Ġorġ Borg Olivier

Prim Minstru ta' Malta (1950-55 + 1962-1971)

Ġorġ Borġ Olivier (Valletta, 5 ta' Lulju 1911Sliema, 29 ta' Ottubru 1980) kien politiku Malti, magħruf l-aktar għall-kariga tiegħu bħala Prim Ministru ta' Malta, li fl-1964 ġab l-Indipendenza ta' Malta.

Ġorġ Borg Olivier
1. Ministru għall-Affarijiet Barranin

21 Settembru 1964 - 21 Ġunju 1971 - Dom Mintoff
2. Ministru tal-Finanzi ta' Malta

1963 - 1964
Giovanni Felice (en) Translate - Tommaso Caruana Demajo
Prim Ministru ta' Malta

5 Marzu 1962 - 21 Ġunju 1971
Dom Mintoff - Dom Mintoff
Prim Ministru ta' Malta

20 Diċembru 1950 - 11 Marzu 1955
Enrico Mizzi - Dom Mintoff
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

1947 -
Ħajja
Twelid Valletta, 5 Lulju 1911
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt Tas-Sliema, 29 Ottubru 1980
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Kawża tal-mewt  (mard)
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
Premjijiet

Tfulija u żgħożija

immodifika

Ġorġ Borg Olivier twieled il-Belt Valletta, iben Olivier Borg Olivier de Puget Paleologo (1866–1939) u Rosa Amato-Pace. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta' Malta, minn fejn iggradwa bħala avukat fl-1937.

Il-ħajja politika

immodifika

Fl-1939 Borg Olivier ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern. Fl-1947 kien elett fl-Assemblea Leġislattiva f'isem il-Partit Nazzjonalista.

Prim Ministru (1950–1955)

immodifika

Meta l-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Enrico Mizzi, fl-1950 intalab imexxi gvern ta' minoranza, Borg Olivier inħatar Ministru tax-Xogħol u Rikostruzzjoni u Ministru tal-Edukazzjoni. Wara l-mewt ta' Nerik Mizzi tliet xhur biss wara li dan sar Prim Ministru, f'Diċembru tal-1950 Borg Olivier, ta' 39 sena, inħatar Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja. Wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-1951, Borg Olivier ifforma Gvern ta' koalizzjoni mal-Malta Workers Party ta' Pawlu Boffa. Borg Olivier reġa' sar Prim Ministru u kien ukoll il-Ministeru tax-Xogħol u Rikostruzzjoni. Fl-1953, huwa reġa' mexxa l-Gvern ta' koalizzjoni flimkien mal-Malta Workers Party.

Kap tal-Oppożizzjoni (1955–1958)

immodifika

L-elezzjoni tal-1955 intrebħet mill-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff. Mill-1955 sal-1958 Borg Olivier kien Kap tal-Oppożizzjoni. Bejn Ġunju u Settembru tal-1955 hu mexxa delegazzjonijiet fil-Malta Round Table Conference u f'Novembru tal-1958 mexxa delegazzjoni għal taħdidiet f'Londra biex Malta terġa' tingħata d-dritt li tiggverna lilha nnifisha.

Prim Ministru (1962–1971)

immodifika

Wara l-elezzjoni ta' Frar tal-1962, iddominata mill-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża bejn il-Knisja u l-Partit Laburista, Borg Olivier reġa' sar Prim Ministru fi gvern ta' koalizzjoni. Kellu wkoll f'idejh il-Ministeru tal-Ippjanar Ekonomiku u Finanzi.

L-Indipendenza ta' Malta

immodifika

F'Ġunju tas-sena 1962, hu għamel talba formali biex Malta ssir indipendenti u f'Settembru 1962 attenda l-laqgħa tal-Prim Ministri tal-Commonwealth. Fit-13 ta' Lulju, 1963, Borg Olivier mexxa delegazzjoni tal-Gvern Malti fil-Konferenza dwar l-Indipendenza ta' Malta u li fi tmiemha tħabbar li Malta ser issir indipendenti. Kellu diversi taħdidiet mal-Gvern Ingliż. Il-Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti għaddiet mill-Parlament, u approvata mill-poplu f'referendu fi Frar tal-1964. Nhar il-21 ta' Settembru, 1964, Malta saret pajjiż indipendenti. Dakinhar Borg Olivier tkellem hekk fl-Arena tal-Indipendenza, il-Furjana, huwa u jindirizza lill-Prinċep Filippu, Duka ta' Edinbera:

 Jekk jogħġob lill-Altezza Irjali tiegħek għan-nom tal-Gvern u tal-Poplu ta' Malta jien noffri r-ringrazzjamenti sinċieri tiegħi talli bl-ordni tal-Maesta' Tagħha tajtni d-dokumenti kostituzzjonali li jiġbru fihom l-Indipendenza ta' Malta.

Din is-siegħa solenni tibqa' tiġi mfakkra għal dejjem minna, sudditi leali tal-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II b'sodisfazzjon kbir u bi kburija u tiġi reġistrata fl-annali ta' l-istorja tagħna. L-imħabba sinċiera tal-poplu tagħna lejn il-Maestà Tagħha ġiet murija biżżejjed fil-passat u r-rabtiet illi jgħaqqdu l-poplu tagħna mat-tron tabilfors jissaħħu meta wieħed jaf illi bħala pajjiż indipendenti aħna ma għandniex lealtà oħra ħlief lejn il-Maestà Tagħha bħala r-Reġina tagħna.

Bir-rispett kollu jiena nitlob lill-Altezza Irjali Tiegħek biex twassal lill-Maestà Tagħha l-gratitudni l-aktar sinċiera tagħna talli ġentilment għoġobha tkun ir-Reġina tagħna. Aħna noffru t-talb umli tagħna biex hija tirrenja fuqna għal żmien twil u fil-prosperità. Bil-permess ta' l-Altezza Irjali Tiegħek jiena issa sejjer ngħid xi ftit kelmiet bil-Malti lill-poplu maħbub tiegħi.

Ħuti Maltin u Għawdxin. Il-programm uffiċjali jippermettili ftit minuti biex jien l-lum, meta qed naraw il-bandiera tagħna tperper fuq gżira indipendenti nifraħ magħkom, nifraħ magħkom u niftakar f'dawk kollha illi qabilna min ftit u min wisq, min b'mod u min b'ieħor ħadem biex jara dil-ġurnata.

Nirringrazzjaw 'il Alla illi tana x-xorti nkunu aħna illi flimkien qegħdin naraw ir-rappreżentant speċjali tal-Maestà Tagħha jagħtina dokument ta' kostituzzjoni li tagħmel Malta indipendenti u sovrana. Dokument illi jtina kostituzzjoni irrevokabbli, ma jista' jeħodilna ħadd, ma jista' ħadd ineħħilna l-indipendenza tagħna, kostituzzjoni illi ħdimna għaliha kemm flaħna u għandna s-sodisfazzjon ngħidu illi meta snin ilu wieħed kien isemmi Malta barra minn pajjiżna konna nieħdu d-diżappunt li naraw ħafna nies tista' tgħid tal-pajjiżi kollha anke viċin illi ma kienu jafu xejn fuq Malta, lanqas jafu fejn hi Malta jekk kienu jafu li kienet teżisti. Il-lum intom u jiena u sħabi tal-kabinett poġġejna Malta fuq il-mappa darba għal dejjem.

Għandna s-sodisfazzjon naraw delegati minn kull naħa tad-dinja illi ġew jieħdu pjaċir magħna u aħna nirringrazzjawhom, nibqgħulhom grati talli ġew juru l-ferħ tagħhom magħna f'din il-ġurnata hekk storika, hekk għażiża li ma ninsewha qatt. Dawn id-delegati kollha qed jixhdu l-lum illi Malta ħadet l-indipendenza tagħha u jridu jixhdu 'l quddiem għaliex il-lum raw Malta x'inhija, il-lum raw id-determinazzjoni u l-kuraġġ; jeħtieġ jibqgħu jixhdulna illi aħna nimmeritaw, aħna denji ta' l-indipendenza u tas-sovranità illi akkwistajna għal pajjiżna. L-indipendenza ma tfissirx illi se ġġibna pajjiż li ma għandu bżonn 'l ħadd, illi n-nies tiegħu ma għandhomx bżonn jaħdmu, illi ma għandhomx bżonn għajnuna ta' ħbieb.

L-indipendenza tfisser illi rridu naħdmu forsi aktar u aktar bil-qalb għaliex irridu nagħtu prova lid-dinja illi l-indipendenza li ksibna aħna verament nimmeritawha, nafu naħdmu demokratikament, nafu lill-poplu tagħna mmexxuh lejn il-bon ordni u l-liġi fil-pajjiż, lejn il-prosperità ekonomika, lejn il-ġid tagħna, ta' wliedna u ta' wlied uliedna. 

F'Marzu tal-1965, Borg Olivier ħa f'idejh ukoll il-Ministeru tal-Commonwealth u l-Affarijiet Barranin.

L-elezzjonijiet tal-1966

immodifika

Fl-elezzjonijiet ġenerali li saru f' Marzu 1966, il-Partit Nazzjonalista reġa' tela' fil-Gvern, u Borg Olivier inħatar Prim Ministru u Ministru tal-Commonwealth u l-Affarijiet Barranin.

Kap tal-Oppożizzjoni (1971–1976)

immodifika

Fl-1971 u fl-1976, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali. Fl-1974, Borg Olivier ivvota kontra fil-Parlament li Malta ssir Repubblika, b'differenza mill-pożizzjoni li ħadet il-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti. Wara t-telfa elettorali tal-1976, il-Partit Nazzjonalista għażel lil Eddie Fenech Adami bħala Kap minfloku.

Titoli u unuri

immodifika
  • F'Jum l-Indipendenza, il-21 ta' Settembru 1964, Borg Olivier ingħata Dottorat fil-Letteratura (Honoris Causa) mill-Università Rjali ta' Malta.
  • Fil-25 ta' Ġunju 1964, Papa Pawlu VI tah it-titolu ta' Kavallier tas-Salib tal-Ordni ta' San Silvestru.
  • F'Novembru tal-1964, kellu udjenza mal-Papa Pawlu VI fejn ingħata t-titolu ta' Kavallier tas-Salib tal-Papa Piju IX.
  • Fl-14 ta' Ġunju 1968, Borg Olivier ingħata l-midalja tal-mertu tas-Salib tal-Ordni ta' Malta mill-Gran Mastru tal-Ordni Sovrana Militari Ospitalieri ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm, Rodi u Malta.

Ħajja personali

immodifika

Borg Olivier iżżewweġ lil Alexandra Mattei (mietet nhar il-25 ta' Frar 2009) fl-1943. Huma kellhom tlett itfal: Angela (mietet 18 ta' Frar 2008), Alexander u Peter. Il-Gvern Laburista ta' Mintoff ta lil Ġorġ Borg Olivier funeral statali fl-1980.

F'Ġunju 2010, iż-żewġ ulied subien ta' Borg Olivier iddeċiedew li jagħmlu irkant ta' diversi oġġetti ta' missierhom, fosthom kwadri, għamara, pitturi, mapep, u affarijiet dekorattivi. Fosthom kien hemm l-iskrivanija personali ta' Borg Olivier li nbiegħet għal 25,000 ewro.

Ħoloq esterni

immodifika
Predeċessur
Enrico Mizzi
Prim Ministru ta' Malta
1950–1955

Suċċessur
Dom Mintoff

Predeċessur
Dom Mintoff
Kap ta' l-Oppożizzjoni
1955–1958

Suċċessur
Uffiċċju abolit

Predeċessur
Uffiċċju abolit
Prim Ministru ta' Malta
1962–1971

Suċċessur
Dom Mintoff

Predeċessur
Dom Mintoff
Kap ta' l-Oppożizzjoni
1971–1977

Suċċessur
Eddie Fenech Adami

Predeċessur
Enrico Mizzi
Kap tal-Partit Nazzjonalista
1950–1977

Suċċessur
Eddie Fenech Adami