Hegra
Hegra (bil-Grieg Antik: Ἕγρα)[1][2], magħruf fost il-Musulmani bħala Al-Hijr (bl-Għarbi: ٱلْحِجْر) u magħruf ukoll bħala Mada'in Salih (bl-Għarbi: مَدَائِن صَالِح, b'ittri Rumani: madāʼin Ṣāliḥ, litteralment "Bliet ta' Salih"),[3] huwa sit arkeoloġiku li jinsab fl-inħawi ta' Al-'Ula fi ħdan il-Provinċja ta' Medina fir-reġjun ta' Hejaz, l-Arabja Sawdija.[4] Il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet imorru lura għar-Renju tan-Nabatej (is-seklu 1 W.K.). Is-sit jikkostitwixxi l-iktar wieħed fin-Nofsinhar u t-tieni l-ikbar belt tar-renju wara Petra (issa fil-Ġordan), il-belt kapitali tiegħu.[5] Instabu wkoll traċċi tal-okkupazzjoni Liħjanita u Rumana qabel u wara r-renju tan-Nabatej, rispettivament.
Il-Koran iqiegħed l-insedjament tal-inħawi mill-poplu Tamudi matul żmien il-profeta Salih, bejn dawk ta' Nuh (Noè) u Hud fuq naħa waħda, u dawk ta' Ibrahim (Abram) u Musa (Mosè) fuq in-naħa l-oħra.[6][7][8][9][10][11] Madankollu, ma tistax tinkiseb kronoloġija storika definittiva mill-ordni tal-versi minħabba l-fatt li l-kapitli tal-Koran jittrattaw suġġetti differenti f'ordni mhux kronoloġiku.[12] Skont il-Koran, il-poplu Tamudi ġie kkastigat minn Alla għall-idolatrija tiegħu, u ġie mheżżeż minn terremot u mir-ragħad. B'hekk, is-sit għandu reputazzjoni ta' post misħut — xi ħaġa li l-gvern nazzjonali qed jipprova jegħleb bl-iżvilupp ta' Mada'in Salih fid-dawl tal-potenzjal turistiku tiegħu.[13]
Fl-2008 Mada'in Salih tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u sar l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Arabja Sawdija. Intgħażel fid-dawl tal-fdalijiet ippreservati sew tiegħu mill-aħħar ta' żmien il-qedem, speċjalment il-131 qabar monumentali mħaffer fil-flat, bil-faċċati mżejna b'mod mirqum, ta' żmien ir-Renju tan-Nabatej.[14][15]
Bis-saħħa tal-istorja twila tiegħu u d-diversi kulturi li okkupawh, is-sit ingħata bosta ismijiet differenti. Referenzi minn Strabo u kittieba Mediterranji oħra jużaw l-isem Hegra (bil-Grieg Antik: Ἔγρα) għas-sit tan-Nabatej.[16][17][18] L-użu ta' Mada'in Salih jirreferi għall-profeta Salih, li ntbagħat lill-Għarab tal-qedem; isem u identità li jaf oriġinaw mill-figura Bibblika ta' Methuselah (bl-Ebrajk: מְתוּשֶׁלַח Məṯūšélaḥ, in pausa מְתוּשָׁלַח Məṯūšālaḥ jiġifieri "Raġel tal-ġavelin" jew "Mewt bix-Xabla"; bil-Grieg: Μαθουσάλας Mathousalas).
Għalkemm għal żmien twil Hegra ma kinitx importanti daqs Dedan, milli jidher il-barranin kienu jsejħu l-oażi bħala Hegra. Pereżempju, l-istatwa famuża tar-re tal-Akemenidi Darius il-Kbir magħmula fl-Eġittu u mpoġġija f'Susa ssejjaħ lill-Għarab hgr.[19]
Is-sit arkeoloġiku ta' Hegra jinsab 20 kilometru (12-il mil) fit-Tramuntana tar-raħal ta' Al-'Ula, 400 kilometru (250 mil) fil-Majjistral ta' Medina, u 500 kilometru (310 mili) fix-Xlokk ta' Petra, il-Ġordan. Istakhri kiteb fir-Rotot tar-Renji (مسالك الممالك):
Al-Hijr huwa villaġġ żgħir. Jagħmel parti minn Wadi al Gura u jinsab vjaġġ ta' jum bogħod fil-muntanji. Kien art twelid il-poplu Tamudi. Jien rajt dawk il-muntanji u t-tinqix fuq il-blat tagħhom. Id-djar ta' dak il-poplu huma simili għal tagħna iżda huma mħaffrin fil-muntanji, magħrufa bħala l-muntanji Ithlib. Jidhru qishom katina muntanjuża kontinwa iżda huma sseparati u għandhom għaram tar-ramel madwarhom. Tista' tasal sal-quċċata tal-muntanji, iżda tinħeleb sew. Il-bir tal-poplu Tamudi li jissemma fil-Koran Imqaddes jinsab f'nofs il-muntanji. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Is-sit jinsab fuq pjanura taħt promontorju tal-bażalt li jifforma parti mill-Muntanji Hijaz. Taħt il-partijiet tal-Punent u tal-Majjistral tas-sit, l-ilma tal-pjan jista' jintlaħaq f'fond ta' 20 metru (66 pied). L-ambjent tas-sit huwa notevoli minħabba l-pajsaġġ tad-deżert, immarkat bi blat tal-ġebel ramli ta' diversi daqsijiet u ta' għoli li jvarja.[20]
Storja
immodifikaEra Pre-Dedanita
immodifikaFil-Koran
immodifikaSkont il-Koran, is-sit ta' Al-Hijr ġie insedjat mit-tribù ta' Tamud, li "bnew palazzi għalihom fil-pjanuri u ħaffru d-djar fil-muntanji". It-tribù waqgħu għall-idolatrija u l-oppressjoni saret prevalenti. Il-profeta Salih, li spiss jiġi attribwit l-oriġini tal-isem Mada'in Salih, appella lit-Tamudi biex jindmu. It-Tamudi injoraw it-twissija li tahom u minflok ikkmandaw lil Salih isejjaħ ġemla minn wara muntanja. U b'hekk Salih bagħat ġemla tqila lit-Tamudi minn wara l-muntanja, bħala prova tal-missjoni divina tiegħu.
Madankollu, minoranza biss taw kasu. Dawk li ma emmnuhx qatlu l-ġemla sagra minflok ħadu ħsiebha kif qalilhom, u l-ferħ tagħha telaq jiġri lura lejn il-muntanja minn fejn kienet ġiet ommu. It-Tamudi ġew avżati tlett ijiem qabel il-kastig li kien se jintbagħat minn Alla fuhom, peress li ma emmnux u ma tawx kas it-twissija. Salih u d-dixxipli monoteistiċi tiegħu telqu mill-belt, iżda l-oħrajn ġew ikkastigati minn Alla — u l-erwieħ tagħhom telqu mill-iġsma bla ħajja tagħhom qalb terremot u r-ragħad.
Skont il-Koran u t-tradizzjoni, it-Tamudi eżistew ferm qabel il-kitba mnaqqxa tas-715 Q.K. ta' Sargon II.[21] Madankollu, riċerka reċenti fl-istudji Iżlamiċi tasserixxi li ma tistax tinkiseb kronoloġija definittiva tat-Tamūdi mill-kuntest Koraniku u li din in-narrattiva ma "turix storja kontinwa tal-popli tal-qedem, peress li ma jissemmewx f'xi suċċessjoni ġenealoġika, u lanqas jinteraġixxu ma' xulxin".[22]
Robert G. Hoyland issuġġerixxa li isimhom ġie sussegwentement adottat minn gruppi ġodda oħra li insedjaw ir-reġjun ta' Mada'in Salih wara li għeb il-poplu oriġinali Tamudi.[23] Dan is-suġġeriment huwa appoġġat ukoll min-narrattiva ta' ʿAbdullah ibn ʿUmar u mill-analiżi ta' Ibn Kathir li jirrapportaw li n-nies kienu jsejħu r-reġjun Tamudi bħala al-Hijr, filwaqt li kienu jsejħu l-provinċja ta' Mada'in Salih bħala Arḍ Thamūd jiġifieri l-"Art tat-Tamudi" u Bayt Thamud jiġifieri "Dar it-Tamudi".[24][25] B'hekk it-terminu "Tamudi" ma kienx jiġi applikat lill-gruppi li kienu jgħixu f'Mada'in Salih, bħal-Liħjaniti u n-Nabatej,[26][27] iżda iktar lir-reġjun innifsu, u skont sorsi klassiċi, kien hemm qbil li l-aħħar grupp Tamudi nattiv li kien għad fadal kien it-tribù tal-Banu Thaqif li kienu jgħixu fil-belt ta' Taif fin-Nofsinhar ta' Mekka.[28][29][30]
Tinqix fuq il-blat
immodifikaXogħol arkeoloġiku reċenti żvela bosta tinqix fuq il-blat mhux biss fl-Għolja ta' Athleb, iżda fl-Arabja ċentrali kollha.[31] Dan imur lura għal bejn is-seklu 6 Q.K. u s-seklu 4 W.K. u qed jiġi ttikkettat bl-aġġettiv Tamudi. "Tamudi" kien l-aġġettiv li ntgħażel minn studjużi tas-seklu 19 għall-għadd kbir ta' tinqix fuq il-blat li kien għadu ma ġiex studjat b'mod xieraq.[32]
Era Dedanita/Liħjana
immodifikaTraċċi arkeoloġiċi artistiċi u kitbiet epigrafiċi fl-għerien imnaqqxa fuq il-ġebel ramli, meqjusa mill-esperti bħala kitba Liħjanita, fil-quċċata tal-Għolja ta' Athleb, qrib Hegra (Mada'in Salih), ġew datati li jmorru lura għall-ħabta tas-sekli 3-2 Q.K., u b'hekk jindikaw li kien hemm insedjament uman bikri fl-inħawi, b'sors aċċessibbli ta' ilma u ħamrija għammiela. L-insedjament tal-Liħjani sar ċentru kummerċjali, b'merkanzija mil-Lvant, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar mibjugħa fil-lokalità.
Era tan-Nabatej
immodifikaL-insedjament estensiv tas-sit seħħ fis-seklu 1 W.K., meta safa taħt it-tmexxija tar-re tan-Nabatej Aretas IV Philopatris (Al-Harith IV; 9 Q.K. – 40 W.K.), li għamel lil Hegra (Mada'in Salih) it-tieni belt kapitali tar-renju, wara Petra fit-Tramuntana.[33] Is-sit gawda minn moviment enormi ta' urbanizzazzjoni, u sar belt. Bħala karatteristika tal-arkitettura tan-Nabatej imħaffra fil-blat, il-ġeoloġija ta' Hegra (Mada'in Salih) ipprovdiet il-materja prima perfetta għat-tnaqqix tal-istrutturi monumentali, b'kitbiet imnaqqxa tan-Nabatej mal-faċċati tagħhom. In-Nabatej żviluppaw ukoll l-agrikoltura f'oażi — ħaffru bjar u tankijiet fil-blat biex tinġabar l-ilma tax-xita, kif ukoll postijiet ta' qima fil-blat tal-ġebel ramli. Strutturi simili kienu preżenti f'insedjamenti oħra tan-Nabatej, pereżempju fin-Nofsinhar sat-Tramuntana tar-reġjun tas-Sirja, fin-Nofsinhar sa Negev, u saħansitra sal-inħawi qrib Hejaz. L-ikbar u l-iżjed insedjament prominenti fosthom kien dak ta' Petra.
Fis-salib it-toroq tal-kummerċ, ir-Renju tan-Nabatej iffjorixxa, peress li kellu monopolju fil-kummerċ tal-inċens, tal-mirra u tal-ħwawar. Hegra, kif kienet magħrufa fost in-Nabatej, kienet tinsab tul ir-rotta tal-art tal-karovani u kienet ikkollegata mal-port tal-Baħar l-Aħmar ta' Egra Kome, u laħqet il-quċċata tagħha bħala l-iżjed post ewlieni tul ir-rotta kummerċjali ewlenija mit-Tramuntana għan-Nofsinhar.
Era Rumana
immodifikaFil-106 W.K., ir-Renju tan-Nabatej ġie anness mal-Imperu Ruman kontemporanju. Ir-reġjun ta' Hejaz, li jinkludi lil Hegra, sar parti mill-provinċja Rumana tal-Arabja.
Ir-reġjun ta' Hedjaz ġie integrat fil-provinċja Rumana tal-Arabja fil-106 Q.K. Kitba epigrafika Rumana monumentali mnaqqxa tal-175-177 W.K. ġiet skoperta dan l-aħħar f'Al-Hijr.
L-itinerarju kummerċjali nbidel mill-assi fuq l-art mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fil-Peniżola tal-Arabja għar-rotta marittima mill-Baħar l-Aħmar. B'hekk, Hegra bħala ċentru kummerċjali bdiet tmajna, u dan wassal biex eventwalment tiġi abbandunata. Abbażi tan-nuqqas ta' żviluppi ulterjuri kif ħareġ mill-istudji arkeoloġiċi, l-esperti għamlu ipoteżi li s-sit kien tilef il-funzjonijiet urbani kollha tiegħu lejn l-aħħar ta' żmien il-qedem (l-iktar minħabba l-proċess ta' deżertifikazzjoni). Fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20, ġiet skoperta evidenza li l-leġjuni Rumani ta' Trajanu okkupaw Mada'in Salih fil-Grigal tal-Araja, u b'hekk kabbru l-estensjoni tal-provinċja Rumana ta' Arabia Petraea.
L-istorja ta' Hegra, mid-deklin tal-Imperu Ruman sal-preżenza tal-Iżlam, għadha mhux magħrufa. Issemmiet b'mod sporadiku biss minn xi vjaġġaturi u pellegrini fi triqithm lejn Mekka fis-sekli ta' wara. Hegra ntużat bħala waqfa tul il-pellegrinaġġ tal-Hajj, u kienet tipprovdi l-provvisti u l-ilma għall-pellegrini. Fost ir-rakkonti tal-vjaġġatur tas-seklu 14 Ibn Battuta, huwa nnota l-oqbra mħaffra fil-blat ħamrani ta' Hegra, li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala "al-Hijr." Madankollu, huwa ma semma l-ebda attività umana hemmhekk.
Era Ottomana
immodifikaL-Imperu Ottoman annetta l-Punent tal-Arabja mill-Mamluk sal-1517. Fir-rakkonti Ottomani bikrin tal-pellegrinaġġ tal-Hajj bejn Damasku u Mekka, Hegra (Mada'in Salih) ma tissemmiex, sal-1672, meta l-vjaġġatur Tork, Evliya Celebi, innota karovana li għaddiet minn post imsejjaħ "Abyar Salih" fejn kien hemm il-fdalijiet ta' seba' bliet. Is-sit jerġa' jissemma mill-vjaġġatur Murtada ibn 'Alawan bħala post ta' mistrieħ tul ir-rotta msejjaħ "al-Mada'in". Bejn l-1744 u l-1757, inbena forti f'al-Hijr skont l-ordnijiet tal-gvernatur Ottoman ta' Damasku, As'ad Pasha al-Azm. Inbniet ukoll ċisterna alimentata minn bir kbir fi ħdan il-forti, u s-sit kien jintuża bħala post ta' waqfa ta' jum għall-pellegrini tal-Hajj, fejn setgħu jixtru l-merkanzija, bħal tamal, lumi u larinġ. Is-sit kien parti minn sensiela ta' fortifikazzjonijiet li nbnew biex tiġi protetta r-rotta tal-pellegrinaġġ lejn il-Mekka.
Skont ir-riċerki ta' Al-Ansari, il-kastell Ottoman instab fl-1984 qrib l-insedjament li jmur lura għall-ħabta tal-1600.
Seklu 19
immodifikaWara l-iskoperta ta' Petra mill-esploratur Żvizzeru Johann Ludwig Burckhardt fl-1812, Charles Montagu Doughty, vjaġġatur Ingliż, sema' b'sit simili qrib Hegra (Mada'in Salih), raħal Ottoman iffortifikat tul ir-rotta tal-Hajj minn Damasku. Sabiex jaċċessa s-sit, Doughty ingħaqad mal-karovana tal-Hajj, u wasal fis-sit tal-fdalijiet fl-1876, fejn irreġistra ż-żjara fil-ġurnal tiegħu li ġie ppubblikat bħala Travels in Arabia Deserta. Doughty iddeskriva l-forti Ottoman, fejn irresjeda għal xahrejn, u nnota li t-tribujiet Bedwini kellhom insedjament permanenti bit-tined ftit 'il barra mill-binja.
Fis-seklu 19, kien hemm rakkonti li l-bjar u r-raba' tal-oażi eżistenti ta' al-Hijr perjodikament kienu qed jintużaw mill-insedjaturi tal-villaġġ fil-qrib ta' Tayma. Dan baqa' jsir sas-seklu 20, meta nbniet (1901-1908) il-Linja Ferrovjarja ta' Hejaz li kienet tgħaddi mis-sit, skont l-ordnijiet tas-sultan Ottoman Abdul Hamid II, biex Damasku u Ġerusalemm fil-Majjistral jiġu kkollegati ma' Medina u ma' Mekka, u b'hekk jiġi ffaċilitat il-vjaġġ tal-pellegrinaġġ lejn il-Mekka, u biex tiġi kkonsolidata politikament u ekonomikament l-amministrazzjoni Ottomana taċ-ċentri tal-fidi Iżlamika. Fit-Tramuntana ta' Al-Hijr inbena stazzjon għall-manutenzjoni tal-lokomotivi, kif ukoll uffiċċji u dormitorji għall-persunal tal-linja ferrovjarja. Il-linja ferrovjarja pprovdiet aċċessibbiltà ikbar għas-sit. Madankollu, din inqerdet f'rewwixta lokali matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Minkejja dan, baqgħu jsiru diversi investigazzjonijiet arkeoloġiċi fis-sit fil-bidu tal-perjodu tal-Ewwel Gwerra Dinjija sal-istabbiliment tar-Renju tal-Arabja Sawdija fis-snin 30 tas-seklu 20 u sas-snin 60 tas-seklu 20. L-istazzjon ferrovjarju ġie rrestawrat ukoll u issa jinkludi 16-il binja u diversi inġenji ferrovjarji.
Sa tmiem is-snin 60 tas-seklu 20, il-gvern tal-Arabja Sawdija fassal programm biex jintroduċi stil ta' għajxien sedentarju fost it-tribujiet Bedwini nomadiċi tal-inħawi. Ġie propost li jinsedjaw al-Hijr b'mod permanenti, u jerġgħu jużaw il-bjar u l-karatteristiċi agrikoli eżistenti tas-sit. Madankollu, l-identifikazzjoni uffiċjali ta' Al-Hijr bħala sit arkeoloġiku fl-1972 wasslet għar-rilokazzjoni tal-Bedwini lejn it-Tramuntana, lil hinn mill-konfini tas-sit. Dan kien jinkludi l-iżvilupp ta' art agrikola ġdida u bjar ġodda, sabiex b'hekk il-qagħda ta' al-Hijr tiġi ppreservata.
Żvilupp attwali
immodifikaFl-1962 ġew skoperti bosta tinqixiet fuq il-blat u b'hekk il-valutazzjoni arkeoloġika ta' Al-Hijr (Mada'in Salih) ġiet imġedda minn Winnett u Reed. Għalkemm is-sit ta' Al-Hijr ġie pproklamat bħala teżor arkeoloġiku fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, ma tantx saru wisq investigazzjonijiet minn dak iż-żmien 'l hawn. Mirdad kien għex hemmhekk għal żmien qasir u kiteb avviżi dwar ir-reġjun mill-1977. Healey studja hemmhekk fl-1985 u kiteb ktieb dwar it-tinqix fuq il-blat ta' Al-Hijr (Mada'in Salih) fl-1993.
Il-projbizzjoni kontra l-qima ta' oġġetti/artefatti rriżultat fi ftit li xejn attivitajiet arkeoloġiċi. Dawn il-miżuri konservattivi bdew jintreħew mis-sena 2000, meta l-Arabja Sawdija stiednet lil xi spedizzjonijiet biex iwettqu esplorazzjonijiet arkeoloġiċi bħala parti mill-imbottatura tal-gvern biex jippromwovi l-protezzjoni tal-wirt kulturali u t-turiżmu.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-Sit Arkeoloġiku ta' Hegra (Mada'in Salih) ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".
Arkitettura
immodifikaIs-sit ta' Hegra ta' żmien in-Nabatej inbena madwar żona residenzjali u l-oażi tagħha matul is-seklu 1 W.K. Il-blat tal-ġebel ramli tnaqqax sabiex tinbena n-nekropoli. B'kollox għadhom jeżistu erba' nekropoli, b'131 qabar monumentali mħaffer fil-blat, li huma mifruxa fuq 13.4-il kilometru (8.3 mili), u bosta minnhom b'kitbiet epigrafiċi mnaqqxa tan-Nabatej fuq il-faċċati tagħhom.
Nekropoli | Pożizzjoni | Perjodu ta' kostruzzjoni | Karatteristiċi notevoli |
---|---|---|---|
Jabal al-Mahjar | Tramuntana | l-ebda informazzjoni | Tħaffru oqbra fin-naħat tal-Lvant u tal-Punent ta' erba' blatiet paralleli. It-tiżjin fuq il-faċċati huwa żgħir ħafna. |
Qasr al walad | l-ebda informazzjoni | 0-58 W.K. | Jinkludi 31 qabar imżejna b'tinqix fin kif ukoll b'elementi artistiċi, bħal għasafar, uċuħ tal-bnedmin u ħlejqiet immaġinarji. Jinkludi wkoll l-iżjed oqbra monumentali mħaffra fil-blat, kif ukoll l-ikbar faċċata għolja 16-il metru (52 pied). |
Żona Ċ | Xlokk | 16-61 W.K. | Tikkonsisti minn blat waħda iżolata li fiha 19-il qabar imħaffer fil-blat. Ma tnaqqax l-ebda tiżjin fuq il-faċċati. |
Jabal al-Khuraymat | Lbiċ | 7-73 W.K. | L-ikbar mill-erba' nekropoli, u jikkonsisti minn bosta blatiet (b'kollox 48) isseparati minn żoni bir-ramel, għalkemm tmien blatiet biss fihom oqbra mħaffra fil-blat. Il-kwalità ħażina tal-ġebel ramli u l-esponiment għall-irjieħ prevalenti rriżultaw fil-qagħda ħażina ta' konservazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-faċċati. |
B'kollox, 2,000 sit funebri mhux monumentali jagħmlu parti wkoll mis-sit arkeoloġiku ta' Hegra. Meta wieħed iħares iktar mill-qrib lejn il-faċċati jinduna li dawn jindikaw l-istatus soċjali tal-persuna midfuna — id-daqs u t-tiżjin tal-istruttura jirriflettu l-ġid tal-persuna. Xi faċċati kellhom plakek fuq l-entrati li kienu jagħtu xi informazzjoni dwar is-sidien tal-oqbra, is-sistema reliġjuża, u l-bennejja li naqqxuhom. Bosta oqbra jindikaw il-gradi militari, u b'hekk l-arkeologi spekulaw li s-sit jaf kien bażi militari tan-Nabatej, li kellu l-għan li jħares l-attivitajiet kummerċjali tal-insedjament.
Ir-Renju tan-Nabatej ma kienx jinsab biss f'salib it-toroq tal-kummerċ iżda anke tal-kultura. Dan huwa rifless fid-diversi motivi tat-tiżjin tal-faċċati, fejn ġew mislufa elementi stilistiċi mill-Assirja, mill-Feniċja, mill-Eġittu u minn Lixandra Ellenistika, u ġew imħallta mal-istil artistiku nattiv. It-tiżjin Ruman u l-kitbiet imnaqqxa bil-Latin tfaċċaw ukoll fuq l-oqbra trogloditiċi meta t-territorju ġie anness mal-Imperu Ruman. F'kuntrast mat-tiżjin elaborat fuq barra, minn ġewwa l-istrutturi mħaffra fil-blat huma awsteri u sempliċi.
Żona reliġjuża magħrufa bħala "Jabal Ithlib" tinsab lejn il-Grigal tas-sit. Huwa maħsub li oriġinarjament kienet iddedikata lid-divinità Dushara tan-Nabatej. Kuritur dejjaq, twil 40 metru (131 pied) bejn il-blat għoli li jfakkar fis-Siq (fondoq) ta' Petra, jagħti għas-sala tad-Diwan, kompartiment ta' kunsill jew qorti tal-liġi Musulman(a). Xi santwarji reliġjużi żgħar bit-tinqix fuq il-blat tħaffru wkoll fil-qrib.
Iż-żona residenzjali tinsab f'nofs il-pjanura, 'il bogħod mill-blatiet kbar. Il-materjal primarju tal-kostruzzjoni għad-djar u l-ħajt tal-madwar kien il-brikks tat-tajn imnixxfa fix-xemx. Ma tantx fadal wisq fdalijiet taż-żona residenzjali.
L-ilma jiġi pprovdut permezz ta' 130 bir, li jinsabu fil-parti tal-Punent u tal-Majjistral tas-sit, fejn l-ilma tal-pjan kienet tinsab f'fond ta' 20 metru (66 pied) biss. Il-bjar, b'dijametri ta' bejn 4 u 7 metri (13-23 pied), tħaffru fil-blat, għalkemm xi wħud li tħaffru fl-art kellhom jiġu msaħħa bil-ġebel ramli.
Importanza
immodifikaIs-sit arkeoloġiku jinsab f'ambjent aridu. Il-klima niexfa, in-nuqqas ta' insedjament mill-ġdid wara li s-sit ġie abbandunat, u t-twemmin lokali prevalenti dwar il-lokalità kollha wasslu għall-istat straordinarju ta' preservazzjoni ta' Al-Hijr, li jagħti stampa estensiva tal-istil ta' għajxien tan-Nabatej. L-oażi agkrikola u l-bjar eżistenti ta' Al-Hijr, li kienu maħsuba li jimmarkaw il-kobor tar-Renju tan-Nabatej, joħorġu fid-dieher l-adattamenti meħtieġa li saru min-Nabatej f'dan l-ambjent — l-insedjament pjuttost distint tas-sit huwa t-tieni l-ikbar fir-Renju tan-Nabatej, u jikkomplementa dak tas-sit arkeoloġiku iktar famuż ta' Petra fil-Ġordan. Il-pożizzjoni tas-sit f'salib it-toroq kummerċjali, kif ukoll id-diversi lingwi, kitbiet imnaqqxa u stili artistiċi differenti riflessi fil-faċċati tal-oqbra monumentali jiddistingwuh minn siti arkeoloġiċi oħra. Is-sit ġie mlaqqam bħala "l-Belt Kapitali tal-Monumenti" fost l-4,000 sit arkeoloġiku tal-Arabja Sawdija.
Referenzi
immodifika- ^ "ToposText". topostext.org. Miġbur 2023-12-07.
- ^ "Strabo, Geography, book 16, chapter 4, section 24". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2023-12-07.
- ^ Il-Koran 15:80-84.
- ^ "Mada'in Saleh - Arabian Rock Art Heritage". saudi-archaeology.com. Miġbur 2023-12-07.
- ^ "A silent city hidden in the desert". www.bbc.com. Miġbur 2023-12-07.
- ^ Il-Koran 7:73-79.
- ^ Il-Koran 11:61-69.
- ^ Il-Koran 26:141-158.
- ^ Il-Koran 54:23-31.
- ^ Il-Koran 89:6-13.
- ^ Il-Koran 91:11-15.
- ^ "Surah 17. Al-Israa Translation by Asad | Islamic Reference | Alim". www.alim.org. Miġbur 2023-12-07.
- ^ Wood, Graeme (2022-03-03). "Absolute Power". The Atlantic (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-07.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Hegra Archaeological Site (al-Hijr / Madā ͐ in Ṣāliḥ)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-07.
- ^ "Buried stories: the tombs of Hegra". web.archive.org. 2022-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-07-01. Miġbur 2023-12-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Harrison, Timothy P.. "Ḥijr." Encyclopaedia of the Qurʾān. General Editor: Jane Dammen McAuliffe, Georgetown University, Washington DC. Brill Online, 2016.
- ^ "Strabo, Geography, BOOK XVI., CHAPTER IV., section 24". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2023-12-07.
- ^ "ToposText". topostext.org. Miġbur 2023-12-07.
- ^ "Hegra - Livius". www.livius.org. Miġbur 2023-12-07.
- ^ "Madain Salih Hidden Treasure". www.bootsnall.com. Miġbur 2023-12-07.
- ^ M. Th. Houtsma et al., eds., E.J. Brill's first encyclopaedia of Islam, 1913-1936.
- ^ "Corpus Coranicum". corpuscoranicum.de. Miġbur 2023-12-07.
- ^ Hoyland, Robert G. (2001). Arabia and the Arabs: From the Bronze Age to the Coming of Islam. Routledge. p. 69. ISBN 0415195349.
- ^ Sahih al-Bukhari: ʿAbdullah ibn ʿUmar, Ħadit: 2116 u 3379.
- ^ Ibn Kathir (2003). Al-Bidâya wa-l-Nihâya ("The Beginning and the End") Vol.1. Beirut: Dar al-Kutub al-Ilmiyya. p. 159.
- ^ The New Encyclopædia Britannica: Macropædia Volume 13. USA: Encyclopædia Britannica, Inc. 1995. p. 818.
- ^ Encyclopædia Britannica, Under the Category of: History of Arabia, the Section of: Dedān and Al-Ḥijr.
- ^ The Detailed History of Arabs before Islam, Prof. Jawwad Ali, il-Volum 15, p. 301.
- ^ The Historical Record of Ibn Khaldon, il-Volum 2, p. 641.
- ^ Kitab Al-Aghani, Abu Al-Faraj Al-Asfahani, il-Volum 4, p. 74.
- ^ "Thamūd". Encyclopædia Britannica.
- ^ "Home". krc.orient.ox.ac.uk. Miġbur 2023-12-07.
- ^ The New Encyclopædia Britannica: Macropædia Volume 13. USA: Encyclopædia Britannica, Inc. 1995. p. 818. ISBN 0-85229-605-3.