Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Polonja
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Polonja rratifikat il-Konvenzjoni fid-29 ta' Ġunju 1976, u b'hekk is-siti storiċi tagħha saru eliġibbli biex jiżdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2021, il-Polonja għandha 17-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; 15 minnhom huma siti kulturali u 2 huma siti naturali. L-ewwel żewġ siti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kienu l-Minjiera tal-Melħ ta' Wieliczka[4] u ċ-Ċentru Storiku ta' Krakovja, fl-1978.[5] L-iżjed żieda reċenti huwa l-Park Nazzjonali ta' Bieszczady bħala estensjoni tal-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa, li żdied f'Lulju 2021.[6] Erba' mis-siti huma transnazzjonali. Il-Foresta ta' Białowieża hija kondiviża mal-Belarussja[7], it-Tserkva tal-Injam tal-Karpazji mal-Ukrajna[8], il-Park ta' Muskau / il-Park ta' Mużakowski mal-Ġermanja[9] u l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu ma' 18-il pajjiż Ewropew.
Siti ta' Wirt Dinji
immodifikaL-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[10]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Ritratt | Post (makroreġjun) | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Ċentru Storiku ta' Krakovja | Makroreġjun tan-Nofsinhar | 1978 | iv (kulturali) | Il-belt ta' Krakovja, stabbilita fl-1257, hija l-belt kapitali l-antika tal-Polonja. Iċ-ċentru storiku jinkorpora tliet raggruppamenti urbani, il-belt Medjevali ta' Krakovja, il-kumpless tal-Għolja ta' Wawel (ir-residenza rjali flimkien mal-Katidral ta' Wawel fejn indifnu diversi rejiet tal-Polonja), u r-raħal ta' Kazimierz, inkluż is-subborg ta' Stradom, li ssawwar mir-residenti Kattoliċi u Lhud. Krakovja kienet belt tal-arti u tal-artiġjanat, f'salib it-toroq bejn il-Lvant u l-Punent. Il-belt ippreservat livell għoli ta' integrità u tinkludi binjiet u karatteristiċi fi stili mir-Rumanesk bikri sal-Moderniżmu. Fl-2010 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[5] | |
Minjieri Rjali tal-Melħ ta' Wieliczka u ta' Bochnia | Makroreġjun tan-Nofsinhar | 1978 | iv (kulturali) | Iż-żoni madwar Wieliczka u Bochnia fihom depożiti tal-melħ tal-blat, li ilu jiġi estratt mis-seklu 13. Mijiet ta' kilometri ta' mini fiż-żewġ minjieri fihom ukoll opri tal-arti, bħal skulturi mnaqqxin fil-melħ u kappelli taħt l-art. Il-minjieri joħorġu fid-dieher l-iżvilupp tat-teknoloġiji tax-xogħol fil-minjieri fl-Ewropa. Il-Minjiera tal-Melħ ta' Wieliczka għall-ewwel tniżżlet waħedha fl- 1978. Ħdax-il sena wara, żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu minħabba t-theddidiet tal-umdità fil-konfront tal-iskulturi. Wara programm ta' konservazzjoni bl-installazzjoni ta' tagħmir effiċjenti ta' deumidifikazzjoni fil-minjiera, tneħħiet mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu fl-1998. Fl-2008 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit. Il-Minjiera tal-Melħ ta' Bochnia żdiedet fl-2013.[4][11] | |
Auschwitz-Birkenau, il-Kampijiet ta' Konċentrament u ta' Sterminju Nażisti Ġermaniżi (1940-1945) | Makroreġjun tan-Nofsinhar | 1979 | vi (kulturali) | Auschwitz kien network ta' kampijiet ta' konċentrament u ta' sterminju Nażisti li nbnew u ġew operati mit-Tielet Reich f'żoni Pollakki annessi mill-Ġermanja Nażista matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien l-ikbar wieħed fost il-kampijiet ta' konċentrament Ġermaniżi. Is-Sit ta' Wirt Dinji jkopri lil Auschwitz I (il-kamp ewlieni), Auschwitz II-Birkenau (il-kamp ta' sterminju), u qabar tal-massa.[12]
Is-sit oriġinarjament kien imsejjaħ "Kamp ta' Konċentrament ta' Auschwitz", iżda fuq talba tal-Polonja l-isem inbidel għal "Auschwitz- Birkenau" bis-sottotitlu ta' "Kampijiet ta' Konċentrament u ta' Sterminju Nażisti Ġermaniżi (1940-1945)".[13] | |
Foresta ta' Białowieza* | Makroreġjun tal-Lvant - Podlaskie | 1979 | vii (naturali) | Il-Foresta ta' Białowieża hija kumpless forestali kbir, li jinkludi foresti primordjali estensivi, fil-fruntiera bejn il-Polonja (il-Park Nazzjonali ta' Białowieża) u l-Belarussja (il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha). Hija eżempju tal-ekoreġjun terrestri b'foresti mħallta fl-Ewropa Ċentrali, u firxa ta' ħabitats mhux forestali assoċjati, inkluż mergħat imxarrbin, widien tax-xmajjar, u artijiet mistagħdra oħra. Iż-żona tospita l-ikbar popolazzjoni fis-selvaġġ ta' biżonti Ewropej, kif ukoll lupi, linċi, u lontri. Il-parti Pollakka tas-sit kienet l-ewwel li żdiedet fil-lista fl-1979. Il-parti fil-Belarussja żdiedet fil-lista fl-1992, filwaqt li fl-2014 saret estensjoni kbira taż-żona protetta.[7] | |
Ċentru Storiku ta' Varsavja | Makroreġjun Mazowieckie | 1980 | ii, vi (kulturali) | Varsavja, il-belt kapitali tal-Polonja, inqerdet apposta mit-truppi Nażisti wara r-Rewwixta ta' Varsavja fl-1944. Iżjed minn 85 % taċ-ċentru storiku ġie meqrud. Wara l-gwerra saret kampanja ta' restawr ta' ħames snin, u wasslet għar-restawr metikoluż taċ-ċentru storiku. Il-proċess ta' rikostruzzjoni kompla fis-snin 60 tas-seklu 20 u ntemm bil-ftuħ tal-Kastell Irjali għall-viżitaturi fl-1984.[14] | |
Ċentru Storiku ta' Zamość | Makroreġjun tal-Lvant - Lublin | 1992 | iv (kulturali) | Zamość ġie stabbilit fis-seklu 16 minn Jan Zamoyski. Iddisinjat mill-arkitett Bernardo Morando minn Padova, huwa eżempju perfett ta' raħal tal-aħħar tar-Rinaxximent. Il-konfigurazzjoni oriġinali tar-raħal ġiet ippreservata, flimkien mal-fortifikazzjonijiet u diversi binjiet li jikkombinaw l-influwenzi arkitettoniċi mill-Italja ma' dawk tal-Ewropa Ċentrali.[15] | |
Kastell tal-Ordni Tewtonika f'Malbork | Makroreġjun tat-Tramuntana - Pomorskie | 1997 | ii, iii, iv (kulturali) | Il-Kastell ta' Malbork inbena mill-Kavallieri Tewtoniċi, ordni reliġjuża Kattolika Rumana Ġermaniża ta' dawk li wettqu l-Kruċjati, wara li s-sede tal-Gran Mastru ġiet ittrasferita lejn Malbork minn Venezja fl-1309. Il-kastell huwa eżempju klassiku ta' kastell Medjevali tal-brikks bi stil Gotiku. Ġarrab xi ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija iżda iktar 'il quddiem ġie rrestawrat bir-reqqa.[16] | |
Raħal Medjevali ta' Toruń | Makroreġjun tat-Tramuntana - Kujawsko-Pomorskie | 1997 | ii, iv (kulturali) | Toruń ġie stabbilit mill-Kavallieri Tewtoniċi li bnew kastell hemmhekk f'nofs is-seklu 13 bħala bażi għall-evanġelizzazzjoni tal-Prussja. Iktar 'il quddiem kien membru tal-Lega Anseatika u ċentru kummerċjali importanti bejn iż-żona Baltika u l-Lvant tal-Ewropa. Ir-raħal Medjevali ġie ppreservat sew, inkluż diversi djar importanti tal-brikks bi stil Gotiku, bħad-dar tal-matematiku u tal-astronomu Nicolaus Copernicus.[17] | |
Kalwaria Zebrzydowska: il-Park Pajsaġġistiku u Arkitettoniku Manjerist u l-Park tal-Pellegrinaġġ | Makroreġjun tan-Nofsinhar | 1999 | ii, iv (kulturali) | Il-kumpless reliġjuż (kalvarju) ġie stabbilit mill-vojvodat ta' Krakovja Mikołaj Zebrzydowski fil-bidu tas-seklu 17. Jikkonsisti minn monasteru u għadd ta' knejjes, kappelli u santwarji li nbnew bl-istil Manjerist. Huwa eżempju straordinarju ta' santwarji kalvarju fil-perjodu tal-Kontroriformazzjoni. Prattikament baqa' kif kien mill-kostruzzjoni tiegħu, u għadu jintuża bħala sit attiv tal-pellegrinaġġi fis-seklu 21.[18] | |
Knejjes tal-Paċi f'Jawor u fi Swidnica | Makroreġjun tan-Nofsinhar - Śląskie | 2001 | ii, iv, vi (kulturali) | Il-Knejjes tal-Paċi f'Jawor u fi Świdnica fis-Silesja ngħataw isem it-Trattat tal-Paċi ta' Westfalen tal-1648, li ppermetta lil-Luterani fl-inħawi Kattoliċi Rumani tas-Silesja jibnu tliet knejjes Evanġeliċi tal-injam u t-tafal 'il barra mis-swar tal-belt. Barra minn hekk, kundizzjonijiet oħra tal-bini kienu jiddettaw li l-knejjes ma jkollhomx torri u li l-kostruzzjoni titlesta fi żmien sena. It-tielet knisja nbniet f'Głogów fl-1652, iżda nħarqet seklu wara.[19] | |
Knejjes tal-Injam tan-Nofsinhar ta’ Małopolskie | Makroreġjun tan-Nofsinhar - Małopolskie | 2003 | iii, iv (kulturali) | Is-sitt knejjes (il-Knisja ta’ San Nikola u l-Arkanġlu Mikiel (Binarowa), il-Knisja tal-Qaddisin Kollha (Blizne), il-Knisja tal-Arkanġlu Mikiel (Dębno), il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna (Haczów), il-Knisja ta’ San Anard (Lipnica Murowana), il-Knisja ta’ San Filep u San Ġakbu (Sękowa)) jirrappreżentaw l-eqdem knejjes tal-injam u l-iżjed ippreservati tajjeb fir-reġjun. Inbnew bi stil Gotiku, iżda huma differenti mill-binjiet tal-ġebel jew tal-brikks kontemporanji fil-bliet. Dawn il-knejjes ġew sponsorjati minn familji nobbli u huma mżejnin b'mod rikk fuq ġewwa.[20] | |
Park ta' Muskau* | Makroreġjun tal-Lvant - Lubusz | 2004 | i, iv (kulturali) | Il-park jinsab tul ix-xtut tax-xmara Neisse u huwa kondiviż bejn il-Polonja u l-Ġermanja. Inħoloq mill-Prinċep Hermann von Puckler-Muskau mill-1815 sal-1844, bl-użu ta' pjanti lokali u ambjenti naturali. Id-disinn tal-park influwenza l-iżvilupp tal-professjoni tal-arkitettura tal-pajsaġġi. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija ġarrab ħsarat kbar, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn ġie restawrat fiż-żewġ pajjiżi.[9] | |
Sala taċ-Ċentenarju | Makroreġjun tan-Nofsinhar - Śląskie | 2006 | i, ii, iv (kulturali) | Is-Sala taċ-Ċentenarju hija binja Modernista bikrija magħmula bil-konkos rinfurzat. Ġiet iddisinjata minn Max Berg bħala post multifunzjonali biex isservi bħala sala tal-wirjiet jew assemblea u biex tospita avvenimenti sportivi, kunċerti, u spettakli teatrali. Meta nbniet fl-1911-1913, is-sala kellha l-ikbar koppla tal-konkos rinfurzat fid-dinja. Serviet bħala punt ta' referenza għal binjiet li nbnew iktar 'il quddiem b'dan il-materjal.[21] | |
Tserkva tal-Injam tal-Karpazji fil-Polonja u fl-Ukrajna* | Makroreġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant - Małopolskie u Podkarpackie | 2013 | iii, iv (kulturali) | Dan is-sit huwa magħmul minn 16-il knisja tal-injam (tserkvas) fil-Karpazji; nofshom fil-Polonja u l-kumplament fl-Ukrajna. Il-knejjes inbnew bejn is-sekli 16 u 19 mill-komunitajiet ta' fidi Ortodossa tal-Lvant u Kattolika Griega. Id-disinni huma bbażati fuq it-tradizzjonijiet ekkleżjastiċi Ortodossi b'influwenzi lokali. Fihom torrijiet tal-kampnari tal-injam, ikonostażi, u tiżjin polikromatiku fuq ġewwa, kif ukoll btieħi, imħażen, u ċimiterji. Fir-ritratt tidher it-Tserkva ta' San Mikiel l-Arkanġlu fi Smolnik.[8] | |
Minjiera taċ-Ċomb, tal-Fidda u taż-Żingu ta' Tarnowskie Góry u s-Sistema ta' Ġestjoni tal-Ilma Tagħha ta' Taħt l-Art | Makroreġjun tan-Nofsinhar - Śląskie | 2017 | i, ii, iv (kulturali) | Din il-minjiera storika taċ-ċomb, tal-fidda u taż-żingu tinsab f'Tarnowskie Góry. Minħabba li tinsab fuq promontorju, kellha problemi sostanzjali bid-drenaġġ tal-ilma meta mqabbla ma' minjieri oħra li jinsabu f'żoni muntanjużi. F'iżjed minn 300 sena ta' tħaddim tal-minjiera, intużaw tekniki differenti biex jitneħħa l-ilma mill-mini tagħha, inkluż pompi mħaddma bl-istim fis-seklu 19.[22] | |
Reġjun Preistoriku tal-Estrazzjoni taż-Żnied bl-Istrixxi ta' Krzemionki | Makroreġjun Ċentrali - Świętokrzyskie | 2019 | iii, iv (kulturali) | Krzemionki jinkludi erba' minjieri taż-żnied bl-istrixxi min-Neolitiku sa Żmien il-Bronż Bikri (madwar it-3900 sal-1600 Q.K.). Iż-żnied kien jintuża l-iktar għall-mannari. Instabu iktar minn 4,000 xaft u fossa, kif ukoll postijiet fejn kien jinħadem iż-żnied. B'hekk Krzemionki jħaddan waħda mill-iżjed sistemi tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar taż-żnied preistoriċi komprensivi taħt l-art identifikati sa issa.[23] | |
Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa* | Makroreġjun tal-Lvant - Podkarpackie | 2021 | ix (naturali) | Il-Foresti Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji jintużaw biex jiġi studjat it-tifrix tas-siġar tal-fagu (Fagus sylvatica) fl-Emisferu tat-Tramuntana f'varjetà ta' ambjenti u l-ambjent fil-foresti. Is-sit tniżżel għall-ewwel darba fl-2007 b'komponenti mis-Slovakkja u mill-Ukrajna. Ġie estiż fl-2011, fl-2017, u fl-2021 biex jiġu inklużi l-foresti f'total ta' 18-il pajjiż. Il-Park Nazzjonali ta' Bieszczady fil-Polonja żdied fil-lista fl-2021.[6] |
Referenzi
immodifika- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Poland - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-10-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-20. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Wieliczka and Bochnia Royal Salt Mines". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Kraków". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient and Primeval Beech Forests of the Carpathians and Other Regions of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Białowieża Forest". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Wooden Tserkvas of the Carpathian Region in Poland and Ukraine". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Muskauer Park / Park Mużakowski". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee Removes Old City of Dubrovnik and Wieliczka Salt Mine from its List of Endangered Sites". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Auschwitz Birkenau German Nazi Concentration and Extermination Camp (1940-1945)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee approves Auschwitz name change". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Warsaw". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Old City of Zamość". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Castle of the Teutonic Order in Malbork". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Medieval Town of Toruń". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kalwaria Zebrzydowska: the Mannerist Architectural and Park Landscape Complex and Pilgrimage Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of Peace in Jawor and Świdnica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Wooden Churches of Southern Małopolska". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Centennial Hall in Wrocław". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Tarnowskie Góry Lead-Silver-Zinc Mine and its Underground Water Management System". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Krzemionki Prehistoric Striped Flint Mining Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.