Damasku
Damasku jew Damask (bl-Għarbi: دِمَشق, b'ittri Rumani: Dimašq) hija l-belt kapitali tas-Sirja, l-eqdem belt kapitali fid-dinja u, skont xi wħud, ir-raba' l-ikbar belt qaddisa fl-Iżlam.[1][2][3] Magħrufa kollokjalment fis-Sirja bħala aš-Šām (الشَّام) u mlaqqma, poetikament, bħala l-"Belt tal-Ġiżimin" (مَدِيْنَةُ الْيَاسْمِينِ Madīnat al-Yāsmīn), Damasku hija ċentru kulturali ewlieni tal-Lvant u tad-dinja Għarbija.[4]
Damasku | ||
---|---|---|
Sirja | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Pajjiż | Sirja | |
Governorate of Syria | Governorat ta' Damasku | |
Kap tal-Gvern | Bishr Al Sabban (en) | |
Isem uffiċjali | دمشق | |
Ismijiet oriġinali | دمشق | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 33°31′N 36°17′E / 33.51°N 36.29°EKoordinati: 33°31′N 36°17′E / 33.51°N 36.29°E | |
Superfiċjenti | 105 kilometru kwadru | |
Għoli | 680 m | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 2,584,771 abitanti (2023) | |
Informazzjoni oħra | ||
Kodiċi tat-telefon |
011 | |
Żona tal-Ħin | UTC+3 | |
bliet ġemellati | Ankara, Denizli, Istanbul, Buenos Aires, Emirat ta' Dubai, Yerevan, Málaga, São Paulo, Toronto, Kajr, Tokjo, Amman, Ateni, Ferrara, Firenze, Rabat, Bukarest, Córdoba, Madrid, Budapest, Dubaj, Bejrut, Toledou Bagdad | |
damascus.gov.sy |
Damasku tinsab fil-Lbiċ tas-Sirja u hija ċ-ċentru ta' żona metropolitana kbira. Tinsab qalb l-għoljiet tal-Lvant ta' qabel il-katina muntanjuża li tmiss mal-Libanu, 80 kilometru (50 mil) 'il ġewwa mix-xatt tal-Lvant tal-Mediterran fuq promontorju 680 metru (2,230 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, u tesperjenza klima arida minħabba l-effett tad-"dell tax-xita". Ix-xmara Barada tgħaddi mill-belt ta' Damasku.
Damasku hija waħda mill-eqdem bliet kontinwament abitati fid-dinja.[5] Ġiet insedjata fit-tielet millenju Q.K., u ntgħażlet bħala l-belt kapitali tal-Kaliffat tal-Umajjad mis-661 sas-750. Wara r-rebħa tad-dinastija Abbasida, is-sede tal-poter Iżlamiku ġiet ittrasferita lejn Bagdad. Damasku qabdet it-triq tan-niżla matul l-era Abbasidi, u reġgħet kisbet importanza sinifikanti fl-eri tal-Ajjubidi u tal-Mamluk. Illum il-ġurnata, il-belt hija s-sede tal-gvern ċentrali tas-Sirja. Minn Settembru 2019, tmien snin wara li faqqgħet il-gwerra ċivili Sirjana, Damasku ssemmiet bħala l-inqas belt vivibbli minn 140 belt globali fil-Klassifika Globali tal-Vivibbiltà.[6] Minn Ġunju 2023 titqies bħala l-inqas vivibbli minn 173 belt globali.
Ismijiet u etimoloġija
immodifikaL-isem ta' Damasku tfaċċa għall-ewwel darba fil-lista ġeografika ta' Thutmose III bħala ṯmśq (𓍘𓄟𓊃𓈎𓅱) fis-seklu 15 Q.K. L-etimoloġija tal-isem tal-qedem ṯmśq mhix ċerta. Isem il-belt ġie attestat bħala Imerišú (𒀲𒋙) bl-Akkadjan, ṯmśq (𓍘𓄟𓊃𓈎𓅱) bl-Eġizzjan, Damašq (𐡃𐡌𐡔𐡒) bl-Aramajk Antik, u Dammeśeq (דַּמֶּשֶׂק) bl-Ebrajk Bibbliku. Għadd ta' varjanti ortografiċi bl-Akkadjan jinsabu fl-ittri ta' Amarna, mis-seklu 14 Q.K.: Dimašqa (𒁲𒈦𒋡), Dimašqì (𒁲𒈦𒀸𒄀), u Dimašqa (𒁲𒈦𒀸𒋡).
Varjanti ortografiċi bl-Aramajk li ġew wara spiss kienu jinkludu resh intrusiva (l-ittra r), x'aktarx minħabba l-influwenza tal-għerq dr, bit-tifsira ta' "abitazzjoni". B'hekk, l-isem tal-belt bl-Ingliż u bil-Latin, Damascus, ġie importat mill-Grieg Δαμασκός u oriġina minn Darmeśeq (דרמשק) tal-Koran u minn Darmsûq (ܕܪܡܣܘܩ) bis-Sirjan,[7][8] bit-tifsira ta' "art misqija sew".[9]
Bl-Għarbi, il-belt tissejjaħ Dimashq (دمشق Dimašq). Il-belt hija magħrufa wkoll bħala aš-Šām miċ-ċittadini ta' Damasku, tas-Sirja u ta' pajjiżi Għarab ġirien oħra u tat-Turkija (eş-Şam). Aš-Šām huwa terminu Għarbi għal-"Lvant" u għas-"Sirja"; dan tal-aħħar, u partikolarment ir-reġjun storiku tas-Sirja, jissejjaħ Bilād aš-Šām (بلاد الشام, litteralment "l-art tal-Lvant"). Dan it-terminu tal-aħħar etimoloġikament ifisser "l-art tan-naħa tax-xellug" jew "it-Tramuntana", peress li min fil-Hijaz iħares lejn il-Lvant, orjentat lejn iż-żerniq, isib it-Tramuntana lejn ix-xellug. Dan joħloq kuntrast mal-isem tal-Jemen (اَلْيَمَن al-Yaman), li jfisser "l-art tan-naħa tal-lemin" jew "in-Nofsinhar". Il-varjant ش ء م (š-ʾ-m'), tat-terminu iktar tipiku ش م ل (š-m-l), huwa attestat ukoll fil-lingwa antika tan-Nofsinhar tal-Arabja, 𐩦𐩱𐩣 (šʾm), bl-istess żvilupp semantiku.[10]
Ġeografija
immodifikaDamasku nbniet f'sit strateġiku fuq promontorju 680 metru (2,230 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u madwar 80 kilometru (50 mil) 'il ġewwa mill-Mediterran, għall-kenn tal-katina muntanjuża li tmiss mal-Libanu. Minnha tgħaddi x-xmara Barada, u tinsab f'salib it-toroq bejn ir-rotot kummerċjali: ir-rotot mit-Tramuntana għan-Nofsinhar li jikkollegaw l-Eġittu mal-Asja Minuri, u r-rotta tad-deżert mil-Lvant għall-Punent li tikkollega l-Libanu mal-wied tax-xmara Ewfrate. Il-katina muntanjuża li tmiss mal-Libanu hija l-fruntiera fiżika bejn is-Sirja u l-Libanu. Il-katina muntanjuża għandha qċaċet li jaqbżu l-10,000 pied (3,000 metru) u timblokka l-preċipitazzjoni mill-Baħar Mediterran, għaldaqstant Damasku xi kultant tkun soġġetta għal nixfiet. Madankollu, fi żmien il-qedem, dan kien jittaffa permezz tax-xmara Barada, li toriġina min-nixxigħat fil-muntanji alimentati mill-borra li ddub. F'Damasku hemm l-Għolja ta' Ghouta, li tinkludi r-raba' msaqqi fejn ilhom jitkabbru bosta ħxejjex, ċereali u frott minn żmien il-qedem. Il-mapep tas-Sirja Rumana jindikaw li x-xmara Barada kienet titbattal f'lag imdaqqas fil-Lvant ta' Damasku. Illum il-ġurnata jissejjaħ Bahira Atayba u huwa lag temporanju peress li fis-snin ta' nixfa qalila, lanqas biss jeżisti.
Il-belt moderna għandha erja ta' 105 km2 (41 mil kwadru), li minnhom 77 km2 (30 mil kwadru) hija art urbana, filwaqt li Jabal Qasioun tokkupa l-kumplament tal-art.
Iċ-ċentru storiku ta' Damasku, imdawwar mill-ħitan tal-belt, jinsab max-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Barada li huwa kważi niexef (fadal biss 3 ċentimetri (pulzier)). Lejn il-Lbiċ, it-Tramuntana u l-Grigal, il-belt hija mdawra minn żoni sottourbani bi storja li tmur lura sal-Medju Evu: Midan fil-Lbiċ, Sarouja u Imara fit-Tramuntana u fil-Majjistral. Dawn il-kwartieri oriġinarjament tfaċċaw mat-toroq 'il barra mill-belt, qrib l-oqbra ta' figuri reliġjużi. Fis-seklu 19, żviluppaw il-villaġġi periferiċi max-xaqlibiet ta' Jabal Qasioun, li qabel kien is-sit tal-kwartier ta' al-Salihiyah iċċentrat mas-santwarju importanti tax-xejikk u l-filosfu Andalusjan importanti Ibn Arabi. Dawn il-villaġġi ġodda inizjalment ġew insedjati minn suldati Kurdi u minn refuġjati Musulmani mir-reġjuni Ewropej tal-Imperu Ottoman li safa taħt it-tmexxija Kristjana. B'hekk kienu magħrufa bħala al-Akrad (il-Kurdi) u al-Muhajirin (il-migranti). Kienu jinsabu 2-3 kilometri (1-2 mili) fit-Tramuntana taċ-ċentru storiku tal-belt antika.
Mill-aħħar tas-seklu 19 'il quddiem, beda jiżviluppa ċentru amministrattiv u kummerċjali modern fil-Punent taċ-ċentru storiku tal-belt, madwar ix-xmara Barada, iċċentrat fiż-żona magħrufa bħala al-Marjeh jew "il-mergħa". Al-Marjeh f'qasir żmien sar l-isem ta' dik li inizjalment kienet il-pjazza ċentrali ta' Damasku modern, bil-muniċipju tal-belt fiha. Il-qrati tal-ġustizzja, l-uffiċċju postali, u l-istazzjon ferrovjarju nbnew f'art iktar għolja kemxejn lejn in-Nofsinhar. Kwartier residenzjali b'influwenza Ewropea beda jinbena fit-triq bejn al-Marjeh u al-Salihiyah. Iċ-ċentru kummerċjali u amministrattiv tal-belt il-ġdida gradwalment ġie ttrasferit lejn it-Tramuntana lejn din iż-żona.
Fis-seklu 20 ġew żviluppati subborgi ġodda fit-Tramuntana tax-xmara Barada, u sa ċertu punt fin-Nofsinhar, u naqqru ftit mill-oażi ta' Ghouta. Fl-1956-1957, il-kwartier il-ġdid ta' Yarmouk saret it-tieni dar ta' eluf ta' refuġjati Palestinjani. Il-pjanifikaturi tal-belt ippreferew jippreservaw l-oażi ta' Ghouta kemm jista' jkun, u fl-aħħar tas-seklu 20 ġew żviluppati wħud miż-żoni prinċipali lejn it-Tramuntana, fil-kwartier ta' Mezzeh fil-Punent u iktar reċentement tul il-wied tax-xmara Barada, f'Dummar fil-Majjistral, u max-xaqlibiet tal-muntanji f'Barzeh fil-Grigal. Żoni iktar foqra, li spiss inbnew mingħajr approvazzjoni uffiċjali, żviluppaw l-iktar fin-Nofsinhar tal-belt ewlenija.
Damasku fl-imgħoddi kienet imdawra b'oażi, ir-reġjun ta' Ghouta (bl-Għarbi: الغوطة, b'ittri Rumani: al-ġūṭä), misqi mix-xmara Barada. Il-fawwara ta' Fijeh, fil-Punent tul il-wied tax-xmara Barada, kienet tipprovdi l-ilma tax-xorb għall-belt u diversi għejun fil-Punent huma ġestiti minn kuntratturi tal-ilma. Il-fluss tax-xmara Barada naqas bit-tkabbir rapidu tal-abitazzjonijiet u tal-industrija fil-belt u kważi nixef għalkollox. L-akwiferi ta' taħt l-art huma mniġġsa mill-ilma mormi tal-belt, mit-toroq traffikużi, mill-industrija u mid-dranaġġ.
Klima
immodifikaDamasku għandha klima arida bierda (BWk skont il-klassifikazzjoni tas-sistema Köppen-Geiger), minħabba l-effett tad-"dell tax-xita" tal-muntanji li jmissu mal-Libanu u l-kurrenti oċeaniċi prevalenti. Is-sjuf huma twal, nexfin u sħan b'inqas umdità. Ix-xtiewi huma bierda u kemxejn bix-xita; il-borra qajla tinżel. Il-ħarifa hija qasira u miti, iżda tesperjenza l-iżjed bidla drastika fit-temperaturi, għad-differenza tar-rebbiegħa fejn it-tranżizzjoni lejn is-sajf tkun iktar gradwali u kostanti. Il-preċipitazzjoni annwali hija madwar 130 mm (5 pulzieri), u tinżel bejn Ottubru u Mejju.
Data klimatika għal Damasku (l-Ajruport Internazzjonali ta' Damasku) 1991-2020 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 23.2
(73.8) |
28.0
(82.4) |
34.4
(93.9) |
37.6
(99.7) |
41.4
(106.5) |
45.0
(113.0) |
45.8
(114.4) |
44.8
(112.6) |
44.6
(112.3) |
38.0
(100.4) |
31.0
(87.8) |
25.1
(77.2) |
45.8
(114.4) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 13.1
(55.6) |
15.3
(59.5) |
20.0
(68.0) |
25.3
(77.5) |
30.9
(87.6) |
35.3
(95.5) |
37.8
(100.0) |
37.6
(99.7) |
34.6
(94.3) |
29.0
(84.2) |
20.6
(69.1) |
14.8
(58.6) |
26.2
(79.1) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 0.8
(33.4) |
2.0
(35.6) |
4.8
(40.6) |
8.0
(46.4) |
12.1
(53.8) |
15.9
(60.6) |
18.6
(65.5) |
18.6
(65.5) |
15.3
(59.5) |
11.0
(51.8) |
5.2
(41.4) |
1.9
(35.4) |
9.5
(49.1) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −10.8
(12.6) |
−12
(10) |
−6
(21) |
−7.5
(18.5) |
1.4
(34.5) |
6.2
(43.2) |
10.5
(50.9) |
9.5
(49.1) |
3.5
(38.3) |
−1.0
(30.2) |
−8.6
(16.5) |
−8.8
(16.2) |
−12.0
(10.4) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 26.0
(1.02) |
22.4
(0.88) |
13.9
(0.55) |
5.6
(0.22) |
4.8
(0.19) |
0.3
(0.01) |
0
(0) |
0
(0) |
0.3
(0.01) |
6.3
(0.25) |
21.4
(0.84) |
23.6
(0.93) |
124.7
(4.91) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1 mm) | 4.8 | 4.4 | 2.6 | 1.3 | 1.0 | 0.1 | 0.0 | 0.0 | 0.1 | 1.2 | 3.3 | 4.2 | 23.0 |
Medja ta' jiem bil-borra | 1 | 1 | 0.1 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0.2 | 2.3 |
Umdità relattiva medja (%) | 76 | 69 | 59 | 50 | 43 | 41 | 44 | 48 | 47 | 52 | 63 | 75 | 56 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 164.3 | 182.0 | 226.3 | 249.0 | 322.4 | 357.0 | 365.8 | 353.4 | 306.0 | 266.6 | 207.0 | 164.3 | 3,164.1 |
Medja ta' sigħat ta' xemx kuljum | 5.3 | 6.5 | 7.3 | 8.3 | 10.4 | 11.9 | 11.8 | 11.4 | 10.2 | 8.6 | 6.9 | 5.3 | 8.5 |
Sors: NOAA[11] |
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Belt Antika ta' Damasku ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[12]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[12]
Ġemellaġġ
immodifikaGallerija
immodifikaBiblijografija
immodifika- Abdulkarim, Maamoun (2003). Apollodorus of Damascus and Trajan's Column. L'Erma di Bretschneider. ISBN 978-8-8826-5233-3.
- Aharoni, Yohanan; Avi-Yonah, Michael (1977). The MacMillan Bible Atlas. Carta Ltd. ISBN 978-0-7318-1071-0. Amitai, Reuven (1987). "Mongol Raids into Palestine (AD 1260 and 1300)". Journal of the Royal Asiatic Society: 236–255.
- Burns, Ross (2005). Damascus: A History. Routledge. ISBN 978-0-415-27105-9.
- Cammelli, Stefano (2006). "Il Minareto di Gesù", (bit-Taljan), Il Mulino.
- Crawford, Peter (2013). The War of the Three Gods: Romans, Persians and the Rise of Islam. Pen and Sword. ISBN 9781473828650.
- Demurger, Alain (2007). Jacques de Molay (bil-Franċiż). Editions Payot&Rivages. ISBN 978-2-228-90235-9.
- Hamilton, Jill, Duchess of (2002). First to Damascus: The story of the Australian Light Horse and Lawrence of Arabia. ISBN 978-0-7318-1071-0. Ibn Khaldun (1952). Ibn Khaldūn and Tamerlane: Their Historic Meeting in Damascus, 1401 A.d. (803 A. H.) A Study Based on Arabic Manuscripts of Ibn Khaldūn's "Autobiography,". Translated by Walter Joseph Fischel. University of California Press. Kaegi, Walter Emil (2003).
- Heraclius: Emperor of Byzantium. Cambridge University Press. ISBN 0-521-81459-6.
- Nicolle, David (2001). The Crusades. Essential Histories. Osprey Publishing. ISBN 978-1-84176-179-4.
- Runciman, Steven (1987). A History of the Crusades: Volume 3, The Kingdom of Acre and the Later Crusades. Cambridge University Press. ISBN 9780521347723.
- Schein, Sylvia (October 1979). "Gesta Dei per Mongolos 1300. The Genesis of a Non-Event". The English Historical Review. 94 (373): 805–819. doi:10.1093/ehr/XCIV.CCCLXXIII.805. JSTOR 565554.
- Twain, Mark (1869). The Innocents Abroad. American Publishing Company.
Referenzi
immodifika- ^ Dumper, Michael R. T.; Stanley, Bruce E. (2007). "Damascus". In Janet L. Abu-Lughod (ed.). Cities of the Middle East and North Africa: A Historical Encyclopedia. ABC-CLIO. pp. 119-126. ISBN 978-1-5760-7919-5.
- ^ "Damascus: What's Left | by Sarah Birke | NYR Daily | The New York Review of Books". web.archive.org. 2018-12-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-12-04. Miġbur 2023-11-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Totah, Faedah M. (2009). "Return to the origin: negotiating the modern and unmodern in the old city of Damascus". City & Society. 21 (1): 58–81.
- ^ "Biggest Cities In Syria". WorldAtlas (bl-Ingliż). 2017-04-25. Miġbur 2023-11-27.
- ^ Bowker, John (2003), "Damascus", The Concise Oxford Dictionary of World Religions, Oxford University Press, ISBN 978-0-19-280094-7.
- ^ "World's most livable and least livable cities for 2019 | CNN Travel". web.archive.org. 2019-09-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-15. Miġbur 2023-11-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Paul E. Dion (Mejju 1988). "Ancient Damascus: A Historical Study of the Syrian City-State from Earliest Times Until Its Fall to the Assyrians in 732 BC., Wayne T. Pitard". Bulletin of the American Schools of Oriental Research (270): 98.
- ^ Frank Moore Cross (Frar 1972). "The Stele Dedicated to Melcarth by Ben-Hadad of Damascus". Bulletin of the American Schools of Oriental Research (205): 40.
- ^ Miller, Catherine; Al-Wer, Enam; Caubet, Dominique; Watson, Janet C.E. (2007). Arabic in the City: Issues in Dialect Contact and Language Variation. Routledge. p. 189. ISBN 978-1135978761.
- ^ Younger, K. Lawson Jr. (2016). A Political History of the Arameans: From Their Origins to the End of Their Polities (Archaeology and Biblical Studies). Atlanta, GA: SBL Press. p. 551. ISBN 978-1589831285.
- ^ "Statistika NOAA". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-10-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Damascus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-27.