Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fir-Russja
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Unjoni Sovjetika rratifikat il-Konvenzjoni fit-12 ta' Ottubru 1988, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha, inkluż tar-Russja, setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
L-ewwel ħames Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Unjoni Sovjetika tniżżlu fil-lista fl-14-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li sar f'Banff, Alberta, il-Kanada, f'Diċembru 1990. Minn dawk il-ħames siti, tlieta jinsabu fil-Federazzjoni Russa attwali: il-monumenti ta' San Pietruburgu (li dak iż-żmien kienet Leningrad), Kizhi Pogost, u l-Kremlin ta' Moska u l-Pjazza l-Ħamra.
B'kollox, ir-Russja għandha 32 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-iżjed sit reċenti li tniżżel huwa dak tal-Pajsaġġ Kulturali tal-Lag ta' Kenozero, fl-2024. B'kollox hemm 21 sit kulturali u ħdax-il sit naturali. Erba' siti huma transnazzjonali. L-Istmu Kuronjan huwa kondiviż mal-Litwanja, il-Pajsaġġi ta' Dauria u l-Baċir tal-Lag ta' Uvs huma kondiviżi mal-Mongolja, u l-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa kondiviż ma' disa' pajjiżi oħra.
Siti ta' Wirt Dinji
immodifikaL-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[3]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Stampa | Post | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-Għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Ċentru Storiku ta' San Pietruburgu u Gruppi ta' Monumenti Relatati | San Pietruburgu | 1990 | i, ii, iv, vi (kulturali) | San Pietruburgu ġiet ikkonċepita mill-Ksar Pietru l-Kbir bħala l-belt kapitali l-ġdida u belt portwali max-xtut tax-xmara Neva, fil-Golf tal-Finlandja. Il-belt inbniet fil-bidu tas-seklu 18 fuq art ikkumplikata ta' mraġ, torbiera u blat. Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkludi ċ-ċentru storiku tal-belt bl-arkitettura Barokka u Neoklassika tagħha, kif ukoll il-monumenti u l-palazzi tal-madwar, bħal dawk f'Pushkin u f'Petergof. Binjiet notevoli fil-belt jinkludu l-Palazz tax-Xitwa (fl-istampa, li issa jospitaw il-Mużew tal-Hermitage), il-Binja tal-Ammirall, u l-Palazz tal-Irħam. Fis-seklu 20, fil-belt seħħet ir-Rivoluzzjoni ta' Ottubru u l-Assedju ta' Leningrad matul it-Tieni Gwerra Dinjija.[4] | |
Kizhi Pogost | Karelia | 1990 | i, iv, v (kulturali) | Il-kumpless arkitettoniku ta' Kizhi Pogost fuq il-Gżira ta' Kizhi fil-Lag ta' Onega jinkludi żewġ knejjes tal-injam tas-seklu 18 (il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni u l-Knisja tal-Interċessjoni) u torri tal-arloġġ tas-1862. Dawn inbnew bi stil artistiku uniku u jirrappreżentaw l-apoġew tat-tekniki Russi tax-xogħol bl-injam. Għalkemm il-binjiet sarulhom xi tiswijiet minn żmien għal żmien, ma ġewx rikostruwiti b'mod sinifikanti.[5] | |
Kremlin ta' Moska u l-Pjazza Ħamra | Moska | 1990 | i, ii, iv, vi (kulturali) | Il-Kremlin ta' Moska huwa l-eqdem parti ta' Moska, li ssemma għall-ewwel darba fl-1147. Fis-seklu 13, intuża bħala s-sede tal-Gran Dukat ta' Moska u bħala ċentru reliġjuż. Is-swar u t-torrijiet inbnew fl-aħħar tas-seklu 15 u fil-bidu tas-seklu 16, flimkien mal-knejjes li ġew iddisinjati minn arkitetti Taljani mistiedna u li juru influwenzi tar-Rinaxximent Taljan. Il-Katidral tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna kien is-sit tal-inkurunazzjonijiet u l-Katidral tal-Arkanġlu ntuża bħala s-sit funebri tal-prinċpijiet u l-ksars Russi. Il-binjiet ċiviċi nbnew fis-sekli 18 u 19. Il-Pjazza Ħamra tinsab barra mill-ħitan tal-Kremlin. Il-Katidral ta' San Bażilju jinsab fit-tarf tal-Pjazza Ħamra (fl-istampa).[6] | |
Monumenti Storiċi f'Novgorod u fl-Inħawi | Oblast ta' Novgorod | 1992 | ii, iv, vi (kulturali) | Novgorod kienet l-ewwel belt kapitali tar-Rus ta' Kiev fis-seklu 9 u l-belt kapitali tar-Repubblika ta' Novgorod mis-sekli 12 sa 15. Il-belt tinsab f'salib it-toroq tar-rotot kummerċjali li jikkollegaw it-Tramuntana tal-Ewropa mal-Asja Ċentrali u l-Imperu Biżantin. Il-belt kibret u saret wieħed mill-iżjed ċentri importanti tal-arti u tal-kultura Russa, kif ukoll ċentru spiritwali. Il-maġġoranza tal-monumenti ppreservati fil-belt, bħall-knejjes u l-monasteri, imorru lura għall-perjodu tar-Repubblika ta' Novgorod.[7] | |
Kumpless Kulturali u Storiku tal-Gżejjer Solovetsky | Oblast ta' Arkhangelsk | 1992 | iv (kulturali) | Sitt gżejjer fl-arċipelagu fil-Baħar Abjad ilhom abitati mis-seklu 5 Q.K. Monasteru ffortifikat ta' Solovetsky ġie stabbilit fis-snin 30 tas-seklu 15 u baqa' attiv sas-snin 20 tas-seklu 20 meta ġie kkonvertit f'ħabs taħt is-sistema tal-Gulag. Il-ħabs għalaq fl-1939 u l-kumpless minn dak iż-żmien irritorna għand il-knisja Ortodossa. Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkludi l-kumpless tal-monasteru, eks villaġġ monastiku, ċelel monastiċi u eremitaġġi, siti preistoriċi, imfakar tal-ħabs, u l-pajsaġġ kulturali tal-madwar imsawwar min-nies li jgħixu fil-kundizzjonijiet diffiċli u fl-imbiegħed tat-Tramuntana.[8] | |
Monumenti Bojod ta' Vladimir u ta' Suzdal | Oblast ta' Vladimir | 1992 | i, ii, iv (kulturali) | Vladimir u Suzdal kienu l-irħula prinċipali tal-Prinċipat ta' Vladimir u Suzdal fis-sekli 12 u 13. Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkludi l-monumenti bi stil arkitettoniku uniku żviluppat fir-reġjun. Il-monumenti huma l-Katidral tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, il-Katidral ta' San Dimitri, u d-Daħla tad-Deheb fi Vladimir, il-Kastell tal-Prinċep u l-Knisja tal-Interċessjoni max-xmara Nerl f'Bogolyubovo, il-Kremlin ta' Suzdal, il-Katidral tan-Natività, u l-Monasteru tas-Salvatur u San Ewtimju (fl-istampa) f'Suzdal, u l-Knisja ta' San Boris u San Gleb f'Kideksha.[9] | |
Kumpless Arkitettoniku tal-Lavra tat-Trinità ta' San Serġjo f'Sergiev Posad | Oblast ta' Moska | 1993 | ii, iv (kulturali) | Il-monasteru f'Sergiev Posad huwa l-iżjed monasteru u ċentru spiritwali Russu importanti tal-Knisja Ortodossa Russa, u huwa wkoll is-sede tal-Patriarka. Ġie stabbilit fl-1337 u żviluppa matul is-sekli. Il-Katidral tat-Trinità imur lura għall-1422 u fih l-iżjed ikona famuża ta' Andrei Rublev, It-Trinità. Il-Katidral tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, mit-tieni nofs tas-seklu 16, fih il-qabar tal-Ksar Boris Godunov u tal-familja tiegħu. Il-kumpless huwa mdawwar b'ħitan difensivi ħoxnin li pproteġuh matul l-assedju Pollakk-Litwan tal-1610.[10] | |
Knisja tat-Tlugħ is-Sema, Kolomenskoye | Moska | 1994 | ii (kulturali) | Il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema nbniet fl-1532 sabiex tfakkar it-twelid tal-Ksar futur Ivan it-Terribbli. Il-knisja hija sinifikanti minħabba s-saqaf tal-ġebel tagħha b'għamla ta' tinda, karatteristika arkitettonika innovattiva fl-arkitettura Russa; tali soqfa qabel kienu nbnew fi strutturi tal-injam. Is-saqaf jitla' 'l fuq minn bażi ottagonali u fih diversi elementi dekorattivi msejħa kokoshniks. Il-knisja kellha influwenza qawwija fuq l-arkitettura tal-knejjes Russi sa nofs is-seklu 17.[11] | |
Foresti Verġni ta' Komi | Repubblika ta' Komi | 1995 | vii, ix (naturali) | Il-foresti verġni ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji jkopru 32,000 kilometru kwadru (12,000 mil kwadru) fil-Muntanji tal-Ural. Jikkonsistu minn foresti boreali (tajga), tundra, u tundra Alpina. L-iżjed speċijiet ta' siġar komuni huma l-koniferi, is-siġar tal-luq, u betulli. Hemm ukoll torbieri estensivi.[12] | |
Lag ta' Baikal | Oblast ta' Irkutsk, Buryatia | 1996 | vii, viii, ix, x (naturali) | B'fond ta' 1,700 metru (5,600 pied, il-Lag ta' Baikal huwa l-iżjed lag fond fid-dinja u fih madwar 20 % tal-ilma ħelu mhux iffriżat tad-dinja. Huwa wkoll l-eqdem lag fid-dinja, b'età ta' 25 miljun sena. Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, fih jgħixu ġabra unika ta' flora u fawna tal-ilma ħelu, b'bosta speċijiet endemiċi.[13] | |
Vulkani ta' Kamchatka | Kamchatka Krai | 1996 | vii, viii, ix, x (naturali) | Il-Peniżola ta' Kamchatka fiha densità kbira ta' vulkani attivi u karatteristiċi vulkaniċi assoċjati, kif ukoll bosta glaċieri. Fl-inħawi jgħixu speċijiet bħal-lontra tal-baħar, l-ors kannella, l-ajkla tad-denb abjad u l-ajkla tal-baħar ta' Steller. Fix-xmajjar jirriproduċu speċijiet salmonidi. Il-konfini tas-sit ġew estiżi fl-2001 sabiex jiġu inklużi sitt inħawi b'kollox. Fl-istampa hemm il-vulkan ta' Klyuchevskaya Sopka.[14] | |
Muntanji tad-Deheb ta' Altai | Repubblika ta' Altai | 1998 | x (naturali) | Dan is-sit jinkludi r-Riżervi Naturali ta' Altai u ta' Katun, il-Lag ta' Teletskoye, il-Muntanja ta' Belukha, u l-Promontorju ta' Ukok. L-inħawi huma importanti fid-dawl tal-bijodiversità, b'żoni ta' veġetazzjoni f'altitudnijiet differenti li jvarjaw minn steppi, steppi forestali, foresti mħallta, għal veġetazzjoni sub-Alpina u Alpina. Fl-inħawi jgħixu wkoll il-leopardi tal-borra.[15] | |
Kumpless Storiku u Arkitettoniku tal-Kremlin ta' Kazan | Tatarstan | 2000 | ii, iii, iv (kulturali) | Il-Ksar Ivan it-Terribbli ħakem il-belt ta' Kazan mill-Kanat ta' Kazan (is-suċċessuri tal-Ġemgħa tad-Deheb) fl-1552 u bnew il-Kremlin fuq is-sit ta' fortizza tat-a Tatari. Il-binjiet fiċ-ċittadella, li l-biċċa l-kbira minnhom inbnew bejn is-sekli 16 u 19, jirriflettu l-interazzjoni tal-influwenzi Russi u Tatari, kif ukoll tal-fidi Kristjana u Musulmana. Il-Moskea ta' Kul Sharif hija struttura ġdida, li nbniet fis-seklu 21 fuq is-sit ta' moskea iktar bikrija.[16] | |
Kawkasu tal-Punent | Krasnodar Krai | 1999 | ix, x (naturali) | Dan is-sit huwa magħmul minn seba' komponenti (inkluż ir-Riżerva Naturali tal-Kawkasu) fin-naħa tal-Punent tal-muntanji tal-Kawkasu, li jirrappreżentaw waħda mill-ftit żoni forestali muntanjużi li ma ġewx immodifikati b'mod sinifikanti mill-attivitajiet tal-bniedem. Fihom varjetà wiesgħa ta' ekosistemi minn artijiet fil-baxx għaż-żona sub-Alpina. Fihom diversi speċijiet ta' annimali u ta' pjanti u huma siti ta' introduzzjoni mill-ġdid ta' sottospeċijiet muntanjużi tal-biżont Ewropew.[17] | |
Kumpless tal-Monasteru ta' Ferapontov | Oblast ta' Vologda | 2000 | i, iv (kulturali) | Il-monasteru ġie stabbilit minn San Ferapont fl-1398 fl-art inospitabbli tat-Tramuntana tar-Russja. Il-binjiet imorru lura mis-seklu 15 sa 17, b'ħajt tal-ġebel li żdied fis-seklu 19. Il-monasteru huwa eżempju prim ta' komunità monastika Ortodossa Russa minn dak il-perjodu, u ġie ppreservat tajjeb ħafna. Il-Katidral tan-Natività tal-Madonna (li nbena fl-1490 minn mastri minn Rostov) għandu l-ħitan tiegħu minn ġewwa li huma mpittrin bl-affreski mill-mastru Dijoniżju.[18] | |
Istmu Kuronjan* | Neringa, Klaipeda, il-Litwanja u Kaliningrad, ir-Russja | 2000 | v (kulturali) | L-Istmu Kuronjan huwa għaram tar-ramel twil 98 kilometru (istmu tar-ramel) li jissepara l-Laguna Kuronjana mill-Baħar Baltiku, ilu abitat mill-preistorja. Attivitajiet intensivi ta' qtugħ tas-siġar fis-sekli 17 u 18 wasslu biex l-għaram tar-ramel iċċaqilqu lejn il-Laguna, u f'dan il-proċess difnu l-eqdem insedjamenti. Ix-xogħol ta' stabilizzazzjoni tad-duni beda fis-seklu 19 u għadu għaddej. Jinkludi l-bini ta' xifer protettiv tad-duni, kif ukoll it-tħawwil tas-siġer u tas-sies tax-xitel. Maż-żmien, uħud mill-villaġġi antiki tas-sajjieda ġew ittrasformati f'postijiet turistiċi, bil-fanali, il-mollijiet, il-knejjes, l-iskejjel u l-vilel li saru attrazzjonijiet turistiċi. Iż-żona hija importanti wkoll għall-flora u għall-fawna ta' fuq ir-ramel, u bħala sit tal-passa tal-għasafar. Il-parti tat-Tramuntana tal-Istmu tinsab fil-Litwanja, filwaqt li l-parti tan-Nofsinhar tinsab fl-Oblast ta' Kaliningrad, ir-Russja.[19] | |
Sikhote-Alin Ċentrali | Primorsky Krai | 2001 | x (naturali) | Dan is-sit jinkludi tliet komponenti fil-katina muntanjuża ta' Sikhote-Alin: ir-Riżerva Naturali ta' Sikhote-Alin, ir-Riżerva Żooloġika ta' Goralij, u l-Wied tax-xmara Bikin (miżjud bħala estensjoni fl-2018, fl-istampa). Il-foresti miti jirrappreżentaw punt ta' lqugħ uniku bejn it-tajga u s-subtropiċi, u jospitaw speċijiet bħat-tigra Siberjana, l-ors iswed tal-Himalayas, iċ-ċerv tal-misk Siberjan, il-ballottra Siberjana u ż-żibellin.[20] | |
Baċir tal-Lag ta' Uvs* | Tuva | 2003 | ix, x (naturali) | Dan is-sit transnazzjonali huwa magħmul minn seba' komponenti fir-Russja u ħames komponenti fil-Mongolja. Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs huwa baċir endorejku bi drenaġġ fil-Lag ta' Uvs li huwa lag kbir, baxx u mielaħ ħafna. Il-baċir fih varjetà wiesgħa ta' ħabitats, inkluż artijiet mistagħdra, steppi, tipi differenti ta' foresti, ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-ilma mielaħ, kif ukoll it-tundra muntanjuża. Iż-żona tospita diversi speċijiet ta' għasafar, leopardi tal-borra, il-gerbils tal-Mongolja, l-argali, u l-mogħoż tal-barr Siberjani.[21] | |
Ċittadella, Belt Antika u Binjiet tal-Fortizza ta' Derbent | Dagestan | 2003 | iii, iv (kulturali) | Derbent, l-eqdem belt fir-Russja, tinsab fi pjanura dejqa bejn il-Baħar Kaspju u l-muntanji tal-Kawkasu. Minħabba l-pożizzjoni strateġika tal-belt bejn l-Ewropa u l-Asja, diġà kienu nbnew strutturi difensivi fl-ewwel millenju Q.K. għall-kontroll tal-passaġġ. Żewġ ħitan paralleli nbnew fis-sekli 5 u 6 W.K. mill-Imperu tas-Sassanidi, u għad hemm fdalijiet tagħhom li għadhom jeżistu. Iċ-ċittadella u l-belt li żviluppaw bejn il-ħitan issawru mill-Għarab, mis-Seljuk, mill-Mongoli, mit-Timuridi u mis-Safavidi. Iż-żona sfat taħt il-kontroll tal-Imperu Russu fis-seklu 19 u gradwalment tilfet il-funzjoni militari tagħha.[22] | |
Sistema Naturali tar-Riżerva tal-Gżira ta' Wrangel | Okrug Awtonomu ta' Chukotka | 2004 | ix, x (naturali) | Il-Gżira ta' Wrangel tinsab fl-Oċean Artiku bejn il-Baħar ta' Chukchi u l-Baħar tal-Lvant tas-Siberja. Peress li ma kinitx miksija għalkollox bis-silġ matul il-glaċjazzjoni Kwaternarja, ippreservat għadd kbir ta' komunitajiet ta' pjanti li f'inħawi oħra ġew imfixla mis-silġ, u għad għandha l-ikbar bijodiversità fost il-gżejjer Artiċi kollha. Kienet ukoll il-post fejn huwa magħruf li kien hemm l-aħħar mammut sufi eżistenti fid-dinja. Apparti l-gżira prinċipali, is-sit jinkludi wkoll il-gżira iżgħar ta' Herald u l-ibħra tal-madwar. Iż-żona tospita għadd ta' għasafar tal-baħar, wiżż tal-borra, u kolonja kbira ta' walrus, u hija sit ewlieni tal-ikel għall-balieni griżi.[23] | |
Kumpless tal-Kunvent ta' Novodevichy | Moska | 2004 | i, iv, vi (kulturali) | Il-monasteru ġie stabbilit fis-snin 20 tas-seklu 16. Il-kumpless inbena fis-sekli 16 u 17 bl-istil Barokk Muskovit, u huwa l-eżempju rappreżentattiv tal-istil li kien populari fir-reġjun f'dak il-perjodu. Kien marbut mill-qrib mal-familja rjali, bħala l-kunvent magħżul għan-nisa minn familji aristokratiċi u sinjuri li saru sorijiet, kif ukoll bħala s-sit funebri għan-nobbli. Il-kunvent huwa mdawwar bil-ħitan li meta nbnew kienu integrati fid-difiżi ta' Moska.[24] | |
Ċentru Storiku tal-Belt ta' Yaroslavl | Oblast ta' Yaroslavl | 2005 | ii, iv (kulturali) | Il-belt ta' Yaroslavl tinsab fil-konfluwenza tax-xmajjar Volga u Kotorosl. Ġiet stabbilita fis-seklu 11 bħala fortizza żgħira tal-injam, u żviluppat f'ċentru kummerċjali b'saħħtu wara li ġiet inkorporata fil-Gran Dukat ta' Moska fl-1463. Diversi knejjes mis-sekli 16 u 17 ġew ippreservati. Skont ir-riforma tal-ippjanar tal-belt tal-Imperatriċi Katerina l-Kbira fi tmiem is-seklu 18, iċ-ċentru ta' Yaroslavl ġie ddisinjat mill-ġdid bi stil Neoklassiku bi pjanta urbana radjali.[25] | |
Ark Ġeodetiku ta' Struve* | Provinċji ta' Brest u ta' Grodno | 2005 | ii, iii, vi
(kulturali) |
L-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa serje ta' punti ta' triangulazzjoni, mifruxa fuq distanza ta' iżjed minn 2,820 kilometru minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar l-Iswed. Il-punti ġew stabbiliti fi stħarriġ mill-astronomu Friedrich Georg Wilhelm Struve li kien l-ewwel wieħed li wettaq kejl bir-reqqa ta' segment twil tal-meridjan – u miegħu anke d-daqs u l-għamla tad-Dinja. Oriġinarjament, kien hemm 165 punt b'kollox. Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkludi 34 punt f'għaxar pajjiżi (mit-Tramuntana għan-Nofsinhar: in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Russja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Belarussja, il-Moldova, l-Ukrajna), ħamsa minnhom fil-Belarussja (fl-istampa hemm il-monument tal-punt ta' Tupiški).[26] | |
Promontorju ta' Putorana | Krasnoyarsk Krai | 2010 | vii, ix (naturali) | Il-Promontorju ta' Putorana huwa l-iżjed parti fit-Tramuntana tal-Promontorju Ċentrali tas-Siberja. Ġeoloġikament, il-promontorju huwa magħmul primarjament mill-bażalt tat-Trappi Siberjani. Din iż-żona remota u l-biċċa l-kbira mhux mimsusa tinkludi diversi ekosistemi, bħat-tajga, it-tundra forestali, it-tundra, id-deżerti Artiċi, il-lagi u x-xmajjar. Il-veġetazzjoni timmarka l-punt ta' lqugħ bejn il-flora tal-Punent tas-Siberja u tal-Lvant tas-Siberja. Il-promontorju jinsab tul ir-rotta ewlenija tal-migrazzjoni tar-renni.[27] | |
Park Naturali tal-Pilastri ta' Lena | Sakha | 2012 | viii (naturali) | Il-Pilastri ta' Lena huma formazzjoni naturali faċċata tax-xmara Lena. Il-pilastri, li huma għoljin sa 200 metru (660 pied), ġew iffurmati minn klima kontinentali iebsa bi xtiewi bierda, b'temperaturi ferm sew taħt iż-żero, u bi sjuf sħan, li rriżultaw f'azzjoni ta' ffriżar segwita minn waħda ta' tidwib li wessgħu d-diversi xquq bejn il-blat. Il-pilastri jikkonsistu minn blat Kambrijan u fihom fossili li jiddokumentaw id-differenzjazzjoni bikrija tal-ispeċijiet matul l-isplużjoni Kambrijana. Fl-2015 kien hemm modifika minuri fil-konfini tas-sit.[28] | |
Kumpless Storiku u Arkeoloġiku ta' Bolgar | Tatarstan | 2014 | ii, vi (kulturali) | Bolgar kienet belt kapitali intermittenti tal-Volga tal-Bulgarija, stat tal-Bulgar bejn is-sekli 7 u 15. Wara l-invażjoni tal-Mongoli fis-seklu 13, saret il-belt kapitali bikrija tal-Ġemgħa tad-Deheb u baqgħet ċentru kummerċjali importanti matul il-Kanat ta' Kazan. L-istat adotta l-Iżlam bħala r-reliġjon uffiċjali fid-922 u Bolgar għadu sit tal-pellegrinaġġi tat-Tatari tal-Volga.[29] | |
Pajsaġġi ta' Dauria* | Zabaykalsky Krai | 2017 | ix, x (naturali) | Dauria, jew Transbaikal, hija reġjun fil-Lvant tal-Lag ta' Baikal. Is-sit transnazzjonali jinkludi żoni tar-Riżerva Naturali ta' Daursky fir-Russja u tliet żoni fil-Mongolja, inkluż ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Daguur. Il-pajsaġġ jinkludi ekosistemi ta' steppi differenti, foresti, bwar tal-ħaxix, kif ukoll l-artijiet mistagħdra u lagi. Iż-żona hija importanti bħala sit għat-tibjit jew rotta tal-passa għal diversi speċijiet ta' għasafar, bħall-grawwa ta' għonqha bajda, u hija wkoll żona tal-migrazzjoni tal-gazzella tal-Mongolja.[30] | |
Katidral u Monasteru tat-Tlugħ is-Sema tal-belt-gżira ta' Sviyazhsk | Tatarstan | 2017 | ii, iv (kulturali) | Il-belt-gżira, li tinsab fil-konfluwenza tax-xmajjar Volga, Sviyaga, u Shchuka, ġiet stabbilita fl-1551 minn Ivan it-Terribbli. Tinsab f'pożizzjoni strateġika f'salib it-toroq tar-rotta tal-Volga u tat-Triq tal-Ħarir, u kienet is-sit inizjali tal-konkwista tal-Kanat ta' Kazan min-naħa ta' Ivan. Il-kumpless tal-katidral u tal-monasteru nbena fis-seklu 16 u ġie rinnovat fis-seklu 18. L-affreski fil-katidral huma fost l-aqwa eżempji ta' pitturi Ortodossi Russi u ġew impittra b'fużjoni unika ta' stili minn reġjuni differenti tar-Russja.[31] | |
Knejjes tal-Iskola tal-Arkitettura ta' Pskov | Oblast ta' Pskov | 2019 | ii (kulturali) | Dan is-sit jinkludi għaxar knejjes jew monasteri u binjiet relatati fil-belt ta' Pskov. Dawn jirrappreżentaw ix-xogħol tal-Iskola ta' Pskov li nibet mit-tradizzjonijiet Biżantini u ta' Novgorod, b'fużjoni mat-tradizzjoni vernakolari lokali, u aġġustaw l-arkitettura għall-użu tar-riżorsi lokali. Il-knejjes imorru lura għas-seklu 12 sal-bidu tas-seklu 17, u l-quċċata ta' dan l-istil intlaħqet fis-sekli 15 u 16. L-arkitetti minn Pskov ħadmu fuq monumenti f'diversi bliet Russi, inkluż Moska, Kazan u Sviyazhsk. Il-Katidral ta' San Ġwann mis-seklu 12 jidher fl-istampa.[32] | |
Petroglifiċi tal-Lag ta' Onega u l-Baħar Abjad | Karelia | 2021 | iii (kulturali) | Dan is-sit jinkludi 33 komponent bi petroglifiċi f'żewġ raggruppamenti. Il-petroglifiċi tal-Lag ta' Onega juru għasafar, annimali, figuri nofshom umani u nofshom annimali, kif ukoll għamliet ġeometriċi li x'aktarx jirrappreżentaw il-qamar u x-xemx. Il-petroglifiċi fil-Baħar Abjad jirrappreżentaw xeni tal-kaċċa u tat-tbaħħir, flimkien ma' tagħmir relatat, kif ukoll impronti tal-annimali u tas-saqajn tal-bnedmin. Dawn saru bejn 6,000 u 7,000 sena ilu u jagħtu ħjiel rigward il-ħajja tal-kulturi Neolitiċi tal-Fenno-Skandinavja.[33] | |
Osservatorji Astronomiċi tal-Università Federali ta' Kazan | Tatarstan | 2023 | ii, iv (kulturali) | Dan is-sit jinkludi żewġ osservatorji astronomiċi. L-osservatorju astronomiku tal-Università Federali ta' Kazan ġie stabbilit fil-bidu tas-seklu 19 u dak ta' Engelhardt (fl-istampa) ġie stabbilit fl-1901. Dawn l-osservatorji kienu jintużaw għall-immappjar tal-pożizzjonijiet tal-istilel u tal-oġġetti ċelestjali tas-Sistema Solari, kif ukoll għall-iżvilupp tal-istrumenti astronomiċi.[34] | |
Pajsaġġ Kulturali tal-Lag ta' Kenozero | l-Oblast ta' Arkhangelsk | 2024 | iii (kulturali) | Il-park nazzjonali jinkorpora pajsaġġ kulturali li ssawwar mill-bdiewa tul is-sekli 12 u 16. Iż-żona hija miksija bit-taiga u hemm diversi lagi, l-ikbar tnejn huma l-Lag ta' Kenozero u l-Lag ta' Lyokshmozero. Hemm diversi knejjes tal-injam (il-Knisja ta' San Ġorġ tas-seklu 18 li tidher fl-istampa), kappelli, kurċifissi mqaddsa u għelieqi sagri.[35] |
Referenzi
immodifika- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Saint Petersburg and Related Groups of Monuments". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kizhi Pogost". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kremlin and Red Square, Moscow". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Monuments of Novgorod and Surroundings". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Monuments of Novgorod and Surroundings". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "White Monuments of Vladimir and Suzdal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Architectural Ensemble of the Trinity Sergius Lavra in Sergiev Posad". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Church of the Ascension, Kolomenskoye". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Virgin Komi Forests". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Lake Baikal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Volcanoes of Kamchatka". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Golden Mountains of Altai". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic and Architectural Complex of the Kazan Kremlin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Western Caucasus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ensemble of the Ferapontov Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Curonian Spit". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-24.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Central Sikhote-Alin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Uvs Nuur Basin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Citadel, Ancient City and Fortress Buildings of Derbent". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Natural System of Wrangel Island Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ensemble of the Novodevichy Convent". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historical Centre of the City of Yaroslavl". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ "Struve Geodetic Arc - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2005-10-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2005-10-30. Miġbur 2023-08-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Putorana Plateau". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Lena Pillars Nature Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Bolgar Historical and Archaeological Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Landscapes of Dauria". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Assumption Cathedral and Monastery of the town-island of Sviyazhsk". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of the Pskov School of Architecture". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Petroglyphs of Lake Onega and the White Sea". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Astronomical Observatories of Kazan Federal University". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.
- ^ "Cultural Landscape of Kenozero Lake". whc.unesco.org. Miġbur 2024-07-29.