Yaroslavl

belt fir-Russja

Yaroslavl (bir-Russu: Ярослáвль, IPA: [jɪrɐˈsɫavlʲ]) hija belt u ċentru amministrattiv tal-Oblast ta' Yaroslavl, ir-Russja, li tinsab 250 kilometru (160 mil) fil-Grigal ta' Moska. Il-parti storika tal-belt hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u tinsab fil-konfluwenza tax-xmajja Volga u Kotorosl. Il-belt tagħmel parti mill-hekk imsejjaħ Ċirku tad-Deheb, li huwa grupp ta' bliet storiċi fil-Grigal ta' Moska li kellho rwol importanti fl-istorja Russa. Il-popolazzjoni hija: 577,279 ruħ (iċ-ċensiment tal-2021); 591,486 ruħ (iċ-ċensiment Russu tal-2010);u 613,088 (iċ-ċensiment tal-2002); 632,991 ruħ (iċ-ċensiment Sovjetiku tal-1989).

Yaroslavl
 Russja
Amministrazzjoni
Stat sovranRussja
Oblast of RussiaOblast ta' Yaroslavl
Kap tal-Gvern Vladimir Sleptsov (en) Translate
Ismijiet oriġinali Ярославль
Kodiċi postali 150000–150066
Ġeografija
Koordinati 57°37′00″N 39°51′00″E / 57.6167°N 39.85°E / 57.6167; 39.85Koordinati: 57°37′00″N 39°51′00″E / 57.6167°N 39.85°E / 57.6167; 39.85
Yaroslavl is located in Russja
Yaroslavl
Yaroslavl
Yaroslavl (Russja)
Superfiċjenti 205.80 kilometru kwadru
Għoli 100 m
Demografija
Popolazzjoni 570,824 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1010
Kodiċi tat-telefon 4852
Żona tal-Ħin UTC+3
bliet ġemellati Palermo, Kassel, Hanau, Poitiers, Burlington, Coimbra, Jyväskylä, Kaliningrad, Exeteru Severodvinsk
city-yaroslavl.ru

Il-belt jingħad li kien il-belt kapitali ta' Prinċipat indipendenti ta' Yaroslavl mill-1218, u mbagħad ġiet inkorporata fil-Gran Dukat ta' Moska fl-1463.

Fis-seklu 17, kienet it-tieni l-ikbar belt tar-Russja, u għal xi żmien (matul l-okkupazzjoni Pollakka ta' Moska fl-1612), kienet il-belt kapitali de facto tal-pajjiż. Illum il-ġurnata, Yaroslavl hija ċentru industrijali importanti (b'impjant petrokimiku, b'impjant tal-manifattura tat-tajers, b'impjant tal-magni tad-diżil, u bosta oħrajn). Żviluppat fil-konfluwenza ta' żewġ xmajjar ewlenin, li huma importanti għat-trasport u iktar 'il quddiem għall-enerġija. Minħabba l-importanza tal-belt, hawnhekk inbnew bosta linji ferrovjarji u iktar 'il quddiem awtostradi li jgħaddu mill-belt.

Yaroslavl bikrija

immodifika

L-eqdem insedjament fil-belt jinsab max-xatt tax-xellug ta-xmara Volga quddiem ix-xmara Strelka (kap żgħir fil-konfluwenza tax-xmajjar Volga u Kotorosl); dan imur lura għall-ħames jew u r-raba' millenju Q.K.

Fis-seklu 8 fforma l-hekk imsejjaħ il-Kaganat Russu, qrib Slav ta' oqbra antiki. Meta saru l-iskavi, instabu għadd kbir ta' artefatti, inkluż kitbiet runiċi u armi Skandinavi, bċejjeċ taċ-ċess, u l-ikbar kollezzjoni ta' muniti Għarab (teżor); f'Timerevo ġie skopert ir-raba' sett ta' ċpiepet Skandinavi. Milli jider, din il-proto-Yaroslavl" kienet ċentru ewlieni tul ir-rotta kummerċjali tax-xmara. Ftit wara l-istabbiliment ta' Yaroslavl, l-insedjament mar għall-agħar, x'aktarx b'rabta mat-terminazzjonali tat-tħaddim tar-rotta kummerċjali. Iktar 'il fuq mix-xmara Volga, eżatt 'il barra mill-konfii tal-belt moderna, l-arkaeologi studjaw b'mod predominanti nekropoli kbira b'bosta oqbra ordinarji tat-tip Finno-Ugriku.

Stabbiliment tal-belt

immodifika

Abbażi tal-iżjed data bikrija tal-istabbiliment tagħha, Yaroslavl hija l-eqdem fost il-bliet eżistenti max-xmara Volga. Yaroslavl ġiet stabbilita minn Yaroslav l-Għaref, prinċep tar-Rus ta' Kiev, matul il-perjodu tat-tmexxija tiegħu tal-Prinċipat ta' Rostov (988-1010) meta żbarka għall-ewwel darba fix-xatt taż-żona magħrufa bħala "Strelka". Din iż-żona tintuża bħala park kontemporanju. F'din iż-żona, li kienet protetta sew mill-attakki mix-xtut għoljin u weqfin tax-xmajjar Volga, Kotorosl u Medveditsa, Yaroslavl u l-irġiel tiegħu bdew jibnu l-ewwel Kremlin ta' Yaroslavl. L-avveniment irreġistrat ta' Yaroslavl seħħ bħala riżultat tal-ġuħ; ġie rreġistrat bħala r-Rewwixta ta' Rostov tal-1071. Isem il-belt tradizzjonalment huwa marbuta ma' dak tal-fundatur tagħha: Yaroslav.

Sas-seklu 12, il-Monasteri ta' Petropavlovsky u ta' Spaso-Preobrazhensky f'Yaroslavl kienu diġà ġew żviluppati. Dak iż-żmien, kienu jinsabu ferm lil hinn mil-limiti tal-belt, iżda iktar 'il quddiem il-belt kibret u bdiet tinkorpora dawn il-monasteri. Matul l-ewwel żewġ sekli tagħha, Yaroslavl baqgħet belt iffortifikata minuri tal-artijiet ta' Rostov-Suzdal.

Mill-bidu tas-seklu 13, Yaroslavl kienet immexxija minn Konstantin u saret waħda mir-residenza primarji tiegħu. Ftit qabel mewtu fl-1218, Konstantin qasam l-artijiet tiegħu fost id-diversi subien tiegħu, u ħalla Yaroslav lit-tieni iben tiegħu Vsevolod li għamilha l-Prinċipat ta' Yaroslavl. Dan il-prinċipat, b'Yaroslavl bħala l-belt kapitali, kien jinkludi għadd ta' territorji lejn it-Tramuntana u kien jopera b'mod indipendenti sa ma ġie assorbit eventwalment fil-Prinċipat ta' Moska fl-1463.

 
Yaroslav l-Għaref riefes fuq il-katavru ta' ors li, skont il-leġġenda, huwa qatel qabel ma stabbilixxa l-belt.

Matul is-sekli 13 u 14, Yaroslavl kienet belt mibnija l-iktar bl-injam, u b'hekk kemm-il darba ġarrbet nirien diżastrużi, li f'xi każijiet kważi qerdu l-belt kollha; eżempju simili seħħ eżatt qabel it-trasferiment tal-poter tal-belt lil Vsevolod fl-1221. Sors kostanti ieħor ta' periklu għall-belt u għall-bosta prinċpijiet Russi ta' dak iż-żmien kien jiġi mil-Lvant u mill-bosta invażuri barranin, normalment mill-Mongoli. Attakk partikolarment ta' suċċess seħħ fl-1257, meta truppi taħt Möngke Khan għelbu l-Prinċipat ta' Yaroslavl u qatlu kemm il-popolazzjoni tal-inħawi kif ukoll il-qrabat tal-prinċep. Fis-sit fejn seħħ dan il-qtil, fix-xatt tal-lemin tax-xmara Kotorosl, issa hemm mafkar bi knisja u b'kurċifiss. Qabar tal-massa li fih mill-inqas 300 katavru ta' vittmi ta' invażjoni tal-Mongoli fl-1238 ġie skopert matul xi skavi fl-2005.

Fl-1293 u fl-1322 kien hemm attakki diżastrużi oħra mill-Mongoli fuq Yaroslavl, u fl-1278 u fl-1364 faqqgħet il-pesta. Yaroslav ġiet rikostruwita għalkollox diversi drabi, kemm fir-rigward ta' binjiet residenzjali li ma għadhomx jeżistu, kif ukoll fir-rigward ta' strutturi ikbar u iktar permanenti li għadhom jeżistu sal-lum, fosthom il-Monasteru ta' Spaso-Preobrazhensky u l-Monasteru ta' Marija ta' Tolga tal-1314, li jinsab fix-xatt tax-xellug tax-xmara Volga. Fl-1463, il-Prinċipat ta' Yaroslavl finalment ġiet assorbit fil-Gran Dukat ta' Moska, u l-inħawi saru oblast fi ħdan l-istruttura l-ġdida tal-istat ta' Moska. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, l-istorja tal-belt u tat-territorji tagħha saret ħaġa waħda għalkollox ma' dik ta' Moska u eventwalment tar-Russja.

Seklu 16 u Żmien l-Għawġ

immodifika
 
Pittura ta' Yaroslavl ta' Alexey Bogolyubov fl-1863.

Anke fis-seklu 16, Yaroslavl baqgħet tbati minħabba nirien fuq skala kbira u l-ħsara li kienu jikkawżaw lill-ekonomija fil-fjur tagħha u lill-infrastruttura tal-belt. B'hekk, it-tradizzjoni antika tal-bini bl-injam ġiet abbandunata u nbniet belt ġdida bil-ġebel; b'xorti ħażina, dan kien ifisser li ftit minn Yaroslavl tal-Medju Evu baqa' kif kien. L-iżjed eżempju prominenti ta' dan huwa l-Monasteru ta' Spaso-Preobrazhensky li nqered fl-1501 u li reġa' nbena fi ftit snin. Il-katidral tal-monasteru nbniet fl-1506–1516, u għadu jeżisti sal-lum bħala l-eqdem binja tal-belt. Sa nofs is-seklu 16, għadd ta' binjiet oħra tlestew fil-monasteru. Apparti minn hekk, għall-ewwel darba fl-istorja, Yaroslavl kisbet swar tal-ġebel b'għadd ta' torrijiet tal-għassa kbar li kienu maħsuba biex jintużaw kontra l-għadu li kien jintlemaħ minn mili 'l bogħod. Matul ir-renju ta' Ivan it-Terribbli, meta l-prinċipalitajiet Russi kollha ċedew id-drittijiet tradizzjonali tagħhom lill-Ksar tar-Russja, iż-żewġ monasteri l-kbar ta' Yaroslavl gawdew minn bosta rigali mill-qorti tal-Ksar, l-iktar għax Ivan IV wettaq għadd ta' pellegrinaġġi lejn Yaroslavl matul ħajtu.

Proġetti ġodda tal-kostruzzjoni saru vijabbli bis-saħħa tal-ġid ekonomiku kbir ta' Yaroslavl f'nofs is-seklu 16. Ir-raġuni prinċipali ta' dan hija t-titjib mhux mistenni fix-xorti ta' Yaroslavl bis-saħħa tal-pożizzjoni tal-belt max-xmara Volga li permezz tagħha l-kummerċ baqa' jitwettaq bix-xmara minn Moska u lejha, b'kollegament dirett bejn il-belt kapitali Russa l-ġdida u l-port ta' Archangelsk. B'hekk Yaroslavl saret post importanti għall-kummerċ internazzjonali u għadd ta' rmiġġi tat-trasport marittimu u mħażen inbnew madwar il-belt biex jintużaw mill-merkanti, speċjalment dawk mill-Ingilterra u mill-Ġermanja.

 
Yaroslavl kienet magħrufa bħala l-belt tal-ħafna knejjes.

Il-prosperità ekonomika ta' Yaroslavl matul l-aħħar tas-seklu 16 intemmet bis-snin imqallba tal-għawġ bejn l-1598 u l-1613. Bħall-biċċa l-kbira tal-bliet Russi ta' dak iż-żmien, Yaroslavl kienet devastata mill-ġuħ u saret belt potenzjalment fil-mira tat-truppi Pollakki-Litwani fil-kapaċità tagħhom ta' "intervenzjonisti" fl-għawġ Russu. Bl-appoġġ Pollakk-Litwan, il-pretendent tat-tron Russu ħataf Karachev, Bryansk u rħula oħra, ingħata r-rinforzi mill-Pollakki, u fir-rebbiegħa tal-1608 avvanza fuq Moska, u ddirezzjona l-armata tal-Ksar Vasily Shuisky f'Bolkhov. Il-wegħdiet tal-konfiska tal-proprjetajiet tal-boyar attiraw lil bosta nies favurih. Il-villaġġ ta' Tushino, tnax-il verst mill-belt kapitali, ġie kkonvertit f'kamp armat fejn Dmitry ġemgħa l-armata tiegħu. B'hekk il-pretendent rebaħ l-apprezzament tas-setgħat f'Yaroslavl u l-lealtà tagħhom. Madankollu, għalkemm kienet wegħdet li kienet se tħallas rata ogħla ta' taxxi u ħlasijiet lill-okkupanti Pollakki, Yaroslavl kemm-il darba ġiet attakkata mill-forzi tal-pretendent Dmitry. Dan wassal għal għadd ta' rewwixti tal-poplu. Għaldaqstant, fil-bidu tal-1609, armata ta' raħħala Russi ġiet iffurmata sabiex teħles kemm jista' jkun bliet tul ix-xmara Volha, inkluż, fost l-oħrajn, lil Vologda u lil Yaroslavl.

 
Minin u Pozharsky, fi triqithom biex jagħtu l-għajnuna lil Moska, għamlu Yaroslavl il-bażi tagħhom u l-belt kapitali de facto tar-Russja għal xahrejn fl-1612.

F'Mejju 1609, armata Pollakka oħra taħt il-kmand ta' Aleksander Józef Lisowski ppruvat iġġib lill-belt importanti strateġikament ta' Yaroslavl taħt is-setgħa tal-invażuri. Madankollu, il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-belt irtiraw lejn iċ-ċentru tal-belt u sabu l-kenn wara ħajt protettiv tat-tajn, u b'hekk il-Pollakki ma setgħux jidħlu fil-belt mingħajr ma jissieltu. Minkejja dan, saħansitra meta Lisowski rnexxielu (permezz tal-qerq) jasal sa wara dan il-ħajt, huwa sab li ċ-ċittadini ta' Yaroslavl kienu rtiraw fil-Kremlin antika tagħhom tal-injam u fiż-żewġ monasteri tal-ġebel. L-assedju li feġġ f'Yaroslavl dam għaddej sat-22 ta' Mejju, iżda minkejja tentattivi kostanti biex jieħdu l-belt, il-Pollakki kellhom jerġgħu lura lejn Moska mingħajr ma rnexxielhom jaħtfu lil Yaroslavl u jġibuha taħt il-kontroll dirett tal-kmand tagħhom.

Minkejja l-falliment tagħhom f'Yaroslavl, il-forzi Pollakki baqgħu jżommu l-kontroll ta' Moska, u għalkemm tentattiv fl-1610 mill-armata tar-raħħala Russi kontra l-Pollakki fil-Kremlin ta' Moska, ma tantx inkiseb wisq u donnu ma kienx hemm xi tmiem tal-okkupazzjoni tal-ksars Russi. Madankollu, sena wara, Kuzma Minin u l-Prinċep Dmitry Pozharsky stabbilew armata oħra tar-raħħala f'Nizhny Novgorod, li fi triqitha lejn Moska, sabet lilha nnifisha stazzjonata f'Yaroslavl għal bosta xhur. Minn April sa Ġunju 1612, Yaroslavl saret il-belt kapitali de facto tar-Russja, fejn kienu jiġu indirizzati l-iżjed kwistjonijiet importanti tal-istat sal-liberazzjoni eventwali ta' Moska. Wara żmienha f'Yaroslavl, l-armata tar-raħħala marret lejn Moska, u bis-saħħa tal-mistrieħ u tal-għajnuna li kisbet volontarjament mill-poplu ta' Yaroslavl, l-armata rnexxielha tillibera lil Moska u finalment ittemm l-"intervent" Pollakk-Litwan fl-affarijiet tal-istat Russu.

Ċentru kummerċjali u ċentru tal-governanza

immodifika
 
Il-Pjazza Volkov ta' Yaroslavl qabel ir-rikostruzzjoni tat-Teatru ta' Volkov fil-bidu tas-seklu 20.

Permezz tal-irpiljar ekonomiku ġenerali tal-ekonomija statali Russa wara tmiem Żmien l-Għawġ, Yaroslavl baqgħet ċentru kummerċjali importanti f'salib it-toroq ta' bosta rotot kummerċjali tradizzjonali mill-Punent għal-Lvant u bil-kontra. Permezz tax-xmara Volga kien isir kummerċ mal-artijiet tal-Lvant. Ir-rotta kummerċjali tat-Tramuntana mill-belt kienet tibqa' sejra sal-port ta' Arkhangelsk fit-Tramuntana nett tar-Russja, filwaqt li rotot kummerċjali oħra tal-Lvant kienu jgħaddu mill-muntanji Ural sas-Siberja. Il-belt gawdiet ħafna mill-pożizzjoni ġeografika tagħha matul is-snin u l-ġid prodott mill-kummerċ għen lill-belt tiżgura ġejjieni b'prosperità. Fil-fatt, fis-seklu 17, ġew stabbiliti għadd ta' attivitajiet industrijali bikrin fil-belt, inkluż għadd ta' ħwienet tal-produzzjoni tal-ġlud, fejn eventwalment kienu jaħdmu mas-700 ruħ. Snajja' oħra li Yaroslavl saret ċentru tagħhom matul is-snin kienu l-produzzjoni tat-tessuti, tal-kożmetika (fwejjaħ) u tal-oġġetti tal-fidda.

Bis-saħħa tal-prosperità li kellha, il-belt ta' Yaroslavl esperjenzat tkabbir enormi fid-daqs tal-popolazzjoni tagħha matul is-seklu 17, u sa tmiem is-seklu l-belt kellha popolazzjoni ta' madwar 15,000 ruħ, u b'hekk saret it-tieni l-ikbar belt tal-ksars Russi wara Moska. Dan il-perjodu kien partikolarment importanti għall-iżvilupp urban tal-belt minħabba li matul is-seklu 17 inbnew għadd ta' knejjes tal-ġebel fil-belt; illum il-ġurnata dawn il-knejjes għadhom jiffurmaw parti ewlenija miċ-ċentru storiku tal-belt. Ix-xogħol fil-biċċa l-kbira ta' dawn il-knejjes inbeda permezz tal-fondi li ngħataw b'donazzjoni lill-belt mingħand merkanti għonja lokali, u b'hekk kellhom influwenza kbira fuq l-għamla tal-binjiet.

Fl-1658, Yaroslavl ġarrbet nar diżastruż li qered il-biċċa l-kbira tal-ftit binjiet tal-injam li kien għad fadal fil-belt, inkluż il-Kremlin l-antik. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-belt bdiet tiżviluppa bl-istess mod sa żminijietna, jiġifieri bħala belt mibnija kważi għalkollox bil-brikks u bit-tkaħħil.

 
Il-kwartieri residenzjali u l-post tax-xogħol tal-impjegati tal-ewwel impriża industrijali ewlenija, l-impjant tat-tessuti tal-belt.

Fil-bidu tas-seklu 18, Yaroslavl finalment bdiet tittrasforma ruħha minn ċentru kummerċjali għal belt industrijali kbira; dan seħħ l-iktar minħabba l-istabbiliment ta' San Pietruburgu fl-1703 permezz ta' Pietru l-Kbir; b'hekk l-importanza ta' Arkhangelsk bħala port fit-Tramuntana naqset b'mod drastiku, u l-ammont ta' kummerċ mill-belt għall-esportazzjoni naqas ukoll. B'xorti tajba, il-ġid li kienet ġemgħet Yaroslavl matul bosta snin bħala ċentru kummerċjali importanti ppermettielha tinvesti ammonti kbar ta' flus fl-iżvilupp tal-bażi industrijali l-ġdida tal-belt, u b'hekk il-belt saret attraenti ħafna għall-investituri l-ġodda. Fl-1772 il-fabbrika tat-tessuti ta' Ivan Tames fetħet max-xatt tal-lemin tax-xmara Kotorosl. Din il-fabbrika mhux biss kienet l-ewwel impriża industrijali kbira ta' Yaroslavl iżda wkoll kienet wieħed mill-ikbar produtturi tat-tessuti tar-Russja. Il-fabbrika għadha teżisti sal-lum bl-isem ta' "Fabbrika tat-Tessuti ta' Krasny Perekop" (bir-Russu: Красный Перекоп). Minbarra ż-żieda fil-manifattura tat-tessuti, il-pożizzjoni tradizzjonali ta' Yaroslavl bħala ċentru tal-produzzjoni tal-ġlud baqgħet l-istess.

Fis-snin 70 tas-seklu 18, permezz tal-iżvilupp ekonomiku tal-belt u ż-żieda kbira fil-popolazzjoni, il-belt saret ċentru provinċjali ewlieni. B'hekk, matul ir-riformi amministrattivi tal-Imperu Russu taħt Katerina l-Kbira, Yaroslavl fl-1777 saret iċ-ċentru tal-governorat tagħha stess, u fl-1778 ingħatat l-istemma tagħha stess. Fl-1796, il-belt finalment saret is-sede ta' wieħed mill-governorati l-ġodda tal-imperu. Bħala ċentru amministrattiv tal-ogħla livell, Yaroslavl fl-1778 ingħatat il-pjanta tagħha stess għall-iżvilupp urban li tfasslet apposta minn Ivan Starov. Dan wassal għal mewġa oħra ta' xogħlijiet tal-kostruzzjoni fil-belt, u r-riżultati għadhom viżibbli fil-belt sal-lum. Bil-Pjazza ta' Ilyinskaya u l-Knisja tal-Profeta Elija fiċ-ċentru tagħha, il-pjanta l-ġdida sejħet għall-iżvilupp ta' network ta' toroq twal u wesgħin ikkonfinati minn binjiet kbar bi stil klassiku u minn bosta parks. Eżempju prominenti ta' dan l-iżvilupp hija d-Dar tal-Karità (li nbniet fl-1786), u li issa hija waħda mill-binjiet tal-Università Statali ta' Demidov fil-belt.

 
Ix-Xatt ta' Volga b'paviljun dekorattiv. Kartolina tal-1915.

Għal Yaroslavl, is-seklu 19 kien ifisser perjodu ta' xogħol intensiv ta' kostruzzjoni, ta' żvilupp infrastrutturali u ta' industrijalizzazzjoni. Fl-1803 infetħet l-hekk imsejħa Skola tax-Xjenzi Għoljin, li kienet l-ewwel istitut edukattiv tal-belt u hija rikonoxxuta bħala l-predeċessur tal-università statali attwali tal-belt. Fl-1812 tlesta l-ewwel pont permanenti (li nbena qrib il-Monasteru tat-Trasfigurazzjoni) fuq ix-xmara Kotorosl, u sal-1820 ix-xatt tax-xmara Volga ġie stabilizzat u ġie kkonvertit f'xatt kbir bid-dell fil-belt. Bdew jinbnew ukoll binjiet klassiċistiċi ewlenin oħra, fosthom id-Dar tal-Gvernatur (1821–1823; fejn illum il-ġurnata hemm il-gallerija tal-belt). Fl-1860 Yaroslavl fl-aħħar ġiet ikkollegata ma' Moska permezz tat-telegrafu u ma' bliet ewlenin oħra tar-Russja, u fl-1870 dan ġie segwit mill-kostruzzjoni tal-ewwel stazzjon ferrovjarju ta' Yaroslavl u l-inawgurazzjoni tal-linja ferrovjarja bejn Yaroslavl u Moska. Fl-1873 il-belt kisbet l-impjanti tal-ilma muniċipali u sal-1900 kellha tramm elettrifikat. Ftit qabel tmiem is-seklu 19, fl-1897, Yaroslavl kellha popolazzjoni ta' madwar 71,600 ruħ.

Seklu 20 u l-millenju

immodifika
 
Nikola II f'Yaroslavl għat-300 anniversarju tad-Dar ta' Romanov.

Sal-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, Yaroslavl baqgħet belt industrijali kbira b'infrastruttura muniċipali żviluppata sew. Madankollu, l-effetti tar-Rivoluzzjoni ta' Ottubru tal-1917 kienu mifruxa, u wara l-Gwerra Ċivili Russa tal-1917–1920, l-ekonomija tal-belt batiet pjuttost b'mod drastiku; dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fil-popolazzjoni tal-belt. Ir-Ribelljoni ta' Yaroslavl, li damet mis-6 sal-21 ta' Lulju 1918 kellha konsegwenzi partikolarment gravi. Fiha, grupp ta' attivisti konservattivi, permezz ta' intervent armat, ippruvaw ineħħu l-awtoritajiet muniċipali Bolxeviki li kienu għadhom kemm ġew stabbiliti. Ir-ribelli rnexxielhom jirbħu għadd kbir ta' partijiet tal-belt, iżda dan wassal biss għal attakk mill-Armata l-Ħamra, fejn il-belt ġiet iċċirkondata, inqatgħulha l-provvisti, u ġiet ibbumbardjata lejl u nhar bl-artillerija u bil-forzi tal-ajru. Eventwelment, ir-ribelljoni trażżnet u ntemmet. Skont iċ-ċifri uffiċjali l-għadd ta' mwiet fost ir-residenti tal-belt kien ta' madwar 600 ruħ, flimkien ma' madwar 2,000 binja tal-belt li nqerdet jew ġarrbet ħsarat kbar.

 
Il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema ta' Yaroslavl, li ġarrbet ħsarat intensivi matul ir-Rewwixta ta' Yaroslavl.

L-ekonomija ta' Yaroslavl ħadet sehem fil-programm bikri tal-Unjoni Sovjetika rigward l-industrijalizzazzjoni aċċellerata. Fost l-istadji importanti ta' dan il-perjodu hemm il-ftuħ tal-ewwel impjant enerġetiku muniċipali fl-1926, il-bidu tal-produzzjoni tal-massa tal-lastiku sintetiku fil-fabbrika SK-1, l-istabbiliment mill-ġdid tal-faċilitajiet tal-produzzjoni domestika għall-produzzjoni tat-tajers tal-karozzi u tal-inġenji tal-ajru fil-Fabbrika tat-Tajers ta' Yaroslavl stabbilit fl-1928, u l-ftuħ tal-impjanti tal-produzzjoni tal-lastiku u tal-asbestos fl-1933. Minbarra dan, il-Fabbrika tal-Karozzi ta' Yaroslavl (stabbilita fl-1916) baqgħet tipproduċi l-vetturi, inkluż għadd ta' vetturi għall-amministrazzjoni tat-trasport muniċipali ta' Moska sas-snin 30 tas-seklu 20.

Matul is-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija, Yaroslavl irnexxielha taħrab il-prospett ta' okkupazzjoni Ġermaniża, peress li l-Wehrmacht ma kisritx il-linji tad-difiża Sovjetiċi madwar Moska. Madankollu, minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala ċentru kbir tat-trasport, u peress li l-pont ferrovjarju li nbena fl-1912 fuq ix-xmara Volga f'Yaroslavl kien l-uniku punt ta' qsim tax-xmara, il-belt sfat fil-mira ta' attakki mill-ajru matul l-1942–1943. Matul wieħed mill-ikbar attakki fil-11 ta' Ġunju 1943, inqatlu iktar minn 120 abitant tal-belt, filwaqt li 150 abitant oħra ndarbu sew. Barra minn hekk, madwar 200 binja (inkluż wieħed mill-workshops prinċipali tal-fabbrika tat-tajers) inqerdu għalkollux. Il-biċċa l-kbira tal-industrija tal-belt, inkluż l-impjanti tal-karozzi, tat-tajers u tat-tessuti, ġiet ikkonvertita, matul il-gwerra, sabiex jiġu prodotti l-armamenti u t-tagħmir għall-Armata l-Ħamra Sovjetika. B'mod ġenerali, madwar 200,000 ruħ mill-inħawi ta' Yaroslavl mietu fil-front matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan is-sagrifiċċju llum il-ġurnata huwa mfakkar permezz ta' monument u fjamma eterna qrib il-bokka tax-xmara Kotorosl fl-1968.

 
Il-Pjazza Ħamra bil-monument ta' Lenin f'Yaroslavl fl-era Sovjetika.

Matul l-Imblokk ta' Leningrad, għadd kbir ta' tfal, li ġew ittrasportati fuq il-lag iffriżat ta' Ladoga (l-hekk imsejħa Triq tal-Ħajja), ġew evakwati lejn ħajja ġdida b'iktar sikurezza f'Yaroslavl. Dak iż-żmien Yaroslavl kellha wkoll kamp tal-priġunieri militari tal-gwerra, il-Kamp Nru 276, għas-suldati Ġermaniżi arrestati talli ħadu sehem fl-ostilitajiet kontra l-Unjoni Sovjetika.

Fit-tieni nofs tas-seklu, l-industrijalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-belt saru prijoritarji fl-istorja ta' Yaroslavl. Fl-1961 infetħet raffinerija taż-żejt u mis-snin 60 tas-seklu 20 għadd kbir ta' distretti residenzjali bdew ifeġġu mal-belt kollha, inkluż, għall-ewwel darba fl-istorja tal-belt, max-xatt tax-xellug tax-xmara Volga, fejn l-iżvilupp tradizzjonalment qatt ma kien seħħ. Dan l-iżvilupp ġie mħeġġeġ iktar fl-1965, bil-kostruzzjoni ta' punt ta' qsim ieħor fuq ix-xmara Volga għall-karozzi. Fl-1968, il-popolazzjoni tal-belt żdiedet għall-ewwel darba għal iktar minn miljun abitant; u minn dak iż-żmien 'l hawn kibret.

F'Lulju 2005 iċ-ċentru storiku ta' Yaroslavl tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Fl-istess sena bdew it-tħejjijiet għaċ-ċelebrazzjoni tal-millenju tal-istabbiliment ta' Yaroslavl; finalment dan ġie ċċelebrat fit-tieni tmiem il-ġimgħa ta' Settembru 2010. Skont il-kundizzjonijiet tat-tħejjijiet tal-1,000 anniversarju tal-belt, l-awtoritajiet muniċipali investew ammont kbir ta' flus fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-toroq u ferrovjarja tal-belt, u ħafna mill-fondi ngħataw mill-gvern federali f'Moska. Inkluż f'dawn it-tħejjijiet kien il-ftuħ ta' pont ġdid (fl-2006) fuq ix-xmara Volga; dan issa magħruf bħala l-Pont tal-Ġublew. F'Awwissu 2008 ukoll, infetaħ iż-Żu l-Ġdid ta' Yaroslavl; li mbagħad tkabbar iktar fl-2010.

 
Bolla postali Russa li tiċċelebra l-millenju tal-istabbiliment ta' Yaroslavl.

Fl-2009, Yaroslavl saret post għad-dibattiti tal-politiki globali fi ħdan il-Konferenza Internazzjonali dwar l-Istat Modern u s-Sigurtà Globali, magħrufa wkoll bħala l-Forum tal-Politiki Globali ta' Yaroslavl. Il-konferenza f'Yaroslavl laqqgħet flimkien l-iktar rappreżentanti awtorevoli tax-xjenza politika, il-komunità kummerċjali, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' għadd ta' stati differenti. Dmitry Medvedev, il-President tal-Federazzjoni Russa, José Luis Zapatero, il-Prim Ministru ta' Spanja u François Fillon, il-Prim Ministru ta' Franza kienu kollha parteċipanti fil-konferenza.

Fl-2010, l-uffiċjali Russi nġabru flimkien mal-awtoritajiet internazzjonali f'Yaroslavl biex jiddiskutu l-isfidi tal-istat modern fil-Forum tal-Politiki Globali, magħruf bħala l-Istat Modern: L-Istandard tad-Demokrazija u l-Kriterji tal-Effiċjenza. Fl-2011 Yaroslavl tlaqqgħu flimkien parteċipanti mid-dinja kollha biex jiddiskutu l-aġenda tal-2011, f'laqgħa bit-titlu ta' "L-Istat Modern fl-Età tad-Diversità Soċjali".

Fis-7 ta' Settembru 2011, il-biċċa l-kbira tal-membri tat-tim tal-belt KHL (tal-ice hockey), Lokomotiv Yaroslavl, mietu fl-2011 meta kkraxxja l-ajruplan tagħhom fit-tlugħ mill-Ajruport ta' Tunoshna ta' Yaroslavl. Il-Ġermaniżi qasmu l-Kanal bejn Moska u x-xmara Volga fl-1941 u għal żmien qasir irnexxielhom jaslu f'Yaroslavl, u bbumbardjawha wkoll fl-1941-1943, u fl-1941-1945 b'rokits V1 u V2, filwaqt li l-Abwehr attakkaw il-belt fl-1941-1945.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-Knisja ta' Elija l-Profeta f'Yaroslavl.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Yaroslavl ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Ġeografija

immodifika

Pożizzjoni

immodifika
 
Ix-xmara Volga kważi ffriżata għalkollox f'Yaroslavl (ix-xitwa 2006).

Il-belt tinsab fin-naħa tal-Lvant tal-Oblast ta' Yaroslavl. L-ikbar irħula fil-qrib huma Tutayev (34 kilometru jew 21 mil lejn il-Majjistral), Gavrilov-Yam (37 kilometru jew 23 mil lejn in-Nofsinhar), u Nerekhta (47 kilometru jew 29 mil lejn il-Lbiċ). Iċ-ċentru storiku ta' Yaroslavl jinsab lejn it-Tramuntana tal-bokka tax-xmara Kotorosl max-xatt tal-lemin tax-xmara Volga. Iż-żona urbana kollha tal-belt tkopri madwar 205 kilometru kwadru (79 mil kwadru) u tinkludi għadd ta' territorji fin-Nofsinhar tax-xmara Kotorosl u fix-xatt tax-xellug tax-xmara Volga.

Bi kważi 600,000 resident, Yaroslavl, bħala popolazzjoni, hija l-ikbar belt tul ix-xmara Volga sa ma tasal sa Nizhny Novgorod. Hija ċentru kbir tat-trasport, u għadd kbir ta' toroq, linji ferrovjarji u passaġġi fuq l-ilma nazzjonali u reġjonali importanti jgħaddu mill-belt. Bosta mit-toroq li jikkollegaw lil Yaroslavl ma' Moska u lil hinn huma awtostradi b'żewġ karriġġjati.

Yaroslavl u l-oblast rispettiva tagħha jinsabu fiż-żona ċentrali tal-Pjanura Ewropea tal-Lvant, li f'inħawi lejn il-Grigal ta' Moska hija kkaratterizzata minn diversi għoljiet u minn pajsaġġ ġeneralment mhux uniformi; madankollu, il-biċċa l-kbira ta' dawn l-għoljiet mhumiex ogħla minn 200 metru (660 pied). Xi ħaġa tipika għar-reġjun, l-inħawi madwar Yaroslavl huma mimlija foresti mħallta u koniferi. Barra minn hekk, hemm ukoll żoni kbar ta' artijiet bassasa.

Data klimatika għal Yaroslavl, ir-Russja (1961–1990)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) −8.2

(17.2)

−5.8

(21.6)

0.1

(32.2)

9.0

(48.2)

17.8

(64.0)

21.4

(70.5)

23.3

(73.9)

21.5

(70.7)

14.9

(58.8)

7.2

(45.0)

−0.2

(31.6)

−5.2

(22.6)

8.0

(46.4)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) −12.0

(10.4)

−10.0

(14.0)

−4.3

(24.3)

4.5

(40.1)

12.0

(53.6)

15.7

(60.3)

17.9

(64.2)

16.1

(61.0)

10.4

(50.7)

4.1

(39.4)

−2.7

(27.1)

−8.4

(16.9)

3.6

(38.5)

Temp. baxxa medja ta' kuljum f'°C (°F) −15.8

(3.6)

−14.2

(6.4)

−8.6

(16.5)

0.0

(32.0)

6.2

(43.2)

10.1

(50.2)

12.5

(54.5)

10.7

(51.3)

5.9

(42.6)

0.9

(33.6)

−5.2

(22.6)

−11.6

(11.1)

−0.8

(30.6)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 37

(1.5)

27

(1.1)

26

(1.0)

40

(1.6)

52

(2.0)

65

(2.6)

84

(3.3)

64

(2.5)

55

(2.2)

52

(2.0)

46

(1.8)

43

(1.7)

591

(23.3)

Sors: Is-Servizz Meteoroloġiku tal-Federazzjoni Russa.[2]

Popolazzjoni

immodifika
Ċensiment Russu
Ċensiment Popolazzjoni
1897 72 000
1926 112 238
1939 299 359
1959 407 071
1970 517 314
1979 596 951
1989 632 991
2002 613 088
2010 591 486
2021 577 279
2022 570 824

Skont iċ-ċensiment tal-popolazzjoni Russa kollha tal-2020, sal-1 ta' Ottubru 2021, il-belt kienet fis-27 post f'termini ta' popolazzjoni fost 1,117-il belt tal-Federazzjoni Russa.

Is-sehem ta' Yaroslavl bħala popolazzjoni tar-reġjun huwa ta' 47.88 %. Id-densità tal-popolazzjoni hija ta' 2805.05 ruħ għal kull km2.

Demografija

immodifika
Popolazzjoni fl-eluf
Età 2008 2009
Iżgħar mill-età tax-xogħol 81.3 82.2
Minnhom, tfal ta' 1–6 snin 32.4 33.3
Tal-età tax-xogħol 380.9 379.9
Ikbar mill-età tax-xogħol 143.0 144.2

Ekonomija

immodifika
Industrija
  • It-Tarzna ta' Yaroslavl, Komatsu (flimkien ma' 2-3 siti ta' Kaluga Krasnodar, San Pietruburgu u Moska, fl-Oblast ta' Kemerovo);
  • YaMZ;
  • il-Kumpanija Farmaċewtika ta' Takeda;
  • R-Pharma;
  • diversi manifatturi industrijali oħra.

Trasport

immodifika

Yaroslavl tinsab f'salib it-toroq ta' għadd ta' rotot ewlenin bit-triq, bil-ferrovija u bix-xmara. L-awtostrada M8 (Moska–Yaroslavl–Vologda–Arkhangelsk) tikkollega l-belt ma' Moska u iktar lil hinn lejn it-Tramuntana fid-direzzjoni ta' Arkhangelsk. Pont ferrovjarju ewlieni u żewġ pontijiet tal-karozzi (il-Pontijiet ta' Oktyabrsky u ta' Yubileyny) jgħaddu minn naħa għall-oħra tax-xmara Volga. Fuq ix-xmara Kotorosl jgħaddu saħansitra erba' pontijiet għall-karozzi u wieħed għat-traffiku ferrovjarju (li nbena fl-1896).

Trasport bit-triq

immodifika

F'dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet ta' Yaroslavl ħadu azzjoni biex tinbena bypass madwar il-belt. Għal din ir-raġuni, iċ-ċentru tal-belt issa huwa kollox ma' kollox ħieles mill-inġenji l-kbar tat-trasport tal-merkanzija u minn vetturi kbar oħra li qabel kellhom jagħmlu tranżitu mill-belt. F'Awwissu 2010 infetħet l-ewwel sezzjoni ta' din il-bypass il-ġdida u kienet tinkludi interkambju li jikkollega l-Pont ta' Yubileyny mat-triq sekondarja fil-Lbiċ ta' Yaroslavl.

Hemm pont ferrovjarju minn naħa għall-oħra tax-xmara Volga u żewġ pontijiet għall-karozzi; it-tieni pont għall-karozzi minn naħa għall-oħra tax-xmara Volga kien lest għall-użu f'Ottubru 2006.

Mill-venda prinċipali tal-karozzi tal-linja tal-belt jitilqu s-servizzi interurbani u reġjonali. Is-servizzi jitilqu minn din il-venda u jaqdu għadd ta' żoni b'popolazzjoni kbira kif ukoll villaġġi u rħula iżgħar oħra fi ħdan l-Oblast ta' Yaroslavl, fosthom Pereslavl-Zalessky, Rybinsk u Uglich. Barra minn hekk, joffru kollegamenti wkoll ma' bliet ikbar bħal Moska, San Pietruburgu, Ufa, Kostroma, Kazan u Cherepovets.

Trasport ferrovjarju

immodifika

Yaroslavl hija ċ-ċentru ferrovjarju ewlieni tal-Linji Ferrovjarji tat-Tramuntana (parti mil-Linji Ferrovjarji Russi). Is-sede tal-Linji Ferrovjarji tat-Tramuntana jinsabu fix-xatt tax-xmara Volga tal-belt. Hemm żewġ stazzjonijiet ferrovjarji ewlenin tal-passiġġieri: Yaroslavl-Glavny u Yaroslavl-Moskovsky li joffru diversi servizzi b'bosta ferroviji tal-passiġġieri fuq distanza twila. Il-belt hija kkollegata ma' Moska permezz ta' servizz veloċi b'ferroviji elettriċi (b'postijiet bilqiegħda biss) imsejjaħ Express. L-inħawi tal-madwar huma moqdija permezz ta' network ta' ferroviji suburbani kkollegat ma' servizz elettrifikat lejn Danilov, Rostov, Alexandrov, Nerekhta u Kostroma u ma' servizz bid-diżil lejn Rybinsk u Ivanovo.

Trasport bl-ajru

immodifika

L-ajruport prinċipali ta' Yaroslavl huwa l-Ajruport Internazzjonali ta' Tunoshna. Inbena bħala bażi tal-ajru tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-ajruport huwa attrezzat biex jilqa' varjetà ta' tipi ta' inġenji tal-ajru. Il-linja tal-ajru bbażata f'Voronezh, Polet Airlines, tipprovdi diversi titjiriet kuljum lejn l-Ajruport Internazzjonali ta' Domodedovo f'Moska.

Hemm ukoll żewġ ajruporti iżgħar: il-Bażi tal-Ajru ta' Levtsovo u l-mitjar ta' Karachikha. Il-Bażi tal-Ajru ta' Levtsovo tintuża primarjament għall-inġenji tal-ajru tat-trasport tal-merkanzija u għall-ħelikopters, u qajla għat-titjiriet bil-passiġġieri. Il-Klabb tal-Ajru ta' Yaroslavl, li huwa fost l-eqdem klabbs tal-ajru tar-Russja u fejn Valentina Tereshkova bdiet tattendi t-taħriġ tagħha, huwa bbażat fejn il-mitjar ta' Karachikha.

Trasport fuq l-ilma

immodifika

Il-Port tax-Xmara ta' Yaroslavl jilqa' importazzjoni medja annwali ta' madwar 3.5 miljun tunnellata ta' merkanzija fis-sena. Il-kundizzjonijiet klimatiċi jippermettu li l-port jintuża għal sitt xhur fis-sena, minn Mejju sal-aħħar ta' Ottubru. Il-port tax-xmara jista' jilqa' mhux biss il-vapuri l-kbar ta' fuq ix-xmara li jieqfu fejn il-belt bħala parti mill-vjaġġ tagħhom tul ix-xmara Volga, iżda anke għadd ta' servizzi regolari li jikkollegaw lil Yaroslavl ma' Breytovo, Tolga, Konstantinovo, Bakarevo u Novye Chentsy.

Trasport pubbliku

immodifika

Il-belt għandha network tat-trasport pubbliku, li jinkludi l-karozzi tal-linja, it-trolleybuses u l-linji tat-tramm. It-tabella ta' hawn taħt turi kemm nies kienu jużaw it-tipi differenti ta' trasport f'għadd ta' snin partikolari (miljuni ta' nies):

2007 2008 2009
Servizzi muniċipali u tal-karozzi tal-linja privati 65.4 64.9 74.5
Trammijiet 24.6 19.7 16.3
Trolleybuses 43.5 35.7 30.4

Kuljum, iktar minn 600 rotta differenti tal-karozzi tal-linja tiġi ġestita minn konsorzju kbir ta' karozzi tal-linja żgħar u kbar u karozzi tal-linja privati.

Is-sistema tat-tramm ta' Yaroslavl hija waħda mill-eqdem fir-Russja u ilha teżisti mill-1900. Mill-2011, din is-sistema hija magħmula minn erba' rotot li jgħaddu minn diversi partijiet tal-belt. Mill-2004, l-għadd ta' rotot tat-trammijiet madwar il-belt naqas ferm, u filwaqt li fl-2006 it-trammijiet setgħu jinstabu kemm fiċ-ċentru storiku kif ukoll fid-Distrett ta' Krasnoperekopsky, ir-rotot li kienu jaqdu lil dawn iż-żoni issa għebu għalkollox. Filwaqt li fil-bidu tas-seklu 21, l-għadd ta' trammijiet fis-sistema ta' Yaroslavl kien ta' madwar 100 tramm, sal-2011 dan l-għadd niżel għal 43 tramm biss.

Mill-1949, in-network tat-trasport urban tal-belt jinkludi wkoll flotta ta' trolleybuses li joperaw f'disa' rotot differenti.

L-FC Shinnik Yaroslavl huwa klabb tal-futbol ibbażat f'Yaroslavl u jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni Russa.

Il-Lokomotiv Yaroslavl huwa t-tim tal-hockey fuq is-silġ tal-belt, li rebaħ il-kampjonat Russu fl-1996–1997, fl-2001–2002, u fl-2002–2003. Fis-7 ta' Settembru 2011, il-plejers kollha tat-tim mietu f'ħabta fatali bl-ajruplan fit-tlugħ mill-ajruport ta' Yaroslavl. Bħala ġieħ lit-tim, il-belt ko-ospitat l-Isfida tal-2012 bejn il-Kanada u r-Russja kontra Halifax, Nova Scotia.

Nies notevoli

immodifika

Ġemellaġġ

immodifika

Yaroslavl hija/kienet ġemellata ma':

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historical Centre of the City of Yaroslavl". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-16.
  2. ^ "Ярославль". METEOINFO.RU (bir-Russu). Miġbur 2024-05-07.