Sala taċ-Ċentenarju

sala moderna ikonika li tintuża għal diversi skopijiet f’Wrocław, il-Polonja

Is-Sala taċ-Ċentenarju (bil-Polakk: Hala Stulecia [ˈxala stuˈlɛtɕa]; bil-Ġermaniż: Jahrhunderthalle [jaːɐ̯ˈhʊndɐthalə]), li qabel kien imsejjaħ Hala Ludowa (“Sala tal-Poplu”), hija binja storika fi Wrocław, il-Polonja. Inbniet skont il-pjanijiet tal-arkitett Max Berg fl-1911-1913, meta l-belt kienet parti mill-Imperu Ġermaniż. Max Berg iddisinja is-Sala taċ-Ċentenarju biex isservi bħala struttura multifunzjonali li tospita l-wirjiet, il-kunċerti, l-ispettakli teatrali u l-opri, u l-avvenimenti sportivi.[1] Is-sala għadha tintuża għall-avvenimenti sportivi u għall-kunċerti.

Is-Sala taċ-Ċentenarju

Bħala binja ikonika bikrija tal-arkitettura tal-konkos imsaħħaħ, il-binja saret wieħed mill-Monumenti Storiċi (Pomnik historii) nazzjonali uffiċjali tal-Polonja fl-20 ta’ April 2005, flimkien mal-Padiljun tal-Erba’ Koppli, il-Pergola, u l-Iglica, u l-kumpless jiġi ġestit mill-Bord tal-Wirt Nazzjonali tal-Polonja. Is-sala tniżżlet fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[2]

Fil-belt kapitali tas-Silesja, Breslau, fl-10 ta’ Marzu 1813, ir-Re Frederick William III tal-Prussja appella lill-poplu tal-Prussja u tal-Ġermanja fil-proklamazzjoni An Mein Volk (“Lill-Poplu Tiegħi”) biex jirribella kontra l-okkupazzjoni ta’ Napuljun. F’din il-proklamazzjoni, ir-Re Frederick William III ħoloq ukoll il-premju tas-Salib tal-Ħadid, li iktar ’il quddiem sar l-iktar unur u simbolu militari Ġermaniż famuż. F’Ottubru ta’ dik is-sena, fil-Battalja ta’ Leipzig, Napuljun tilef.[3]

 
Is-Sala taċ-Ċentenarju minn wara

Il-ftuħ tas-sala kien parti miċ-ċelebrazzjoni biex jitfakkar għeluq il-mitt anniversarju tal-battalja, u għalhekk ingħata l-isem Sala taċ-Ċentenarju. L-awtoritajiet muniċipali ta’ Breslau baqgħu jistennew il-finanzjament statali jasal, iżda fl-aħħar mill-aħħar kellhom iġarrbu l-ispejjeż enormi huma stess. Il-pajsaġġ u l-binjiet madwar is-sala ġew stabbiliti minn Hans Poelzig u nfetħu fl-20 ta’ Mejju 1913, quddiem il-preżenza tal-Prinċep Ereditarju William ta’ Hohenzollern. It-territorju mad-dawra tas-sala jinkludu għadira enormi bil-funtani, pergola kbira tal-konkos f’għamla ta’ nofs elissi. Iktar lil hinn, lejn it-Tramuntana, inħoloq ġnien Ġappuniż. L-awtur Silesjan Gerhart Hauptmann kien ħejja spettaklu speċjali għall-okkażjoni msejjaħ Festspiel in deutschen Reimen, madankollu l-mise-en-scène ta’ Max Reinhardt ġiet sospiża mill-għaqdiet konservattivi nazzjonali minħabba t-tendenzi antimilitaristiċi.[4]

Wara l-avvenimenti ta’ tfakkir taċ-ċentenarju, il-binja serviet bħala binja rikreattiva b’diversi skopijiet, li kienet tinsab fl-Ispazji tal-Wirjiet, li qabel kienu jintużaw għat-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-binja ħelsitha mid-devastazzjoni ta’ Wrocław fit-Tieni Gwerra Dinjija (l-Assedju ta’ Breslau). Wara l-gwerra, meta l-belt (flimkien mal-biċċa l-kbira tas-Silesja storika) kienet saret parti mir-Repubblika tal-Polonja skont il-Ftehim ta’ Potsdam tal-1945, is-sala ngħatat l-isem ta’ Hala Ludowa (“Sala tal-Poplu”) mill-awtoritajiet Komunisti. Fl-1948, quddiem is-sala tqiegħdet skultura tal-metall twila 106 metri qisha labbra msejħa Iglica. Is-sala ġiet rinnovata b’mod estensiv fl-1997 u fl-2010. Reċentement, it-traduzzjoni bil-Pollakk tal-isem oriġinali bil-Ġermaniż, Hala Stulecia, saret uffiċjali.[4]

Is-Sala taċ-Ċentenarju ospitat il-Kampjonat Ewropew tal-Basketball “EuroBasket” tal-1963 u grupp tar-rawnd preliminari tal-istess kampjonat tal-2009.[5]

Wara r-rinnovazzjoni li saret fl-2009-2011, is-sala issa tista’ tilqa’ 10,000 ruħ. F’Ottubru 2014, il-binja rċeviet għotja finanzjarja ta’ $200,000 għar-rinnovazzjoni mingħand il-Getty Foundation, bħala parti mill-programm Keeping It Modern li kien inħoloq xi xahar qabel mill-fondazzjoni Amerikana.[6]

Arkitettura

immodifika
 
Is-sala minn ġewwa

Is-saqaf f’għamla ta’ koppla tas-sala, immudellat abbażi tal-Festhalle Frankfurt, inbena bil-konkos imsaħħaħ, b’dijametru intern ta’ 69 metru u għoli ta’ 42 metru. Meta nbena kien l-ikbar binja ta’ dik ix-xorta. L-għamla ta’ kwadrifolju simetriku bi spazju ċentrali ċirkolari kbir tesa’ 7,000 ruħ. Is-saqaf f’għamla ta’ koppla stess huwa għoli 23 metru u huwa magħmul mill-azzar u mill-ħġieġ. Il-Jahrhunderthalle saret referenza ewlenija għall-iżvilupp tal-istrutturi tal-konkos imsaħħaħ fis-seklu 20.[3]

Fiċ-ċentru tal-istruttura hemm koppla superjuri b’lanterna. Meta wieħed iħares minn ġewwa, hemm mudell viżibbli ċar tas-Salib tal-Ħadid fis-saqaf f’għamla ta’ koppla; għalhekk, iċ-ċentru tal-istruttura kien ġie moħbi matul il-perjodu tal-Komuniżmu fil-Polonja.[7]

Is-sala oriġinarjament kellha orgni magħmul minn Walcker Orgelbau, li dak iż-żmien, kien l-ikbar orgni fid-dinja. Fl-24 ta’ Settembru 1913, Karl Straube kien l-ewwel wieħed li daqq l-orgni u daqq Introduzzjoni, Passacaglia u Fugue, Op. 127, ta’ Max Reger, li ġiet komposta speċjalment għal din l-okkażjoni. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet tal-orgni ġew ittrasferiti u bihom inbena l-orgni tal-Katidral ta’ Wrocław wara t-Tieni Gwerra Dinjija.[3]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika
 
Iċ-ċentru tas-saqaf f’għamla ta’ koppla minn ġewwa

Is-Sala taċ-Ċentenarju ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba s-sala hija eżempju kreattiv u innovattiv fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-kostruzzjoni fi strutturi kbar tal-konkos imsaħħaħ; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba s-sala hija xogħol pijunier tal-inġinerija u tal-arkitettura moderna, li turi interskambju importanti ta’ influwenzi fil-bidu tas-seklu 20, li mbagħad saret referenza ewlenija fl-iżvilupp iktar ’il quddiem tal-istrutturi tal-konkos imsaħħaħ; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba s-sala hija eżempju straordinarju ta’ arkitettura rikreattiva moderna b’varjetà ta’ użi.[2]

Aċċess

immodifika

Is-sala tinsab fil-Lvant taċ-ċentru tal-belt ta’ Wrocław, iżda l-aċċess għaliha jiġi ffaċilitat bit-tramm jew bil-karozza tal-linja.

Is-sala għandha Ċentru għall-Viżitaturi li tkun miftuħa mill-Ħamis sal-Ħadd bejn l-10:00 u s-18:00 għal miżata żgħira tad-dħul.

Il-binja u l-madwar jżuruhom spiss it-turisti u n-nies tal-post. Ħdejha hemm attrazzjonijiet turistiċi popolari oħra, bħaż-Żu ta’ Wrocław, il-Ġnien Ġappuniż, u l-Pergola bil-Funtana Multimedjali.[8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Cervinkova, Hana; Golden, Julia (2014). Gonzalez, ed. "Centennial Hall in Wroclaw: Re-Envisioning A Protected Urban Landscape Against the Backdrop of Changing European Borders and Identities". Landscape Anthropology in European Protected Areas (Valencia, Spain).
  2. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Centennial Hall in Wrocław". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  3. ^ a b ċ Parma, Christian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites (bl-Ingliż). Parma Press. pp. 150–157. ISBN 978-8377771556.
  4. ^ a b Smith, Adrian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites. pp. 150–157. ISBN 9788377771556.
  5. ^ "Kibice wywalczyli nam polskie mecze". web.archive.org. 2009-04-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-04-14. Miġbur 2021-03-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Wrocław's Centennial Hall Receives Getty Foundation's Keeping It Modern Grant". Culture.pl (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  7. ^ Disputed Memory: Emotions and Memory Politics in Central, Eastern and South-Eastern Europe Front Cover Tea Sindbæk Andersen, Barbara Törnquist-Plewa.
  8. ^ "Visitor Centre" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.