Johann Wolfgang von Goethe
Johann Wolfgang von Goethe (Frankfurt am Main, 28 ta' Awwissu 1749 – Weimar, 22 ta' Marzu 1832) kien kittieb, poeta u drammaturgu Ġermaniż.
“ Il-ħajja hi tal-ħajjin, u min hu ħaj irid ikun lest għall-bidliet. ”
Il-kittieba Ingliża George Eliot iddeskrivietu bħala wieħed mill-ikbar letterati Ġermaniżi u l-aħħar bniedem universali. Il-ħidma tiegħu tiġbor fiha poeżija, dramma, letteratura, teoloġija, filosofija, umaneżmu u xjenzi, imma kien attiv ukoll fil-pittura, fil-mużika u fl-arti. Il-magnum opus tiegħu kien il-Faust; xogħol monumentali li ħadem fuqu għal xi sittin sena.
Goethe ivvinta l-kunċett ta' Weltliteratur (letteratura dinjija), li ġie mill-għarfien fil-fond u l-ammirazzjoni li kellu għax-xogħlijiet ewlenin ta' diversi kulturi nazzjonali, fosthom il-kultura Ingliża, Franċiża, Taljana, Griega, Persjana u Għarbija. Kellu influwenza qawwija wkoll fl-ambjent filosofiku ta' żmienu, b'mod partikulari fuq id-direzzjoni ta' Hegel u Schelling.
Bijografija
immodifikaGoethe hu meqjus minn ħafna bħala l-kittieb l-iżjed importanti li qatt ħareg mill-Ġermanja u wieħed mill-aħħar "bnedmin universali". Kien l-ewwel fost ulied Johann Caspar (1710 - 1782), bniedem kolt, doctor juris u kunsillier imperjali, u Katharina Elisabeth Textor (1731 - 1808). Twieled wara nofsinhar fit-28 ta' Awwissu 1749, għeluq l-ewwel sena miż-żwieġ tal-ġenituri tiegħu. Kien tifel ismar u b'għajnejh suwed u qisu mhux Ġermaniż. Katharina kellha xi diffikultajiet fil-ħlas minħabba n-nuqqas ta' sengħa tal-majjistra, u dan ħajjar 'il missierha, Johann Wolfgang Textor, sindku ta' Frankfurt, li jwaqqaf fil-belt taħriġ ostetriku obbligatorju. L-għada, Johann Wolfgang tgħammed skont ir-rit protestant. F'Diċembru tal-1750 twieldet it-tieni tifla, Cornelia Friederike Christiana (1750 -1777), li kienet tilgħab miegħu fi tfulithom; kellhom erba' ħuthom oħra imma dawn mietu ta' età żgħira.
Mill-1755 beda jitgħallem jikteb u jaqra bil-Ġermaniż fi skola pubblika, u mbagħad privatament, il-Latin, u wara, xi ftit Grieg u Lhudi, il-Franċiż, l-Ingliż, it-Taljan – missieru mar l-Italja fl-1740 u kiteb, b'Taljan mhux perfett, djarju tal-vjaġġ tiegħu – u iktar tard id-disinn u l-mużika: fil-25 t'Awwissu tal-1763 mar jisma' kunċert tal-pjanuforte ta' Mozart li kellu seba' snin liebes il-parrokka u bix-xabla fil-ġenb. Ta' żagħżugħ tgħallem l-iskerma u jirkeb iż-żiemel.
Fl-1756, faqqgħet il-Gwerra tas-seba' snin u meta l-Franċiżi rebħu l-belt ta' Frankfurt fl-1 ta' Jannar 1759, fid-dar ta' Goethe installa ruħu il-logotenent François de Théas. Mat-truppi Franċiżi ġew bosta atturi u kantanti u sa meta telqu fit-2 ta' Diċembru 1762, Goethe seta' jara għall-ewwel darba it-traġedji ta' Racine u ta' Corneille u l-kummiedji ta' Molière, barra xogħlijiet mużikali.
Meta kellu 17-il sena, wasallu ż-żmien li jmur Università: hu xtaq isegwi l-korsijiet tal-letteratura klassika u r-retorika f'Gottingen imma missieru riedu jistudja l-liġi f'Leipzig u mela fit-30 ta' Settembru 1765, Johann telaq minn Frankfurt għal dik il-belt sabiħa u moderna, b'somma ġmielha ta' 1.200 fjorin fil-but li tah missieru biex ikun żgur li jgħix komdu.
Leipzig (1765 - 1768)
immodifikaF'Leipzig ma damx ma daħal fil-ħajja frivola tas-soċjetà ta' dik il-belt, differenti minn dik ta' Frankfurt fejn tant kienet konservattiva u patrijarkali. Kellu relazzjoni ma' Kätchen Schönkopf u kiteb il-Die Laune des Verliebten (Il-kapriċċ ta' namrat), kummiedja arkadika u l-Die Mitschuldigen (Il-ħatjin flimkien), kummiedja oħra mingħajr pretensjoni. Kiteb ukoll bosta poeżiji bil-mużika miktuba minn ċertu Bernhard Breitkopf li Goethe kien imur sikwit għand il-familja tiegħu, proprjetarju ta' Dar Editriċi mużikali li saret famuża ħafna. Fuq dan il-perjodu, ikkummenta li kien beda jieħu d-drawwa li "jittrasforma fi xbieha, f'poeżija u jsegwi ġo fih kull ma jtih il-ferħ jew jagħmillu d-dwejjaq jew kull ma jokkupa l-ispirtu tiegħu",
Bejn Frar u Marzu tal-1768 mar Dresden fejn żar il-kollezzjonijiet tal-arti miġbura fil-belt u f'Ġunju sar jaf bil-mewt traġika ta' Winckelmann, li kien japprezzah ħafna.
Il-kitbiet tiegħu, però, ma ġewx apprezzati u hu stess ikkonvinċa ruħu li aħjar jitfa' fin-nar il-parti l-kbira ta' dak ix-xogħol tal-bidu, imma żamm iż-żewġ kummiedji, il-ġabra Annette li kienet magħmula minn lieder iddedikati lil Kätchen, l-odi ddedikati lil ħabibu Ernst Behrisch u xi xogħol ieħor. Minħabba infezzjoni fil-pulmun li ħa fl-Lulju tal-1768, iddeċieda li aħjar jerġa' lura Frankfurt u għamel hekk f'Awwissu.
Meta wasal Frankfurt, Goethe kien marid ħafna u saħansitra għamlulu operazzjoni f'għonqu u ħaseb li ma kienx għal din il-ħajja. Għalhekk beda jieħu sehem fid-devozzjonijiet t'ommu u tal-ħabiba tagħha Susanna Katharina von Klettenberg, mara ta' xi 45 sena li hu ftakar fiha bl-affezzjoni fil-Poeżija u verità, u fl-iStqarrijiet ta' ruħ sabiħa. Dan kien perjodu qasir li fih, barra minn dawn id-devozzjonijiet li fil-verità ħa sehem fihom mingħajr ħerqa, fl-istess ħin qara l-iStorija tal-knisja u tal-eretiċi ta' Gottfried Arnold u l-Imitazzjoni ta' Kristu. Goethe ma kienx baqa' jemmen imma kien iħares bis-simpatija u l-interess lejn l-ispiritwalità u kien iqis lilu nfisu bħala eretiku li l-insara, kieku setgħu, kienu bil-qalb jibagħtuh għall-kastig tal-ħruq.
Strażburgu (1770 - 1771)
immodifikaMeta reġa' ġie f'saħħtu, kien iż-żmien li jkompli l-istudji universitarji. Mar Strażburgu fejn seta' jitgħallem tajjeb il-Franċiż u jistudja f'Università ta' kultura Ġermaniża u wasal hemm fit-2 ta' April 1770. Hemm għamel ħafna ħbieb, bħal Johann Heinrich Jung-Stilling, li kien kiteb Iż-żgħożija ta' Heinrich Stilling u id-drammaturgu futur Jakob Michael Reinhold Lenz. Fil-bidu tas-sajf żar Alsace u Lorraine ma' żewġt iħbieb . Sar jaf 'il Johann Gottfried Herder, letterat u filosfu, diġà magħruf, li wara vjaġġ ġo Franza, kellu jgħaddi Settembru Strażburgu għal operazzjoni f'għajnejh. Għal Herder, li kien ammiratur tal-poeżija popolari, Goethe ikkompona il-lied Heidenröslein (Warda tax-xagħri).
Qara b'interess kbir il-kittieba Ingliżi Goldsmith, Fielding u Sterne u beda jinteressa ruħu fil-persunaġġ storiku Götz von Berlichingen u fil-persunaġġ tal-fantasija li kellu jikseb fama immortali, Faust. Fir-rebbiegħa tal-1771, kellu relazzjoni serja ma' Friederike Brion, bint qassis Protestant fir-reġjun viċin ta' Sessenheim, li kienet l-ispirazzjoni ta' bosta poeżiji, Willkommen und Abschied (Merħba u saħħa), Maifest (Festa ta' Mejju), Ob ich dich liebe, weiß ich nicht (Ma kontx naf li nħobbok) u Jetzt fühlt der Engel (Issa l-anġlu nħoss). Fis-sajf, ippreżenta t-teżi li biha kien ħa jikseb il-lawrja, imma din ma ġietx aċċettata u hekk ma ħax it-titlu ta' Duttur fil-liġi. Minflok, fis-6 ta' Lulju ppreżenta xi teżijiet fil-liġi li ġew approvati u bihom kiseb it-titlu iżjed baxx ta' Licentiatus juris. Telaq lil Friederike, imma baqa' ħabib magħha u reġa' ltaqa' magħha Sessenheim tmin snin wara, u mar lura Frankfurt.
Götz von Berlichingen
immodifikaMeta mar lura Frankfurt, f'waħda mill-ittri tiegħu kiteb "Franfurt għadha l-bejta, in-nidus, jekk jogħġbok. Tajba biżżejjed biex tfaqqas l-għasafar; barra minn hekk, f'sens figurattiv, spelunca, toqba miżera. Il-Mulej jeħlisna minn dan id-dwejjaq! Amen". Fit-28 t'Awwissu 1771, il-jum meta għalaq 22 sena, Goethe kiseb il-permess li jaħdem fil-professjoni ta' avukat, li fir-realtà abbanduna wara erba' snin. Baqa' jikteb f'dawk is-snin meta deher Sturm und Drang (Burraxka u Ħeġġa), id-dramma poetika preromantika ta' Friedrich Maximilian Klinger. Kiteb li "żgħażagħ dħulin jidhru f'daqqa fil-pubbliku b'kuraġġ u preżunzjoni kbira tassew, kif tistenna minn dik l-età, u permezz tal-enerġija tagħhom jipproduċu ħafna affarijiet tajbin, jagħtu ħafna gost imma meta jabbużaw, idejqu u jġibu ħafna inkwiet".
Goethe kiteb storja drammatizzata, fil-proża, fuq Goffredu minn Berlichingen, li lesta fl-aħħar tal-1771, imma baqa' jaħdem fuqha sal-aħħar ta' Marzu tal-1773, u ġiet ippubblikata anonimament f'Ġunju ta' wara bit-titlu Götz von Berlichingen mit der eisernen Hand. Ein Schauspiel. Fl-1787 ġie ppubblikat, bil-permess ta' Goethe, test għall-qari u fil-1804 adattaha għall-palk u kellha l-ewwel rappreżentazzjoni f'Weimar it-22 ta' Settembru 1804.
Götz kiteb awtobijografija fl-1562 u Goethe qraha fl-edizzjoni tal-1731. Din tiddeskrivi l-istorja ta' fewdatarju żgħir Ġermaniż li jirribella u jżomm mal-bdiewa fir-rewwixta kontra l-Imperu fil-gwerra tal-1525. Goethe rrappreżenta t-tragedja tal-onestà u l-lealtà kavallereska – f'epoka li fiha l-kavallerija kienet waqgħet f’attività ta' serq, abbuż u arroganza – li ċedew kontra l-viltà, il-korruzzjoni u l-adulazzjoni. Imma hi wkoll denunċja tal-kondizzjonijiet magħkusin ta' socjetà li żżomm lin-nies intelliġenti milli jiżviluppaw u taħqar u topponi l-virtù.
Fir-realtà, Goethe, li mexa mal-kunċett möserjan li l-epoka fewdali klassika kienet "epoka tal-libertà", la fehem in-natura reazzjonarja tar-rewwixta tan-nobbli u lanqas in-natura progressiva tar-rewwixta tal-bdiewa, imma iddeskriva korrettament il-proċess storiku li bih il-kavalieri nbidlu f'nobbli tal-qorti ta' Stati assolutisti.
Wetzlar (1772)
immodifikaF'Mejju tal-1772, fuq il-parir ta' missieru, Johann mar joqgħod fil-belt ta' Wetzlar, fejn kien hemm il-Qorti Imperjali tal-Ġustizzja u nkiteb ma' dan it-tribunal fit-23 ta' Mejju biex jipprattika. Naturalment ittraskura x-xogħol legali: kien jippreferi jgħaddi ż-żmien fit-taverna tal-"Prinċep ereditarju", fejn kien jaf, fost oħrajn, lil Karl Wilhelm Jerusalem, bin teologu magħruf, żagħżugħ intellettwali bla kwiet, li kien qiegħed jinnamra ma' mara miżżewġa u l-avukat Johann Christian Kestner (1741-1800), li mingħandu għandna opinjoni interessanti fuq iż-żagħżugħ Goethe, li kien għadu mhux magħruf.
"Għandu ħafna talenti, hu tassew ġenju u bniedem ta' karattru, għandu immaġinazzjoni straordinarjament ħajja, li biha jfisser ruħu l-iżjed bix-xbihat u x-xebh. Fl-imħabbiet tiegħu hu bla ħsieb, però sikwit jaf irażżan ruħu. Il-mod kif jaħseb hu nobbli. Ħieles mill-preġudizzji kemm jista' jkun, jagħmel li jiġih f'moħħu, mingħajr ma jagħti kas x'jaħsbu l-oħrajn. Kull xkiel jistmerru. Iħobb it-tfal u jaf imur magħhom. Hu stramb u fil-manjiera tiegħu, fid-dehra tiegħu, għandu bosta affarijiet li ma jiġbdukx imma jintgħoġob ħafna fost it-tfal u n-nisa u ħafna oħrajn. Għandu stima kbira għas-sess femminili. Il-prinċipji tiegħu għadhom ma ffermawx sew, dan mhux wieħed li nistgħu nqisuh bħala ortodoss, imma mhux għax imkabbar jew kapriċcuż jew għandu ħafna arja.
Ma jħobbx jiddisturba lill-oħrajn mill-paċi tal-konvinzjonijiet tagħhom. Jobgħod ix-xettiċiżmu, jipprova jsib il-verità u ċ-ċarezza fuq xi ftit ħwejjeġ ewlenin u jaħseb li sabha din iċ-ċarezza fuq l-affarijiet importanti. Imma skont jien, għadu ma kisibhiex. Ma jmurx il-knisja, ma jitqarbinx, jitlob rarament: "m'iniex biżżejjed ta' żewġ uċuħ biex nagħmel hekk", jgħid. Għar-reliġjon nisranija għandu ħafna rispett, imma mhux fil-forma kif jippreżentawha t-teoloġi. Jemmen fil-ħajja wara l-mewt, f'kundizzjoni aħjar. Ifittex il-verità, imma jippreferi jismagħha milli jispjegaha. Diġà għamel ħafna, jaf ħafna u qara ħafna; imma hu l-iżjed dak li ħaseb u rraġuna. L-interess ewlieni tiegħu hu fl-arti u fix-xjenza jew aħjar, fix-xjenzi kollha, barra dawn li jġibu l-ħobż… insomma, hu bniedem tassew notevoli."
Kestner kien għarus lit-tfajla Charlotte jew Lotte Buff (1753-1828) li, kif kiteb hu, "m'għandhiex sbuħija tal-għaġeb imma hi tfajla sabiħa u lili qatt ħadd ma għoġobni iżjed minnha" waqt li Goethe, li sar jafha fid-9 ta' Ġunju u kien imur jaraha kważi kuljum, qal fuqha li hi "minn dawk li magħmulin, jekk mhux biex jispiraw passjoni vjolenti, biex żgur iqajmu simpatija ġenerali".
Il-fittaġni taż-żjarat ta' Goethe ġegħlu 'l Lotte tgħidlu fis-16 ta' Awwissu li "m'għandu jistenna xejn iktar minn ħbiberija" u fil-11 ta' Settembru 1772, Goethe ħalla Wetzlar. Fi Frankfurt irċieva l-aħbar minn għand Kestner li Jerusalem, ħabibhom it-tnejn, kien qatel ruħu b'idejh fit-30 ta' Ottobru; din kienet l-istorja sħiħa tar-rumanz li jmiss In-niket taż-żagħżugħ Werther.
Il-Ġermanja tas-seklu 16
immodifikaIl-Ġermanja tas-seklu 16 kellha mill-inqas 2000 dwana u kienet maqsuma fi kważi 300 stat żgħir assolutist iggvernat minn prinċpijiet li riedu jikkontrollaw bir-regolamenti burokratiċi u paternalistiċi kull aspett tal-ħajja, anki dik privata, tas-sudditi. Pereżempju, kien hemm regolament tal-Prinċipat ta' Baden tal-1766, dirett lejn is-sudditi, li kien imfassal biex "iżommhom mill-iżbalji u jreġġagħhom għat-triq id-dritta, barra li jgħallimhom, anki kontra r-rieda tagħhom, il-mod kif għandhom ifasslu l-ħajja domestika tagħhom, jieħdu ħsieb ir-raba' u jħaffu permezz ta' sistema ekonomikament iżjed produttiva, il-piż tat-tributi li kien id-dover tagħhom li jħallsu". Il-gvern żamm lill-bdiewa fl-istat ta' servi tal-gleba u ma ħalliex l-attività ekonomika imprenditorjali moderna tiżvillupa. Hekk kienu projbiti l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ħafna ħwejjeġ, minħabba l-biża' li l-ħruġ tal-flus 'il barra jfaqqar lill-istat fil-Prussja; kien projbit ukoll il-bini ta' toroq kbar biex il-barranin jieħdu iżjed żmien fil-vjaġġi tagħhom u hekk jonfqu iżjed flus.
Kull gvern assolut seta' jqassam kif jogħġbu l-favuri u l-privileġġi, jitlob kull ħlas li jrid mis-sudditi, ibigħ kif ġie ġie l-bdiewa lil stati barannin bħala suldati u ma kienx jagħraf ebda opinjoni pubblika u ma jweġibx għall-għemil tiegħu. Dawn il-kundizzjonijiet, sikwit imsaħħin b'liġijiet grotteski, għamlu ħafna iżjed diffiċli l-iżvilupp ta' klassi ta' borgeżija imprenditorjali u kellhom effetti li damu ħafna fl-istorja Ġermaniża.
In-niket taż-żagħżugħ Werther (1774)
immodifikaWerther kien jaf żewġ għarajjes, Charlotte u Albert, u kien iżurhom spiss; beda jħobb lit-tfajla, li kellha grazzja miegħu wkoll, imma din (li l-ħbieb kienu jsibuha bħala Lotte) ċaħdet l-imħabba tiegħu għax kienet imwegħda biex tiżżewweġ lil Albert u 'l Werther setgħet ittih biss il-ħbiberija tagħha. Iddiżappuntat, iddeċieda li joqtol ruħu b'idejh.
Werther hu intellettwali borgiż li l-possibbiltà li jirnexxi tiddependi mill-ħila tiegħu li jimxi mal-konvenzjonijiet tal-qortijiet aristocratiċi żgħar Ġermaniżi. Kien jgħix kontradizzjoni doppja: ma setax jilħaq l-għan tal-umaneżmu borgiż ta' realizzazzjoni sħiħa tal-personalità tiegħu fir-realtà soċjali u ma setax jaċċetta l-konvenzjoni pjetistika ta' żmienu, li skontha l-imħabba bejn raġel u mara, jekk mhux permessa, trid tinbidel f'imħabba bejn l-aħwa. Il-kontradizzjoni ma nħallitx għaliex Werther ma kienx jaf jifred l-interessi soċjali mill-interessi individwali tiegħu: kien bniedem intellettwali f'Ġermanja semifewdali, li ma rnexxixilux jirrealizza ruħu, u l-kuxjenza tiegħu, li ma begħditx minn xulxin ġewwa fiha l-ħtiġijiet tar-raġuni minn dawk tas-sentiment, il-ħtiġijiet tal-ambizzjoni soċjali minn dawk tal-imħabba, imbuttatu għas-suwiċidju.
Meta ltaqa ma' Napuljun f'Erfurt fl-1808, Goethe seta' jara sewwa l-firda li kienet nieqsa f'Werther, bejn ambizzjoni u mħabba. Wieħed bħal Napuljun kien jaf jiddistingwi tajjeb, fil-ħajja tiegħu, bejn il-ħtieġa li jagħmel suċċess politiku u dik tas-sentimenti privati, fis-sens li billi ma kienx mifrud mir-realtà ta' soċjetà ferm iżjed matura, kellu din id-distinzjoni ċara sewwa ġewwa fih u kien jgħixha fil-qsim tal-kuxjenza tiegħu stess. Werther, minflok, għandu kuxjenza mhux maqsuma proprju għaliex jgħix mifrud mir-realtà; biex jibqa' jgħix, kien ikollu joqtol il-kuxjenza, kien ikollu jmut fil-kuxjenza tiegħu biex jista' jgħix mingħajr tbatija fir-realtà.
Is-suċċess ta' dan ir-rumanz f'forma ta' ittri, miktub malajr minn Frar sa Marzu tal-1774, kien tal-għaġeb u kien ukoll il-kawża ta' xi ftit imitazzjonijiet li wasslu għas-suwiċidju. Goethe stess assista s-sejba tal-katavru ta' tfajla li kienet qatlet ruħha b'idejha f'Weimar bir-rumanz fil-but. Il-parti kbira tal-qarrejja emmnu li għarfu f'Werther, kif kiteb Benedetto Croce, "apologija tal-passjoni u raġuni, protesta kontra r-regoli, il-preġudizzji u l-konvenzjonijiet soċjali" u ma rawx minflok is-sustanza vera, ir-rappreżentazzjoni ta' marda, li però mhijiex marda psikika ta' individwu, imma l-marda tal-Germanja ta' dak iż-żmien.
Dak iż-żmien fl-art Ġermaniża, fost il-klassijiet tan-nofs, id-dwejjaq taċ-ċittadin magħluq bejn il-ħitan ta' wieħed mill-elf stat żgħir kien sentiment komuni. Werther, bħala borgiż, hu eżempju ta' dan imma fl-istess ħin parodija: l-għan ta' Goethe kien infatti li jwaqqa' għaċ-ċajt dan l-atteġġjament ta' passività fiżika u mentali, ħaġa li ma fehmuhiex għalkollox il-qarrejja inqas attenti. F'ħafna każi, sfortunatament, l-ironija minn taħt tal-kittieb Ġermaniż, fuq kollox l-interpretazzjoni tagħha żbaljata u mgħaġġla, spiċċat biex ħajret ħafna żgħażagħ ta' familji sewwa għas-suwiċidju.
Erbgħin sena wara, fil-Poeżija u verità, Goethe kiteb li "l-effett ta' dan il-ktieb kien kbir, anzi enormi, l-iżjed għax deher f'waqtu. Għaliex, bħalma suffarell hu biżżejjed biex jisplodi mina qawwija, anki splużjoni li ssir fil-pubbliku tisfa daqshekk qawwija għaliex id-dinja taż-żgħażagħ tkun diġà mminata u t-tifqigħa tkun hekk kbira għaliex kulħadd ikun ħa jisplodi bil-ħtiġijiet esaġerati tiegħu, il-passjonijiet mhux sodisfatti u n-niket immaġinarju."
Weimar (1775 - 1832)
immodifikaGoethe sar jaf 'l Klopstock, lit-teologu Żvizzeru Johann Caspar Lavater – studjuż tal-fisjonjomika li kien jemmen li jista' jkun jaf mill-profil tal-uċuħ il-karattri tan-nies, u għal dan l-iskop, gegħel lill-pittur Schmoll ipinġi bosta ritratti ta' Goethe – u lill-filosfu Jacobi, li kien jammira 'l Spinoza.
F'April tal-1775 tgħarras lit-tfajla ta' 16-il sena Lili Schönemann, bint bankier, imma ħassar l-għerusija f'Ottobru għax l-idea tar-rabta taż-żwieġ ma felaħhiex u fis-7 ta' Novembru tal-1775 Goethe mar Weimar bħala preċettur ta' Carl August, Duka ta' Sassonja-Weimar-Eisenach, li kellu 18-il sena, tipiku tirann żgħir Ġermaniż ta' dak iż-żmien, li kien jiggverna stat żgħir magħmul biss mill-kapitali Weimar, belt ta' 600 abitant, mill-belt universitarja ta' Jena u xi ftit "bliet tal-pjaċir". Fl-1776, Goethe kien membru tal-Kunsill sigriet u fis-6 ta' Settembru tal-1779 inħatar kunsillier sigriet u stqarr: "tal-għaġeb għalija, bħal ħolma, li ta' 30 sena lħaqt l-ogħla grad onorifiku li ċittadin Ġermaniż jista' jilħaq". Fl-10 ta' April tal-1782 ingħata t-titlu nobiljari mill-imperatur Ġużeppi II u fl-1804 laħaq ministru.
Bejn is-snin 1776 u 1788 kien ħabib ma' Charlotte von Stein, mara li ħadet f'idejha l-edukazzjoni tiegħu għall-impieg li kien daħal għalih bħala preċettur u mbagħad kunsillier tad-duka. Stein kellha qabel kollox tittrasforma poeta famuż f'bniedem tad-dinja, u wara taqleb idolu mfissed tal-mument f'raġel li jirrispetta r-regoli tal-ħajja kif kienet fl-ambjent ristrett u rfinat li fih kienet tgħix id-dukessa Anna Amalia. Goethe laqa' tajjeb dan it-tagħlim ta' ekwilibriju, miżura u awtokontroll, li kien il-bażi tal-evoluzzjoni tiegħu, minkejja li qamlu ħafna sforzi u sagrifiċċji.
Din it-trasformazzjoni bil-mod, tidher ċara fl-ewwel għaxar snin li qatta' f'Weimar, karatterizzati minn ċertu faqar fil-xogħol poetiku. Kien hemm biss xogħlijiet li kienu għadhom ibbażati fuq il-poeżija ta' qabel, fosthom, pereżempju, L-għanjiet ta' Mignon inklużi fil-"Wilhelm Meister", iż-żewġ ballati "Is-sajjied" (Der Fischer) u "Ir-re tal-elfi" ("Erlkönig"), l-istupenda "Għanja lejlija tal-ġerrej" (Wanderers Nachtlied), poeżija li fiha r-ruħ tal-poeta bil-qajla tieħu post il-qalb kapriċċuża li kienet iddominat il-ħidmiet ta' qabel.
It-tfittx għall-verità aħħarija tar-ruħ iddominat kitbiet oħra; kiteb l-"Għanja tal-ispirti fuq l-ilma" (Gesang der Geister über dem Wasser), "Il-limiti tal-bniedem" (Grenzen der Menschheit) u "Id-divin" (Das Göttliche). Matul dan il-perjodu (mill-1777 għall-1785) Goethe kiteb ukoll ir-rumanz "Is-sejħa teatrali ta' Guliermu Meister" ("Wilhelm Meisters theatralische Sendung") u d-dramm, tal-1779, "Ifiġenja f'Tauride" ("Iphigenie auf Tauris"). Barra minn hekk, f'dawn is-snin kien imħabbat fuq bosta frontijiet differenti bħala kunsillier ministerjali għall-affarijiet militari, għall-vijabbiltà, għall-minjieri u għall-amministrazzjoni pubblika.
Kien ukoll supratendent tal-mużewijiet, u fl-1782 ingħata t-titlu nobiljari. Dan il-perjodu ta' bidliet radikali u mingħajr dubju negazzjoni tiegħu innifsu, intemm meta Goethe, fl-1786, mingħajr ma jaf ħadd, telaq lejn l-Italja. Hemm għadda sentejn hieni għalkollox fis-sensi u fir-ruħ fl-imħabba u s-seħer taċ-ċiviltà antika. Il-veduti, l-arti u l-karattru tal-poplu Taljan inkarnaw l-ideal tiegħu ta' għaqda bejn ir-ruħ u s-sensi. Hawn irnexxielu jagħti l-għamla definittiva lill-"Ifiġenja f'Tauride", li l-ewwel kienet miktuba fil-proża, imbagħad fil-proża ritmika, reġa' qalibha għall-proża u fl-aħħar irranġaha fil-Blankvers jew bil-pentapodija ġambika.
Dan ix-xogħol sar meqjus bħala l-evanġelju tal-umaneżmu. Dan id-dramm, bħad-drammi kollha ta' Goethe, kien biss traġedja li setgħet tiġri, infatti Ifiġenja salvat 'il ħuha mill-ġenn u lir-Re Toante mill-inġustizzja, imma fuq kollox minħabba l-qawwa morali tagħha, rebħet fuq id-destin u żammet il-libertà tagħha. Eżempju ieħor bl-istess għan kien Torquato Tasso, dramm ieħor li lesta fl-Italja (Goethe żar iċ-ċella ta' Tasso u d-dar ta' Ludovico Ariosto fil-belt ta' Ferrara u l-palazzi antiki tal-Estensi), fuq il-pożizzjoni prekarja ta' artista f'soċjetà kortiża. Goethe seta' juża l-esperjenzi personali tiegħu fil-qorti ta' Weimar fl-adattament għal-palk tal-emozzjonijiet tal-poeta żagħżugħ Taljan.
Fl-1788 mar lura Weimar fejn ma sabx wisq merħba. Il-pubblikazzjoni tal-"Eleġiji Rumani" ("Römische Elegien"), rakkont tal-perjodu Taljan, qajjem ħafna agħa bħalma għamlet ir-relazzjoni tiegħu ma' Christiane Vulpius, bejjiegħa tal-fjuri, li wara żżewweġ. Dawn il-grajjiet flimkien ġegħlu 'l Goethe jingħalaq f'xorta ta' iżolament soċjali, imma fuq kollox spiritwali. L-għarfien li ma kienx mifhum u d-dwejjaq tan-nixfa poetika li kien qiegħed iġarrab wassluh biex jistmerr u jiċħad dak kollu li kien imbiegħed minn kif kien jaħseb hu. Il-kriżi ta' dawk is-snin kienet gravi għall-aħħar, imma fl-1794, kif kien ġara fl-imgħoddi, il-wasla u l-ħbiberija ta' Friedrich Schiller salvawh minn din is-sitwazzjoni. Mill-1794 iddedika ruħu prinċipalment għal-letteratura, u wara ħajja ta' fekondità kreattiva straordinarja, miet fl-1832 f'Weimar, x'aktarx b'attakk tal-qalb.
Allavolja hemm ħafna polemika fuqhom, l-aħħar kliem tiegħu saru famużissmi. Kienu: "Mehr Licht" ("Aktar dawl").
Importanza storika
immodifikaL-importanza ta' Goethe fis-seklu 19 kienet enormi. Għal ħafna aspetti, beda ħafna kunċetti u ideat li maż-żmien saru familjari għal kulħadd. Goethe ipproduċa volumi ta' poeżija, saġġi, kritika u xogħlijiet xjentifiċi, fosthom teorija dwar l-ottika u riċerki li antiċipaw it-teorija evoluttiva u lingwistika. Kien affaxxinat mill-minerali u mill-mineraloġija (il-mineral Goethite imsemmi għalih). Bħala filosfu u kittieb, kien wieħed mill-figuri importanti tat-tranżizzjoni mill-Illuminiżmu għar-Romantiċiżmu.
Il-lista li ġejja tax-xogħlijiet l-iżjed importanti tista' tagħti idea tal-impatt li kellu fuq żmienu u żmienna:
Ir-rumanz miktub f’għamla ta' ittri, Die Leiden des jungen Werthers (in-niket taż-żagħżugħ Werther), ippubblikat fl-1774 jirrakkonta storja ta' mħabba mimlija niket li tispiċċa b'suwiċidju. Goethe ammetta li kien "qatel lill-eroj tiegħu biex isalva ruħu". Ugo Foscolo ħa l-ispirazzjoni biex jikteb ir-rumanz tiegħu f'forma ta' ittri Ultime lettere di Jacopo Ortis (L-aħħar ittri ta' Jacopo Ortis).
Il-poeżija epika Faust, inkitbet ftit ftit, u ġiet ippubblikata sħiħa biss wara mewtu. L-ewwel parti ġiet ippubblikata fl-1808 u għamlet sensazzjoni. L-ewwel verżjoni operistika bil-mużika ta' Spohr dehret fl-1814 u kienet l-ispirazzjoni tal-opri ta' Charles Gounod, Arrigo Boito u Ferruccio Busoni; il-poeżiji sinfoniċi ta' Richard Wagner u Franz Liszt, Gustav Mahler, u anki l-kantata Xeni tal-Faust ta' Robert Schumann. It-trama essenzjali ta' li wieħed "ibigħ ruħu lix-xitan" u jpartatha mal-qawwa f'din id-dinja kibret fl-importanza u saret metafora għat-trijonf tat-teknologija u tar-rivoluzjoni industrjali bit-tagħbija kollha tagħha ta' tbatija umana. Dan ix-xogħol poetiku ta' Goethe kien il-mudell għall-moviment poetiku sħiħ Ġermaniż imsejjaħ Innerlichkeit (introverżjoni), rappreżentat pereżempju minn Heinrich Heine. Ix-xogħlijiet ta' Goethe ispiraw ħafna kompożituri, fosthom Mozart, Beethoven, Schubert u Hugo Wolf.
L-influwenza ta' Goethe kienet importanti għaliex fehem it-tranżizzjoni u l-bidla tas-sensibbiltà Ewropea, l-interess li żdied fis-senswalità, fl-indeskrivibbli u fl-emozzjonali. Però ma kienx iper-emottiv jew sensazzjonalista, għall-kuntrarju, kien jipprietka l-qies u kien iqis l-eċċess bħala marda. "M'hemm xejn agħar mill-immaġinazzjoni mingħajr gost". Kien jargumenta li l-liġi tinbet mill-profondità tal-kultura ta' poplu u mill-art li jgħix fiha, u allura liġijiet razzjonali mhux dejjem jistgħu jiġu imposti minn fuq: teżi li ġabitu f'oppożizzjoni diretta ma' dawk li kienu jfittxu jwaqqfu monarkiji "mdawlin" imsejsin fuq liġijiet "razzjonali", pereżempju Ġużeppi II tal-Awstrija jew, iktar tard, Napuljun imperatur tal-Franċiżi.
Din il-bidla saret maż-żmien il-bażi tas-seklu 19. Dan għamlu, flimkien ma' Adam Smith, Thomas Jefferson, Ralph Waldo Emerson u Ludwig van Beethoven figura fundamentali bejn iż-żewġ dinjiet. Minn naħa waħda jfittex l-estetika, l-ordni u dettalji fini li hi t-timbru ta' Żmien ir-Raġuni u tal-perjodu neoklassiku fl-arkitettura; min-naħa l-oħra jfittex forma ta' espressjoni personali u intwittiva. L-ideat tiegħu fuq l-evoluzzjoni fformulaw il-mistoqsijiet li għalihom Darwin kellu jsib tweġiba.
Fost il-werrieta l-kbar tal-kitba u l-ħsieb Goethjan fil-letteratura Ġermaniża tas-sekla 19 insibu mingħajr dubju 'l Friedrich Nietzsche u fis-seklu 20 lir-rumanzier Thomas Mann u lill-kittieb Ernst Jünger.
Xogħlijiet ewlenin
immodifikaKummiedji
immodifika- (1768) Die Laune des Verliebten (Il-kapriċċi tan-namrat) – xogħol Rokokò taż-żagħżugħ Goethe
- (1769) Die Mitschuldigen (Il-ħatjin flimkien)
Rumanzi
immodifika- (1774) Die Leiden des jungen Werthers (In-niket taż-żagħżugħ Werther) – xogħol tal-perjodu Sturm und Drang ta' Goethe, bi tratti li jfakkru fir-Rokokò u l-Empfindsamkeit
- (1777-1785) Wilhelm Meisters theatralische Sendung (Is-sejħa teatrali ta' Wilhelm Meister)
- (1796) Wilhelm Meisters Lehrjahre (L-apprendistat ta' Wilhelm Meister)
- (1809) Die Wahlverwandschaften (Affinitajiet elettivi)
- (1821) Wilhelm Meisters Wanderjahre (Il-pellegrinaġġ ta' Wilhelm Meister)
- (1811-33) Aus meinem Leben: Dichtung und Wahrheit (Minn ħajti: Poeżija u verità)
Drammi
immodifika- (1773) Götz von Berlichingen
- (1774) Clavico
- (1776) Stella
- (1787) Iphigenie auf Tauris (Ifiġenja f'Tawride)
- (1788) Egmont
- (1790) Torquato Tasso
- (1807/08) Pandora
- (1808) Faust, l-1 Parti – Xogħol tal-perjodu tal-"Weimarer Klassik"
- (1832) Faust, it-2 Parti - Xogħol tal-perjodu romantiku
Poeżija
immodifika- (1773) Prometheus ("Prometew)
- (1782) Der Erlkönig (Ir-re tal-elfi)
- (1790) Roemische Elegien (Eleġiji rumani)
- (1794) Reineke Fuchs (Il-volpi Reineke)
- (1797) Der Zauberlehrling (L-apprendista saħħar)
- (1798) Hermann und Dorothea (Arminju u Dorotea)
- (1819) West-oestlicher Divan (Id-divan tal-Lvant-Punent)
Saġġi
immodifika- (1790) Versuch die Metamorphose der Pflanzen zu erklären (Il-metamorfożi tax-xtieli), saġġ xjentifiku
- (1799) Ueber den dilettantismus (Dwar id-dilettantiżmu (miktub f'kollaborazzjoni ma' Schiller
- (1810) Zur Farbenlehre (Teorija tal-kuluri), saġġ xjentifiku
- (1817) Italienische Reise (Vjaġġ fl-Italja)
- (1832-1833) Nachgelassene Schriften (Xogħol postum)
- (1836) Gespräche mit Goethe (Taħdita ma' Goethe)
Xogħol ieħor
immodifika- (1786) Novella (Novella)
- (1793) Die Belagerung von Mainz (L-Assedju ta' Mainz). Goethe ħa sehem mad-duka fl-assedju ta' Mainz.
- Il-kratere Goethe fuq wiċċ il-pjaneta Merkurju issemiet għal Goethe.
- Fl-1964 u fl-1975 ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża ħarġet karti tal-flus tal-valur ta' 20 Mark bir-ritratt ta' Goethe.
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Johann Wolfgang von Goethe (Johann Wolfgang von Goethe) |