Quseir Amra
Quseir Amra jew Qusayr 'Amra, litteralment "qasr (kastell/palazz) żgħir ta' 'Amra", xi kultant spellut ukoll Qasr Amra (bl-Għarbi: قصر عمرة / ALA-LC: Qaṣr ‘Amrah) huwa l-iżjed wieħed magħruf fost il-kastelli tad-deżert li llum il-ġurnata jinsabu fil-Lvant tal-Ġordan. Inbena f'xi żmien bejn is-723 u s-743 minn Walid Ibn Yazid, il-kaliff futur tal-Umajjad Walid II[1], li d-dominanza tiegħu tar-reġjun kienet qed tikber ġmielha dak iż-żmien. Jitqies bħala wieħed mill-iżjed eżempji importanti tal-arti u tal-arkitettura Iżlamika bikrija.
Il-binja effettivament hija fdal ta' kumpless ikbar li kien jinkludi kastell reali, maħsub bħala rtir irjali, mingħajr l-ebda funzjoni militari, li għad fadal biss xi fdalijiet tal-pedamenti tiegħu. Dak li fadal illum huwa biss biex ngħidu hekk bini żgħir tal-villeġġatura. Huwa notevoli l-iktar għall-affreski li għad fadal ġo fih, l-iktar fuq is-soqfa, li fost l-oħrajn juru grupp ta' mexxejja, xeni tal-kaċċa, xeni taż-żfin b'nisa għerwenin, artiġjani jaħdmu, iċ-"ċiklu ta' Ġona" skopert dan l-aħħar, u fuq kompartiment bil-banjijiet, l-ewwel rappreżentazzjoni magħrufa tas-smewwiet fuq superfiċe emisferika, fejn l-immaġni riflessa tal-kostellazzjonijiet hija akkumpanjata mill-figuri taż-żodjaku. Dan wassal biex Quseir Amra jiżdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3][4][5] Il-kompartiment bil-banjijiet huwa wkoll, flimkien ma' eżempji oħra f'kastelli tad-deżert oħra fil-Ġordan, wieħed mill-eqdem fdalijiet eżistenti ta' hammam fid-dinja Musulmana storika.[6][7][8]
Dak l-istatus, u l-pożizzjoni tiegħu tul l-awtostrada ewlenija tal-Ġordan mil-Lvant għall-Punent, relattivament qrib tal-belt kapitali Amman, għamluh destinazzjoni turistika popolari.
Pożizzjoni u aċċess
immodifikaQuseir Amra jinsab fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-Awtostrada 40 tal-Ġordan, bejn wieħed u ieħor 85 kilometru (53 mil) minn Amman u 21 kilometru (13-il mil) fil-Lbiċ ta' Al-Azraq.[9]
Attwalment jinsab f'żona kbira magħluqa bil-fildiferru mxewwek. Parkeġġ mhux pavimentat jinsab fin-naħa tax-Xlokk tiegħu ftit lil hinn mit-triq. Ċentru żgħir għall-viżitaturi jaqta' l-biljetti għad-dħul. Il-kastell jinsab fil-Punent taż-żona magħluqa, taħt għolja żgħira.
Deskrizzjoni
immodifikaTraċċi ta' ħitan tal-ġebel mal-perimetru tas-sit jissuġġerixxu li dan kien parti minn kumpless ta' 25 ettaru (62 akru). Hemm fdalijiet ta' kastell li jaf kien ospita temporanjament xi gwarniġjon ta' suldati.
Lejn ix-Xlokk tal-binja hemm bir fond 40 metru (130 pied), traċċi tal-mekkaniżmu tal-olzar immexxi permezz ta' annimal u diga wkoll.
L-arkitettura tas-sala tar-riċevimenti bil-kompartiment bil-banjijiet hija identika għal dik tal-Hammam al-Sarah, fil-Ġordan ukoll, ħlief li dan tal-aħħar inbena bil-ġebla tal-ġir maqtugħa bis-sengħa (skont it-tradizzjoni arkitettonika tal-perjodu aħħari tar-Rumani), filwaqt li l-kompartiment bil-banjijiet ta' Quseir Amra nbena b'ġebla mhux maħduma u bit-tkaħħil tal-ġipsum u l-ġibs (skont it-tradizzjoni arkitettonika tas-Sassanidi).[10]
Huwa binja baxxa magħmula bil-ġebla tal-ġir u l-bażalt. Il-blokka tat-Tramuntana, għolja żewġ sulari, fiha saqaf b'volta tripla fuq id-daħla prinċipali fil-faċċata tal-Lvant. Il-blokka tal-Punent fiha volti jew koppli iżgħar.[11]
Illum il-ġurnata, Quseir Amra jinsab f'kundizzjoni iktar imwiegħra minn dik ta' kastelli tad-deżert oħrajn bħal Qasr Kharana, b'xi graffiti li vvandalizzaw l-affreski. Madankollu, qed isir xogħol ta' konservazzjoni bl-appoġġ tal-Fond Dinji għall-Monumenti, l-Istitut Superjuri Taljan għall-Konservazzjoni u r-Restawr, u d-Dipartiment tal-Antikitajiet tal-Ġordan.
Storja
immodifikaKostruzzjoni
immodifikaWieħed mis-sitt rejiet fl-affreski huwa r-Re Rodrigu ta' Spanja, li r-renju qasir tiegħu ta' sentejn (710-712) għall-bidu kien maħsub li kienet id-data tal-affresk, u possibbilment tal-binja. Għalhekk, għal żmien twil, ir-riċerkaturi kienu jemmnu li l-kaliff bilqiegħda Walid I kien il-bennej u l-utent primarju ta' Quseir Amra, sakemm feġġew id-dubji, u b'hekk l-ispeċjalisti bdew jemmnu li wieħed miż-żewġ prinċpijiet li iktar 'il quddiem saru kaliffi huma stess, Walid jew Yazid, x'aktarx li kienu l-iżjed kandidati probabbli għal dak ir-rwol. L-iskoperta tal-kitba tad-data matul ix-xogħol ta' restawr fl-2012 ippermettiet id-datazzjoni korretta tal-istruttura għaż-żewġ deċennji bejn is-723 u s-743, meta ġiet ikkummissjonata minn Walid Ibn Yazid, il-prinċep eredi taħt il-kaliff Hisham u s-suċċessur tiegħu matul renju qasir bħala kaliff fis-743–744.
Iż-żewġ prinċpijiet qattgħu perjodi twal ta' żmien 'il bogħod minn Damasku, il-belt kapitali tal-Umajjad, qabel ħa t-tron f'idejh. Walid kien magħruf li kien iwettaq l-attivitajiet sibartiċi murija fl-affreski, partikolarment joqgħod bilqiegħda fit-tarf tal-vaski jisma l-mużika jew il-poeżiji. Darba artisti tal-ispettaklu lebsin qishom stilel u kostellazzjonijiet ħadu ħsieb l-intratteniment tiegħu, xi ħaġa li tissuġġerixxi rabta mal-affresk tas-sema fil-caldarium. Omm Yazid kienet prinċipessa Persjana, xi ħaġa li tissuġġerixxi familjarità ma' dik il-kultura, u hu wkoll kien magħruf li kien iħobb tipi simili ta' intratteniment.
Kunsiderazzjoni ewlenija fil-pożizzjoni tal-kastelli tad-deżert iċċentrati għall-aċċess u l-prossimità għar-rotot antiki sat-Tramuntana mill-Arabja sas-Sirja. Rotta maġġuri kienet tgħaddi mill-belt ta' Tayma fl-Arabja, qalb Wadi Sirhan lejn il-pjanura ta' Balqa fil-Ġordan, u x'aktarx li kienet waħda mir-raġunijiet li Quseir Amra u fortifikazzjonijiet simili nbnew hemmhekk, fosthom anke Qasr Al-Kharanah u Qasr al-Tuba.[12]
Skoperta mill-ġdid fl-1898
immodifikaL-istruttura abbandunata reġgħet ġiet skoperta minn Alois Musil fl-1898, bl-affreski li saru famużi bis-saħħa tat-tpinġijiet tal-artist Awstrijaku Alphons Leopold Mielich għall-ktieb ta' Musil. Fl-aħħar tas-snin 70 tas-seklu 20, tim Spanjol irrestawra l-affreski.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaQuseir Amra ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Affreski
immodifikaQuseir Amra huwa notevoli l-iktar għall-affreski fuq il-ħitan ta' ġewwa tiegħu.
Sala tar-Riċevimenti
immodifikaIl-volta tad-daħla prinċipali għandha affreski ta' xeni tal-kaċċa, ta' frott u l-konsum tal-inbid, u ta' nisa għerwenin. Uħud mill-annimali murija mhumiex abbundanti fir-reġjun iżda kienu iktar komuni fil-Persja, xi ħaġa li tissuġġerixxi xi influwenza minn dawk l-inħawi. Hemm affresk li juri l-kostruzzjoni tal-binja. Ħdejn il-bażi ta' ħajt minnhom hemm re bir-raġġiera fuq it-tron. Sezzjoni li qabel kienet maġenb dan l-affresk, u li issa tinsab fil-Mużew tal-Arti Iżlamika f'Berlin, il-Ġermanja, turi sajjieda u dgħajsa f'ilmijiet b'abbundanza ta' ħut u ta' fawna.
Apsida tat-Tron
immodifikaAffresk magħruf bħala s-"sitt rejiet" juri lill-kaliff tal-Umajjad u lill-mexxejja differenti. Abbażi ta' dettalji u kitbiet impittra fl-affresk, erba' mir-rejiet tal-affresk ġew identifikati bħala l-Imperatur Biżantin, ir-Re tal-Viżigoti Rodrigu, ix-Shah Persjan tas-Sassanidi, u n-Negus tal-Etjopja. L-aħħar re għal żmien twil baqa' mhux identifikat u kien spekulat li kien xi mexxej Tork, Ċiniż jew Indjan. Issa huwa magħruf li l-aħħar re kien Imperatur taċ-Ċina. L-iskop tal-affresk mhuwiex ċar. Il-kelma Griega ΝΙΚΗ nike, li tfisser rebħa, ġiet skoperta fil-qrib, u tissuġġerixxi li l-affresk tas-"sitt rejiet" kien maħsub biex juri s-supremazija tal-kaliff fuq l-għedewwa tiegħu. Interpretazzjoni possibbli oħra hija li s-sitt figuri qed jissupplikaw x'aktarx lill-kaliff li kien ikun bilqiegħda fis-sala.[13]
Banjijiet
immodifikaL-affreski fil-kmamar kollha għajr il-caldarium jirriflettu l-parir tal-fiżiċi Għarab kontemporanji. Kienu jemmnu li l-banjijiet kienu jixorbu l-ispirti ta' dawk li kienu jmorru fihom, u li sabiex "it-tliet prinċipji vitali fil-ġisem, l-annimal, l-ispirtu u n-natura" jerġgħu jitqanqlu, il-ħitan tal-banjijiet kellhom jiġu miksija b'affreski ta' attivitajiet bħall-kaċċa, ta' maħbubin, u ta' ġonna u ta' siġar tal-palm.
Apodyterium
immodifikaL-apodyterium, jew il-kamra fejn tbiddel, hija mżejna bix-xeni ta' annimali jwettqu attivitajiet umani, b'mod partikolari jdoqqu l-mużika. Affresk ambigwu partikolari fih anġlu jħares 'l isfel lejn għamla ta' bniedem imġeżwer f'liżar. Spiss ġie maħsub li kienet xi xena tal-mewt, iżda xi interpretazzjonijiet oħra ssuġġerew li l-liżar kien qed jgħatti żewġ maħbubin. L-affresk ta' tliet uċuħ suwed fuq is-saqaf ġie maħsub li jirrappreżenta l-istadji tal-ħajja. Il-Kristjani fl-inħawi jemmenu li l-figura tan-nofs hija dik ta' Ġesù.
Tepidarium
immodifikaMal-ħitan u mas-saqaf tat-tepidarium, jew banju fietel, hemm affreski ta' xeni ta' pjanti u ta' siġar simili għal dawk fil-mużajk tal-Moskea tal-Umajjad f'Damasku, is-Sirja. Barra minn hekk, hemm ukoll nisa għerwenin f'diversi pożi, u wħud minnhom jaħslu tifel jew tifla.
Caldarium
immodifikaIl-koppla emisferika tal-caldarium jew tal-banju sħun fiha rappreżentazzjoni tas-smewwiet biż-żodjaku, fost 35 kostellazzjoni identifikabbli. Huwa maħsub li hija l-iżjed immaġni bikrija tas-sema ta' billejl li qatt ġiet impittra fuq superfiċe mhux ċatta. Ir-raġġi joħorġu mhux miċ-ċentru tal-koppla, iżda, b'mod preċiż, mill-polu ċelestjali tat-Tramuntana. L-angolu taż-żodjaku huwa pjuttost preċiż ukoll fl-affresk. L-unika żball fl-affresk hija l-ordni kontra l-arloġġ tal-istilel, li jissuġġerixxi li l-immaġni ġiet ikkupjata minn xi oħra fuq superfiċe ċatta.
Biblijografija
immodifika- Alois Musil: Ḳuṣejr ʿAmra, Kaiserliche Akademie der Wissenschaften in Wien, Vjenna: k.k. Hof- u. Staatsdruckerei 1907.
- Martin Almagro, Luis Caballero, Juan Zozaya y Antonio Almagro, Qusayr Amra : residencia y baños omeyas en el desierto de Jordania, Ed. Instituto Hispano-Arabe de Cultura, 1975.
- Martín Almagro, Luis Caballero, Juan Zozaya y Antonio Almagro, Qusayr Amra : Residencia y Baños Omeyas en el desierto de Jordania, Ed. Fundación El Legado Andalusí, 2002.
- Garth Fowden, Qusayr 'Amra : Art and the Umayyad Elite In Late Antique Syria, Ed. University of California Press, 2004.
- Claude Vibert-Guigue et Ghazi Bisheh, Les peintures De Qusayr 'Amra, Ed. Institut français du Proche-Orient, 2000.
- Hana Taragan, "Constructing a Visual Rhetoric: Images of Craftsmen and Builders in the Umayyad Palace at Qusayr ‘Amra," Al-Masaq: Islam and the Medieval Mediterranean, 20,2 (2008), 141–160.
Referenzi
immodifika- ^ "Qusayr 'Amra". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Quseir Amra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Jordan travel". Lonely Planet (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ Reċensjoni ta' The Zodiac of Quṣayr 'Amra by Fritz Saxl; The Astronomical Significance of the Zodiac of the Quṣayr 'Amra by Arthur Beer, Isis, Vol. 19, No. 3 (Sep., 1933), pp. 504-506, The University of Chicago.
- ^ "The Colors of the Prince: Conservation and Knowledge in Qusayr 'Amra". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ Sourdel-Thomine, J.; Louis, A. (2012). "Ḥammām". In Bearman, P.; Bianquis, Th.; Bosworth, C.E.; van Donzel, E.; Heinrichs, W.P. (eds.). Encyclopaedia of Islam, Second Edition. Brill.
- ^ M. Bloom, Jonathan; S. Blair, Sheila, eds. (2009). "Bath". The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. Oxford University Press.
- ^ Marçais, Georges (1954). L'architecture musulmane d'Occident. Pariġi: Arts et métiers graphiques. p. 215.
- ^ "Saudi Aramco World : Qasr'Amra". web.archive.org. 2010-01-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-01-03. Miġbur 2022-08-23.
- ^ Arce, Ignacio (2008-01-01). Umayyad Building Techniques And The Merging Of Roman-Byzantine And Partho-Sassanian Traditions: Continuity And Change (bl-Ingliż). Brill.
- ^ "Saudi Aramco World : The Frescoes of Amra". web.archive.org. 2008-08-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-08-29. Miġbur 2022-08-23.
- ^ Robinson, Chase (2011). Robinson, Chase F (ed.). The New Cambridge History of Islam. Cambridge University Press. p. 669. ISBN 9781139055932.
- ^ "Williams, Betsy. "Qusayr 'Amra". The Metropolitan Museum of Art". www.metmuseum.org.