Kolomenskoye

sit irjali antiki f’Moska

Kolomenskoye (bir-Russu: Коло́менское) hija eks proprjetà rjali li tinsab diversi kilometri lejn ix-Xlokk taċ-ċentru tal-belt ta’ Moska, ir-Russja, fit-triq antika li twassal għar-raħal ta’ Kolomna (minn fejn oriġina l-isem). Iż-żona xenika hija kbira 390 ettaru u tħares lejn ix-xtut weqfin tax-xmara Moskva. Kolomenskoye saret parti minn Moska fis-snin 60 tas-seklu 20. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1][2][3]

Kolomenskoye

Kolonna l-Bajda ta’ Kolomenskoye immodifika

 
Veduta ta’ Kolomenskoye mill-ajru

Ir-raħal ta’ Kolomenskoye ssemma għall-ewwel darba fit-testment ta’ Ivan Kalita (1339). Maż-żmien, ir-raħal żviluppa bħala proprjetà favorita fil-kampanja tal-prinċpijiet il-kbar tar-Russja Muskovita. L-ewwel struttura eżistenti kienet il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema (1532), li nbniet b’ġebla bajda biex tfakkar it-twelid tant mistenni ta’ eredi tat-tron, jiġifieri Ivan it-Terribbli. Billi kienet l-ewwel knisja tal-ġebel b’koppla ġejja għall-ponta u li tixbah tinda, il-“Kolonna l-Bajda” mhux tas-soltu (kif kultant tiġi msejħa) tirrappreżenta ċeżura kbira mit-tradizzjoni Biżantina.[2][3]

Il-knisja għandha pjanta b’għamla ta’ salib (podklet), qafas ottagonali (chetverik), u “tinda” ottagonali ġejja għall-ponta, b’koppla żgħira fuqha. Il-pilastri dojoq fuq il-ġnub taċ-chetverik, il-gwarniċi tat-twieqi b’għamla ta’ vleġġa, it-tliet livelli tal-kokoshniks (ħnejjiet semiċirkolari dekorattivi) u r-ritmu kwiet tat-taraġ imsaqqaf u tal-galleriji miftuħa jenfasizzaw it-tendenza dinamika ta’ dan il-kapulavur tal-arkitettura Russa. Huwa maħsub li l-kompożizzjoni vertikali kollha ġiet mislufa mill-knejjes tal-injam bis- saqaf imqabbeż tat-Tramuntana tar-Russja.[2][3]

Palazz il-kbir u strutturi oħra immodifika

 
Il-Knisja tal-injam ta’ San Ġorġ fil-Mużew-Riżerva ta’ Kolomenskoye f’Moska

Il-Kżar Alexis I ordna li l-istrutturi preċedenti kollha tal-injam f’Kolomenskoye jiġu mġarrfa u minflok bena il-palazz il-kbir ġdid tal-injam, rinomat għas-saqaf imżejjen tiegħu qisu tal-ħrejjef. Il-barranin irreferew għal dan il-labirint enormi ta’ kurituri kumplessi u 250 kamra, bħala t-“Tmien Għaġeb tad-Dinja”. Għalkemm bażikament kien biss palazz tas-sajf, kien ir-residenza favorita tal-Kżar Alexis I. L-Imperatriċi futura Elizabeth Petrovna twieldet fil-palazz fl-1709, u l-Kżar Pietru l-Kbir qatta’ parti minn żgħożitu fil-palazz. Mat-tluq imperjali lejn San Pietruburgu, il-palazz ġie mitluq, tant li Katerina II rrifjutat li tagħmlu r-residenza tagħha f’Moska. Skont l-ordnijiet tagħha, il-palazz tal-injam twaqqa’ fl-1768, u ġie sostitwit bi struttura ħafna iktar modesta magħmula mill-ġebel u mill-brikks.[2][3]

 
Veduta panoramika ta’ Kolomenskoye fis-seklu 18. Kopja bl-akwarelli tat-tpinġija oriġinali ta’ Giacomo Quarenghi

Il-pjanta dettaljata tal-palazz tal-Kżar Alexis I waslu sa żminijietna. Il-Gvern ta’ Moska wettaq rikostruzzjoni sħiħa tal-

palazz fl-2010. Il-palazz rikostruwit jinsab madwar kilometru fin-Nofsinhar tal-post oriġinali tiegħu ħdejn il-Kolonna l-Bajda, sabiex jiġu ppreservati l-pedamenti storiċi. Il-palazz li twaqqaf minn Katerina l-Kbira fl-1768 twaqqa’ fl-1872, u fadal biss ftit daħliet u binjient ta’ barra.[2][3]

Matul il-perjodu Sovjetiku bikri, bl-inizjattiva tal-arkitett u tar-restawratur Pyotr Baranovsky, il-binjiet antiki tal-injam u diversi artefatti ġew ittrasportati lejn Kolomenskoye minn partijiet differenti tal-Unjoni Sovjetika biex jiġu ppreservati. B’hekk attwalment il-Park ta’ Kolomenskoye jospita sett impressjonanti ta’ kostruzzjonijiet differenti u oġġetti storiċi.[2][3]

Binjiet lokali immodifika

 
Rikostruzzjoni moderna tal-palazz tal-injam (2011)
  • Il-Knisja ta’ San Ġwann l-Battista f’Dyakovo tas-seklu 16. Il-knisja tinsab fuq l-għolja ta’ Dyakovo, li tinsab fil-Lbiċ mill-għolja ta’ Kolomenskoye. Il-knisja għandha ħames strutturi qishom tined, u x’aktarx li nbniet lejn l-1547, mill-arkitett Postnik Yakovlev, l-arkitett famuż tal-Katidral ta’ San Bażilju fil-Pjazza l-Ħamra.[3]
  • Il-Knisja ta’ San Ġorġ tas-seklu 16
  • It-torri tal-kampnar maġenb il-Knisja ta’ San Ġorġ tas-seklu 16
  • Ir-refettorju biswit il-Knisja ta’ San Ġorġ tas-seklu 16
  • Il-Knisja tal-Madonna ta’ Kazan tas-seklu 17
  • It-torri tal-ilma tas-seklu 17
  • Il-bibien ta’ quddiem tal-1671-1673
  • Il-kompartimenti ta’ Polkovhichyi tas-seklu 17
  • Il-kompartimenti ta’ Prikaznye tas-seklu 17
  • Il-bitħa ta’ Sytny tas-seklu 17
  • Il-bibien ta’ wara tas-seklu 17
  • Il-pavaljun tal-Park tal-1825
  • Il-bibien tal-park tas-seklu 19

Kostruzzjonijiet u artefatti miġjuba minn inħawi oħra immodifika

 
Pittura ta’ veduta ta’ Kolomenskoye fis-seklu 19 ta’ Fyodor Alexeyev
  • Il-Knisja Barbikana tal-Monasteru ta’ Nikolo-Korelsky)
  • It-Torri tal-Palizzati ta’ Bratsk
  • Ġebla ta’ Boris mill-Belarussja
  • L-istele ta’ Kurgan minn tumbata funebri ta’ Polovtsian
  • L-arblu ta’ Chasovoy tas-seklu 17
  • Torri mill-fortizza żgħira (Ostrog) ta’ Sumskoy tas-seklu 17
  • L-arblu ta’ mafkar mill-villaġġ ta’ Shaydorovo tas-seklu 19
  • Faċilità tas-seklu 18 li tagħmel ix-xorb alkoħoliku magħmul mill-għasel iffermentat u l-ilma
  • Id-Dar ta’ Pietru l-Kbir tas-seklu 18 mid-Dvina tat-Tramuntana
  • Il-Bibien tal-Iljuni mill-Kremlin ta’ Moska (frammenti li waslu sa żminijietna)[3]

Rikostruzzjonijiet immodifika

  • Mitħna tal-ilma fix-xmara Zhuzha

Karatteristiċi naturali immodifika

  • Siġar tal-ballut (uħud mill-eqdem siġar tal-ballut f’Moska)
  • Wied dejjaq ta’ Golosov b’ġebliet sagri u fawwara
  • Ix-xmara Zhuzha, li titfaċċa minn taħt l-art
  • In-nixxiegħa ta’ Kolomenskoye fil-wied dejjaq ta’ Golosov
  • In-nixxiegħa ta’ Kolutushkin fil-wied bl-istess isem
  • In-nixxiegħa ta’ Dyakovskaya, fil-wied bl-istess isem, li jagħti għal widien oħra bla korpi tal-ilma (kollha fuq ix-xellug: Vospenkov, Lekseev, Bazarihin, Radyushin)[1]

Siti arkeoloġiċi immodifika

Sit ta’ Wirt Dinji immodifika

Kolomenskoye, flimkien mal-Knisja tat-Tlugħ is-Sema, ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (ii) tal-għażla tal-UNESCO: “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”.[1]

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Church of the Ascension, Kolomenskoye". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-16.
  2. ^ a b ċ d e f Dixon, Simon. Catherine the Great (Profiles in Power). Harlow, UK: Longman, 2001, ISBN 0-582-09803-3.
  3. ^ a b ċ d e f ġ g "Kolomenskoye Estate Museum, Russia". web.archive.org. 2014-01-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-24. Miġbur 2021-05-16.