Baħar l-Iswed

baħar bejn l-Ewropa u l-Asja

Il-Baħar l-Iswed huwa baħar marġinali fil-Mediterran li jinsab bejn l-Ewropa u l-Asja, fil-Lvant tal-Balkani, fin-Nofsinhar tal-Pjanura tal-Lvant tal-Ewropa, fil-Punent tal-Kawkasu, u fit-Tramuntana tal-Anatolja. Huwa kkonfinat mill-Bulgarija, mill-Georgia, mir-Rumanija, mir-Russja, mit-Turkija, u mill-Ukrajna. Il-Baħar l-Iswed huwa fornut minn xmajjar ewlenin, b'mod prinċipali d-Danubju, Dnieper u Dniester. B'hekk, filwaqt li sitt pajjiżi għandhom kosta mal-baħar, il-baċir tad-drenaġġ tiegħu jinkludi partijiet minn 24 pajjiż fl-Ewropa.[1]

Mappa tal-Baħar l-Iswed u l-pożizzjoni ġeografika tiegħu.

Il-Baħar l-Iswed ikopri 436,400 km2 (168,500 mil kwadru), mingħajr ma wieħed jinkludi l-Baħar ta' Azov,[2] għandu fond massimu ta' 2,212-il metru (7,257 pied),[3] u fih volum ta' 547,000 km3 (131,000 mil kubu).[4] Il-biċċa l-kbira tal-kosta tiegħu titla' f'daqqa. Dawn it-tlajja' huma l-Muntanji Pontiċi fin-Nofsinhar, apparti l-peniżoli li jħarsu lejn il-Lbiċ, il-Muntanji tal-Kawkasu fil-Lvant, u l-Muntanji tal-Krimea fin-nofs u fit-Tramuntana. Fil-Punent, il-kosta ġeneralment tifforma pjanuri żgħar tal-għargħar taħt għoljiet żgħar bħal Strandzha; il-Kap ta' Emine, fit-tarf tal-Lvant tal-Muntanji tal-Balkani; u l-Promontorju ta' Dobruja ferm iktar 'il bogħod fit-Tramuntana. L-itwal biċċa mil-Lvant għall-Punent hija ta' madwar 1,175 kilometru (730 mil).[5] Bliet importanti tul il-kosta jinkludu (skont id-direzzjoni tal-arloġġ mill-Bosforu) Burgas, Varna, Constanța, Odessa, Sevastopol, Novorossiysk, Sochi, Batumi, Trabzon u Samsun.

Il-Baħar l-Iswed għandu bilanċ pożittiv tal-ilma, bi fluss annwali nett 'il barra ta' 300 km3 (72 mil kubu) permezz tal-Bosforu u d-Dardanelli lejn il-Baħar Eġew.[6] Filwaqt li l-fluss nett ta' ilma mill-Bosforu u d-Dardanelli (magħrufa kollettivament bħala l-Istretti Torok) jinbet mill-Baħar l-Iswed, il-fluss tal-ilma ġeneralment inixxi fiż-żewġ direzzjonijiet simultanjament: l-ilma iktar dens u iktar mielaħ mill-Eġew inixxi fil-Baħar l-Iswed taħt l-ilma inqas dens u iktar ħelu li jnixxi 'l barra mill-Baħar l-Iswed. Dan joħloq saff sinifikanti u permanenti ta' ilma tal-fond li ma jnixxix 'il barra u li ma jitħallatx, għaldaqstant huwa anossiku. Dan is-saff anossiku huwa responsabbli għall-preservazzjoni ta' relitti antiki li nstabu fil-fond tal-Baħar l-Iswed, li fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa fil-Baħar Mediterran, permezz tal-Istretti Torok u l-Baħar Eġew. L-Istrett tal-Bosforu jikkollegah mal-Baħar żgħir ta' Marmara li min-naħa tiegħu jikkollegah mal-Baħar Eġew permezz tal-Istrett tad-Dardanelli. Lejn it-Tramuntana, il-Baħar l-Iswed huwa kkollegat mal-Baħar ta' Azov permezz tal-Istrett ta' Kerch.

Il-livell tal-ilma varja b'mod sinifikanti tul il-perjodi ġeoloġiċi. Minħabba dawn il-varjazzjonijiet fil-livell tal-ilma fil-baċir, il-blat tal-madwar u l-formazzjonijiet assoċjati xi kultant kienu art niexfa. F'ċerti livelli kritiċi tal-ilma, ġieli jiġu stabbiliti korpi tal-ilma tal-madwar. Huwa permezz tal-iżjed attivi fost dawn ir-rotot ta' kollegament, l-Istretti Torok, li l-Baħar l-Iswed jingħaqad mal-oċeani dinjin. Matul il-perjodi ġeoloġiċi meta dan il-kollegament idroloġiku ma kienx preżenti, il-Baħar l-Iswed kien baċir endorrejku, li jopera b'mod indipendenti mis-sistema tal-oċeani globali (b'mod simili għall-Baħar Kaspju llum il-ġurnata). Attwalment, il-livell tal-ilma tal-Baħar l-Iswed huwa relattivament għoli; għaldaqstant, qed isir skambju tal-ilma mal-Mediterran. Ix-xmara ta' taħt il-Baħar l-Iswed hija kurrent ta' ilma partikolarment mielaħ li jnixxi mill-Istrett tal-Bosforu u tul il-qiegħ tal-Baħar l-Iswed, l-ewwel tat-tip tagħha li qatt ġiet skoperta.

Isem immodifika

 
L-estwarju ta' Veleka fil-Baħar l-Iswed. Il-kurrent iddepożita s-sedimenti tul ix-xatt u dan wassal għall-formazzjoni ta' istmu (Sinemorets, il-Bulgarija).
 
Il-kosta tal-Baħar l-Iswed tal-Punent tal-Georgia, b'veduta ta' Batumi fix-xefaq.
 
Il-Bejta tal-Ħuttaf fil-Krimea.

Ismijiet moderni immodifika

L-ismijiet attwali tal-baħar normalment huma ekwivalenti tal-isem bil-Malti "Baħar l-Iswed", inkluż dawn l-ismijiet mill-pajjiżi li jmissu mal-baħar:[7]

  • bl-Adyghe: Хы Шӏуцӏэ, b'ittri Rumani: Xə Šʷʼucʼɛ, IPA: [xɘ ʃʷʼtsʼɜ];
  • bl-Armen: Սեւ ծով, b'ittri Rumani: Sev cov, IPA: [sɛv t͡sɔv];
  • bl-Ażerbajġaniż: Qara dəniz, IPA: [kaˈɾa deniz];
  • bil-Bulgaru: Чeрно морe, b'ittri Rumani: Čérno moré, IPA: [ˈt͡ʃɛrno moˈrɛ];
  • bil-lingwa tat-Tatari tal-Krimea: Къара денъиз, b'ittri Rumani: Qara deñiz, IPA: [qɑrɑ deŋiz];
  • bil-Georgian: შავი ზღვა, b'ittri Rumani: shavi zghva, IPA: [ʃavi zʁʷa];
  • bil-Laz u bil-Mingreljan: უჩა ზუღა, b'ittri Rumani: Ucha Zugha, IPA: [ˈutʃä ˈzuɣä], jew sempliċement ზუღა, IPA: [ˈzuɣä], "Baħar";
  • bir-Rumen: Marea Neagră, pronounced [ˈmare̯a ˈne̯aɡrə];
  • bir-Russu: Чёрное мо́ре, b'ittri Rumani: Čórnoje móre, IPA: [ˈt͡ɕɵrnəjə ˈmorʲe];
  • bit-Tork: Karadeniz, IPA: [kaˈɾadeniz];
  • bl-Ukren: Чо́рне мо́ре, b'ittri Rumani: Čórne móre, IPA: [ˈt͡ʃɔrne ˈmɔre].

Sa issa nstab li dawn l-ismijiet qatt ma ntużaw qabel is-seklu 13.[8]

Fil-Greċja, l-isem storiku "Baħar ta' Euxine", b'tifsira litterali differenti (ara hawn taħt), għadu jintuża spiss:

  • bil-Grieg: Εύξεινος Πόντος, b'ittri Rumani: Éfxinos Póndos, litt. "Baħar Ospitabbli", [ˈefksinos ˈpondos]; l-isem Μαύρη Θάλασσα, Mávri Thálassa, "Baħar l-Iswed", [ˈmavɾi ˈθalasa], jintuża, iżda inqas ta' sikwit.
 
Il-kosta ta' Samsun fit-Turkija.

Ismijiet storiċi u etimoloġija immodifika

L-iżjed isem bikri tal-Baħar l-Iswed huwa dak tal-Baħar ta' Zalpa, li ngħata kemm mill-Attjani kif ukoll mill-ħakkiema tagħhom l-Ittiti. Il-belt Attjana ta' Zalpa kienet "x'aktarx tinsab fl-estwarju jew fil-qrib tax-xmara Marrassantiya, illum il-ġurnata Kızıl Irmak, tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed".[9]

 
Stabbiliment tal-benessri tul il-kosta ta' Sochi, ir-Russja.

L-isem Grieg prinċipali Póntos Áxeinos huwa ġeneralment aċċettat bħala formulazzjoni mill-kelma Iranjana *axšaina- ("ta' lewn skur"). Il-vjaġġaturi tal-Greċja Antika adottaw l-isem Á-xe(i)nos, identifikat mal-kelma Griega áxeinos (inospitabbli). L-isem Πόντος Ἄξεινος Póntos Áxeinos (Baħar Inospitabbli), attestat għall-ewwel darba f'Pindar (għall-ħabta tal-475 Q.K.), kien jitqies bħala li jġib is-seħta u ġie ewfemizzat għall-kuntrarju tiegħu, Εὔξεινος Πόντος Eúxeinos Póntos (Baħar Ospitabbli), attestat għall-ewwel darba wkoll f'Pindar. Dan sar l-isem użat l-iktar bil-Grieg, għalkemm f'kuntesti mitoloġiċi l-isem "reali" Póntos Áxeinos baqa' ppreferut.

 
Il-kosta tal-Baħar l-Iswed f'Ordu, it-Turkija.

F'Geographica (1.2.10) Strabo jirrapporta li fil-qedem il-Baħar l-Iswed spiss kien jissejjaħ sempliċement bħala "l-Baħar" (ὁ πόντος ho Pontos). Huwa ħaseb li l-baħar kien jissejjaħ bħala l-"Baħar Inospitabbli" Πόντος Ἄξεινος Póntos Áxeinos mill-abitanti tar-reġjun ta' Pontus tal-kosta tan-Nofsinhar qabel il-kolonizzazzjoni Griega minħabba d-diffikultà fin-navigazzjoni u n-nattivi Barbari ostili (7.3.6), u li l-isem inbidel għal "ospitabbli" wara li l-Milesjani kkolonizzaw ir-reġjun, u ġabuh proprjetà tad-dinja Griega.

Skont it-twemmin popolari l-isem "il-Baħar l-Iswed" ġej mil-lewn skur tal-ilma jew mill-kundizzjonijiet klimatiċi. Xi studjużi jinterpretaw li l-isem oriġina minn sistema ta' simboliżmu bil-kuluri li jirrappreżentaw il-punti kardinali, b'iswed jew skur għat-Tramuntana, aħmar għan-Nofsinhar, abjad għall-Punent, u aħdar jew ċilesti għal-Lvant. B'hekk il-"Baħar l-Iswed" kien ifisser il-"Baħar tat-Tramuntana". Skont din l-iskema, l-isem seta' oriġina biss minn poplu li kien jgħix bejn il-Baħar l-Iswed (tat-Tramuntana) u l-Baħar l-Aħmar (tan-Nofsinhar): x'aktarx l-Akemenidi (550–330 Q.K).

 
Il-Kap ta' Kapchik fil-Krimea.

Fil-Bundahishn il-Kbir, skrittura Żoroastrijana tan-Nofs tal-Persja, il-Baħar l-Iswed jissejjaħ Siyābun. Fil-ktieb tal-ġeografija tas-seklu 10 Hudud al-'Alam, il-Baħar l-Iswed jissejjaħ il-Baħar Georgian (daryā-yi Gurz). Il-Kronaka Georgiana tuża l-isem zğua sperisa ზღუა სპერისა (Baħar ta' Speri) abbażi tat-tribù Kartveljana ta' Speris jew is-Sasperi. Ismijiet moderni oħra bħal Chyornoye more u Karadeniz (li t-tnejn ifissru Baħar l-Iswed) oriġinaw matul is-seklu 13. Il-mappa tal-1570 Asiae Nova Descriptio mit-Theatrum Orbis Terrarum ta' Abraham Ortelius issemmi l-baħar Mar Maggior (Baħar Maġġuri), bħal-Latin Mare major.

 
Il-Baħar l-Iswed qrib Constanța, ir-Rumanija.

Il-kittieba Ingliżi tas-seklu 18 spiss kienu jużaw il-Baħar ta' Euxine (/ˈjuːksɪn/ jew /ˈjuːkˌsaɪn/). Matul l-Imperu Ottoman kien jissejjaħ Bahr-e Siyah (bil-Persjan-Għarbi) jew Karadeniz (bit-Tork Ottoman), li t-tnejn ifissru l-"Baħar l-Iswed".[10]

Ġeografija immodifika

 
Il-kosta tal-Baħar l-Iswed f'Burgas, il-Bulgarija.

L-Organizzazzjoni Idrografika Internazzjonali tiddefinixxi l-limiti tal-Baħar l-Iswed kif ġej:[11]

Fil-Lbiċ. Il-limitu tal-Grigal tal-Baħar ta' Marmara [Linja li tgħaqqad il-Kap ta' Rumili mal-Kap ta' Anatoli (41°13'N)]. Fl-Istrett ta' Kertch. Linja li tgħaqqad il-Kap ta' Takil u l-Kap ta' Panaghia (45°02'N).

Iż-żona madwar il-Baħar l-Iswed spiss tissejjaħ ir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed. Il-parti tat-Tramuntana tagħha tinsab fi ħdan iż-żona tal-ħamrija Chernozem belt (żona tal-ħamrija sewda) mil-Lvant tal-Kroazja (Slavonja), tul id-Danubju (it-Tramuntana tas-Serbja, it-Tramuntana tal-Bulgarija (il-Pjanura tad-Danubju) u n-Nofsinhar tar-Rumanija (il-Pjanura tal-Wallakja)) sal-Grigal tal-Ukrajna u lil hinn lejn ir-Reġjun Ċentrali taż-Żona tal-Ħamrija Sewda u n-Nofsinhar tar-Russja lejn is-Siberja.[12]

Iż-żona litorali tal-Baħar l-Iswed spiss tissejjaħ bħala ż-żona litorali Pontika jew iż-żona Pontika.

L-ikbar bajjiet tal-Baħar l-Iswed huma l-Bajja ta' Karkinit fl-Ukrajna; il-Golf ta' Burgas fil-Bulgarija; il-Bajja ta' Dnieprovski u l-Bajja ta' Dniestrovski, it-tnejn fl-Ukrajna; u l-Bajja ta' Sinop u l-Bajja ta' Samsun, it-tnejn fit-Turkija.[13]

Kosta u żoni ekonomiċi esklużivi immodifika

Tul ta' kosta u erja taż-żoni ekonomiċi esklużivi
Pajjiż Tul ta' kosta (km) Erja taż-żoni ekonomiċi esklużivi (km2)[14]
Turkija 1,329 172,484
Ukrajna 2,782 132,414
Russja 800 67,351
Bulgarija 354 35,132
Georgia 310 22,947
Rumanija 225 29,756
Total 5,800 460,084

Baċir tad-drenaġġ immodifika

L-ikbar xmajjar li jnixxu fil-Baħar l-Iswed huma:

  1. Danubju;
  2. Dnieper;
  3. Don;
  4. Dniester;
  5. Kızılırmak;
  6. Kuban;
  7. Sakarya;
  8. Nofsinhar ta' Bug;
  9. Çoruh/Chorokhi;
  10. Yeşilırmak;
  11. Rioni;
  12. Yeya;
  13. Mius;
  14. Kamchiya;
  15. Enguri;
  16. Kalmius;
  17. Molochna;
  18. Tylihul;
  19. Velykyi Kuialnyk;
  20. Veleka;
  21. Rezovo;
  22. Kodori;
  23. Bzyb/Bzipi;
  24. Supsa;
  25. Mzymta.

Dawn ix-xmajjar u t-tributarji tagħhom ikopru 2 miljun km2 (0.77 miljun mil kwadru) tal-baċir tad-drenaġġ tal-Baħar l-Iswed, li b'kollox ikopri kompletament jew parzjalment 24 pajjiż:

Gżejjer immodifika

Xi gżejjer fil-Baħar l-Iswed jagħmlu parti mill-Bulgarija, mir-Rumanija, mit-Turkija u mill-Ukrajna:

  • il-Gżira ta' San Tumas – il-Bulgarija;
  • il-Gżira ta' Santa Anastasja – il-Bulgarija;
  • il-Gżira ta' San Ċiriku – il-Bulgarija;
  • il-Gżira ta' San Ivan – il-Bulgarija;
  • il-Gżira ta' San Pietru – il-Bulgarija;
  • il-Gżira ta' Sacalinu Mare – ir-Rumanija;
  • il-Gżira ta' Sacalinu Mic – ir-Rumanija;
  • il-Gżira ta' K – ir-Rumanija u l-Ukrajna;
  • il-Gżira ta' Utrish;
  • il-Gżira ta' Krupinin;
  • Sudiuk Island
  • il-Gżira ta' Kefken;
  • il-Gżira ta' Oreke;
  • il-Gżira ta' Giresun - it-Turkija;
  • il-Gżira ta' Dzharylhach – l-Ukrajna;
  • il-Gżira ta' Zmiinyi (tas-Sriep) – l-Ukrajna.

Klima immodifika

Il-varjazzjoni klimatika fuq medda qasira fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed hija influwenzata ferm mill-oxxillazzjoni tat-Tramuntana tal-Atlantiku, il-mekkaniżmi klimatiċi li jirriżultaw mill-interazzjoni bejn il-mases tal-arja tat-Tramuntana tal-Atlantiku u tal-latitudni ċentrali. Filwaqt li l-mekkaniżmi eżatti li jikkawżaw l-Oxxillazzjoni tat-Tramuntana tal-Atlantiku għadhom mhux ċari, huwa maħsub li l-kundizzjonijiet klimatiċi stabbiliti fil-Punent tal-Ewropa jimmedjaw il-flussi tas-sħana u tal-preċipitazzjoni li jaslu lejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewrasja, u jirregolaw il-formazzjoni taċ-ċikluni tax-xitwa, li fil-biċċa l-kbira huma responsabbli għall-inputs tal-preċipitazzjoni reġjonali u jinfluwenzaw it-temperaturi tal-wiċċ tal-Baħar Mediterran (SSTs).[15]

Il-qawwa relattiva ta' dawn is-sistemi tillimita wkoll l-ammont ta' arja kiesħa li tasal mir-reġjuni tat-Tramuntana matul ix-xitwa. Fatturi influwenti oħra jinkludu t-topografija reġjonali, peress li d-depressjonijiet u s-sistemi tal-maltemp li jaslu mill-Mediterran jgħaddu minn art baxxa madwar il-Bosforu, u l-ktajjen muntanjużi Pontiċi u tal-Kawkasu jaġixxu bħala rpar u jillimitaw il-veloċità u l-passaġġi taċ-ċikluni mir-reġjun.[16]

Referenzi immodifika

  1. ^ "::: Black Sea ::: Geography, Oceanography, Ecology - Basic Information". web.archive.org. 2018-02-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-02-22. Miġbur 2024-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "College of Earth, Ocean & Environment | University of Delaware". www.udel.edu (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-16.
  3. ^ "Environment - Environment and Enlargement". web.archive.org. 2008-11-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-11-14. Miġbur 2024-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Murray, J. W.; Jannasch, H. W.; Honjo, S; Anderson, R. F.; Reeburgh, W. S.; Top, Z.; Friederich, G. E.; Codispoti, L. A.; Izdar, E. (30 March 1989). "Unexpected changes in the oxic/anoxic interface in the Black Sea". Nature. 338 (6214): 411–413.
  5. ^ World and Its Peoples. Marshall Cavendish. 2010. p. 1444. ISBN 978-0-7614-7902-4.
  6. ^ Miladinova, S.; Stips, A.; Garcia-Gorriz, E.; Macias Moy, D. (July 2017). "Black Sea thermohaline properties: Long-term trends and variations". Journal of Geophysical Research: Oceans. 122 (7): 5624–5644.
  7. ^ Özhan Öztürk (2005). Karadeniz Ansiklopedik Sözlük. İstanbul: Heyamola Yayınları. pp. 617–620.
  8. ^ Schmitt, Rüdiger (1989). "BLACK SEA". In Yarshater, Ehsan (ed.). Encyclopædia Iranica, Volume IV/3: Bibliographies II–Bolbol I. London and New York: Routledge & Kegan Paul. pp. 310–313. ISBN 978-0-71009-126-0.
  9. ^ Burney, Charles. Historical Dictionary of the Hittites, p.333. United States, Rowman & Littlefield Publishers, 2018.
  10. ^ Gibbon, Edward (1993) [1910]. The History of the Decline and Fall of the Roman Empire. Everyman's Library. ISBN 0-679-42308-7.
  11. ^ "IHO" (PDF).
  12. ^ "Agriculture in the Black Sea Region :: Agriculture in the Black Sea Region". web.archive.org. 2013-10-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-10-31. Miġbur 2024-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Black Sea NGO Network | Our Black Sea". www.bsnn.org. Miġbur 2024-04-16.
  14. ^ "Sea Around Us | Fisheries, Ecosystems and Biodiversity". www.seaaroundus.org. Miġbur 2024-04-16.
  15. ^ Cullen, H. M.; A. Kaplan; et al. (2002). "Impact of the North Atlantic Oscillation on Middle Eastern climate and streamflow". Climatic Change. 55 (3): 315–338.
  16. ^ Ozsoy, E. & U. Unluata (1997). "Oceanography of the Black Sea: A review of some recent results". Earth-Science Reviews. 42 (4): 231–272.