Antartika
L-Antartika hija l-iktar kontinent fin-Nofsinhar tad-dinja. Il-kontinent fih il-Pol tan-Nofsinhar ġeografiku u jinsab fir-reġjun Antartiku tal-Emisferu tan-
Nofsinhar, kważi kompletament fin-Nofsinhar taċ-Ċirku Antartiku, u huwa mdawwar bl-Oċean tan-Nofsinhar. L-Antartika hija l-ħames l-ikbar kontinent, b’daqs ta’ 14,200,000 kilometru kwadrat, u kważi fiha d-doppju tad-daqs tal-Awstralja. Dan il-kontinent huwa bil-qabża l-inqas densament popolat, b’0.00008 persuni għal kull kilometru kwadrat. Madwar 98 % tal-Antartika huwa mgħotti bis-silġ, li għandu ħxuna medja ta’ 1.9 km, u li jestendi fuq is-superfiċe tal-kontinent kollu ħlief it-truf li jinsabu l-iktar fit-Tramuntana tal-Peniżola Antartika.[1]
Bħala medja, l-Antartika hija l-iktar kontinent kiesaħ, niexef u fejn jaqbel ir-riħ, u għandha l-ogħla elevazzjoni medja tal-kontinenti kollha.[2] Il-biċċa l-kbira tal-Antartika hija deżert polari, bi preċipitazzjoni annwali ta’ 200 mm tul il-kosta u ferm inqas fuq in-naħa ta’ ġewwa; fejn ma kien hemm l-ebda xita għal kważi żewġ miljun sena, għalkemm 80 % tar-riżervi tal-ilma ħelu fid-dinja huma maħżuna hemmhekk. Dawn huma biżżejjed biex jgħollu l-livelli globali tal-baħar b’madwar 60 metru li kieku kellhom idubu kollha.[3] It-temperatura fl-Antartika laħħqet −89.2 °C (−128.6 °F) (jew saħansitra −94.7 °C (−135.8 °F) kif imkejla mill-ispazju[4]), minkejja li l-medja għat-tielet kwart tas-sena (lli hija wkoll l-iktar parti kiesħa tas-sena) hija −63 °C (−81 °F). Fost l-organiżmi nattivi tal-Antartika nsibu ħafna tipi ta’ algi, batterji, fungi, pjanti, protisti, u ċerti annimali, fosthom l-akari, in-nematodi, il-pingwini, il-foki u t-tardigradi. Fil-ftit partijiet fejn hemm veġetazzjoni, insibu t-tundra.
L-Antartika hija magħrufa bħala l-aħħar reġjun fid-dinja li ġie skopert fl-istorja. Ħadd qatt ma kien ra dan il-kontinent qabel l-1820, meta l-ispedizzjoni Russa ta’ Fabian Gottlieb von Bellingshausen u ta’ Mikhail Lazarev abbord il-bastimenti Vostok u Mirny lemħet il-pjattaforma glaċjali ta’ Fimbul. Madankollu, il-kontinent baqa’ pjuttost injorat għall-bqija tas-seklu 19 minħabba l-ambjent ostili tiegħu, in-nuqqas ta’ riżorsi faċilment aċċessibbli, u l-iżolazzjoni tiegħu. F’Jannar 1840, għall-ewwel darba ġiet skoperta t-terra firma (li tfisser art solida bil-Latin) fl-Antartika, kważi simultanjament, permezz tal-Ispedizzjoni tal-Esplorazzjoni tal-Istati Uniti, taħt it-tmexxija tal-Logutenent Charles Wilkes, u ta’ spedizzjoni Franċiża separata taħt it-tmexxija ta’ Jules Dumont d’Urville. Din l-ispedizzjoni tal-aħħar, fis-soġġorn qasir tagħha, effettivament għamlet żbark temporanju; filwaqt li l-ispedizzjoni ta’ Wilkes, minkejja li ma għamlitx żbark, baqgħet biżżejjed fit-tul fir-reġjun sabiex tistħarreġ u timmappja xi 800 mil tal-kontinent. Fl-1895, l-ewwel żbark ikkonfermat sar minn tim ta’ Norveġiżi.
L-Antartika, hija de facto kondominju, jiġifieri territorju politiku li fir-rigward tiegħu diversi setgħat sovrani jaqblu formalment li jikkondividu dominju (fis-sens tas-sovranità) ugwali u li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod konġunt, mingħajr ma jaqsmuha f’żoni ‘nazzjonali’. Il-governanza tagħha ssir bejn il-partijiet għas-Sistema tat-Trattat Antartiku li għandhom status konsultattiv. Fl-1959, tnax-il pajjiż iffirmaw it-Trattat Antartiku, u minn dak iż-żmien ’l hawn iffirmawh 38 oħra. It-Trattat jipprojbixxi l-attivitajiet militari, l-estrazzjoni tal-minerali, l-isplużjonijiet nukleari u r-rimi tal-iskart nukleari. Barra minn hekk, it-Trattat jappoġġa r-riċerka xjentifika, u jipproteġi l-ekoloġija tal-kontinent. Madwar 1,000 u 5,000 persuna minn ħafna pajjiżi differenti jirresjedu fl-istazzjonijiet tar-riċerka mifruxa mal-kontinent kollu.
Matul ix-xitwa Ewropea tal-1996-1997, Laurence de la Ferrière saret l-ewwel mara Franċiża li laħqet il-Pol tan-Nofsinhar mingħajr għajnuna, u kopriet id-distanza mill-Baħar ta' Weddell sal-bażi ta' Amundsen-Scott f'temperaturi ta' madwar -40 C filwaqt li kaxkret 150 kg (310 lb) warajha fuq sledge. De la Ferrière rritornat fl-Antartika fl-2009, din id-darba biex tmexxi l-Istazzjon Franċiż Dumont d'Urville għal perjodu ta' 15-il xahar. B'tim ta' 25 xjenzat u tekniku, li terz minnhom kienu nisa, l-objettiv kien li titkejjel il-ħxuna tas-saff tal-ożonu u jiġu analizzati r-residwi fis-silġ. Fl-2012, hija kkoordinat xogħol ta’ rinnovazzjoni fl-Istazzjon Dumont d'Urville li kien inbena fis-snin 50 tas-seklu 20.
Referenzi
immodifika- ^ Fretwell, P.; Pritchard, H. D.; Vaughan, D. G.; Bamber, J. L.; Barrand, N. E. "Bedmap2: improved ice bed, surface and thickness datasets for Antarctica" (PDF). The Cryosphere (bl-Ingliż). 7 (1): 390. Miġbur 2011-01-30.
- ^ "La Antártida" (bl-Ispanjol). Dirección Nacional del Antártico. Miġbur 2021-01-30.
- ^ Joyce, C. Alan. "The World at a Glance: Surprising Facts" (bl-Ingliż). The World Almanac. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-04. Miġbur 2021-01-30.
- ^ "Coldest temperature ever recorded on Earth in Antarctica: -94.7C (−135.8F)" (bl-Ingliż). The Guardian. Miġbur 2021-01-30.