Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka

minjiera tal-melħ f’Wieliczka, il-Polonja

Il-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka (bil-Pollakk: Kopalnia soli Wieliczka) tinsab fir-raħal ta’ Wieliczka, fin-Nofsinhar tal-Polonja, fiż-żona metropolitana ta’ Krakovja.

Wieħed mill-kurituri antiki tal-minjiera tal-melħ

Miż-Żmien Neolitiku, il-klorur tas-sodju (il-melħ) kien jiġi prodott fiż-żona ta’ din il-minjiera mis-salmura tal-wiċċ tal-blat. Il-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka, li ġiet imħaffra fis-seklu 13, ipproduċiet melħ tajjeb għall-konsum mill-bniedem kontinwament sal-2007, u kienet waħda mill-iktar minjieri tal-melħ operattivi fid-dinja. Tul l-istorja tagħha, il-minjiera tal-melħ irjali kienet titħaddem mill-kumpanija Żupy Krakowskie (Minjieri tal-Melħ ta’ Krakovja).[1][2]

Kristall tal-melħ tal-blat li jinsab fil-minjiera ta’ Wieliczka

Minħabba l-waqgħa fil-prezzijiet tal-melħ u l-għargħar fil-minjiera, l-estrazzjoni kummerċjali tal-melħ ma baqgħetx issir iktar wara l-1996.[1]

Il-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka issa hija Monument Storiku Pollakk (Pomnik Historii) uffiċjali. Fost l-attrazzjonijiet tagħha hemm diversi xaftijiet u passaġġi qishom labirint, wirjiet tat-teknoloġija storika tal-estrazzjoni tal-melħ mill-minjiera, lag taħt l-art, erba’ kappelli, għadd kbir ta’ statwi mnaqqxin mill-minaturi mill-melħ tal-blat, u skulturi tal-melħ iktar reċenti ta’ artisti kontemporanji.[3]

Fl-1978, il-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka kienet waħda mit-12-il sit li tniżżlu fl-ewwel lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

 
Ix-xaft ta’ Danilowicz tal-minjiera tal-melħ ta’ Wieliczka

Il-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka tilħaq fond ta’ 327 metru, u hija estiża permezz ta’ passaġġi u kompartimenti orizzontali sa iktar minn 287 kilometru. Il-melħ tal-blat min-natura tiegħu jkollu sfumaturi li jvarjaw ta’ griż, u iktar jixbaħ il-granit mhux illostrat milli s-sustanza kristallina bajda li wieħed is-soltu jistenna meta jaħseb fuq il-melħ.[5]

 
Illustrazzjoni tal-minjiera tal-melħ fuq l-art u taħt l-art

Mis-seklu 13 sas-seklu 20, is-salmura tal-wiċċ kienet tinġabar u tiġi pproċessata għall-kontenut tagħha ta’ melħ tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Matul dan il-perjodu, bdew jiġu mħaffra bjar kif ukoll l-ewwel xaftijiet għall-estrazzjoni tal-melħ tal-blat. Fl-aħħar tas-seklu 13 u l-bidu tas-seklu 14, inbena l-Kastell tax-Xogħlijiet tal-Estrazzjoni tal-Melħ, u issa f’Wieliczka hemm ukoll mużew tax-xogħlijiet tal-estrazzjoni fil-minjieri tal-melħ ta’ Krakovja.[5]

Ir-Re Casimir III il-Kbir (li rrenja bejn l-1333 u l-1370) ikkontribwixxa ferm għall-iżvilupp tal-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka. Huwa ta ħafna privileġġi lill-minjiera u offra l-protezzjoni tiegħu lill-minaturi. Fl-1363, huwa bena sptar ħdejn il-minjiera tal-melħ.[5]

 
Iż-żiemel Ungeriż

Matul il-perjodu tat-tħaddim tal-minjiera, ħafna kompartimenti kienu jiġu mħaffra u bdew jintużaw diversi teknoloġiji, bħar-rota tal-mitħna tal-minjiera, magħrufa bħala ż-żiemel Ungeriż, u r-rota tal-mitħna tas-Sassonja, li kienu jintużaw biex il-melħ jiġi olzat f’wiċċ il-minjiera. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-minjiera kienet tintuża mill-Ġermaniżi waqt l-okkupazzjoni bħala faċilità taħt l-art għall-manifattura relatata mal-gwerra.[5]

Fil-minjiera hemm lag taħt l-art, wirjiet dwar l-istorja tax-xogħol tal-estrazzjoni tal-melħ fil-minjieri, rotta ta’ 3.5 kilometri għall-viżitaturi (li tirrappreżenta inqas minn 2 % tat-tul kollu tal-passaġġi tal-minjiera) kif ukoll statwi mnaqqxa mill-melħ tal-blat tul iż-żmien.[5]

 
Statwa tal-Papa Ġwanni Pawlu II mnaqqxa mill-melħ

Skont leġġenda assoċjata mal-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka, kien hemm Prinċipessa Ungeriża jisimha Kinga li kienet se tiżżewweġ ma’ Bolesław V il-Kast, il-Prinċep ta’ Krakovja. Bħala parti mid-dota tagħha, hija talbet lil missierha, Béla IV tal-Ungerija, għal “blata” tal-melħ, peress li l-melħ kien jiswa l-flus fil-Polonja. Għalhekk, missierha ħadha f’minjiera tal-melħ f’Máramaros. Hija waddbet iċ-ċurkett tal-għerusija tagħha mingħand Bolesław f’wieħed mix-xaftijiet qabel telqet lejn il-Polonja. Malli waslet Krakovja, hija staqsiet lill-minaturi biex jħaffru fossa fonda sakemm jinzertaw il-blat. Il-minaturi sabu “blata” tal-melħ hemmhekk u meta qasmuha fi tnejn, sabu fiha ċ-ċurkett tal-prinċipessa. Kinga għalhekk saret il-qaddis patrun tal-minaturi fil-minjieri tal-melħ fil-Polonja.[5]

 
Replika ta’ L-Aħħar Ċena ta’ Leonardo mnaqqxa mill-melħ

Matul l-okkupazzjoni Nażista, diversi eluf ta’ Lhud ġew ittrasportati mill-kampijiet tax-xogħol sfurzat fi Plaszow u f’Mielec għall-minjiera ta’ Wieliczka biex jaħdmu fil-fabbrika tal-armamenti taħt l-art li stabbilew il-Ġermaniżi f’Marzu u f’April 1944. Il-kamp tax-xogħol sfurzat tal-minjiera ġie stabbilit fil-Park ta’ Santa Kinga u kien fih 1,700 priġunier. Madankollu, il-manifattura qatt ma laħqet bdiet għaliex l-offensiva Sovjetika bdiet toqrob. Uħud mill-magni u mit-tagħmir ġew żarmati, fosthom magna elettrika tal-olzar tal-melħ mix-Xaft ta’ Regis, u ġew ittrasportati lejn Liebenau fil-muntanji Sudetes. Parti mit-tagħmir ġie rritornat wara l-gwerra, fil-ħarifa tal-1945. Il-Lhud ġew ittrasportati lejn il-fabbriki f’Litomierzyce, ir-Repubblika Ċeka, u f’Linz, l-Awstrija.[5]

Il-minjiera hija waħda mill-Monumenti Storiċi (Pomniki historii) nazzjonali uffiċjali tal-Polonja, u ġiet iddeżinjata fl-ewwel rawnd tas-16 ta’ Settembru 1994 u tiġi amministrata mill-Bord Nazzjonali tal-Wirt tal-Polonja. Fl-2010, il-Polonja pproponiet li l-minjiera tal-melħ storika ta’ Bochnia fil-qrib (l-eqdem minjiera tal-melħ tal-Polonja) tiżdied ma’ dik ta’ Wieliczka bħala estensjoni tas-Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[6] Fl-2013, is-sit ġie estiż iktar biż-żieda tal-Kastell ta’ Żupny.[7]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika
 
Is-simbolu tal-UNESCO mnaqqax mill-melħ bl-ewwel 12-il Sit ta’ Wirt Dinji

Il-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1978.[4] Is-Sit ta’ Wirt Dinji ġie estiż fl-2008 bil-Minjiera tal-Melħ ta’ Bochnia[6] u fl-2013 bil-Kastell ta’ Żupny.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (iv) tal-għażla tal-UNESCO: “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba ż-żewġ minjieri juru l-istadji storiċi tal-iżvilupp tat-tekniki tax-xogħol tal-minjieri fl-Ewropa mis-seklu 13 sas-seklu 20. Il-galleriji, il-kompartimenti taħt l-art irranġati u ddekorati b’modi li jirriflettu t-tradizzjonijiet soċjali u reliġjużi tal-minaturi, l-għodod kif ukoll il-makkinarju, filwaqt li l-Kastell tax-Xogħlijiet tal-Minjieri tal-Melħ li kien jamministra l-istabbiliment għal sekli sħaħ, jagħtu xhieda straordinarja tas-sistema soċjoteknika fix-xogħol tal-minjieri taħt l-art tal-melħ tal-blat.[4]

Turiżmu

immodifika
 
Il-kappella l-kbira ta’ Santa Kinga

Il-minjiera attwalment hija wieħed mill-Monumenti Storiċi (Pomniki historii) nazzjonali uffiċjali. Fost l-attrazzjonijiet tal-minjiera hemm bosta statwi u erba’ kappelli mnaqqxin mill-melħ mill-minaturi. Flimkien mal-iskulturi l-antiki hemm ukoll skulturi ġodda magħmula minn artisti kontemporanji. Kull sena, madwar 1.2 miljun persuna jżuru l-minjiera.[1]

Fost il-viżitaturi notevoli tal-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka kien hemm Nicolaus Copernicus, Johann Wolfgang von Goethe, Alexander von Humboldt, Frédéric Chopin, Dmitri Mendeleyev, Bolesław Prus, Ignacy Paderewski, Robert Baden-Powell, Jacob Bronowski (li ġibed biċċiet minn The Ascent of Man fil-minjiera stess), il-familja von Unrug (familja rjali Pollakka-Ġermaniża prominenti), Karol Wojtyła (li mbagħad sar il-Papa Ġwanni Pawlu II), l-eks President tal-Istati Uniti Bill Clinton, u ħafna oħrajn.[3]

Hemm kappella u sala tar-riċevimenti li jintużaw għall-funzjonijiet privati, inkluż it-tiġijiet. Kompartiment partikolari għandu ħitan imnaqqxin mill-minaturi taparsi injam, bħal fil-knejjes mibnija fis-sekli bikrin. Garigor taraġ tal-injam jagħti aċċess għal-livell tal-minjiera li huwa għoli 64 metru. Hemm perkors turistiku ta’ tliet kilometri b’kurituri, kappelli, statwi u lag li jinsab 135 metru taħt l-art.[3]

Kultura popolari

immodifika
 
Il-grotta bl-ilma tal-lag taħt l-art fil-minjiera tal-melħ

Fost l-iktar kitbiet bikrin dwar il-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka hemm deskrizzjoni ta’ Adam Schröter: Salinarum Vieliciensium incunda ac vera descriptio. Carmine elegiaco... (fl-1553) u Regni Poloniae Salinarum Vieliciensium descriptio. Carmine elegiaco... (fl-1564).[8]

Il-ġurnalista u kittieb Pollakk Bolesław Prus iddeskriva ż-żjara tiegħu tal-1878 fil-minjiera tal-melħ f’sensiela notevoli ta’ tliet artikli, "Kartki z podróży (Wieliczka)" (Noti tal-Ivvjaġġar (Wieliczka)), f’Kurier Warszawski (Il-Kurrier ta’ Varsavja).[9] L-istudjuż kbir ta’ Prus, Zygmunt Szweykowski, kiteb li s-setgħa tax-xeni labirintiċi [fir-rumanz storiku tal-1895 ta’ Prus, Pharaoh (Faragħun)], fost affarijiet oħra tirriżulta mill-fatt li jirriflettu l-esperjenzi ta’ Prus stess meta żar il-minjiera ta’ Wieliczka. Il-minjiera tabilħaqq għenet fl-ispirazzjoni ta’ Pharaoh.[10] Prus ikkombina l-impressjonijiet qawwijin tiegħu tal-minjiera tal-melħ mad-deskrizzjoni tal-labirint Eġizzjan antik, fit-Tieni Ktieb ta’ Eredotu Histories, biex jipproduċi x-xeni notevoli tal-kapitli 56 u 63 tar-rumanz.[11]

Fl-1995, Preisner's Music, kompilazzjoni mużikali tal-films tal-kompożitur Pollakk Zbigniew Preisner, ġiet irreġistrata mis-Sinfonia Varsovia fil-kappella tal-Minjiera tal-Melħ ta’ Wieliczka. Il-kappella spiss jingħad li għandha l-aqwa akustika fl-Ewropa.[12]

Fl-Awstralja, fis-sensiela televiżiva Spellbinder: Land of the Dragon Lord, il-minjiera ntużat bħala l-Art tal-Moloch.[13]

Il-minjiera dehret f’diversi edizzjonijiet tar-reality show The Amazing Race, fosthom Velyki Perehony, HaMerotz LaMillion 2, The Amazing Race Australia 1, u The Amazing Race 27.[14]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ "Welcome to the Salt of the Earth!". web.archive.org. 2011-07-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-24. Miġbur 2021-04-10.
  2. ^ "Ancient salt-works. Wieliczka". web.archive.org. 2008-10-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-10-11. Miġbur 2021-04-10.
  3. ^ a b ċ "The "Wieliczka" Salt Mine". www.wieliczka-saltmine.com (bil-Pollakk). Miġbur 2021-04-10.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Wieliczka and Bochnia Royal Salt Mines". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-10.
  5. ^ a b ċ d e f ġ Parma, Christian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites (bl-Ingliż). Parma Press. pp. 26–39. ISBN 978-8377771556.
  6. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "37 COM 8B.41 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-10.
  7. ^ a b "Zupny Castle, Wieliczka, Poland - SpottingHistory.com". www.spottinghistory.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-10.
  8. ^ "BAZY BIBLIOTEKI NARODOWEJ". mak.bn.org.pl. Miġbur 2021-04-10.
  9. ^ Mitbugħ mill-ġdid fi Bolesław Prus, Wczoraj–dziś–jutro: wybór felietonów (Yesterday–Today–Tomorrow: a Selection of Newspaper Columns, selected, edited, and with foreword and notes, by Zygmunt Szweykowski), Warsaw, Państwowy Instytut Wydawniczy, 1973, pp. 34–49.
  10. ^ Christopher Kasparek, "Prus' Pharaoh and the Wieliczka Salt Mine," The Polish Review, 1997, no. 3, pp. 349–55.
  11. ^ Christopher Kasparek, "Prus' Pharaoh: the Creation of a Historical Novel", The Polish Review, vol. XXXIX, no. 1, 1994, p. 47.
  12. ^ Zbigniew Preisner, "Preisner's Music", Virgin France, 1995.
  13. ^ "Krakow Salt Mine Wieliczka tour from Krakow" (bl-Ingliż). 2020-02-01. Miġbur 2021-04-10.
  14. ^ "'The Amazing Race' season 27, episode 8 recap". Hypable (bl-Ingliż). 2015-11-14. Miġbur 2021-04-10.
immodifika