Stone Town
Stone Town (bl-Għarbi: مدينة زنجبار الحجرية, b'ittri Rumani: madīnat Zanjibār al-ḥajariyya), spelluta wkoll bħala Stonetown u magħrufa wkoll bħala Mji Mkongwe (bis-Swahili: "raħal antik") hija l-parti antika tal-Belt ta' Zanzibar, il-belt prinċipali tal-Arċipelagu ta' Zanzibar, it-Tanzanija. Il-parti iktar ġdida tal-belt hija magħrufa bħala Ng'ambo, li bis-Swahili tfisser "in-naħa l-oħra". Stone Town tinsab mal-kosta tal-Punent ta' Unguja, il-gżira prinċipali tal-Arċipelagu ta' Zanzibar. Kienet l-eks belt kapitali tas-Sultanat ta' Zanzibar, u ċentru jiffjorixxi tal-kummerċ tal-ħwawar kif ukoll tal-kummerċ tal-iskjavi tal-Oċean Indjan fis-seklu 19. Stone Town żammet l-importanza tagħha bħala l-belt prinċipali ta' Zanzibar matul il-perjodu tal-protettorat Brittaniku. Meta Tanganyika u Zanzibar ingħaqdu flimkien biex jiffurmaw ir-Repubblika Magħquda tat-Tanzanija, Zanzibar baqa' jkollha status semiawtonomu, u Stone Town baqgħet is-sede tal-gvern lokali.
Stone Town | |
---|---|
Tanzanija | |
Amministrazzjoni | |
Repubblika | Tanzanija |
Region of Tanzania | Reġjun ta' Mjini Magharabi |
Ġeografija | |
Koordinati | 6°09′54″S 39°11′56″E / 6.1649444444444°S 39.198788888889°EKoordinati: 6°09′54″S 39°11′56″E / 6.1649444444444°S 39.198788888889°E |
Superfiċjenti | 96 hectare, 84.79 hectare |
Demografija |
Stone Town hija belt ta' importanza storika u artistika fil-Lvant tal-Afrika. L-arkitettura tagħha, fil-biċċa l-kbira li tmur lura għas-seklu 19, tirrifletti d-diversi influwenzi fuq il-kultura Swahili, u b'hekk fiha taħlita unika ta' elementi Għarab, Persjani, Indjani u Ewropej. Għal din ir-raġuni, Stone Town tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Minħabba l-wirt tagħha, Stone Town hija wkoll attrazzjoni ewlenija fit-Tanzanija, u parti kbira mill-ekonomija tagħha tiddependi fuq attivitajiet marbuta mat-turiżmu.
Deskrizzjoni ġenerali
immodifikaIl-qalba ta' Stone Town tikkonsisti l-iktar minn labirint ta' trejqiet dojoq mimlijin djar, ħwienet, swieq u moskej. Peress li l-biċċa l-kbira tat-toroq huma dojoq wisq għall-karozzi, il-belt miżgħuda roti u muturi. In-naħa tax-xatt tal-baħar hemm toroq usa' u binjiet ikbar u b'konfigurazzjoni iktar regolari.
L-arkitettura ta' Stone Town għandha għadd ta' karatteristiċi distintivi, b'riżultat tat-taħlit tat-tradizzjonijiet Għarab, Persjani, Indjani u Ewropej flimkien. L-isem "Stone Town" ġej mill-użu mifrux tal-qroll bħala l-materjal prinċipali tal-kostruzzjoni; din il-ġebla tagħti l-kulur ħamrani karatteristiku tal-belt. Il-binjiet tradizzjonali għandhom baraza, bank twil tal-ġebel tul il-ħitan ta' barra; dan jintuża bħala bankina olzata jekk ix-xita tgħerreq it-toroq, jew bħala bankijiet biex wieħed joqgħod bilqiegħda, jistrieħ jew jissoċjalizza. Karatteristika ewlenija oħra tal-biċċa l-kbira tal-binjiet huma l-verandi l-kbar protetti minn balavostri tal-injam imnaqqxa. L-iżjed karatteristika magħrufa tad-djar ta' Zanzibar huma l-bibien tal-injam imżejna b'mod fin, b'rikkezza ta' tinqix u ta' bassoriljievi, xi kultant b'biċċiet 'il barra tar-ram isfar mit-tradizzjoni Indjana. Hemm żewġ tipi ta' bibien: dawk tal-istil Indjan li huma ttondjati fuq in-naħa ta' fuq, u dawk tal-istil Għarbi tal-Oman li huma rettangolari. It-tinqix spiss għandu kontenut Iżlamiku (pereżempju ħafna minnhom jikkonsistu f'versi tal-Koran), iżda okkażjonalment jintuża simboliżmu ieħor, eż. fjuri tal-lotus Indjani bħala emblemi ta' prosperità.
Stone Town mimlija binjiet storiċi ewlenin, u diversi minnhom jinsabu max-xatt tal-baħar; dawn jinkludu l-eks palazzi tas-slaten, fortifikazzjonijiet, knejjes, moskej, u binjiet istituzzjonali oħra.
Filwaqt li Stone Town tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000, din id-deżinjazzjoni ma tipprovdix protezzjoni sħiħa għall-wirt tal-belt.[1] Minkejja l-istabbiliment ta' Awtorità tal-Konservazzjoni, madwar 80 % tal-1,709 binjiet ta' Stone Town jinsabu f'kundizzjoni prekarja. Peress li l-ġebel tal-qroll huwa dgħajjef ħafna, hija meħtieġa manutenzjoni frekwenti għall-biċċa l-kbira tal-binjiet. Xi proġetti ewlenin ta' restawr (speċjalment max-xatt tal-baħar) twettqu dan l-aħħar mit-Trust ta' Aga Khan għall-Kultura (AKTC).
Storja
immodifikaAffiljazzjonijiet storiċi ta' Zanzibar
immodifikaIs-Sultanat ta' Kilwa qabel l-1503
L-Imperu Portugiż fl-1503-1698
Is-Sultanat tal-Oman fl-1698-1856
Is-Sultanat ta' Zanzibar fl-1856-1890
L-Imperu Brittaniku fl-1890-1963
Ir-Repubblika ta' Zanzibar fl-1964
It-Tanzanija mill-1964 sal-preżent
Zanzibar Medjevali
immodifikaTest Grieg-Ruman ta' bejn is-sekli 1 u 3, il-Manuskritt tal-Baħar Eritrew, semma l-gżira ta' Menuthias (bil-Grieg Antik: Μενουθιάς), li x'aktarx kienet Unguja. Zanzibar, bħall-kosta fil-qrib, ġiet insedjata minn kelliema tal-Bantu fil-bidu tal-ewwel millenju. Sejbiet arkeoloġiċi f'Fukuchani, fil-kosta tal-Majjistral ta' Zanzibar, jindikaw komunità agrikola u tas-sajd li ġiet insedjata sa mhux iktar tard mis-seklu 6 W.K. L-ammont konsiderevoli ta' kisi li nstab jindika li fis-sit kien hemm binjiet tal-injam. Barra minn hekk instabu żibeġ tal-qxur tal-baħar, moli taż-żibeġ, u gagazza tal-ħadid fis-sit. Hemm evidenza ta' involviment limitat fil-kummerċ fuq distanza twila: instab ammont żgħir ta' bċejjeċ tal-fuħħar importat, inqas minn 1 % tat-total ta' bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu, l-iktar mill-Golf u li jmorru lura għas-sekli 5 sa 8. Ix-xebħ ma' siti kontemporanji bħal Mkokotoni u Dar es Salaam jindika grupp magħqud ta' komunitajiet li żviluppa fl-ewwel ċentru ta' kultura marittima kostali. L-irħula kostali, inkluż dawk fuq Zanzibar, milli jidher kienu involuti fil-kummerċ tal-Oċean Indjan f'dan il-perjodu bikri. Il-kummerċ żdied f'daqqa bħala importanza u kwantità mill-bidu ta' nofs is-seklu 8 u sal-aħħar tas-seklu 10 Zanzibar kienet waħda mill-bliet kummerċjali Swahili ċentrali.
Shangani, ir-raħal tas-sajd oriġinali li żviluppa fi Stone Town, kien sit Swahili żgħir, mhux daqstant importanti, li ġie stabbilit fis-seklu 11. Irħula ikbar f'Unguja Ukuu, f'Kizimkazi, u f'Tumbatu kienu s-setgħat tal-gżira mis-seklu 8 sas-seklu 16. Il-Portugiżi bnew knisja f'Shangani fil-bidu tas-seklu 16, u r-Reġina tat-Tramuntana ta' Unguja ordna li tinbena dar hemmhekk f'nofs is-seklu 17. Meta l-Portugiżi ġarrbu telfa kontra ċ-ċittadini ta' Zanzibar u ta' Pemba fis-seklu 17, xi patruni lokali stiednu lis-Sultan tal-Oman sabiex iċedulu l-poter politiku bi skambju għal difiża kontra t-tpattija Portugiża. Parti mill-knisja Portugiża nbniet fil-forti tal-Oman, li kien jospita madwar ħamsin suldat. Is-Sultan ħatar ukoll gvernatur lokali, iżda l-awtorità politika xorta waħda kienet l-iktar f'idejn Mwinyi Mkuu, li dak iż-żmien kienet ir-Reġina Fatima.
L-iskavi fil-gżira fil-qrib ta' Pemba, iżda speċjalment f'Shanga fl-Arċipelagu ta' Lamu, jipprovdu l-iżjed stampa ċara tal-iżvilupp arkitettoniku. Oriġinarjament id-djar inbnew bl-injam (għall-ħabta tal-1050) u iktar 'il quddiem bit-tajn b'ħitan tal-ġebel tal-qroll (għall-ħabta tal-1150). Id-djar ġew kontinwament rikostruwiti b'materjali iktar permanenti. Sas-seklu 13, id-djar kienu nbnew bil-ġebel imkaħħal ma' xulxin bit-tajn, u fis-seklu 14 flimkien mal-ġebel beda jintuża t-tkaħħil tal-ġebla tal-ġir. Il-patruni iktar għonja biss kien ikollhom djar tal-ġebel bit-tkaħħil tal-ġebla tal-ġir, b'materjali b'saħħithom biżżejjed biex jippermettu bjut ċatti, filwaqt li l-maġġoranza tal-popolazzjoni kienet tgħix fi djar tal-injam b'sular wieħed simili għal dawk tas-sekli 11 u 12. Skont Tom Middleton u Mark Horton, l-istil arkitettoniku ta' dawn id-djar tal-ġebel ma għandu l-ebda element Għarbi jew Persjan, u għandu jitqies bħala żvilupp indiġenu għalkollox tal-arkitettura vernakolari lokali. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-arkitettura tal-Belt ta' Zanzibar ġiet rikostruwita matul it-tmexxija tal-Oman, is-siti fil-qrib joħorġu fid-dieher l-iżvilupp ġenerali tal-arkitettura Swahili u ta' Zanzibar qabel is-seklu 15.
Dominju tal-Oman
immodifikaStone Town tinsab tul port naturali u l-ewwel Ewropej li nafu li waslu fuq il-gżira ta' Zanzibar kienu l-Portugiżi. Il-Portugiżi mexxew il-gżira għal iktar minn żewġ sekli u bdew jibnu l-ewwel struttura tal-ġebel ta' Stone Town, il-Forti l-Antik. Madankollu, lejn l-aħħar tas-seklu 17, is-Sultanat tal-Oman ħa l-gżira f'idejh u lesta l-forti biex jipprevjeni attakki futuri. L-ewwel djar tal-ġebel fi Stone Town x'aktarx li bdew jinbnew fil-bidu tas-seklu 19, u bil-mod il-mod ħadu post il-villaġġ bikri tas-sajjieda madwar il-Forti l-Antik. Dak iż-żmien, is-Sultanat tal-Oman kellu l-kontroll tal-Arċipelagu ta' Zanzibar, ta' Mombasa u tal-kosta Swahili.
Fl-1824, is-Sultan Said bin Sultan ittrasferixxa s-sede minn Muscat, l-Oman, għal Stone Town, li b'hekk daħlet f'era ta' żvilupp rapidu bħala l-belt kapitali l-ġdida tas-Sultanat tal-Oman u ta' Zanzibar. Il-Brittaniċi għamlu l-kummerċ tal-iskjavi illegali fl-Oċean Indjan u b'hekk il-ġid tas-Sultanat batta sew. L-ekonomija ta' Muscat sfaxxat għalkollox u bosta ċittadini tal-Oman wettqu migrazzjoni lejn Zanzibar. Iż-żieda fil-popolazzjoni Għarbija fuq il-gżira ffaċilitat iktar tkabbir u iktar binjiet bdew ifeġġu fir-raħal. Barra minn hekk, inbnew ukoll strutturi rjali grandjużi bħad-Dar tal-Għeġubijiet u l-Palazz tas-Sultan. Fl-1861, bħala konsegwenza ta' gwerra ta' suċċessjoni fi ħdan il-familja rjali tal-Oman, Zanzibar u l-Oman ġew isseparati, u Zanzibar saret sultanat indipendenti taħt is-Sultan Majid bin Said.
Fis-seklu 19, Stone Town iffjorixxiet bħala ċentru kummerċjali. Kienet magħrufa b'mod speċjali għall-kummerċ tal-ħwawar (l-iktar għall-imsiemer tal-qronfol) u tal-iskjavi. Għall-ħabta ta' nofs is-seklu, is-sultanat kellu relazzjoni mill-qrib mal-Brittaniċi; pereżempju, huwa magħruf li David Livingstone qagħad fi Stone Town fl-1866 hu u jħejji għall-ispedizzjoni finali tiegħu fuq ġewwa tal-Lvant tal-Afrika. Fl-istess perjodu, iffurmaw diversi komunitajiet ta' immigranti mill-Oman, mill-Persja u mill-Indja bħala konsegwenza tal-attività kummerċjali intensa tar-raħal. Is-Sultan ta' Zanzibar ħeġġeġ l-immigrazzjoni ta' kummerċjanti barranin li saru għonja ħafna u insedjaw il-belt u b'hekk ġabu magħhom diversità fl-arkitettura tal-belt.
Kontroll Kolonjali
immodifikaFl-aħħar deċennji tas-seklu, is-Slaten ta' Zanzibar bil-mod il-mod tilfu t-territorji tagħhom fil-Lvant tal-Afrika kontinentali lill-Imperu Ġermaniż u lir-Renju Unit. Fl-1890, permezz tat-Trattat bejn Heligoland u Zanzibar, Zanzibar stess saret protettorat Brittaniku. Fl-1896, ribelljoni f'daqqa taċ-ċittadini tal-Oman minn Zanzibar kontra t-tmexxija Brittanika wasslet għall-Gwerra bejn il-Brittaniċi u Zanzibar, li hija mfakkra bħala l-iqsar gwerra fl-istorja: is-Sultan arrenda wara 45 minuta ta' bumbardamenti navali ta' Stone Town mill-Flotta Navali Rjali.
Matul il-perjodu ta' protezzjoni Brittanika, is-Sultan xorta waħda baqa' jkollu xi poter u Stone Town baqgħet ċentru kummerċjali relattivament importanti għall-kummerċ informali. Għalkemm ir-raħal preċedentement kellu linja ferrovjarja żgħira, il-Brittaniċi bnew linja ferrovjarja mir-raħal għall-villaġġ ta' Bububu. Il-Brittaniċi ma ffinanzjawx żviluppi kbar fir-raħal u ħallew lis-sultan iġestixxi l-affarijiet tal-gżira minn Stone Town. Il-Brittaniċi taw privileġġi lil Mombasa u lil Dar es Salaam bħala ċ-ċentri kummerċjali tagħhom fil-Lvant tal-Afrika.
Rivoluzzjoni ta' Zanzibar
immodifikaFl-1964, fi Stone Town seħħet ir-Rivoluzzjoni ta' Zanzibar, li wasslet għat-tneħħija tas-sultan u għat-twelid ta' gvern Soċjalista mmexxi mill-Partit Afrikan-Shirazi (ASP). Iktar minn 20,000 ruħ inqatlu u r-refuġjati, speċjalment l-Għarab u l-Indjani, ħarbu mill-gżira bħala konsegwenza tar-rivoluzzjoni. L-Għarab u l-Indjani ħallew kulma kellhom warajhom u l-ASP malajr okkupa d-djar tagħhom u kkonvertihom f'binjiet pubbliċi. Fl-1964, meta Tanganyika u Zanzibar ingħaqdu u ffurmaw it-Tanzanija, Stone Town żammet ir-rwol li kellha bħala belt kapitali u sede tal-gvern għal Zanzibar, li ġiet iddikjarata bħala parti awtonoma tan-nazzjon il-ġdid.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaStone Town ta' Zanzibar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Ġeografija
immodifikaStone Town tinsab bejn wieħed u ieħor f'nofs il-kosta tal-Punent ta' Unguja, fuq promontorju żgħir ħiereġ 'il barra mill-Kanal ta' Zanzibar. L-eqreb insedjament ewlieni mal-kosta tat-Tanzanija, faċċata ta' Stone Town, huwa Bagamoyo (lejn il-Lbiċ). Stone Town tagħmel parti mill-Belt ta' Zanzibar, li tinkludi wkoll il-"Belt il-Ġdida" ta' Ng'ambo ("in-Naħa l-Oħra"), li fil-biċċa l-kbira hija estiża san-naħa ta' ġewwa ta' Unguja lejn ix-Xlokk. Il-linja diviżorja bejn Stone Town u Ng'ambo hija t-triq magħrufa bħala Creek Road.
Demografija
immodifikaSena | Pop. | ±% |
---|---|---|
għall-ħabta tal-1870 | 10,000 | — |
1948 | 16,698 | +67.0% |
1958 | 18,179 | +8.9% |
1978 | 15,493 | −14.8% |
1988 | 15,854 | +2.3% |
2008 | 15,000 | −5.4% |
2016 Est. | 16,000 | +6.7% |
Attrazzjonijiet
immodifikaBinjiet u siti storiċi
immodifika- Id-Dar tal-Għeġubijiet (jew il-"Palazz tal-Għeġubijiet", magħruf ukoll bħala "Beit-al-Ajaib"), tinsab f'Mizingani Road tul ix-xatt tal-baħar ta' Stone Town, u x'aktarx li hija l-iżjed attrazzjoni magħrufa ta' Stone Town. Inbniet fl-1883 u ġiet restawrata wara l-Gwerra bejn il-Brittaniċi u Zanzibar tal-1896. Id-dar qabel kienet ir-residenza tas-sultan, u mbagħad saret is-sede tal-Partit Afrikan-Shirazi wara r-rivoluzzjoni. Kienet l-ewwel binja f'Zanzibar li kellha l-elettriku kif ukoll l-ewwel binja fil-Lvant tal-Afrika li kellha lift. Mis-sena 2000, id-dar minn ġewwa ġiet ikkonvertita f'mużew dwar il-kultura Swahili u ta' Zanzibar. F'Diċembru 2020, waqt li kienu qed isiru xi rinnovazzjonijiet, parti kbira mill-binja ċediet f'aċċident kbir.
- Il-Forti l-Antik ("Ngome Kongwe" bis-Swahili), biswit id-Dar tal-Għeġubijiet, huwa fortizza tal-ġebel tqil u nbena fis-seklu 17 miċ-ċittadini tal-Oman. Huwa magħruf ukoll bħala l-Forti tal-Oman u nbena mill-mexxejja bikrin biex jipproteġi l-belt mill-invażjonijiet Ewropej. Bejn wieħed u ieħor għandu għamla kwadra u l-ispazju miftuħ intern tiegħu issa jintuża bħala ċentru kulturali bi ħwienet, studjos tax-xogħol, u arena żgħira fejn kuljum jittellgħu spettakli taż-żfin u tal-mużika f'ħin reali. Is-sit tal-forti jintuża wkoll għall-Film Internazzjonali ta' Zanzibar.
- Id-Dispenserija l-Antika (jew id-"Dispenserija ta' Ithnashiri") inbniet mill-1887 sal-1894 minn kummerċjant Indjan għani, biex tintuża bħala sptar tal-karità għall-foqra iżda iktar 'il quddiem intużat bħala dispenserija. Hija waħda mill-iżjed binjiet imżejna b'mod fin fi Stone Town, b'gallariji tal-injam kbar imnaqqxa, twieqi bil-ħġieġ ikkulurit, u tiżjin bl-istukko Neo-Klassiku. Wara li ġiet ittraskurata fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20, il-binja ġiet irrestawrata bir-reqqa mill-AKTC.
- Il-Mużew tal-Palazz (magħruf ukoll bħala l-"Palazz tas-Sultan" jew "Beit el-Sahel" bl-Għarbi) huwa eks palazz ieħor tas-sultan, tul ix-xatt tal-baħar, lejn it-Tramuntana tad-Dar tal-Għeġubijiet. Inbniet fl-aħħar tas-seklu 19 u issa tospita mużew dwar il-ħajja ta' kuljum tal-familja rjali ta' Zanzibar, inkluż oġġetti li kienu ta' Sayyida Salme, eks prinċipessa ta' Zanzibar li kienet ħarbet lejn l-Ewropa flimkien mar-raġel tagħha.
- Il-Katidral Anglikan ta' Christ Church, f'Mkunazini Road, inbena fl-aħħar tas-seklu 19 minn Edward Steere, it-tielet isqof ta' Zanzibar. Il-katidral inbena f'żona kbira fiċ-ċentru ta' Stone Town li qabel kienet tospita l-ikbar suq tal-iskjavi ta' Zanzibar; il-post intgħażel apposta biex jiġi ċċelebrat tmiem il-jasar, u l-artal inbena fl-istess post eżatt fejn qabel l-iskjavi kienu jiġu msawta bil-frosta. Maġenb il-knisja hemm monument iddedikat lill-iskjavi kif ukoll ukoll mużew dwar l-istorja tal-iskjavitù.
- Il-Katidral Kattoliku Ruman ta' San Ġużepp inbena mill-missjunarji Franċiżi bejn l-1893 u l-1897. Id-disinn tal-knisja kien ibbażat fuq dak tal-Katidral ta' Marsilja, b'faċċata u żewġ kampnari għoljin simili. Dan huwa wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet magħrufa ta' Stone Town u jidher mill-bogħod meta wieħed ibaħħar lejn il-port. Il-knisja għadha operattiva sal-lum u fiha kull nhar ta' Ħadd tiġi ċċelebrata l-quddies.
- Il-Ġonna ta' Forodhani huma park żgħir fil-mogħdija żgħira mal-baħar ta' Stone Town, eżatt quddiem il-Forti l-Antik u d-Dar tal-Għeġubijiet. Dan l-aħħar il-ġnien ġie rrestawrat permezz ta' finanzjament ta' 3 miljun dollaru mit-Trust ta' Aga Khan għall-Kultura. Kull filgħaxija wara nżul ix-xemx, il-ġonna jospitaw suq popolari, immirat l-iktar għat-turisti, fejn jinbigħ il-frott tal-baħar mixwi u ikel ieħor ta' Zanzibar.
Trasport
immodifikaIt-toroq fi Stone Town huma dojoq ħafna u wieħed jista' jasal minn post għall-ieħor fil-belt l-iktar bil-mixi. It-toroq dojoq jipprovdu d-dell u kważi kollox huwa aċċessibbli fi ħdan il-belt. Madankollu, fit-toroq kemxejn usa', storikament ir-roti u dan l-aħħar il-muturi jintużaw għat-trasport tan-nies u tal-oġġetti. Il-belt hija aċċessibbli minn Zanzibar u l-bqija tar-reġjun permezz ta' tliet mezzi tad-dħul.
Il-forma prinċipali ta' trasport pubbliku f'Zanzibar huma t-taksi kondiviża jew daladala; u l-venda prinċipali tinsab qrib is-Suq ta' Darajani. Id-daladala jikkollegaw lil Stone Town ma' diversi postijiet fil-gżira, bħal Bububu (villaġġ fit-Tramuntana ta' Stone Town), l-ajruport, l-Istadium ta' Amaan, Jangombe, u Magomeni, Zanzibar. Għal traġitti itwal, wieħed jista' juża l-"basi" (li bis-Swahili tfisser "karozza tal-linja"; plural: "mabasi"), li huma trakkijiet adattati għat-trasport tal-passiġġieri. Il-venda prinċipali tal-"mabasi" tinsab qrib is-suq. In-network tal-"mabasi" jservi l-gżira kollha u huwa l-orħos tip ta' trasport għal traġitti twal.
Il-port prinċipali tal-Arċipelagu ta' Zanzibar jinsab fil-qalba ta' Stone Town u laneċ regolari minn Dar es Salaam u minn Pemba jikkollegaw il-belt mal-art kontinentali. Il-belt tinsab qrib ħafna wkoll tal-ajruport ewlieni tal-gżira. L-Ajruport ta' Zanzibar, 9 kilometri (5.6 mili) fin-Nofsinhar ta' Stone Town għandu titjiriet lejn it-Tanzanija kontinentali (speċjalment lejn Arusha u Dar es Salaam) kif ukoll lejn ajruporti prinċipali Afrikani oħra bħal dawk ta' Nairobi, Mombasa, u Johannesburg.
Klima
immodifikaStone Town flimkien mal-Arċipelagu kollu ta' Zanzibar tesperjenza klima simili matul is-sena. Il-gżira għandha temp tropikali sħun is-sena kollha u l-iżjed xhur sħan ikunu Frar u Marzu, filwaqt li l-iżjed xhur kesħin ikunu Lulju u Awwissu. Matul il-biċċa l-kbira tax-xhur tas-sena tinżel xita sinifikanti, bi staġun twil tax-xita minn Marzu sa Mejju u bi staġun iqsar tax-xita minn Novembru sa Diċembru. L-istaġun iqsar tan-nixfa jkun bejn Diċembru u Frar u bejn Mejju u Awwissu, u b'hekk huwa l-istaġun turistiku ewlieni minħabba l-bajja tal-gżira.
Data klimatika għal Stone Town | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 35
(95) |
38
(100) |
38
(100) |
34
(93) |
33
(91) |
32
(90) |
31
(88) |
31
(88) |
32
(90) |
32
(90) |
36
(97) |
34
(93) |
38
(100) |
Temp. massima ta' kuljum f'°C (°F) | 32
(90) |
32
(90) |
32
(90) |
31
(88) |
30
(86) |
29
(84) |
29
(84) |
29
(84) |
30
(86) |
31
(88) |
31
(88) |
32
(90) |
31
(87) |
Temp. minima ta' kuljum f'°C (°F) | 24
(75) |
24
(75) |
25
(77) |
25
(77) |
23
(73) |
23
(73) |
22
(72) |
22
(72) |
22
(72) |
22
(72) |
23
(73) |
24
(75) |
23
(74) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | 18
(64) |
22
(72) |
16
(61) |
19
(66) |
18
(64) |
19
(66) |
18
(64) |
18
(64) |
14
(57) |
14
(57) |
15
(59) |
16
(61) |
14
(57) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 53.7
(2.11) |
53.9
(2.12) |
116.0
(4.57) |
178.6
(7.03) |
131.8
(5.19) |
35.3
(1.39) |
29.5
(1.16) |
23.9
(0.94) |
14.8
(0.58) |
52.0
(2.05) |
75.9
(2.99) |
80.9
(3.19) |
846.3
(33.32) |
Medja ta' jiem bix-xita | 5 | 5 | 8 | 11 | 10 | 4 | 2 | 2 | 3 | 4 | 9 | 8 | 71 |
Sors: MSN Weather[2] |
Residenti notevoli
immodifika- Freddie Mercury (Farrokh Bulsara), kantant vokali ewlieni tal-grupp mużikali Brittaniku Queen, twieled fi Stone Town;
- Ali Muhsin al-Barwani, l-ewwel ministru barrani ta' Zanzibar indipendenti;
- Bi Kidude, kantant;
- David Livingstone, esploratur u missjunarju Skoċċiż;
- Tippu Tip, kummerċjant tal-iskjavi;
- Abdulrazak Gurnah, rebbieħ tal-Premju Nobel għal-letteratura.
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Stone Town of Zanzibar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-10.
- ^ "Weather forecast | MSN Weather". www.msn.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-10.