artist permezz ta' Xbihat) tal-2005, dan ix-xogħol artistiku jitqies mill-biċċa l-kbira tal-istudjużi tal-qasam bħala l-kapulavur ta' Caravaggio, kif ukoll "waħda mill-iktar pitturi importanti tal-Punent".[1] Jonathan Jones iddeskriva Il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann Battista bħala waħda mill-ikbar għaxar opri tal-arti li qatt eżistew: "il-mewt u l-moħqrija tal-bniedem jispikkaw f'dan il-kapulavur, filwaqt li l-iskala u d-dellijiet jbeżżgħu u jippossjedu l-moħħ".[2]

Il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann ta' Caravaggio (1608)

Kompożizzjoni

immodifika

Id-daqs tal-pittura, biż-żejt fuq it-tila, huwa 12-il pied (3.7 metri) bi 17-il pied (5.2 metri).[3] Il-kuluri prominenti huma l-aħmar jgħajjat u l-isfar vivaċi, ilwien komuni fil-perjodu Barokk, u t-teknika ewlenija tal-ombraturi li tispikka hija dik tal-chiaroscuro, il-kuntrast bejn id-dawl u d-dell bil-kuluri jew in-nuqqas tagħhom.[4]

 
Il-Leġġenda tad-Deheb

Il-pittura turi lil San Ġwann Battista b'idejh marbuta wara dahru u mixħut mal-art, liebes l-ilbies emblematiku tiegħu minsuġ bil-pil tal-iġmla u tunika ħamra (li talludi għall-martirju futur ta' kuġinuh Ġesù Kristu), fil-mument meta kien qed jiġi ġustizzjat bil-qtugħ ir-ras, filwaqt li maġenbu hemm tfajla qaddejja lesta b'gabarrè f'idejha biex rasu titpoġġa fih. Ħdejha tidher mara oħra, imdaħħla fiż-żmien, li ġiet identifikata bħala Erodijade, imwaħħxa b'idejha ma' wiċċha hekk kif indunat li l-qtugħ ir-ras mar żmerċ u ma sarx sew mill-ewwel bix-xabla li issa tinstab mal-art.[5][6] Bejnha u l-bojja li qed iżomm ras San Ġwann b'id u li qed jiggranfa sejf b'idu l-oħra, lest biex itemm il-qtugħ ir-ras, jidher raġel ieħor, x'aktarx ħaddiem tal-ħabs, jipponta u jagħti struzzjonijiet lill-bojja. Fuq il-lemin, mit-tieqa ta' ċella b'gradilja, jidhru żewġ irġiel ħabsin inemmsu lejn dak li kien qed jiġri. Ħdejn it-tieqa tidher ħolqa b'ħabel maħlul fejn kien marbut San Ġwann qabel il-qtugħ ir-ras.

Ix-xena, li hija popolari ferm mal-artisti Taljani inġenerali u ma' Caravaggio nnifsu, ma ġietx ispirata direttament mill-Bibbja, iżda minn xi ġrajja rrakkontata fil-Legenda aurea (il-Leġġenda tad-Deheb, ġabra ta' ħaġjografiji ta' Jacopo De Fazio).[7]

Din il-pittura hija l-unika xogħol artistiku ffirmat ta' Caravaggio. Il-firma tal-artist tinsab fid-demm aħmar li qed igelgel mill-għonq imħanxar ta' San Ġwann Battista.[8] Hemm spazji vojta konsiderevoli fil-pittura, iżda peress li t-tila hija pjuttost kbira, il-protagonisti tal-pittura għandhom kważi d-daqs reali ta' bniedem.[9]

Caravaggio pitter l-isfond ta' din il-pittura mill-memorji li kellu personalment miż-żmien li kien qatta' f'ħabs tal-Kavallieri ta' Malta.[10] Laqta karatteristika tal-aħħar pitturi ta' Caravaggio, li tidher anke f'din il-pittura, hija l-minimaliżmu tal-għadd ta' affarijiet li jidhru u tad-dettall tagħhom.[11]

 
Salomè b'Ras San Ġwann Battista, Caravaggio (1610), Londra

Caravaggio temm din il-pittura fl-1608 f'Malta, fuq kummissjoni mill-Kavallieri ta' Malta bħala pittura għal fuq l-artal tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann,[1][12] l-ikbar waħda ta' din ix-xorta li qatt laħaq pitter l-artista Taljan.[13] Il-pittura għadha tinsab fil-Kon-Katidral stess, fil-Belt Valletta, il-post fejn Caravaggio nnifsu sar kavallier għal żmien qasir.[8][13] Is-servizz ta' Caravaggio lill-Ordni ta' San Ġwann ma tantx kien wieħed twil u f'qasir żmien sar wieħed mimli għawġ, tant li l-artist sar meqjus bħala maħrub, wara li rnexxielu jaħrab mill-ħabs fejn kien miżmum għal xi reat mhux irreġistrat. Għalhekk, sitt xhur wara li Caravaggio kien sar kavallier, tneħħa minnufih in absentia mill-Ordni tal-Kavallieri minħabba li ma kienx ġab ruħu bħala membru xieraq. Jingħad li ċ-ċerimonja tat-tneħħija tat-titlu ta' kavallier ta' Caravaggio seħħet proprju fl-Oratorju quddiem din il-pittura tiegħu stess.[6][14]

Caravaggio pitter diversi opri oħra li juru l-mumenti eżatt wara l-avveniment tal-qtugħ ir-rus ta' San Ġwann li pitter f'din il-pittura. Waħda minn dawn il-pitturi tinsab fil-Gallerija Nazzjonali ta' Londra, ir-Renju Unit; oħra, fil-Palazz Irjali ta' Madrid, Spanja. Jingħad li waħda minn dawn il-pitturi tista' tkun dik li Caravaggio x'aktarx kien bagħat lil Alof de Wignacourt biex jintogħġob mal-Gran Mastru tal-Kavallieri li kien keċċa lill-artist mill-Ordni.[15]

 
Salomè b'Ras San Ġwann Battista, Caravaggio (1609), Madrid

Il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann Battista kienet ġarrbet ħsarat estensivi[16], minkejja li kien sarilha xi xogħol ta' restawr fis-snin 50 tas-seklu 20 qabel wirja notevoli f'Ruma fl-1955-56, li permezz tagħha l-pittura saret magħrufa sew.[17] Kien proprju waqt ir-restawr li tfaċċat il-firma ta' Caravaggio li kien għamel fid-demm tal-pittura.[18] Il-firma qajmet bosta argumenti u diżgwidi. Il-pittura hija ffirmata f. Michelang.o (l-ittra f tindika l-fratellanza tiegħu fl-Ordni)[19], iżda jingħad popolarment li Caravaggio tabilħaqq kien iffirma "Jien, Caravaggio, għamilt dan" bħala konfessjoni ta' xi reat li kien wettaq l-artist — x'aktarx marbut mal-mewta fl-1606 ta' Ranuccio Tomassoni li kienet wasslet biex Caravaggio jaħrab minn Ruma.[20][21][22]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b Pomella, Andrea (2005). Caravaggio: an artist through images (bl-Ingliż). ATS Italia Editrice. p. 106. ISBN 978-88-88536-62-0.
  2. ^ Jones, Jonathan (2014-03-21). "The 10 greatest works of art ever" (bl-Ingliż). The Guardian. Miġbur 2021-02-12.
  3. ^ Partel, Francis J. (2011). The Chess Players, a Novel of the Cold War at Sea (bl-Ingliż). Navy Log LLC. p. 287. ISBN 9780615414515.
  4. ^ Sammut, E. (1949). "Caravaggio in Malta". Scientia (bl-Ingliż). 15 (2): 88.
  5. ^ Harris, Ann Sutherland (2005). Seventeenth-century art & architecture (bl-Ingliż). Laurence King Publishing. p. 48. ISBN 978-1-85669-415-5.
  6. ^ a b Gaul, Simon. Malta Gozo & Comino, 4th (bl-Ingliż). New Holland Publishers. p. 109. ISBN 978-1-86011-365-9.
  7. ^ Hibbard, Howard (1983). The Caravaggio: Reflections on Political Change and the Clinton Administration (bl-Ingliż). Harper & Row. p. 228. ISBN 978-0-06-430128-2.
  8. ^ a b Rowland, Ingrid Drake (2005). From heaven to Arcadia: the sacred and the profane in the Renaissance (bl-Ingliż). New York Review of Books. p. 163. ISBN 978-1-59017-123-3.
  9. ^ Hibbard (1985), p. 232.
  10. ^ Varriano, John L. (2006). Caravaggio: the art of realism (bl-Ingliż). Penn State Press. p. 116. ISBN 978-0-271-02717-3.
  11. ^ Varriano (2006), p. 125.
  12. ^ Varriano (2006), pp. 74, 116.
  13. ^ a b Patrick, James (2007). Renaissance and Reformation (bl-Ingliż). Marshall Cavendish. p. 194. ISBN 978-0-7614-7651-1.
  14. ^ Warwick, Genevieve (2006). Caravaggio: Realism, Rebellion, Reception (bl-Ingliż). University of Delaware Press. p. 30. ISBN 978-0-87413-936-5.
  15. ^ Hibbard (1985), 249.
  16. ^ Hagen, Rose-Marie; Hagen, Rainer (2002). What great paintings say (bl-Ingliż). Taschen. p. 216. ISBN 978-3-8228-2100-8.
  17. ^ Hibbard (1985), p. 230.
  18. ^ Hammill, Graham L. Sexuality and Form: Caravaggio, Marlowe, and Bacon (bl-Ingliż). University of Chicago Press. p. 95. ISBN 978-0-226-31519-5.
  19. ^ Warwick (2006), p. 15.
  20. ^ Pencak, William (2002). The films of Derek Jarman (bl-Ingliż). McFarland. p. 70. ISBN 978-0-7864-1430-7.
  21. ^ Peachment, Christopher (2003). Caravaggio (bl-Ingliż). Macmillan. p. 168. ISBN 978-0-312-31448-4.
  22. ^ Jackson, Earl (1995). Strategies of deviance: studies in gay male representation (bl-Ingliż). Indiana University Press. p. 81. ISBN 978-0-253-33115-1.