Kizhi Pogost

kumpless arkitettoniku reliġjuż fil-gżira ta' Kizhi, ir-Russja

Kizhi Pogost (bir-Russu: Кижский погост) huwa sit storiku li jmur lura għas-seklu 17 fil-gżira ta' Kizhi, ir-Russja. Il-gżira tinsab fil-Lag ta' Onega fir-Repubblika ta' Karelia, fid-Distrett ta' Medvezhyegorsky, ir-Russja. Kizhi Pogost jinkludi ż-żona mdawra b'ċint b'żewġ knejjes kbar tal-injam (il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni bi 22 koppla u l-Knisja tal-Interċessjoni b'9 koppli) u b'kampnar. Kizhi Pogost huwa famuż għas-sbuħija u għal-lonġevità tiegħu, minkejja li nbena bl-injam kollu kemm hu. Fl-1990 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u fl-1993 tniżżel bħala Sit Kulturali Russu.[1][2]

Veduta taż-żewġ knejjes ta' Kizhi Pogost.

Deskrizzjoni ġenerali

immodifika

Kizhi Pogost inbena fil-parti tan-Nofsinhar tal-gżira ta' Kizhi, fuq għolja erba' metri 'l fuq mil-livell tal-Lag ta' Onega. L-unitajiet strutturali bażiċi ewlenin huma z-zkuk ittundjati tal-arżnu Skoċċiż (Pinus sylvestris) b'dijametru ta' madwar 30 ċentimetru u twal bejn tliet metri u ħames metri. Kizhi Pogost inbena kollu mingħajr l-użu tal-imsiemer. Bosta eluf ta' zkuk ġew ittrasportati għall-kostruzzjoni mill-art kontinentali lejn il-gżira; biċċa xogħol loġistika tassew kumplessa għal dak iż-żmien.[3]

Knisja tat-Trasfigurazzjoni

immodifika

Il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni (bir-Russu: Церковь Преображения Господня) hija l-iżjed parti notevoli ta' Kizhi Pogost. Ma għandhiex tisħin, għaldaqstant titqies bħala knisja tas-sajf u fix-xitwa ma jsirux servizzi fiha. L-artal tagħha ġie stabbilit fis-6 ta' Ġunju 1714, kif hemm imnaqqax fuq is-salib li hemm fil-knisja stess. Din il-knisja nbniet fis-sit fejn fl-imgħoddi kien hemm knisja oħra li ħadet in-nar minħabba sajjetta. L-ismijiet tal-bennejja tagħha mhumiex magħrufa. Skont leġġenda l-bennej prinċipali tagħha uża mannara waħda għall-kostruzzjoni kollha, u malli lesta xeħitha fil-lag u stqarr "ma kienx hemm u mhux se jkun hemm knisja oħra bħal din".

Il-knisja għandha 22 koppla u hija għolja 37 metru. B'hekk hija waħda mill-itwal binjiet tal-injam fit-Tramuntana tal-Ewropa. Il-perimetru tagħha huwa ta' 20 metru b'29 metru. Jitqies li l-knisja bi 18-il koppla fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Lag ta' Onega — li nbniet fl-1708 u li nqerdet bin-nar fl-1963 – kienet il-predeċessur tagħha. Skont it-tradizzjonijiet Russi tax-xogħol bl-injam ta' dak iż-żmien, il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni nbniet bl-injam biss, mingħajr l-użu tal-imsiemer, apparti l-koppli u t-tavli ċatti tal-bejt. B'kollox intużaw madwar 180,000 musmar biex it-tavli ċatti tal-bejt tal-knisja jinżammu f'posthom. L-istrutturi kollha nbnew bi zkuk orizzontali ffittjati, imġanntin flimkien b'tali mod li jidħlu f'xulxin u jissakkru permezz ta' truf ittundjati jew qishom ċoff li kienu jinqatgħu hekk apposta bl-imnanar. Il-bażi tal-istruttura għandha qafas ottaedriku b'erba' estensjonijiet laterali b'żewġ saffi (bir-Russu: прируб, "prirub" minn "rubit" li tfisser "qtugħ tal-injam"). Il-prirub tal-Lvant għandha għamla pentagonali u fiha l-artal. Żewġ ottagoni iżgħar ta' għamla simili huma mmuntati fuq l-ottagonu prinċipali. Fuq l-istruttura u fil-ġnub tagħha hemm 22 koppla b'għamliet u b'daqsijiet differenti. Ir-refettorju huwa msaqqaf b'bejt skuntrat bi tliet xaqlibiet. Fis-seklu 19, il-knisja kienet imżejna bil-folji tal-injam miksijin bl-azzar. Ġiet irrestawrata għad-disinn oriġinali tagħha fis-snin 50 tas-seklu 20.

Il-qafas tal-knisja jserraħ fuq bażi tal-ġebel minħajr pedamenti fondi, għajr għall-korsija tal-Punent li għaliha nbnew il-pedamenti fl-1870. Il-biċċa l-kbira tal-injam huwa arżnu b'fallakki tal-abit aħmar fuq il-bjut ċatti. Il-koppli huma miksijin bil-luq.

L-ikonostażi fiha erba' livelli (bir-Russu: четырёхъярусный) u fih 102 ikoni. Tmur lura għat-tieni nofs tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19. L-ikoni oriġinaw minn tliet perjodi: l-eqdem żewġ ikoni, "it-Trasfigurazzjoni" (bir-Russu: Преображение) u "l-Interċessjoni" (bir-Russu: Покров) imorru lura għall-aħħar tas-seklu 17 u huma tipiċi tal-istil tat-Tramuntana. L-ikoni ċentrali jmorru lura għat-tieni nofs tas-seklu 18 u huma wkoll tal-istil lokali. Il-biċċa l-kbira tal-ikoni tat-tliet livelli ta' fuq imorru lura għall-aħħar tas-seklu 18, u oriġinaw minn diversi partijiet tar-Russja.

 
 
 
Detall tal-koppli (il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni) Il-Knisja tal-Interċessjoni tal-Madonna. Il-Kampnar u l-Knisja tat-Trasfigurazzjoni.  

Knisja tal-Interċessjoni

immodifika
 
Il-Knisja tal-Interċessjoni minn ġewwa.

Il-Knisja tal-Interċessjoni (bir-Russu: Покровская церковь) hija knisja bit-tisħin u tintuża fix-xitwa. Is-servizzi jsiru fiha mill-1 ta' Ottubru sal-Għid. Il-knisja kienet l-ewwel waħda fil-gżira wara li fl-aħħar tas-seklu 17 il-knisja l-oħra kollha ta' qabel inqerdu bin-nar. Inbniet għall-ewwel darba fl-1694 bħala struttura b'koppla waħda, u mbagħad ġiet rikostruwita fl-1720–1749 u fl-1764 ġie rikostruwit id-disinn attwali tagħha b'disa' koppli, b'arkitettura simili għall-Knisja tat-Trasfigurazzjoni prinċipali. Il-knisja għolja 32 metru u għandha perimetru ta' 26 metru bi tmien metri. Għandha disa' koppli, b'waħda ikbar mill-bqija fin-nofs, imdawra bit-tmienja iżgħar l-oħra. Ma tantx hemm wisq tiżjin ieħor. Portal uniku għoli jagħti għall-erba' partijiet interni tal-knisja. Bħal fil-Knisja tat-Trasfigurazzjoni, l-artal jinsab fin-naħa tal-Lvant b'għamla ta' pentagonu. L-ikonostażi oriġinali ġiet sostitwita fl-aħħar tas-seklu 19 u ntilfet; ġiet rikostruwita fis-snin 50 tas-seklu 20 bl-istil oriġinali.

 
Il-Kampnar u l-Knisja tal-Interċessjoni.

Il-kampnar oriġinali ddeterjora malajr u ġie rikostruwit fl-1862 u iktar 'il quddiem fl-1874 u fl-1900. It-torri huwa għoli 30 metru b'perimetru ta' sitt metri b'sitt metri. Għandu qafas kwadru tal-injam li qed iserraħ fuq il-pedamenti (tar-radam u bil-ġebla tal-ġir); il-qafas tiegħu huwa maqsum minn ġewwa fi tliet kmamar b'żewġ ħitan: antikamra, taraġ u maħżen. Fuq il-qafas kwadru hemm parti ottagonali biz-zvonnitsa fil-quċċata. Imbagħad hemm saqaf piramidali/ottagonali li qed iserraħ fuq il-pilastri, b'salib fil-quċċata. It-tipi ta' injam huma l-istess bħal tal-knejjes: arżnu, abit aħmar u luq.

Fil-kultura popolari

immodifika

Il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni hija Sit tal-Għaġeb għall-Islavi fil-logħba elettronika tal-kompjuter Age of Empires 2: Definitive Edition.

Iċ-ċint ma għandu l-ebda skop difensiv. Huwa ħajt diviżorju simboliku bejn l-art sagra u l-bqija tad-dinja. Ġie rikostruwit fis-snin 50 tas-seklu 20 bħala struttura tal-injam biz-zkuk twila 300 metru madwar iż-żewġ knejjes u l-kampnar. L-istruttura sserraħ fuq pedamenti b'saħħithom tal-ġebel. Id-daħla prinċipali hija wiesgħa 14.4-il metru u hija għolja 2.25 metri, u tħares lejn il-Lvant qrib il-Knisja tal-Interċessjoni. Hemm daħliet tal-qasab fil-Lvant u fit-Tramuntana, kif ukoll torri tal-injam żgħir fil-Majjistral. It-torri għandu bażi kwadra u saqaf tal-injam bit-tavli ċatti b'erba' xaqlibiet u ġej għall-ponta. Il-ħitan, id-daħliet u l-istrutturi tal-qasab huma kollha msaqqfa.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kizhi Pogost". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-26.
  2. ^ "Закон России. Право, кодексы, нормативные и законодательные акты, новости, документы". lawrussia.ru. Miġbur 2024-04-26.
  3. ^ Stephen J. Kelley, ed. (2000). Wood structures: a global forum on the treatment, conservation, and repair of cultural heritage. ASTM International. pp. 42–47. ISBN 0-8031-2497-X.