Lag ta' Baikal
Il-Lag ta' Baikal (pronunzja: /baɪˈkɑːl, -ˈkæl/ by-KAHL, -KAL; bir-Russu: Oзеро Байкал, b'ittri Rumani: Ozero Baykal [ˈozʲɪrə bɐjˈkaɫ]; bil-Buryat: Байгал далай, b'ittri Rumani: Baigal dalai) lag tettoniku kbir fir-Russja.[1] Jinsab fin-Nofsinhar tas-Siberja, bejn l-entitajiet federali tal-Oblast ta' Irkutsk lejn il-Majjistral u r-Repubblika ta' Buryatia lejn ix-Xlokk.
B'erja totali ta' 31,722 km2 (12,248 mil kwadru) — jiġifieri kemxejn ikbar mill-Belġju —il-Lag ta' Baikal huwa s-seba' l-ikbar lag fid-dinja bħala erja tas-superfiċe, u huwa wkoll it-tieni l-ikbar lag fl-Ewrasja wara l-Baħar Kaspju. Madankollu, peress li huwa wkoll l-iżjed lag fond, b'fond massimu ta' 1,642 metru (5,387 pied), il-Lag ta' Baikal huwa l-ikbar lag tal-ilma ħelu fid-dinja bħala volum, bi 23,615.39 km3 (5,670 mil kubu) ta' ilma jew 22–23 % tal-ilma ħelu tas-superfiċe fid-dinja, jiġifieri iktar mil-Lagi l-Kbar kollha tal-Amerka ta' Fuq f'daqqa. Huwa wkoll l-eqdem lag fid-dinja b'età ta' 25–30 miljun sena, u huwa fost l-iżjed ċari wkoll.[2]
Il-Lag ta' Baikal jospita eluf ta' speċijiet ta' pjanti u ta' annimali, li bosta minnhom huma endemiċi għar-reġjun. Jospita wkoll it-tribujiet Buryat, li jrabbu l-mogħoż, l-iġmla, il-bhejjem tal-ifrat, in-nagħaġ u ż-żwiemel fuq in-naħa tal-Lvant tal-lag,[3] fejn it-temperatura medja tvarja minn temperatura minima fix-xitwa ta' −19 °C (−2 °F) għal temperatura massima fis-sajf ta' 14 °C (57 °F).[4] Ir-reġjun tal-Lvant tal-Lag ta' Baikal huwa magħruf ukoll bħala Transbaikalia jew Transbaikal, u r-reġjun ta' madwar il-lag stess xi kultant jissejjaħ Baikalia. Il-Lag ta' Baikal tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[5]
Ġeografija u idrografija
immodifikaIl-Lag ta' Baikal jinsab f'wied tettoniku, li nħoloq fi ħdan iż-Żona tal-Fondoq ta' Baikal, fejn il-qoxra tad-Dinja bil-mod il-mod qed tiċċaqlaq. B'tul ta' 636 kilometru (395 mil) u b'wisa' ta' 79 kilometru (49 mil), il-Lag ta' Baikal għandu l-ikbar erja tas-superfiċe fost il-lagi kollha tal-ilma ħelu fl-Asja, b'31,722 km2 (12,248 mil kwadru), u huwa l-iżjed lag fond fid-dinja b'fond ta' 1,642 metru (5,387 pied). Is-superfiċe tal-lag tinsab 455.5 metru (1,494 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, filwaqt li l-qiegħ tal-lag jinsab 1,186.5 metru (3,893 pied) 'l isfel mil-livell tal-baħar, u taħtu hemm xi seba' kilometri (4.3 mili) ta' sedimenti; għaldaqstant il-qiegħ tal-fondoq jinsab xi 8–11-il kilometru (5.0–6.8 mili) 'l isfel mis-superfiċe tal-lag, u b'hekk huwa l-iżjed fondoq kontinentali fond fid-Dinja.[6]
F'termini ġeoloġiċi, il-fondoq mhuwiex antik u huwa attiv – jiġifieri jitwessa' madwar erba' millimetri (0.16 pulzieri) fis-sena.[7] Iż-żona tettonika hija attiva sismikament ukoll; fl-inħawi hemm fawwariet sħan u kull ftit snin ikun hemm terremoti notevoli. Il-lag huwa maqsum fi tliet baċiri: tat-Tramuntana, Ċentrali u tan-Nofsinhar, b'fond ta' madwar 900 metru (3,000 pied), 1,600 metru (5,200 pied) u 1,400 metru (4,600 pied), rispettivament. Żoni tettoniċi differenti b'fond sa madwar 300 metru (980 pied) jisseparaw il-baċiri. Il-baċiri tat-Tramuntana u Ċentrali huma sseparati bil-Fondoq Akademikjan, filwaqt li ż-żona madwar id-Delta ta' Selenga u d-Depressjoni ta' Buguldeika tissepara l-baċiri Ċentrali u tan-Nofsinhar. Il-lag inixxi fl-Angara, li hija tributarja tal-Yenisey. Fost il-formazzjonijiet tal-art hemm il-Kap ta' Ryty tul ix-xatt tal-Majjistral tal-Lag ta' Baikal.
Huwa stmat li l-Lag ta' Baikal għandu 25–30 miljun sena, u b'hekk huwa l-iżjed lag antik fl-istorja ġeoloġika. Huwa uniku fost il-lagi l-kbar ta' altitudni kbira, peress li s-sedimenti tiegħu ma ġewx affettwati mit-trikkib ta' plakek glaċjali kontinentali. L-istudji ta' kooperazzjoni Russi, Amerikani u Ġappuniżi tas-sedimenti mħaffra mill-fond fis-snin 90 tas-seklu 20 jipprovdu rekord dettaljat tal-varjazzjoni klimatika matul l-aħħar 6.7 miljun sena.
Huwa mistenni tħaffir tas-sedimenti iktar fil-fond u iktar fit-tul fil-ġejjien qarib. Il-Lag ta' Baikal huwa l-uniku lag tal-ilma ħelu fejn teżisti evidenza diretta u indiretta ta' idrati tal-gass.[8][9]
Il-lag huwa mdawwar bil-muntanji: il-Muntanji ta' Baikal fix-xatt tat-Tramuntana, il-Katina Muntanjuża ta' Barguzin fix-xatt tal-Grigal u l-Katina Muntanjuża ta' Primorsky estiża tul ix-xatt tal-Punent. Il-muntanji u t-taiga huma protetti bħala park nazzjonali. Fil-lag hemm 27 gżira; l-ikbar waħda, Olkhon, hija twila 72 kilometru (45 mil) u hija t-tielet l-ikbar gżira tal-lagi fid-dinja. Il-lag jiġi alimentat mill-influss ta' saħansitra 330 xmara. Id-drenaġġ ta' dawk prinċipali direttament fil-Lag ta' Baikal huma x-xmajjar Selenga, Barguzin, in-naħa ta' fuq ta' Angara, Turka, Sarma u Snezhnaya. Id-drenaġġ isir minn żbokk uniku, ix-xmara Angara.
Fi ħdan il-wied tettoniku tal-Lag ta' Baikal jeżistu rjieħ regolari.[10]
Karatteristiċi tal-ilma
immodifikaIl-Lag ta' Baikal huwa wieħed mill-iżjed lagi b'ilma ċar fid-dinja. Matul ix-xitwa, it-trasparenza tal-ilma fil-beraħ titla' saħansitra sa 30–40 metru (100–130 pied), iżda matul is-sajf tipikament tkun sa 5–8 metri (15–25 pied). Il-Lag ta' Baikal huwa rikk fl-ossiġenu, anke fil-partijiet l-iktar fondi, u b'hekk jibqa' sseparat minn korpi tal-ilma ferm stratifikati bħal-Lag ta' Tanganyika u l-Baħar l-Iswed.[11]
Fil-Lag ta' Baikal, it-temperatura tal-ilma tvarja ferm skont il-post, il-fond u ż-żmien tas-sena. Matul ix-xitwa u r-rebbiegħa, il-wiċċ jiffriża għal madwar 4–5 xhur; mill-bidu ta' Jannar sal-bidu ta' Mejju–Ġunju (l-iktar fit-Tramuntana), wiċċ il-lag jinkesa bis-silġ. Bħala medja, is-silġ jilħaq ħxuna ta' 0.5 sa 1.4 metru (1.6–4.6 piedi), iżda f'xi postijiet partikolari, jaf ikollu ħxuna ta' iktar minn 2 metri (6.6 piedi). Matul dan il-perjodu, bil-mod il-mod it-temperatura togħla iktar ma l-lag ikun fond, u tkun l-iktar kiesħa qrib il-wiċċ miksi bis-silġ qrib il-punt ta' ffriżar, u titla' sa madwar 3.5–3.8 °C (38.3–38.8 °F) f'fond ta' 200–250 metru (660–820 pied). Wara li s-silġ jinkiser fil-wiċċ, l-ilma tal-wiċċ bil-mod il-mod jisħon bix-xemx, u f'Mejju–Ġunju, it-300 metru (980 pied) ta' fuq jew kważi jsiru omotermiċi (bl-istess temperatura kullimkien) għal madwar 4 °C (39 °F) minħabba t-taħlit tal-ilma. Ix-xemx tkompli tisħon is-saff tal-wiċċ, u fl-eqqel ta' Awwissu t-temperatura jaf tilħaq madwar 16 °C (61 °F) fil-partijiet prinċipali u 20–24 °C (68–75 °F) fil-bajjiet baxxi fin-Nofsinhar tal-lag. Matul dan iż-żmien, ix-xejra tiġi invertita meta mqabbla max-xitwa u mar-rebbiegħa, u t-temperatura tal-ilma tinżel iktar ma jiżdied il-fond. Mal-bidu tal-ħarifa, it-temperatura fil-wiċċ terġa' tinżel u jkun hemm it-tieni perjodu omotermiku għal madwar 4 °C (39 °F) fil-madwar 300 metru (980 pied) ta' fuq f'Ottubru–Novembru. Fl-iżjed partijiet fondi tal-lag, minn madwar 300 metru (980 pied), it-temperatura tkun stabbli b'3.1–3.4 °C (37.6–38.1 °F), bi ftit varjazzjonijiet annwali biss.
It-temperatura medja fil-wiċċ żdiedet bi kważi 1.5 °C (2.7 °F) f'dawn l-aħħar 50 sena, u b'hekk irriżultat f'perjodu iqsar meta l-lag ikun miksi bis-silġ. F'xi postijiet, instabu kanali idrotermiċi b'ilma li jkollu temperatura ta' madwar 50 °C (122 °F). Dawn jinsabu l-iktar fil-fond iżda lokalment instabu wkoll f'ilma relattivament baxx. Ftit li xejn ikollhom effett fuq it-temperatura tal-lag minħabba l-volum kbir tiegħu.
Il-maltempati huma komuni fil-lag, speċjalment matul is-sajf u l-ħarifa, u jistgħu jirriżultaw f'mewġ għoli sa 4.5 metri (15-il pied).
Fawna u flora
immodifikaIl-Lag ta' Baikal għandu bijodiversità rikka. Jospita iktar minn 1,000 speċi ta' pjanti u 2,500 speċi ta' annimali skont l-għarfien attwali, iżda ċ-ċifri reali għaż-żewġ gruppi x'aktarx li huma ferm ogħla. Iktar minn 80 % tal-annimali huma endemiċi.
Flora
immodifikaL-artijiet madwar il-Lag ta' Baikal jinkludu bosta speċijiet ta' fjuri. Ix-xewk tal-art bassasa (Cirsium palustre) jinstab fil-limiti tal-Lvant tal-firxa ġeografika tiegħu.
Il-pjanti vaskolari makrofitiċi ta' taħt l-ilma ma tantx huma preżenti, għajr f'xi bajjiet baxxi tul ix-xtut tal-Lag ta' Baikal. Iktar minn 85 speċi ta' pjanti vaskolari makrofitiċi ta' taħt l-ilma ġew irreġistrati, fosthom ġeneri bħal Ceratophyllum, Myriophyllum, Potamogeton u Sparganium. L-ispeċi invażiva Elodea canadensis ġiet introdotta fil-lag fis-snin 50 tas-seklu 20. Minflok il-pjanti vaskolari, spiss il-flora akkwatika hija dominata minn diversi speċijiet tal-algi ħodor, b'mod partikolari Draparnaldioides, Tetraspora u Ulothrix f'ilma iktar baxx minn 20 metru (65 pied); għalkemm Aegagrophila, Cladophora u Draparnaldioides jistgħu jinstabu f'fond ta' iktar minn 30 metru (100 pied). Għajr għall-Ulothrix, hemm speċijiet endemiċi tal-Lag ta' Baikal f'dawn il-ġeneri kollha ta' algi ħodor. Iżjed minn 400 speċi diatomi, kemm bentiċi kif ukoll planktoniċi, jgħix fil-lag, u madwar nofshom huma endemiċi għal-Lag ta' Baikal; madankollu, għad hemm bosta inċertezzi tassonomiċi rigward dan il-grupp.
Fawna
immodifikaMammiferi
immodifikaIl-bumarin ta' Baikal jew in-nerpa (Pusa sibirica) huwa endemiku għal-Lag ta' Baikal.
Firxa wiesgħa ta' mammiferi tal-art jistgħu jinstabu fil-ħabitats ta' madwar il-lag, fosthom l-ors kannella (Ursus arctos), il-lupu Ewrasjatiku (Canis lupus lupus), il-volpi l-aħmar (Vulpes vulpes), is-sable (Martes zibellina), l-ermellin (Mustela erminea), il-lontra Ewrasjatika (Lutra lutra), il-leopard tal-borra (Panthera uncia), l-alċi (Alces alces), l-elk (Cervus canadensis), ir-renni (Rangifer tarandus), iċ-ċriev selvaġġi Siberjani (Capreolus pygargus), iċ-ċriev selvaġġi Siberjani tal-qrejjen ((Moschus moschiferus), il-ħanżir selvaġġ (Sus scrofa), l-iskojjattlu aħmar (Sciurus vulgaris), l-iskojjattlu Siberjan (Eutamias sibiricus), il-marmotti (Marmota sp.), il-lemmings (Lemmus sp.), u l-liebru tal-muntanji (Lepus timidus). Sal-Medju Evu Bikri, kien għad hemm popolazzjonijiet tal-biżont Ewropew (Bison bonasus) qrib il-lag; dawn kienu jirrappreżentaw l-iżjed firxa fil-Lvant tal-ispeċi.
Għasafar
immodifikaB'kollox hemm 236 speċi ta' għasafar li jgħixu fil-Lag ta' Baikal; 29 speċi minnhom huma għasafar li jgħixu fuq l-ilma stess. Għalkemm ingħataw isem il-lag, kemm is-sarsella ta' Baikal kif ukoll il-bagħal tal-arbuxxelli ta' Baikal huma mifruxa sew fil-Lvant tal-Asja.
Ħut
immodifikaFil-baċir tal-lag hemm inqas minn 65 speċi nattiva ta' ħut, iżda iktar minn nofshom huma endemiċi. Il-familji Abyssocottidae (skorfni tal-fond), Comephoridae (ruvetti ta' Baikal), u Cottocomephoridae (skorfni ta' Baikal) huma ristretti għalkollox għall-baċir tal-lag. Dawn kollha huma parti mill-Cottoidea u tipikament ikollhom tul ta' inqas minn 20 ċentimetru (8 pulzieri). Ta' min jinnota ż-żewġ speċijiet ta' ruvetti (Comephorus baicalensis u C. dybowskii). Dan il-ħut transluċidu tal-pinen twal tipikament jgħix fil-beraħ f'fond ta' 100–500 metru (330–1,640 pied), iżda jgħix ukoll iktar fil-baxx u iktar fil-fond. Flimkien ma' ċerti skorfni abissokottidi, dawn huma l-iżjed ħutiet tal-ilma ħelu li jgħixu fil-fond fid-dinja, qrib il-qiegħ tal-Lag ta' Baikal. Ir-ruvetti huma l-priża primarja tal-bumarin ta' Baikal u jirrappreżentaw l-ikbar bijomassa ta' ħut fil-lag. Apparti l-membri tal-Cottoidea, hemm xi speċijiet endemiċi ta' ħut ukoll fil-baċir tal-lag.
L-iżjed speċi lokali importanti għas-sajd huma l-omul (Coregonus migratorius), tip ta' whitefish endemiku. Wara li jinqabdu, jiġu affumikati, u mbagħad jinbigħu fis-swieq ta' madwar il-lag. Hemm ukoll tip ieħor ta' whitefish endemiku, C. baicalensis. It-temoli suwed ta' Baikal (Thymallus baicalensis), it-temoli bojod ta' Baikal (T. brevipinnis) u l-isturjun ta' Baikal (Acipenser baerii baicalensis) huma speċijiet importanti oħra ta' valur kummerċjali. Dawn huma endemiċi wkoll għall-baċir tal-Lag ta' Baikal.
Invertebrati
immodifikaIl-lag jospita fawna endemika rikka ta' invertebrati. L-Epischura baikalensis huwa endemiku għal-Lag ta' Baikal u huwa l-ispeċi dominanti ta' żooplankton hemmhekk, b'saħansitra bejn 80 u 90 % tal-bijomassa totali. Huwa stmat li din l-ispeċi tiffiltra saħansitra sa elf kilometru kubu ta' ilma fis-sena, jew il-volum kollu tal-lag kull 23 sena.
Fost id-diversità ta' gruppi ta' invertebrati hemm il-krustaċji amfipodi u ostrakodi, il-bebbux tal-ilma ħelu, id-dud annelid u d-dud turbellarjan.
Krustaċji amfipodi, isopodi, kladoċerani u ostrakodi
immodifikaIktar minn 350 speċi u sottospeċi ta' amfipodi huma endemiċi għal-lag. Għandhom diversità ekoloġika u fid-dehra eċċezzjonali, u jvarjaw mill-Macrohectopus pelaġiċi għall-Abyssogammarus u għall-Garjajewia relattivament kbar tal-fond, l-erbivoru Micruropus ċkejken, u l-Pachyschesis parassitiku (parasittiku fuq amfipodi oħra). Il-"ġgantiżmu" ta' xi amfipodi tal-Lag ta' Baikal, li ġie mqabbel ma' dak tal-amfipodi tal-Antartika, ġie kkollegat mal-livell għoli ta' ossiġenu dissolt fil-lag. Fost il-"ġganti" hemm diversi speċijiet ta' Acanthogammarus u Brachyuropus (Acanthogammaridae) tax-xewk li jinstabu kemm fil-baxx kif ukoll fil-fond. Dawn l-amfipodi kbar u komuni essenzjalment huma karnivori (għalkemm jieklu wkoll detriti), u jistgħu jilħqu tul ta' 7 ċentimetri (2.8 pulzieri).
L-għadd ta' isopodi huwa baxx; dawn jagħmlu parti mill-familja tal-Asellidae. Hemm erba' speċijiet tal-ġeneru Baicalasellus, u ż-żewġ speċijiet Mesoasellus dybowskii u Limnoasellus poberezhnii. Dawn is-sitt speċijiet endemiċi jinstabu fuq sottostrati bil-blat f'fond li jvarja bejn tliet metri u għaxar metri (Baicalasellus angarensis) sa iktar minn mitt metru (Mesoasellus dybowskii).
Hemm madwar 60 speċi magħrufa ta' kladoċerani (briegħed tal-ilma), u diversi minnhom huma endemiċi.
L-istess bħal lag antik ieħor, il-Lag ta' Tanganyika, il-Lag ta' Baikal huwa ċentru għad-diversità tal-ostrakodi. Madwar 90 % tal-ostrakodi tal-Lag ta' Baikal huma endemiċi, li jfisser li hemm madwar 200 speċi endemika. B'hekk dawn huma t-tieni l-iktar grupp li fih diversità ta' krustaċji fil-lag, wara l-anfipodi. Il-maġġoranza l-kbira tal-ostrakodi tal-Lag ta' Baikal huma parti mill-familji tal-Candonidae (iktar minn 100 speċi deskritti) u tas-Cytherideidae (madwar 50 speċi deskritti), iżda l-istudji ġenetiċi jindikaw li d-diversità reali f'mill-inqas il-familja ta' dawn tal-aħħar ġiet sottovalutata sew. Il-morfoloġija tal-ostrakodi tal-Lag ta' Baikal għandha diversità kbira.
Bebbux u bivalvi
immodifikaSal-2006, kważi 150 bebbuxu tal-ilma ħelu ġew irreġistrati fil-Lag ta' Baikal, inkluż 117-il speċi endemika mis-sottofamilji tal-Baicaliinae (parti mill-Amnicolidae) u tal-Benedictiinae (parti mil-Lithoglyphidae), u l-familji tal-Planorbidae u tal-Valvatidae. L-ispeċijiet endemiċi kollha ġew irreġistrati li jgħixu f'fond ta' bejn 20 u 30 metru (66 u 98 pied), iżda l-maġġoranza jgħixu iktar fil-baxx. Madwar 30 speċi ta' bebbux tal-ilma ħelu jgħixu f'fond ta' iktar minn 100 metru (330 pied), li jirrappreżenta l-limit approssimattiv taż-żona tad-dawl tax-xemx, iżda 10 speċijiet biss huma tassew speċijiet tal-fond. Inġenerali, il-bebbux ta' Baikal għandhom qoxra rqiqa u huma żgħar. Tnejn mill-iktar speċijiet komuni huma l-Benedictia baicalensis u l-Megalovalvata baicalensis. Id-diversità tal-bivalvi hija inqas b'iktar minn 30 speċi; madwar nofshom, li jagħmlu parti mill-familji tal-Euglesidae, tal-Pisidiidae u tal-iSphaeriidae, huma endemiċi (l-unika familja oħra fil-lag hija dik tal-Unionidae bi speċi nonendemika unika). Il-bivalvi endemiċi jinstabu l-iktar fil-baxx, għalkemm hemm xi speċijiet li huma tal-fond.
Dud akkwatiku
immodifikaBi kważi 200 speċi deskritti, inkluż iktar minn 160 speċi endemiċi, iċ-ċentru tad-diversità għall-oligaketi akkwatiċi tal-ilma ħelu huwa l-Lag ta' Baikal. Għadd iżgħar ta' annelidi oħra tal-ilma ħelu huwa magħruf: 30 speċi ta' sangisug (Hirudinea), u erba' poliketi. Diversi mijiet ta' speċijiet ta' nematodi huma magħrufa li jgħix fil-lag, iżda perċentwal kbir minnhom għadhom ma ġewx deskritti.
Iktar minn 140 dud ċatt endemiċi (Plathelminthes) jgħixu fil-Lag ta' Baikal, f'firxa wiesgħa ta' tipi tal-qiegħ. Il-biċċa l-kbira tad-dud ċatt huma predaturi, u wħud għandhom ilwien jgħajtu ħafna. Spiss ikunu abbundanti fil-baxx, fejn tipikament ikun twal inqas minn 2 ċentimetri (pulzier), iżda fl-iżjed partijiet fondi tal-lag, l-ikbar, Baikaloplana valida, jistgħu jilħqu sa 30 ċentimetru (pied) meta jiġġebdu.
Sponoż
immodifikaHemm mill-inqas 18-il speċi ta' sponoż jgħixu fil-lag, inkluż 15-il speċi mill-familja endemika tal-Lubomirskiidae (il-bqija huma mill-familja nonendemika tal-iSpongillidae), li kkolonizzaw il-lag madwar 3.4 miljun sena ilu. L-isponoż tal-lag jirrappreżentaw madwar 44 % tal-bijomassa bentika tal-annimali. Il-Lubomirskia baicalensis, il-Baikalospongia bacillifera, u l-B. intermedia huma ikbar mis-soltu u jistgħu jilħqu kobor sa metru (3.3 piedi) jew iktar. Dawn it-tlieta huma l-iżjed sponoż komuni fil-lag. Filwaqt li l-ispeċijiet Baikalospongia tipikament ikollhom strutturi qishom twapet, il-L. baikalensis spiss ikollha strutturi bil-friegħi u f'xi postijiet fejn tikber jaf tifforma "foresti" taħt l-ilma. Il-biċċa l-kbira tal-isponoż fil-lag tipikament ikunu ħodor meta jkunu ħajjin, minħabba l-klorofiti simbjotiċi (żooklorella), iżda jistgħu jkunu wkoll kannella jew sofor.[12]
Storja
immodifikaIż-żona ta' Baikal, xi kultant magħrufa bħala Baikalia, għandha storja twila ta' abitazzjoni umana. Qrib il-villaġġ ta' Mal'ta, xi 160 kilometru fil-Majjistral tal-lag, instabu l-fdalijiet ta' tifel magħruf bħala MA-1 jew it-"tifel ta' Mal'ta" li jindikaw abitazzjoni lokali tal-kultura Mal'ta–Buret' għall-ħabta ta' 24,000 sena ilu. Tribù bikrija li huwa magħruf li kienet tgħix fl-inħawi hija dik tal-Kurykan.[13]
Il-Lag ta' Baikal jinsab fl-eks territorju tat-Tramuntana tal-konfederazzjoni tal-Xiongnu, u huwa wieħed mis-siti tal-Gwerra bejn il-Han u l-Xiongnu, fejn l-armati tad-dinastija Han attakkaw u għelbu l-qawwiet tal-Xiongnu mis-seklu 2 Q.K. sas-seklu 1 W.K. Huma ddokumentaw li l-lag kien "baħar enormi" (hanhai) u ddeżinjawh bħala l-Baħar tat-Tramuntana (Běihǎi) tal-Erba' Ibħra semimitiċi. Il-Kurykan, tribù Siberjana li kienet tgħix fl-inħawi fis-seklu 6, tatu isem li jfisser "ħafna ilma". Iktar 'il quddiem, il-lag issejjaħ "lag naturali" (Baygal nuur) mill-Buryat u "lag rikk" (Bay göl) mill-Yakut. Ftit kien magħruf fost l-Ewropej dwar il-lag qabel ma r-Russja espandiet fl-inħawi fis-seklu 17. L-ewwel esploratur Russu li wasal fil-Lag ta' Baikal kien Kurbat Ivanov fl-1643.[14]
Il-Lag ta' Baikal kien taħt il-Protettorat ta' Anbei tad-dinastija Tang mis-647 W.K. sas-682 W.K.
L-espansjoni Russa fl-inħawi tal-Buryat madwar il-Lag ta' Baikal fl-1628–1658 kienet parti mill-ħakma Russa tas-Siberja. Twettqet l-ewwel nett billi segwew ix-xmara Angara kontra l-kurrent minn Yeniseysk (li ġiet stabbilita fl-1619) u iktar 'il quddiem billi marru lejn in-Nofsinhar tax-xmara Lena. Ir-Russi semgħu bil-Buryat għall-ewwel darba fl-1609 f'Tomsk. Skont ġrajjiet folkloristiċi rrakkontati seklu wara, fl-1623, Demid Pyanda, li jaf kien l-ewwel Russu li wasal fejn ix-xmara Lena, qasam min-naħa ta' fuq tax-xmara Lena sax-xmara Angara u wasal f'Yeniseysk.[15]
Vikhor Savin (fl-1624) u Maksim Perfilyev (fl-1626 u fl-1627–1628) esploraw it-territorju ta' Tungus fin-naħa t'isfel tax-xmara Angara. Lejn il-Punent, Krasnoyarsk fin-naħa ta' fuq tax-xmara Yenisei ġiet stabbilita fl-1627. Għadd ta' spedizzjonijiet b'dokumentazzjoni batuta esploraw in-naħa tal-Lvant minn Krasnoyarsk. Fl-1628, Pyotr Beketov iltaqa' għall-ewwel darba ma' grupp ta' Buryat u ngħata yasak (tribut) mingħandhom fis-sit futur ta' Bratsk. Fl-1629, Yakov Khripunov telaq minn Tomsk biex isib minjiera tal-fidda. L-irġiel tiegħu malajr bdew jisirqu kemm lir-Russi kif ukoll lin-nattivi. Ingħaqdu magħhom ukoll grupp ieħor minn Krasnoyarsk, iżda dawn telqu mit-territorju tal-Buryat malli beda jonqos l-ikel. B'hekk kien diffiċli li Russi oħra jidħlu fl-inħawi. Fl-1631, Maksim Perfilyev bena ostrog f'Bratsk. Il-paċifikazzjoni kellha suċċess moderat, iżda fl-1634, Bratsk inqerdet u l-gwarniġjon tagħha nqatel. Fl-1635, Bratsk ġiet attakkata minn spedizzjoni punitiva taħt Radukovskii. Fl-1638, ġiet assedjata iżda rreżistiet.
Fl-1638, Perfilyev qasam mix-xmara Angara lejn Ilim sax-xmara Lena u niżel 'l isfel sa Olyokminsk. Fi triqtu lura, huwa baħħar 'il fuq mix-xmara Vitim fl-inħawi fil-Lvant tal-Lag ta' Baikal (1640) fejn sema' rapporti dwar it-territorju tal-Amur. Fl-1641, Verkholensk ġiet stabbilit fin-naħa ta' fuq tax-xmara Lena. Fl-1643, Kurbat Ivanov baqa' tiela' max-xmara Lena u sar l-ewwel Russu li ra l-Lag ta' Baikal u l-Gżira ta' Olkhon. Nofs l-irġiel tiegħu taħt Skorokhodov baqgħu fil-lag, laħqu n-naħa ta' fuq tax-xmara Angara fit-Tramuntana, u baqgħu għax-xitwa fuq ix-xmara Barguzin lejn in-naħa tal-Grigal.
Fl-1644, Ivan Pokhabov tela' x-xmara Angara sal-Lag ta' Baikal, u x'aktarx li sar l-ewwel Russu li uża din ir-rotta, li hija diffiċli ferm minħabba l-kurrent rapidu. Huwa qasam il-lag u esplora n-naħa t'isfel tax-xmara Selenge. Għall-ħabta tal-1647, huwa reġa' rripeta l-vjaġġ, kiseb xi gwidi, u żdar "Tsetsen Khan" qrib Ulan Bator. Fl-1648, Ivan Galkin bena ostrog max-xmara Barguzin li saret ċentru għall-espansjoni lejn il-Lvant. Fl-1652, Vasily Kolesnikov irrapporta minn Barguzin li wieħed seta' jasal fit-territorju ta' Amur billi jsegwi x-xmajjar Selenga, Uda u Khilok sas-siti futuri ta' Chita u ta' Nerchinsk.
Il-Linja Ferrovjarja Trans-Siberjana nbniet bejn l-1896 u l-1902. Il-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja xenika madwar it-tarf tal-Lbiċ tal-Lag ta' Baikal kienet teħtieġ 200 pont u 33 mina. Sa ma tlestiet, trasport ferrovjarju ttrasporta l-vaguni ferrovjarji minn naħa għall-oħra tal-lag mill-Port ta' Baikal sa Mysovaya għal għadd ta' snin. Il-lag sar is-sit tat-taqbid minuri bejn il-leġjun Ċekoslovakk u l-Armata l-Ħamra fl-1918. Xi drabi matul is-sirda tax-xitwa, il-lag iffriża u wieħed seta' jaqsam minn naħa għall-oħra bil-mixi, għalkemm bir-riskju li jikkankrawlu saqajh jew li taqbdu xi ipotermija fatali mir-riħ kiesaħ li jaħkem fil-meded ċatti tas-silġ. Fix-xitwa tal-1920 seħħ il-Marċ il-Kbir fuq is-Silġ tas-Siberja, meta l-Armata Bajda Russa rtirat u qasmet il-Lag ta' Baikal iffriżat. Ir-riħ fil-lag espost tant kien kiesaħ li bosta nies mietu, u baqgħu hemm iffriżat sar-rebbiegħa. Mill-bidu tal-1956, il-kostruzzjoni tad-Diga ta' Irkutsk max-xmara Angara żiedet il-livell tal-ilma tal-lag b'1.4 metru (4.6 piedi).[16]
Meta nbniet il-linja ferrovjarja, spedizzjoni idroġeografika kbira mmexxija minn F. K. Drizhenko wasslet għall-ewwel mappa ddettaljata tal-qiegħ tal-lag.[17]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Lag ta' Baikal ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[5]
Riċerka
immodifikaDiversi organizzazzjonijiet qed iwettqu proġetti tar-riċerka naturali dwar il-Lag ta' Baikal. Il-biċċa l-kbira minnhom huma governattivi jew assoċjati mal-organizzazzjonijiet governattivi. Iċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Lag ta' Baikal huwa organizzazzjoni indipendenti tar-riċerka li twettaq proġetti ambjentali, edukattivi u ta' riċerka fil-Lag ta' Baikal.
F'Lulju 2008, ir-Russja bagħtet żewġ sottomarini żgħar, Mir-1 u Mir-2, biex jinżlu 1,592 metru (5,223 pied) sal-qiegħ tal-Lag ta' Baikal sabiex iwettqu testijiet ġeoloġiċi u bijoloġiċi fl-ekosistema unika tiegħu. Għalkemm oriġinarjament ġie rrapportat li kellhom suċċess, ma stabbilewx rekord dinji għall-iżjed għadis fil-fond fl-ilma ħelu, u laħqu fond ta' 1,580 metru (5,180 pied) biss. Dak ir-rekord attwalment huwa ta' Anatoly Sagalevich, f'fond ta' 1,637 metru (5,371 pied) fil-Lag ta' Baikal ukoll abbord is-sottomarin Pisces fl-1990. Ix-xjenzat u l-politiku federali Russu Artur Chilingarov, il-mexxej tal-missjoni, ħa sehem fl-għadis tal-Mir, l-istess bħall-President Russu Vladimir Putin.[18]
Mill-1993 twettqet riċerka dwar in-newtrini bit-Teleskopju tan-Newtrini ta' Taħt l-Ilma fil-Fond tal-Lag ta' Baikal (BDUNT). It-Teleskopju tan-Newtrini tal-Lag ta' Baikal NT-200 qed jintuża fil-Lag ta' Baikal, 3.6 kilometri (2.2 mili) mix-xatt f'fond ta' 1.1 kilometru (0.68 mili). Jikkonsisti minn 192 modulu ottiku.[19]
Ekonomija
immodifikaIl-lag, imlaqqam "il-Perla tas-Siberja", attira investituri mill-industrija tat-turiżmu u d-dħul mill-enerġija wassal għal boom ekonomiku. Il-Grand Baikal f'Irkutsk ta' Viktor Grigorov huwa wieħed mill-investituri, li ppjana li jibni tliet lukandi, u ħoloq 570 impjieg. Fl-2007, il-gvern Russu ddikjara r-reġjun tal-Lag ta' Baikal bħala żona ekonomika speċjali. Żona popolari bil-lukandi f'Listvyanka tospita l-lukanda lussuża ta' seba' sulari Hotel Mayak. Fin-naħa tat-Tramuntana tal-lag, Baikalplan (organizzazzjoni nongovernattiva Ġermaniża) flimkien mar-Russi fl-2009 bniet il-Frolikha Adventure Coastline Track, mogħdija ta' distanza twila ta' 100 kilometru (62 mil) bħala eżempju tal-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun. Il-Lag ta' Baikal tniżżel ukoll fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996. Rosatom għandha pjanijiet li tibni laboratorju qrib il-Lag ta' Baikal, flimkien ma' impjant internazzjonali tal-arrikkiment tal-uranju u li tinvesti $2.5 biljun fir-reġjun, filwaqt li toħloq 2,000 impjieg fil-belt ta' Angarsk.[20]
Il-Lag ta' Baikal huwa destinazzjoni popolari fost it-turisti minn madwar id-dinja kollha. Skont is-Servizz tal-Istatistika Statali tal-Federazzjoni Russa, fl-2013, 79,179 turist barrani żaru Irkutsk u l-Lag ta' Baikal; u fl-2014 kien hemm 146,937 viżitatur. L-iżjed postijiet popolari għal soġġorn qrib il-lag huma l-villaġġ ta' Listvyanka, il-Gżira ta' Olkhon, il-Kap ta' Kotelnikovsky, Baykalskiy Priboi, il-lokalità turistika bil-lukandi ta' Khakusy u l-villaġġ ta' Turka. Il-popolarità tal-Lag ta' Baikal qed tikber minn sena għall-oħra, iżda ma hemm l-ebda infrastruttura żviluppata fl-inħawi. Bħala servizz u kumdità inġenerali għall-viżitaturi, il-Lag ta' Baikal għad fadallu sew fejn jista' jiżviluppa.
It-triq tas-silġ lejn il-Gżira ta' Olkhon hija l-unika triq tas-silġ legali fuq il-Lag ta' Baikal. Ir-rotta titħejja minn speċjalisti kull sena u tiftaħ meta l-kundizzjonijiet tas-silġ ikunu jippermettu. Fl-2015, it-triq tas-silġ lejn il-Gżira ta' Olkhon kienet miftuħa mis-17 ta' Frar sat-23 ta' Marzu. Il-ħxuna tas-silġ fit-triq tkun ta' madwar 60 ċentimetru (24 pulzier), b'kapaċità massima permessa ta' 10 tunnellati; tkun miftuħa għall-pubbliku mid-09:00 sas-18:00. It-triq fuq il-lag tkun twila 12-il kilometru (7.5 mili) mill-villaġġ ta' Kurkut fuq l-art kontinentali sa Irkutskaya Guba fil-Gżira ta' Olkhon.[21]
Turiżmu ekoloġiku
immodifikaIl-Lag ta' Baikal fih għadd ta' attivitajiet turistiċi differenti, li jvarjaw skont l-istaġun. Ġeneralment, il-Lag ta' Baikal ikollu żewġ staġuni turistiċi ewlenin. L-ewwel staġun huwa l-istaġun tas-silġ, li normalment jibda f'nofs Jannar u jdum sa nofs April. Matul dan l-istaġun, il-fond tas-silġ jiżdied sa 140 ċentimetru, u b'hekk jippermetti s-sewqan tal-vetturi fuq l-għata tas-silġ (għajr il-vetturi tqal, bħall-kowċis tat-turisti, li ma jissograwx). Dan jippermetti l-aċċess għall-figuri tas-silġ li jiffurmaw fix-xtut tal-blat tal-Gżira ta' Olkhon, inkluż il-Kap ta' Hoboy, il-blata tat-Tliet Aħwa Subien, u l-għerien lejn it-Tramuntana ta' Khuzhir. Jippermetti wkoll l-aċċess għal gżejjer żgħar bħall-Gżejjer ta' Ogoy u ta' Zamogoy.
Is-silġ stess ikollu trasparenza sa fond ta' metru. Huwa għalhekk li dan l-istaġun huwa tant popolari għall-mixi fin-natura, għall-mixi fuq is-silġ, għall-iskejzjar fuq is-silġ u għall-irkib tar-roti. Ir-rotta fuq is-silġ madwar il-Gżira ta' Olkhon tkun twila madwar 200 kilometru. Xi kultant it-turisti jirnexxilhom jaraw xi bumarin ta' Baikal tul din ir-rotta. L-imprendituri lokali joffru wkoll soġġorni f'yurts fuq is-silġ.
L-istaġun tas-silġ jintemm lejn nofs April. Minħabba ż-żieda fit-temperaturi, is-silġ jibda jdub, isir fraġli u ma jibqax daqshekk fond, speċjalment f'postijiet bi flussi qawwijin tas-taħt is-silġ. Firxa ta' fatturi jikkontribwixxu għal żieda fir-riskju li wieħed jaqa' fis-silġ lejn l-aħħar tal-istaġun, u dan jikkawża bosta mwiet fir-Russja kull sena, għalkemm id-data preċiża għal-Lag ta' Baikal mhix magħrufa. Viktor Viktorovych Yanukovych, iben l-eks President Ukren Viktor Yanukovych, jingħad li miet wara li l-karozza tiegħu waqgħet fil-lag bis-silġ idub hu u jsuq fuq il-Lag ta' Baikal fl-2015.
It-tieni staġun turistiku huwa s-sajf, li jippermetti lit-turisti jesploraw iktar in-natura mhux mimsusa tal-Lag ta' Baikal. Il-mogħdijiet għall-mixi jinfetħu, u bosta minnhom jaqsmu żewġ ktajjen muntanjużi: il-Katina Muntanjuża ta' Baikal fuq in-naħa tal-Punent u l-Katina Muntanjuża ta' Barguzin fuq in-naħa tal-Lvant tal-Lag ta' Baikal.
Diversi dgħajjes żgħar tat-turisti joperaw fl-inħawi b'mawriet biex it-turisti jkunu jistgħu jaraw l-għasafar u l-annimali (speċjalment il-bumarin ta' Baikal), u jkunu jistgħu jistadu. L-ilma tal-lag jibqa' estremament kiesaħ fil-biċċa l-kbira tal-postijiet (it-temperatura ma taqbiżx l-10 °C fil-biċċa l-kbira tas-sena), iżda f'xi ftit golfi bħal dak ta' Chivirkuy, it-temperatura tkun kemxejn komda għall-għawm.
L-iżjed villaġġ popolat tal-Gżira ta' Olkhon, Khuzhir, huwa destinazzjoni tat-turiżmu ekoloġiku. Il-Lag ta' Baikal dejjem kien popolari fir-Russja u fil-pajjiżi ġirien, iżda dan l-aħħar kien hemm ukoll influss ta' viżitaturi miċ-Ċina u mill-Ewropa.[22]
Tħassib ambjentali
immodifikaL-ambjentalisti kemm-il darba semmew it-tħassib tagħhom rigward it-tniġġis tal-Lag ta' Baikal fl-imgħoddi. Il-lag jiffaċċja sensiela ta' fenomeni ta' detriment, inkluż l-għebien tal-omul, it-tkabbir rapidu tal-algi invażivi u l-mewt ta' speċijiet endemiċi ta' sponoż fl-inħawi. Il-protesti ambjentali favur il-lag bdew lejn l-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20. Mill-2010, iktar minn 15,000 tunnellata metrika ta' skart tossiku spiċċaw fil-lag.[23]
Impjant tal-Produzzjoni tal-Polpa u tal-Karti ta' Baykalsk
immodifikaL-Impjant tal-Produzzjoni tal-Polpa u tal-Karti ta' Baykalsk inbena fl-1966, direttament max-xatt tal-Lag ta' Baikal. L-impjant kien ibajjad il-karti bl-użu tal-kloru u kien jarmi l-iskart direttament fil-Lag ta' Baikal. Id-deċiżjoni li l-impjant jinbena mal-Lag ta' Baikal irriżultat fi protesti kbar mix-xjenzati Sovjetiċi; skonthom, l-ilma tassew safi tal-lag kien riżorsa sinifikanti u kellu jintuża għall-produzzjoni ta' kimiki innovattivi (pereżempju, il-produzzjoni tal-viskoża ta' kwalità għolja għall-industriji tal-ajrunawtika u tal-ispazju). Ix-xjenzati Sovjetiċi ħassew li ma kienx razzjonali li tinbidel il-kwalità tal-ilma tal-Lag ta' Baikal minħabba l-produzzjoni tal-karti max-xatt. Skonthom ukoll kien meħtieġ li jiġu ppreservati l-ispeċijiet endemiċi tal-bijoti lokali, u li ż-żona madwar il-Lag ta' Baikal tinżamm bħala żona għar-rikreazzjoni. Madankollu, l-oġġezzjonijiet tax-xjenzati Sovjetiċi ffaċċjaw l-oppożizzjoni mill-industrijalisti u kien biss wara deċennji ta' protesti, li l-impjant għalaq f'Novembru 2008 minħabba nuqqas ta' profitt.[24][25]
Fl-4 ta' Jannar 2010 il-produzzjoni reġgħet kompliet. Fit-13 ta' Jannar 2010, il-Prim Ministru Russu Vladimir Putin introduċa bidliet fil-leġiżlazzjoni biex jillegalizza l-operat tal-impjant; din l-azzjoni wasslet għal mewġa ta' protesti mill-ekoloġisti u mir-residenti lokali. Dawn il-bidliet kienu bbażati fuq id-determinazzjoni tal-Prim Ministru Putin abbażi ta' verifika viżiva tal-kundizzjoni tal-Lag ta' Baikal minn sottomarin żgħir, fejn stqarr: "Stajt nara b'għajnejja – u x-xjenzat jistgħu jikkonfermaw – il-Lag ta' Baikal jinsab f'kundizzjoni tajba u prattikament ma hemm l-ebda tniġġis". Minkejja dan, f'Settembru 2013, l-impjant ġarrab falliment finali, u l-aħħar 800 ħaddiem tilfu l-impjieg tagħhom sat-28 ta' Diċembru 2013. Għalkemm l-impjant ingħalaq, il-ġibjuni tal-ħama tal-lignina għadhom theddida ambjentali.
Pipeline taż-żejt ikkanċellat bejn il-Lvant tas-Siberja u l-Oċean Paċifiku
immodifikaIl-kumpanija statali Russa tal-pipelines taż-żejt Transneft kienet qed tippjana li tibni pipeline sa 800 metru (2,600 pied) mix-xatt tal-lag f'żona ta' attività sismika sostanzjali. L-attivisti ambjentali fir-Russja, Greenpeace, l-oppożituri tal-pipelines fil-Lag ta' Baikal u ċ-ċittadini lokali kien ferm kontra dawn il-pjanijiet, minħabba l-possibbiltà ta' tnixxija aċċidentali taż-żejt li tista' tikkawża ħsara sinifikanti lill-ambjent. Skont il-President ta' Transneft, saru bosta laqgħat maċ-ċittadini tal-irħula qrib il-lag, speċjalment f'Irkutsk. Transneft qablet li tbiddel il-pjanijiet meta l-President Russu Vladimir Putin ordna l-kumpanija tikkunsidra rotta alternattiva 40 kilometru (25 mil) lejn it-Tramuntana biex jiġu evitati dawn ir-riskji ekoloġiċi. Minn dak iż-żmien 'l hawn, Transneft iddeċidiet li ċċaqlaq il-pipeline lil hinn mil-Lag ta' Baikal, ħalli ma jgħaddix minn ġo xi riżerva naturali federali jew ta' xi repubblika. Ix-xogħol fuq il-pipeline beda jumejn wara li l-President Putin qabel li r-rotta tal-pipeline tinbidel lil hinn mil-Lag ta' Baikal.
Ċentru ta' arrikkiment tal-uranju propost
immodifikaFl-2006, il-gvern Russu ħabbar pjanijiet biex jinbena l-ewwel ċentru ta' arrikkiment tal-uranju f'faċilità nukleari eżistenti f'Angarsk, belt max-xmara Angara xi 95 kilometru (59 mi)l 'l isfel mix-xtut tal-lag. Il-kritiċi u l-ambjentalisti argumentaw li dan ikun diżastru għar-reġjun u ħeġġew lill-gvern jerġa' jaħsibha u jbiddel il-pjanijiet.
Wara l-arrikkiment, 10 % biss tal-materjal radjoattiv li jirriżulta mill-uranju jiġi esportat lejn il-klijenti internazzjonali, u d-90 % l-oħra qrib ir-reġjun tal-Lag ta' Baikal jitħallew għall-ħżin. Il-laqx tal-uranju fihom materjali radjoattiv u tossiċi, li jekk ma jinħażnux sew, potenzjalment ikunu ta' ħsara għall-bnedmin u jistgħu jikkontaminaw ix-xmajjar u l-lagi.
Fis-snin 10 tas-seklu 21 inbena ċentru ta' arrikkiment.[26]
Impjant tal-ilma minerali tal-flixkun b'sjieda Ċiniża
immodifikaAquaSib b'sjieda Ċiniża ilha tixtri l-art madwar il-lag u fl-2019 bdiet tibni impjant tal-ilma minerali tal-flixkun u pipeline fir-raħal ta' Kultuk. L-għan kien li jiġu esportati 190 miljun litru ta' ilma lejn iċ-Ċina, minkejja li l-lag kien qed jesperjenza livelli storikament baxxi ta' ilma. Dan qanqal protesti mill-popolazzjoni lokali li l-lag kien se jitbattal mill-ilma, u l-gvern lokali waqqaf il-pjanijiet ħesrem sakemm issir analiżi.
Sorsi oħra ta' tniġġis
immodifikaSkont The Moscow Times u Vice, għadd dejjem jikber ta' speċijiet invażivi ta' algi qed joktru fil-lag minħabba l-mijiet ta' tunnellati ta' skart likwidu, inkluż fjuwil u eskrementi, li regolarment jintrema fil-lag mis-siti turistiċi, u sa 25,000 tunnellata ta' skart likwidu jintrema kull sena mill-bastimenti lokali.[27]
Tradizzjonijiet storiċi
immodifikaL-ewwel Ewropew li żar il-lag jingħad li kien Kurbat Ivanov fl-1643.
Fl-imgħoddi, il-Lag ta' Baikal spiss kien jissejjaħ minn bosta Russi bħala l-"Baħar ta' Baikal" (bir-Russu: море Байкал, More Baikal), iktar milli l-"Lag ta' Baikal" (bir-Russu: озеро Байкал, Ozero Baikal). Dan l-użu diġà ġie attestat f'Life of Protopope Avvakum (1621–1682), u fil-mapep tal-aħħar tas-seklu 17 ta' Semyon Remezov. Ġie attestat ukoll fil-kanzunetta famuża, li issa saret tradizzjonali, li tibda bil-kliem Славное море, священный Байкал (Baħar glorjuż, [il-]Baikal sagru). Sal-lum il-ġurnata, l-istrett bejn ix-xatt tal-Punent tal-lag u l-Gżira ta' Olkhon jissejjaħ Maloye More (bir-Russu: Малое море), jiġifieri l-"Baħar iż-Żgħir".
Il-Lag ta' Baikal għandu wkoll il-laqam tal-"Oħt il-Kbira tal-Lagi Aħwa (il-Lag ta' Khövsgöl u l-Lag ta' Baikal)".
Skont il-vjaġġatur tas-seklu 19 T. W. Atkinson, in-nies lokali fir-reġjun tal-Lag ta' Baikal kellhom it-tradizzjoni li Kristu kien żar l-inħawi:
In-nies għandhom tradizzjoni marbuta ma' dan ir-reġjun u jemmnu fiha b'mod impliċitu. Huma jsostnu "li Kristu żar din il-parti tal-Asja u tela' f'quċċata fejn imbagħad seta' jħares lejn ir-reġjun kollu tal-madwar. Wara li bierek il-pajjiż lejn it-Tramuntana, huwa mar lejn in-Nofsinhar, u hu u jħares lejn in-naħa l-oħra tal-Lag ta' Baikal, xejjer idu, u qal 'Lil hinn minn dan ma hemm xejn.'" B'hekk jemmnu li din hija referenza għall-isterilità tal-Pajsaġġi ta' Dauria, fejn intqal li "mhu se jikber l-ebda qamħirrum."
Il-Lag ta' Baikal ġie ċċelebrat fil-kanzunetti folkloristiċi Russi. Tnejn minn dawn il-kanzunetti huma magħrufa fir-Russja u fil-pajjiżi ġirien tagħha, bħall-Ġappun:
- "Baħar Glorjuż, Baikal Sagru" (bir-Russu: Славное мope, священный Байкал) hija dwar katorga maħrub. Il-lirika ġiet iddokumentata u editjata fis-seklu 19 minn Dmitriy P. Davydov (1811–1888).
- "Il-Vagabond" (bir-Russu: Бродяга) hija dwar vagabond li kien ħarab mill-ħabs u kien qed jipprova jerġa' lura d-dar mil-Lag ta' Baikal. Il-lirika nġabret u ġiet editjata fis-seklu 20 minn Ivan Kondratyev.
Din il-kanzunetta tal-aħħar kienet kanzunetta sekondarja tat-tieni film bil-kulur tal-Unjoni Sovjetika, Ballata tas-Siberja (1947; bir-Russu: Сказание о земле Сибирской).
Referenzi
immodifika- ^ Dervla Murphy (2007) Silverland: A Winter Journey Beyond the Urals, Londra, John Murray, p. 173.
- ^ Jung, J.; Hojnowski, C.; Jenkins, H.; Ortiz, A.; Brinkley, C.; Cadish, L.; Evans, A.; Kissinger, P.; Ordal, L.; Osipova, S.; Smith, A.; Vredeveld, B.; Hodge, T.; Kohler, S.; Rodenhouse, N.; Moore, M. (2004). "Diel vertical migration of zooplankton in Lake Baikal and its relationship to body size" (PDF). In Smirnov, A.I.; Izmest'eva, L.R. (eds.). Ecosystems and Natural Resources of Mountain Regions. Proceedings of the first international symposium on Lake Baikal: The current state of the surface and underground hydrosphere in mountainous areas. "Nauka", Novosibirsk, Russia. pp. 131–140.
- ^ S. Hudgins (2003). The Other Side of Russia: A Slice of Life in Siberia and the Russian Far East. Texas A&M University Press.
- ^ Fefelov, I.; Tupitsyn, I. (2004). "Waders of the Selenga delta, Lake Baikal, eastern Siberia". Wader Study Group Bulletin. 104: 66–78.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Lake Baikal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-29.
- ^ "The Oddities of Lake Baikal, Alaska Science Forum". web.archive.org. 2007-02-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-02-03. Miġbur 2024-04-30.
- ^ Hubbard, Judith A.; Bradley, Kyle (2024-01-16). "M5.4 earthquake below Lake Baikal". Miġbur 2024-04-30.
- ^ M. Vanneste; M. De Batist; A. Golmshtok; A. Kremlev; W. Versteeg (2001). "Multi-frequency seismic study of gas hydrate-bearing sediments in Lake Baikal, Siberia". Marine Geology. 172 (1): 1–21.
- ^ P. Van Rensbergen; M. De Batist; J. Klerkx; R. Hus; J. Poort; M. Vanneste; N. Granin; O. Khlystov; P. Krinitsky (2002). "Sublacustrine mud volcanoes and methane seeps caused by dissociation of gas hydrates in Lake Baikal". Geology. 30 (7): 631–634.
- ^ Touchart, Laurent (2012), "Baikal, Lake", in Bengtsson, Lars; Herschy, Reginald W.; Fairbridge, Rhodes W. (eds.), Encyclopedia of Lakes and Reservoirs, Encyclopedia of Earth Sciences Series, Dordrecht: Springer Netherlands, pp. 83–91, doi:10.1007/978-1-4020-4410-6_50, ISBN 978-1-4020-4410-6.
- ^ Hutter; Yongqi; Chubarenko (2011). Physics of Lakes: Foundation of the Mathematical and Physical Background. Vol. 1. Springer. p. 11. ISBN 978-3-642-15178-1.
- ^ Müller; and Grachev, eds. (2009). Biosilica in Evolution, Morphogenesis, and Nanobiotechnology: Case Study Lake Baikal, pp. 81–110. Springer Publishing. ISBN 978-3-540-88551-1.
- ^ Lincoln, W.B. (2007). The Conquest of a Continent: Siberia and the Russians. Cornell University Press. p. 246. ISBN 978-0-8014-8922-8.
- ^ "Research of the Baikal". www.irkutsk.org. Miġbur 2024-04-30.
- ^ "Открытие Русскими Средней И Восточной Сибири (bir-Russu)". www.randewy.ru. Miġbur 2024-04-30.
- ^ "Irkutskenergo: History". web.archive.org. 2013-03-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-03-25. Miġbur 2024-04-30.
- ^ "USGS Fact Sheet: Lake Baikal - A Touchstone for Global Change and Rift Studies". web.archive.org. 2012-06-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-06-29. Miġbur 2024-04-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Barry, Ellen (2011). "A Rugged Guys' heart to heart". International Herald Tribune.
- ^ "It-Teleskopju tan-Newtrini tal-Lag ta' Baikal". web.archive.org. 2010-08-31. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-08-31. Miġbur 2024-04-30.
- ^ "'Pearl of Siberia' draws investors" (bl-Ingliż). 2007-09-07. Miġbur 2024-04-30.
- ^ tangkasnet. "Tangkasnet: Judi Bola Tangkas Asia Online 88Tangkas Terpercaya". tangkasnet (bl-Indoneżjan). Miġbur 2024-04-30.
- ^ Kommersant; Golovina, Ekaterina (2015-03-18). "Chinese tourists eager to visit Baikal". Russia Beyond (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-30.
- ^ Brown, Kate Pride (2018). Saving the Sacred Sea: The Power of Civil Society in an Age of Authoritarianism and Globalization. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-066094-9.
- ^ Parfitt, Tom (2008-11-12). "Deripaska mill that polluted Lake Baikal closes" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-30.
- ^ "Home Page December 2023 Honoring Emmett Aluli". Sacred Land (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-30.
- ^ "The International Uranium Enrichment Center | JSC IUEC". eng.iuec.ru. Miġbur 2024-04-30.
- ^ Times, The Moscow (2014-09-08). "Russia's Baikal, Biggest Lake in the World, 'Becoming a Swamp'". The Moscow Times (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-30.