Kumitat tar-Reġjuni
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-assemblea tal-Unjoni Ewropea (UE) tar-rappreżentanti lokali u reġjonali li tipprovdi lill-awtoritajiet sottonazzjonali (jiġifieri r-reġjuni, il-kontej, il-provinċji, il-muniċipalitajiet u l-bliet) b'vuċi diretta fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE.
Imwaqqaf fl-1994, il-KtR inħoloq biex jindirizza żewġ kwistjonijiet ewlenin. L-ewwel, madwar tliet kwarti mil-leġislazzjoni tal-UE hija implimentata fil-livell lokali jew reġjonali; għalhekk huwa xieraq li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jingħataw vuċi fit-tħejjija tal-liġijiet il-ġodda tal-UE. It-tieni, kien hemm tħassib dwar id-distakk dejjem akbar bejn il-pubbliku u l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea; l-involviment tal-livell ta' gvern elett li jkun l-aktar qrib taċ-ċittadini kien mod wieħed kif jiġi eliminat dan id-distakk.
Sfond
immodifikaFi ħdan l-Unjoni Ewropea l-awtoritajiet lokali u reġjonali ppressaw għal influwenza ikbar fil-kwistjonijiet relatati mal-UE. Dan wassal għall-ħolqien tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni permezz tat-Trattat ta' Maastricht u għad-dispożizzjoni biex l-Istati Membri jkunu rrappreżentati fil-Kunsill tal-UE minn ministri tal-gvernijiet reġjonali tagħhom.
Prinċipji
immodifikaHemm tliet prinċipji ewlenin fil-qalba tal-ħidma tal-Kumitat:
Is-sussidjarjetà
Dan il-prinċipju, li tniżżel fit-Trattati fl-istess waqt li nħoloq il-KtR, ifisser li d-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea jridu jittieħdu fl-aktar livell prattiku qrib iċ-ċittadini. L-Unjoni Ewropea għalhekk m’għandhiex twettaq ħidma li tista’ ssir aħjar mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali.
Il-viċinanza
Il-livelli kollha tal-gvern għandhom jimmiraw li jkunu ‘qrib iċ-ċittadini’, b’mod partikolari billi jorganizzaw ħidmiethom b’mod trasparenti, ħalli n-nies ikunu jafu min hu responsabbli għal xiex u kif jistgħu jressqu fehmiethom.
Is-sħubija
Governanza tajba Ewropea tfisser li l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali jaħdmu lkoll flimkien – l-erbgħa li huma huma indispensabbli u għandhom ikunu involuti fil-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'governanza f'diversi livelli.
Kamp ta' applikazzjoni
immodifikaIt-Trattati jobbligaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonsultaw lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kull meta jsiru proposti ġodda f’oqsma li għandhom implikazzjonijiet fil-livell reġjonali jew lokali. Barra minn dawn l-oqsma, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu jikkonsultaw lill-KtR dwar kwistjonijiet oħra jekk ikunu tal-fehma li l-proposta leġislattiva għandha implikazzjonijiet reġjonali jew lokali. Il-KtR jista’ wkoll iħejji opinjonijiet fuq inizjattiva proprja; permezz ta’ dan, jista’ jpoġġi ċerti kwistjonijiet fuq l-aġenda tal-UE.
Il-KtR kiseb id-dritt (l-istatus privileġġjat) li jindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea issa li t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ wara li ġie rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE (Artikolu 8, Protokoll Nru 2) dwar l-Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.
Kompożizzjoni
immodifikaIl-KtR għandu 350 membru sħiħ u l-istess numru ta' membri sostituti, fejn in-numru ta' membri għal kull pajjiż jirrifletti bejn wieħed u ieħor id-daqs tal-popolazzjoni tiegħu. In-numru ta' membri għal kull pajjiż huwa kif ġej:
Stat | Membri | Stat | Membri | Stat | Membri |
---|---|---|---|---|---|
Ġermanja | 24 | Belġju | 12 | Irlanda | 9 |
Renju Unit | 24 | Ungerija | 12 | Kroazja | 9 |
Franza | 24 | Portugall | 12 | Litwanja | 9 |
Italja | 24 | Żvezja | 12 | Latvja | 7 |
Spanja | 21 | Bulgarija | 12 | Slovenja | 7 |
Polonja | 21 | Awstrija | 12 | Estonja | 6 |
Rumanija | 15 | Slovakkja | 9 | Ċipru | 5 |
Pajjiżi l-Baxxi | 12 | Danimarka | 9 | Lussemburgu | 5 |
Greċja | 12 | Finlandja | 9 | Malta | 5 |
Repubblika Ċeka | 12 | ||||
TOTAL | 350 |
Struttura interna
immodifikaIl-President
Il-president jiggwida l-ħidma tal-Kumitat waqt l-assemblea plenarja, jippresjedi s-sessjonijiet plenarji u huwa r-rappreżentant uffiċjali tal-KtR. Karl-Heinz Lambertz (Belġju/Partit tas-Soċjalisti Ewropej, PSE), Senatur mill-komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju, huwa l-President attwali li ġie elett fit-12 ta’ Lulju 2017.
Lista tal-Presidenti tal-Kumitat tar-Reġjuni
President tal-KtR | Presidenza | Nazzjonalità | Grupp Politiku Ewropew |
---|---|---|---|
Karl-Heinz Lambertz, Il-komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju | 2017 – s'issa | Belġjan | Partit tas-Soċjalisti Ewropej |
Markku Markkula, Espoo | 2015 – 2017 | Finlandiż | Partit Popolari Ewropew |
Michel Lebrun, Vallonja | 2014 – 2015 | Belġjan | Partit Popolari Ewropew |
Ramón Luis Valcárcel, Murcia | 2012 – 2014 | Spanjol | Partit Popolari Ewropew |
Mercedes Bresso, Pjemonte | 2010 – 2012 | Taljana | Partit tas-Soċjalisti Ewropej |
Luc Van Den Brande, Fjandri | 2008 – 2010 | Belġjan | Partit Popolari Ewropew |
Michel Delebarre, Dunkirk, Nord Pas de Calais | 2006 – 2008 | Franċiż | Partit tas-Soċjalisti Ewropej |
Peter Straub, Baden-Wurttemberg | 2004 – 2006 | Ġermaniż | Partit Popolari Ewropew |
Sir Albert Bore, Birmingham | 2002 – 2004 | Brittaniku | Partit tas-Soċjalisti Ewropej |
Jos Chabert, Reġjun ta' Brussell-Kapitali | 2000 - 2002 | Belġjan | Partit Popolari Ewropew |
Manfred Dammeyer, Nordrhein-Westfalen | 1998 - 2000 | Ġermaniż | Partit tas-Soċjalisti Ewropej |
Pasqual Maragall i Mira, Barċellona, il-Katalonja | 1996 – 1998 | Spanjol | Partit tas-Soċjalisti Ewropej |
Jacques Blanc, Languedoc-Roussillon | 1994 – 1996 | Franċiż | Partit Popolari Ewropew |
L-Ewwel Viċi President
L-Ewwel Viċi President jiġi elett ukoll mill-assemblea plenarja għal sentejn u nofs u jirrappreżenta lill-President fl-assenza tiegħu. Markku Markkula (Finlandja/Partit Popolari Ewropew, PPE), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo, ġie elett bħala l-ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fit-12 ta’ Lulju 2017.
Il-Bureau
Il-Bureau huwa l-korp tal-KtR li jieħu d-deċiżjonijiet. Huwa magħmul minn 63 membru: il-President, l-Ewwel Viċi President, 28 Viċi President (wieħed għal kull Stat Membru), il-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-KtR, u 28 membru ieħor mid-delegazzjonijiet nazzjonali, li jippermettu li l-Bureau jkun jirrifletti l-ekwilibriji nazzjonali u politiċi. Ġeneralment il-Bureau jiltaqa’ seba’/tmien darbiet fis-sena, ifassal il-programm ta’ politika tal-KtR, u jagħti istruzzjoni lill-amministrazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu.
L-Assemblea Plenarja
Il-membri tal-KtR jiltaqgħu f’sessjoni plenarja fi Brussell sitt darbiet fis-sena sabiex jiddiskutu u jadottaw opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet. Markku Markkula (Finlandja/Partit Popolari Ewropew, PPE), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo, ġie elett bħala l-ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fit-12 ta’ Lulju 2017.
Il-kummissjonijiet tal-KtR
Il-KtR jorganizza ħidmietu permezz ta' kummissjonijiet interni, li jispeċjalizzaw f'oqsma topiċi:
- CIVEX - iċ-ċittadinanza, il-governanza, l-affarijiet istituzzjonali u dawk esterni;
- COTER - il-politika ta' koeżjoni territorjali u l-baġit tal-UE;
- ECON - il-politika ekonomika;
- ENVE - l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-enerġija;
- NAT - ir-riżorsi naturali, inkluża l-agrikoltura;
- SEDEC - il-politika soċjali, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-kultura.
Dawn iħejju l-abbozz ta’ opinjonijiet u jorganizzaw konferenzi u seminars li jiffukaw fuq l-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. Kull kummissjoni għandha madwar 100 membru (kull membru jista' jagħmel parti minn żewġ kummissjonijiet) u hija appoġġjata minn segretarjat fi ħdan l-amministrazzjoni. Kummissjoni Speċjali għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi (CFAA) hija wkoll stabbilita biex tassisti l-Bureau tal-KtR.
Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi (CFAA)
Din il-kummissjoni – li għandha tmien membri – tagħti pariri lill-Bureau dwar kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji.
Il-gruppi politiċi
Il-KtR għandu ħames gruppi politiċi: il-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-Grupp tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej (KRE), il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE), l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE), u l-Alleanza Ewropea (AE). Il-membri ta’ kull partit politiku jiltaqgħu qabel laqgħat importanti biex jadottaw pożizzjonijiet komuni. Il-president tal-KtR, l-ewwel viċi president u l-presidenti tal-gruppi politiċi wkoll jiltaqgħu qabel kull sessjoni plenarja u laqgħat importanti oħra bil-għan li jilħqu kunsens politiku dwar kwistjonijiet ewlenin.
Il-konferenza tal-Presidenti
Il-President tal-KtR, l-Ewwel Viċi President, il-presidenti tal-gruppi politiċi u s-Segretarju Ġenerali wkoll jiltaqgħu fi ħdan il-Konferenza tal-Presidenti qabel kull sessjoni plenarja u laqgħat importanti oħra bil-għan li jilħqu kunsens politiku dwar kwistjonijiet strateġiċi.
Id-delegazzjonijiet nazzjonali
Il-KtR jinkludi wkoll 28 delagazzjoni nazzjonali. Il-membri jiltaqgħu fid-delegazzjoni nazzjonali tagħhom qabel is-sessjonijiet plenarji u avvenimenti oħra biex jiddiskutu punti komuni.
Is-Segretarju Ġenerali
Is-Segretarju Ġenerali huwa maħtur għal ħames snin mill-Bureau. Bħala l-kap tal-amministrazzjoni tal-KtR, is-Segretarju Ġenerali ma jistax ikollu mandat politiku. Huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-President u l-Bureau u għat-tmexxija mingħajr problemi tal-amministrazzjoni. Jirí Buriánek huwa s-Segretarju Ġenerali attwali tal-KtR mill-l ta' Settembru 2014.
Is-Segretarjat Ġenerali
Is-Segretarjat Ġenerali jikkonsisti f'ħames Direttorati: Membri u Sessjonijiet Plenarji; Ħidma Leġislattiva 1; Ħidma Leġislattiva 2; Komunikazzjoni; Riżorsi Umani u Finanzi. Id-Direttorati tal-Loġistika u t-Traduzzjoni huma ġestiti b'mod konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Ħidma
immodifikaOpinjonijiet
Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew jikkonsultaw lill-KtR meta jfasslu t-testi leġislattivi (Direttivi, Regolamenti, eċċ.) dwar kwistjonijiet li jolqtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-abbozzi tat-testi jitressqu lill-kummissjoni rilevanti tal-KtR. Imbagħad jinħatar relatur biex iħejji l-opinjoni tal-Kumitat. Dan l-abbozz ta’ opinjoni jrid jiġi adottat mill-kummissjoni tal-KtR qabel ma jiġi diskuss fis-sessjoni plenarja. Ladarba dan jiġi approvat fil-plenarja, l-opinjoni uffiċjali tintbagħat lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha u tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Riżoluzzjonijiet
Ir-riżoluzzjonijiet jippermettu li l-Kumitat jesprimi fehmietu dwar kwistjonijiet importanti u topiċi. Il-gruppi politiċi tal-KtR jew 32 membru tal-KtR jistgħu jfasslu r-riżoluzzjonijiet meħtiġin.
Studji u pubblikazzjonijiet oħra
Il-KtR jipproduċi studji dwar aspetti varji tad-dimensjoni lokali u reġjonali tal-UE (edukazzjoni, trasport, kwistjonijiet soċjali, tkabbir, eċċ.). Dawn id-dokumenti jitħejjew bl-għajnuna ta’ esperti minn barra. Il-KtR jipproduċi wkoll pubblikazzjonijiet kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-atturi reġjonali u lokali, bil-għan li jispjega l-attivitajiet tiegħu u jagħti informazzjoni dwar l-iżviluppi politiċi attwali.
Avvenimenti
Il-KtR, bħal post ta’ inkontru għar-reġjuni u l-bliet, jorganizza konferenzi, seminars u wirjiet flimkien mal-imsieħba lokali u reġjonali u istituzzjonijiet oħra tal-UE. Darba fis-sena, waqt l-OPEN DAYS: Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, il-KtR jilqa’ fis-sede tiegħu eluf ta’ parteċipanti li jieħdu sehem f’diskussjonijiet vivaċi jew ifittxu msieħba biex jikkollaboraw magħhom fi proġetti konġunti.
Storja
immodifika1992: It-Trattat ta' Maastricht Il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jwaqqfu l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) bħala assemblea konsultattiva biex jagħti vuċi lir-reġjuni u l-bliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni tal-UE u biex jaġixxi bħala linja diretta bejn Brussell u ċ-ċittadini. It-Trattat daħħal l-obbligu li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri jikkonsultaw lill-KtR dwar oqsma ewlenin ta’ importanza reġjonali. Il-membri tal-KtR għandhom jinħatru mill-gvernijiet tal-Istati Membri għal perjodu ta’ erba’ snin. F’Marzu 1994 il-KtR organizza l-ewwel sessjoni plenarja fi Brussell.
1995: Tkabbir tal-UE. In-numru tal-membri tal-KtR żdied minn 189 għal 222, wara l-adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja.
1997: It-Trattat ta' Amsterdam Dan jestendi l-mandat tal-KtR biex jinkludi madwar żewġ terzi tal-proposti leġislattivi tal-UE. It-Trattat jagħti wkoll l-opportunità li l-Kumitat jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew.
2001: It-Trattat ta' Nizza Dan jenfasizza l-leġittimità demokratika tal-KtR billi jirrikjedi li l-membri jiġu eletti jew li jkunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta reġjonali jew lokali. Dan it-Trattat jillimita n-numru tal-membri għal 350.
2002-03: Il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-UE Il-membri tal-KtR ħadu sehem f'konvenzjoni responsabbli għall-abbozzar tal-kostituzzjoni tal-UE. It-test jirrikonoxxi b'mod espliċitu r-rwol u s-setgħat tal-gvern lokali u reġjonali; jagħti wkoll id-dritt lill-KtR li jirrikorri għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej meta l-liġijiet tal-UE ma jikkonformawx mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Mejju 2004: Tkabbir tal-UE In-numru tal-membri tal-KtR żdied minn 222 għal 317, wara l-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda.
Frar 2006: Mandat ġdid Il-KtR beda mandat ġdid ta' erba' snin. Il-prijoritajiet politiċi tiegħu jinkludu t-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b'konformità mal-Istrateġija ta' Lisbona għall-Impjiegi u t-Tkabbir, it-tisħiħ tal-koeżjoni u s-solidarjetà, u spinta lill-kampanja 'Nikkomunikaw l-Ewropa - Ninvestu fil-Livell Lokali' sabiex l-UE tersaq aktar qrib iċ-ċittadini tagħha.
Jannar 2007: Tkabbir tal-UE Bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, in-numru tal-membri tal-KtR żdied minn 317 għal 344.
Diċembru 2009: It-Trattat ta' Liżbona It-Trattat ta' Lisbona jikkonferma d-dritt tal-KtR li jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tissalvagwardja l-prerogattivi tiegħu u l-prinċipju tas-sussidjarjetà - dritt li diġà huwa rikonoxxut fil-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-UE. Dan l-intitolament il-ġdid isaħħaħ ir-rwol politiku tal-KtR billi jippermetti li dan jaġixxi b’mod aktar effettiv fix-xena tal-UE għall-benefiċċju tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. It-Trattat ta’ Lisbona jestendi l-mandat tal-membri tal-KtR minn erba’ għal ħames snin.
Lulju 2013: Tkabbir tal-UE l-għadd ta’ membri tal-KtR żdied minn 344 għal 353, wara l-adeżjoni tal-Kroazja (l-għadd ta’ membri tal-KtR iktar tard naqas għal 350).