Lavra tat-Trinità ta' San Serġjo

monasteru Russu u ċ-ċentru spiritwali tal-Knisja Ortodossa Russa

Il-Lavra tat-Trinità ta' San Serġjo (bir-Russu: Тро́ице-Се́ргиева ла́вра; bl-Ingliż: Trinity Lavra of St. Sergius) hija l-iżjed monasteru importanti tar-Russja u ċ-ċentru spiritwali tal-Knisja Ortodossa Russa. Il-lavra (tip partikolari ta' monasteru) tinsab fir-raħal ta' Sergiyev Posad, madwar 70 kilometru fil-Grigal tal-belt kapitali Moska fid-direzzjoni tat-triq li twassal sa Yaroslavl, u attwalment tospita iżjed minn 300 patri.

Veduta tal-lavra minn barra

Seklu 14

immodifika
 
Serġjo ta' Radonezh ibierek lil Dmitri Donskoi qabel il-Battalja ta' Kulikovo, pittura tal-1907 bl-akkwarelli fuq il-karta magħmula minn Ernst Lissner.

Il-lavra ġiet stabbilita fl-1337 minn wieħed mill-iżjed qaddisin Russi vvenerati fil-pajjiż, Serġjo ta' Radonezh, li bena knisja tal-injam iddedikata lit-Trinità Mqaddsa fuq l-Għolja ta' Makovets. L-iżvilupp bikri tal-komunità monastika hija ddokumentata sew fil-ħajjiet kontemporanji ta' Serġjo u d-dixxipli tiegħu.

Fl-1355, Serġjo introduċa Karta li kienet tirrikjedi l-kostruzzjoni ta' binji awżiljarji, bħar-refettorju, il-kċina u forn għall-ħami. Din il-Karta kienet mudell għal bosta dixxipli ta' Serġjo li stabbilew iktar minn 400 kjostru madwar ir-Russja kollha, inkluż il-monasteri famużi ta' Solovetsky, Kirillov, u Simonov.

San Serġjo appoġġa lil Dmitri Donskoi fit-taqbida tiegħu kontra t-Tatari u bagħat żewġ patrijiet minn tiegħu, Peresvet u Oslyabya, biex jipparteċipaw fil-Battalja ta' Kulikovo (1380). Malli faqqgħet il-battalja, Peresvet miet fi ġlieda ta' wieħed kontra wieħed, kontra bogatir Tatari. Il-monasteru nħakem min-nar u nqered meta unità ta' Tatari attakkaw iż-żona fl-1408.

Seklu 15

immodifika
 
L-ikona tat-Trinità ta' Rublev hija l-oġġett ċentrali tal-ikonostażi tal-Katidral tat-Trinità.

San Serġjo ġie ddikjarat bħala l-qaddis patrun tal-istat Russu fl-1422. F'dik l-istess sena nbena l-ewwel katidral tal-ġebel minn tim ta' patrijiet Serbi li ngħataw il-kenn fil-lavra wara l-Battalja tal-Kosovo. Ir-relikwi ta' San Serġjo għadhom viżibbli f'dan il-katidral iddedikat lit-Trinità Mqaddsa. L-ikbar pitturi tal-ikoni tar-Russja Medjevali, Andrei Rublev u Daniil Chyorny, tqabbdu jżejnu l-katidral bl-affreski. Tradizzjonalment, il-membri rjali Moskoviti kienu jitgħammdu f'dan il-katidral u kienu jkunu preżenti għas-servizzi ta' radd il-ħajr li kienu jiġu organizzati hemmhekk.

Fl-1476, Ivan III stieden lil diversi arkitetti minn Pskov biex jibnu l-Knisja tal-Ispirtu s-Santu.[1] L-istruttura ta' din il-knisja hija waħda mill-ftit eżempji eżistenti ta' knisja Russa b'torri tal-kampnar. Fuq ġewwa, il-knisja fiha l-iżjed eżemplari bikrin tal-użu ta' madum igglejżat għat-tiżjin. Fil-bidu tas-seklu 16, Vasily III żied l-binja annessa ta' Nikon u t-tinda arkitettonika ta' Serapion, fejn indifnu diversi dixxipli ta' Serġjo.

Seklu 16

immodifika

Il-Katidral tal-Lunzjata dam 26 sena biex inbena u ġie kkummissjonat minn Ivan it-Terribbli fl-1559.[2] Il-katidral huwa ferm ikbar mill-mudell tiegħu bl-istess isem li jinsab fil-Kremlin ta' Moska. L-ikonostażi tal-għaġeb tas-sekli 16-18 fiha kapulavur ta' Simon Ushakov, jiġifieri l-ikona tal-Aħħar Ċena. Il-ħitan interni ġew impittra b'affreski vjola u blu minn tim ta' artisti minn Yaroslavl fl-1684. Fil-volta ndifnu Boris Godunov, il-familja tiegħu, u diversi patriarki tas-seklu 20.

Maż-żmien il-lavra kibret f'waħda mill-iżjed sidien tal-artijiet għonja fir-Russja, u s-siġar tal-boskijiet tal-madwar inqatgħu kollha biex minflok jinbena villaġġ (jew posad) qrib il-ħitan tal-lavra. B'mod gradwali, dan il-villaġġ żviluppa fir-raħal modern ta' Sergiyev Posad. Il-kjostru nnifsu kien ċentru notevoli tal-kitba tal-kronaka u tal-pittura tal-ikoni. Faċċata tal-ħitan tal-lavra ġie stabbilt il-Kunvent ta' Santa Paraskeva, li jħaddan ukoll il-binjiet tal-Knisja ta' Santa Paraskeva (1547), il-Knisja tal-Introduzzjoni (1547), u kappella tas-seklu 17 fuq il-bir ta' Santa Paraskeva li għadhom jeżistu.

Fis-snin 50 tas-seklu 16, il-ħajt magħmul bil-puntali tal-injam madwar il-kjostru ġie sostwit b'ħajt tal-ġebel twil 1.5 kilometru, bi tnax-il torri, li għenu lil-lavra tirreżisti l-assedju Pollakk-Litwan famuż li dam 16-il xahar fl-1608-1610. Toqba kkważata minn balla fid-daħla tal-katidral ġiet ippreservata bħala tfakkira tal-assedju ta' Wladyslaw IV fl-1618.

Seklu 17

immodifika
 
L-assedju tal-1608-1610: il-patrijiet Ortodossi mmexxijin mill-kronista Avraamy Palitsyn iddifendew il-monasteru mit-truppi Pollakki minn Settembru 1609 sa Jannar 1611.

Sal-aħħar tas-seklu 17, meta Pietru I darbtejn ingħata l-kenn fil-lavra biex jaħrab mill-għedewwa tiegħu, ġew miżjuda bosta binjiet oħra. Dawn jinkludu palazz Barokk żgħir tal-patriarki, magħruf għal kemm hu lussuż minn ġewwa, u palazz irjali, bil-faċċati tiegħu f'għamla ta' kaxxi b'ilwien differenti.[3] Ir-refettorju ta' San Serġjo, li jkopri 510 metru kwadru u li għandu wkoll il-faċċati tiegħu f'għamla ta' kaxxi b'ilwien differenti, fl-imgħoddi kellu l-ikbar sala fir-Russja.[4] Il-Knisja tan-Natività ta' San Ġwann il-Battista (1693-1699) b'ħames koppli ġiet ikkummissjonata mill-iStroganov u nbniet fuq waħda mid-daħliet tal-lavra. Strutturi oħra tas-seklu 17 jinkludu ċ-ċelel tal-patrijiet, sptar bi knisja b'saqaf f'għamla ta' tinda arkitettonika, u kappella li nbniet fuq bir sagru li ġie skopert fl-1644.[5]

Sekli 18 u 19

immodifika
 
Veduta tal-lavra fis-snin 90 tas-seklu 19.

Fl-1744, l-Imperatriċi Eliżabetta kkonferiet id-dinjità ta' kjostru lil-lavra. Il-Metropolitan ta' Moska b'hekk kien ukoll l-Arċimandrit tal-lavra. L-Imperatriċi Eliżabetta kellha l-lavra tassew għal qalbha u kull sena kienet twettaq pellegrinaġġ bil-mixi minn Moska sal-kjostru. Il-konjugu sigriet tagħha Alexey Razumovsky kien jakkumpanjaha f'dawn il-pellegrinaġġi u kkummissjona knisja Barokka ddedikata lill-Verġni ta' Smolensk, l-aħħar santwarju maġġuri li nbena fil-lavra. Xi ħaġa oħra li turi biċ-ċar kemm l-Imperatriċi Eliżabetta kienet tgħożż din il-lavra huwa t-torri tal-kampnar Barokk ta' lewn abjad u blu, li b'għoli ta' 88 metru kien wieħed mill-ogħla strutturi li nbnew fir-Russja sa dak iż-żmien. L-arkitetti tiegħu kienu Ivan Michurin u Dmitry Ukhtomsky.[6]

Matul is-seklu 19, il-lavra żammet l-istatus tagħha tal-iżjed monasteru sinjur tar-Russja. Seminarju li ġie stabbilit fl-1742 ġie sostitwit b'akkademja ekkleżjastika fl-1814. Il-monasteru kellu kollezzjoni mill-aqwa ta' manuskritti u kotba. Il-kollezzjonijiet Medjevali tas-sagristija tal-lavra kienu jattiraw eluf ta' viżitaturi. F'Sergiyev Posad, il-monasteru żamm diversi sketes, u wieħed minnhom huwa l-post fejn indifnu l-filosfi konservattivi Konstantin Leontiev u Vasily Rozanov.

Seklu 20

immodifika
 
Veduta tal-lavra mill-ajru

Wara r-Rivoluzzjoni Russa tal-1917, il-gvern Sovjetiku għalaq il-lavra fl-1920. Il-binjiet tagħha ġew assenjati lil istituzzjonijiet ċiviċi differenti jew ġew iddikjarati bħala mużewijiet. Parti mil-lavra ntużat għat-taħriġ tal-inġiniera elettriċi li kienu jispeċjalizzaw fir-radju. F'Mejju 1923, Charles Ashleigh irrapporta kif is-sala kienet tintuża biex tintwera t-teknoloġija l-ġdida tar-radju quddiem udjenza mħallta magħmula primarjament minn raħħala u suldati, iżda b'xi ċittadini wkoll tar-raħal. Ix-xandira bdiet bi tħabbira ta' filgħodu segwita bil-mużika tal-banda mill-kavallerija ta' Moska li daqqet Stenka Razin. Imbagħad l-udjenza setgħet titpaxxa b'lekċer qasir dwar il-benefiċċji tad-demel kimiku u tal-magni tal-ħart. Wara kanzunetta ta' żingara, l-ispettaklu ġie konkluż b'taħdita dwar l-għeġubijiet tar-radju.[7] Fl-1930, il-qniepen tal-monasteru, inkluż il-Qanpiena tal-Kżar ta' 65 tunnellata, inqerdu. Pavel Florensky u s-segwaċi tiegħu pprevjenew lill-awtoritajiet milli jisirqu u jbigħu l-kollezzjoni tas-sagristija iżda b'mod kumplessiv ħafna oġġetti ta' valur intilfu jew ġew ittrasferiti f'kollezzjonijiet oħra.

Fl-1945, wara t-tolleranza temporanja tal-knisja min-naħa ta' Joseph Stalin matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Lavra tat-Trinità ta' San Serġjo ġiet irritornata lill-Knisja Ortodossa Russa. Fis-16 ta' April 1946, is-servizzi tal-knisja reġgħu bdew isiru fil-Katidral tal-Lunzjata. Il-lavra baqgħet tkun is-sede tal-Patriarkat ta' Moska sal-1983, meta l-patriarka tħalla joqgħod fil-Monasteru ta' Danilov f'Moska. Wara dak iż-żmien, il-monasteru baqa' jintuża bħala ċentru primarju tal-edukazzjoni reliġjuża. Fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20 twettqu xogħlijiet ta' restawr importanti u fl-1993 il-lavra żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[8]

Il-lavra għandha għadd ta' knejjes rappreżentattivi (podvorie jew metochia) fil-qrib tagħha u madwar ir-Russja kollha. Il-patrijiet tal-lavra jieħdu ħsieb għadd ta' sketes f'postijiet remoti (bħal waħda fil-gżira ta' Anzer fl-arċipelagu ta' Solovki fil-Baħar l-Abjad), kif ukoll il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa fil-gżira tar-Re Ġorġ fl-Antartika.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Statwa ta' San Serġjo barra l-lavra

Il-Kumpless Arkitettoniku tal-Lavra tat-Trinità ta' San Serġjo f'Sergiev Posad ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1993.[8]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[8]

Nies notevoli midfuna fil-lavra

immodifika

Iktar qari

immodifika
  • William Craft Brumfield (1993), A History of Russian Architecture, Cambridge University Press, ISBN 978-0-521-40333-7
  • Scott M. Kenworthy, The Heart of Russia: Trinity-Sergius, Monasticism, and Society after 1825. Il-Belt ta' New York: Oxford University Press, 2010.
  • David B. Miller, Saint Sergius of Radonezh, His Trinity Monastery, and the Formation of Russian Identity. DeKalb: Northern Illinois University Press, 2010.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "The Church of the Descent of the Holy Spirit : Sergiev Posad Museum". archive.ph. 2014-02-10. Miġbur 2022-04-15.
  2. ^ "Sergiev Posad Museum: Assumption Cathedral". web.archive.org. 2015-06-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-06-02. Miġbur 2022-04-15.
  3. ^ "Sergiev Posad Museum: Tsar Palace". web.archive.org. 2005-09-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2005-09-03. Miġbur 2022-04-15.
  4. ^ "Ir-Refettorju tal-Lavra". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2022-04-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Sergiev Posad Museum: Church of the Nativity of John Baptist". web.archive.org. 2005-09-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2005-09-07. Miġbur 2022-04-15.
  6. ^ "Sergiev Posad Museum: Bell Tower". web.archive.org. 2005-09-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2005-09-09. Miġbur 2022-04-15.
  7. ^ Ashleigh, Charles (1924). "Ir-Radju fir-Russja - Radio Times". genome.ch.bbc.co.uk. Miġbur 2022-04-15.
  8. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Architectural Ensemble of the Trinity Sergius Lavra in Sergiev Posad". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-15.