Ludovico Ariosto

poeta Taljan

Ludovico Ariosto (pronunzja bit-Taljan: [ludoˈviːko aˈrjɔsto, - ariˈɔsto]; twieled fit-8 ta' Settembru 1474 – miet fis-6 ta' Lulju 1533) kien poeta Taljan. Huwa magħruf l-iktar bħala l-awtur tal-Orlando Furioso (1516). Il-poeżija, li hija kontinwazzjoni tal-Orlando Innamorato ta' Matteo Maria Boiardo, tiddeskrivi l-avventuri ta' Karlu Manju, Orlando, u l-Franki fil-battalja kontra s-Saraċeni b'diversi rakkonti sekondarji u digressjonijiet. Il-poeżija tiġi ttrasformata f'satira tat-tradizzjoni kavallereska.[1] Ariosto ħejja l-poeżija bl-iskema tar-rima ottava u introduċa kummentarju narrattiv fl-opra kollha.

Ludovico Ariosto
Ħajja
Twelid Reggio Emilia, 8 Settembru 1474, 1474
Mewt Ferrara, 6 Lulju 1533
Familja
Ulied
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Ferrara
Lingwi Taljan
Għalliema Luca Ripa
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
drammaturgu
Impjegaturi Università ta' Ferrara
Xogħlijiet importanti Orlando Furioso
Influwenzat minn Matteo Maria Boiardo
Virġilju
Moviment Rinaxximent Għoli

Ariosto vvinta wkoll it-terminu "umaniżmu" (bit-Taljan: umanesimo)[2] għall-għażla li jenfasizza fuq is-saħħiet u l-potenzjal tal-umanità, iktar milli fuq ir-rwol tiegħu bħala subordinat ta' Alla. Dan wassal għall-umaniżmu tar-Rinaxximent.

Ħajja bikrija

immodifika
 
Daħla għall-villa fejn twieled Ariosto.

Ariosto twieled f'Reggio Emilia, fejn missieru Niccolò Ariosto kien il-kmandant taċ-ċittadella. Huwa kien l-ikbar minn għaxart itfal u kien meqjus bħala s-suċċessur tal-pożizzjoni patriarkali tal-familja tiegħu. Minn tfulitu, Ludovico kien interessat ħafna fil-poeżija, iżda missieru obbligah jistudja l-liġi.

Wara ħames snin jistudja l-liġi, Ariosto tħalla jistudja l-klassiċi taħt Gregorio da Spoleto. Iżda l-istudji ta' Ariosto tal-letteratura Griega u Latina waqfu ħesrem minħabba li da Spoleto mar Franza ma' Francesco Sforza. Ftit wara, missier Ariosto miet.

Edukazzjoni u patrunaġġ

immodifika
 
Statwa ta' mafkar u park f'Ferrara.

Wara l-mewt ta' missieru, Ludovico Ariosto kellu jagħti ġenb lill-letteratura u jieħu ħsieb lil familtu. Minkejja l-obbligi tal-familja tiegħu, Ariosto xorta rnexxielu jikteb xi kummiedji fi proża kif ukoll xi kitbiet liriċi. Uħud minnhom attiraw l-attenzjoni tal-Kardinal Ippolito d'Este, li ħa lill-poeta żagħżugħ taħt il-patrunaġġ tiegħu fil-proprjetà tiegħu. Este ma tantx ta wisq kumpens lil Ariosto għall-isforzi tiegħu; l-unika premju li ta lill-poeta għall-Orlando Furioso, iddedikata lilu, kienet il-mistoqsija, "Minn fejn irnexxielek issib daqstant ġrajjiet, Mastru Ludovico?". Iktar 'il quddiem Ariosto stqarr li l-Kardinal ma kienx rikonoxxenti, li kien jobgħod jaħdem għalih, u li jekk kien jaqla' xi ftit flus, ma kinux bħala premju għall-poeżija tiegħu iżda għaliex kien jagħmilha tal-messaġġier tiegħu.[3]

Ludovico Ariosto u Leonardo da Vinci kellhom l-istess patrun, l-oħt il-kbira tal-Kardinal Ippolito d'Este, il-Markiża Isabella d'Este, l-"Ewwel Mara tar-Rinaxximent". Isabella d'Este tissemma fil-kapulavur ta' Ludovico Ariosto, Orlando Furioso. Tidher ukoll fl-Iskizz għal Ritratt ta' Isabella d'Este ta' Leonardo da Vinci fil-Louvre f'Pariġi.

Il-kardinal mar l-Ungerija fl-1518 u xtaq li Ariosto jakkumpanjah. Il-poeta wieġeb li ma setax minħabba saħħtu, l-imħabba tiegħu għall-istudju, u l-ħtieġa li jieħu ħsieb lil ommu li kienet anzjana. L-iskużi tiegħu ma ntlaqgħux tajjeb, u lanqas ingħata l-possibbiltà ta' intervista. Ariosto u d'Este daħlu f'argument jaħraq, u Ariosto tkeċċa minnufih.[4][5]

Patrunaġġ ġdid u karriera diplomatika

immodifika
 
Id-dramm ta' Ariosto, I suppositi, ippubblikata għall-ewwel darba bil-versi fl-1551.

Ħu l-kardinal, Alfonso, id-Duka ta' Ferrara, ħa lil Ariosto taħt il-patroċinju tiegħu. Sa dak iż-żmien, Ariosto kien diġà diplomatiku distint, u wera l-ħiliet tiegħu l-iktar matul iż-żewġ żjarat f'Ruma bħala ambaxxatur tal-Papa Ġulju II. L-għeja u l-iskariġġ ta' wieħed minn dawn il-vjaġġi wassluh biex jimrad u qatt ma rkupra għalkollox, u fit-tieni missjoni tiegħu kważi nqatel minn ordni tal-Papa, li dak iż-żmien inzerta kien f'kunflitt ma' Alfonso.

Meta faqqgħet il-gwerra, is-salarju tiegħu ta' 84 kuruna fis-sena ġie sospiż, u tneħħielu għalkollox wara l-gwerra. Minħabba dan, Ariosto staqsa lid-duka biex jew jipprovdilu salarju jew inkella jħallih ifittex impjieg xi mkien ieħor. Huwa nħatar mal-provinċja ta' Garfagnana fl-Appennini, li dak iż-żmien ma kellhiex gvernatur, għal tliet snin. Il-provinċja kienet tiġi attakkata minn fazzjonijiet u ħallelin, u l-gvernatur ma kellux il-mezzi meħtieġa biex jinforza l-awtorità tiegħu, filwaqt li d-Duka ma tantx appoġġah. It-tmexxija ta' Ariosto ssodisfat kemm lis-sovran kif ukoll liċ-ċittadini li apprezzaw l-attenzjoni tiegħu. Tabilħaqq, hemm ġrajja dwar żmien meta kien qed jimxi waħdu u attakkawh grupp ta' ħallelin; il-kap tagħhom malli skopra li kienu attakkaw l-awtur ta' Orlando Furioso, skuża ruħu li ma wriehx ir-rispett mistħoqq.

Fl-1508 wasal id-dramm ta' Ariosto, Cassaria, u s-sena ta' wara wasal I suppositi li ġie rreċtat għall-ewwel darba f'Ferrara u għaxar snin wara fil-Vatikan. Edizzjoni ta' proża ġiet ippubblikata f'Ruma fl-1524, u l-ewwel edizzjoni bil-versi ġiet ippubblikata f'Venezja fl-1551. Id-dramm, li ġie tradott minn George Gascoigne u li ttella' f'Gray's Inn f'Londra fl-1566 u li ġie ppubblikat fl-1573, intuża iktar 'il quddiem minn Shakespeare bħala sors għal The Taming of the Shrew.

Fl-1516, f'Ferrara ġiet ippubblikata l-ewwel verżjoni ta' Orlando Furioso b'40 canto. It-tielet u l-aħħar verżjoni ta' Orlando Furioso, b'46 canto, waslet fit-8 ta' Settembru 1532.

Stil poetiku

immodifika

Fil-kitbiet kollha ta' Ariosto jiddaħħlu kummenti narrattivi msejħa minn Daniel Javitch bħala Cantus Interruptus. Dan it-terminu ta' Javitch jirreferi għat-teknika narrattiva ta' Ariosto f'nofs il-ġrajja ewlenija ta' xi canto, biex imbagħad ikompli f'canto ieħor. Javitch isostni li filwaqt li bosta kritiċi assumew li Ariosto jagħmel dan sabiex iżid it-tensjoni narrattiva u jħajjar lill-qarrej ikompli jaqra iktar, fil-verità l-poeta b'hekk itaffi t-tensjoni narrattivi għaliex jgħaddi ħafna żmien bejn l-interruzzjoni u t-tkomplija. Sa meta l-qarrej jerġa' jasal għat-tkomplija tal-ġrajja, spiss jilħaq jinsa jew jitlef l-interess dwar il-ġrajja ewlenija u sikwit ikun interessa ruħu fi ġrajja oħra. Skont Javitch, Ariosto jagħmel dan sabiex jimmina "x-xewqa bela' iżda persistenti għall-kontinwità u t-tlestija". Ariosto juża din it-teknika tul ix-xogħlijiet kollha tiegħu.[6]

Letteratura u kultura popolari

immodifika
 
Statwa tal-poeta f'Reggio Emilia.

Il-poeżija ta' Letitia Elizabeth Landon Ariosto to his Mistress (1836) suppost hija l-indirizz tiegħu għal xi sbuħija mhux magħrufa meta ppreżentalha l-Orlando Furioso.

Fil-poeżija tiegħu, Childe Harold's Pilgrimage, Canto the Fourth (1818), Lord Byron iddeskriva l-poeta u r-rumanzier Walter Scott bħala "L-Ariosto tat-Tramuntana", u lil Ariosto bħala "L-iScott tan-Nofsinhar". B'hekk, Byron ikkollega lil Ariosto u r-Rinaxximent Taljan mal-kitba Romantika Skoċċiża u Brittanika tal-bidu tas-seklu 19, b'enfasi fuq it-tradizzjoni letterarja Ewropea. Scott, min-naħa tiegħu, kien influwenzat minn Ariosto u esprima l-ammirazzjoni tiegħu għall-Orlando Furioso.[7][8]

Ludovico Ariosto jitfaċċa wkoll fil-logħba elettronika Assassin's Creed: Revelations (ir-rakkont tal-logħba jiddeskrivi l-vjaġġ ta' Ezio lejn Masyaf, iż-żwieġ ma' Sofia Sartor, it-twelid tat-tfal tiegħu, u l-irtirar tiegħu iktar fid-dettall) bħala assassin. Meta Ezio jirtira wara l-avvenimenti tal-logħba, fl-1513, jagħti l-kariga tiegħu ta' mentor lil Ludovico Ariosto.

L-edizzjoni paperback ta' Orlando Furioso titfaċċa minn taħt il-għajn fuq il-mejda waqt ix-xena taċ-ċena tal-episodju "A Ghost" fil-film ta' Jim Jarmusch Mystery Train (1990).

Iktar qari

immodifika
  • Albert R. Ascoli, Ariosto's bitter harmony: crisis and evasion in the Italian renaissance, Princeton: Princeton University Press, 1987.
  • Charles P. Brand, Ludovico Ariosto: a preface to the 'Orlando furioso', Edinburgu: Edinburgh University Press, 1974.
  • Giulio Ferroni, Ludovico Ariosto, Ruma: Salerno Editrice, 2008.
  • Robert Durling, The figure of the poet in Renaissance epic, Cambridge, Massachusetts: Harvard University Press, 1965.
  • Jane E. Everson, Andrew Hiscock u Stefano Jossa (eds), Ariosto, the Orlando Furioso and English Culture. (Oxford: Oxford University Press, 2019). ISBN 9780197266502
  • Greene, Thomas. The Descent from Heaven, a Study in Epic Continuity. New Haven: Yale University Press, 1963.
  • Javitch, Daniel (2005). The Poetics of Variatio in Orlando Furioso. Modern Language Quarterly. 66 (1): 1–20.
  • Stefano Jossa, Ariosto, Bologna: il Mulino, 2009.
  • Giuseppe Sangirardi, Ludovico Ariosto, Firenze: Le Monnier, 2006.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Oxford illustrated encyclopedia. Judge, Harry George., Toyne, Anthony. Oxford [l-Ingilterra]: Oxford University Press. 1985–1993. p. 21. ISBN 0-19-869129-7.
  2. ^ "humanist | Etymology, origin and meaning of humanist by etymonline". www.etymonline.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-08.
  3. ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Ariosto, Lodovico". Encyclopædia Britannica. 2. (11th ed.). Cambridge University Press. pp. 492-493.
  4. ^ Bondanella, Peter; et al. (2001). Cassell Dictionary Italian Literature. Bloomsbury Academic. ISBN 0304704644.
  5. ^ Peter Bondanella; Julia Conway Bondanella (1999). Cassell Dictionary Italian Literature. Bloomsbury Publishing. p. 20. ISBN 978-1-4411-5075-2.
  6. ^ Daniel Javitch, "Cantus interruptus in the Orlando Furioso", Modern Language Notes, 95, (1980).
  7. ^ Lord Byron: The Complete Poetical Works, ed. Jerome J. McGann, 7 vols (Oxford: Oxford Clarendon Press, 1980-93, 1980), vol. II, p. 137.
  8. ^ Susan Oliver, ″Walter Scott and Ariosto's Orlando Furioso″, in Ariosto, the Orlando Furioso and English Culture, ed. Jane Everson, Andrew Hiscock and Stefano Jossa (Oxford: Oxford University Press, Proceedings of the British Academy, 2019), pp. 186-209.