Isabella d'Este
Isabella d'Este (twieldet fid-19 ta’ Mejju 1474 – mietet fit-13 ta’ Frar 1539) kienet Markiża ta’ Mantova u waħda min-nisa ewlenin tar-Rinaxximent Taljan fl-oqsma tal-kultura u tal-politika. Hija kienet patruna tal-arti u kellha rwol minn ta’ quddiem fil-moda, tant li l-istil innovattiv tagħha ġie kkupjat min-nisa fl-Italja kollha u fi Franza imperjali. Il-poeta Ariosto ddeskriviha bħala “Isabella l-liberali u l-ġeneruża”[1], filwaqt li l-awtur Matteo Bandello ddeskriviha bħala “suprema fost in-nisa”. Id-diplomatiku Niccolò da Correggio faħħarha saħansitra iktar billi sostna li kienet “l-Ewwel Mara tad-Dinja”.[2]
Isabella d'Este | |||
---|---|---|---|
| |||
Ħajja | |||
Twelid | Ferrara, 18 Mejju 1474 | ||
Mewt | Mantova, 13 Frar 1539 | ||
Post tad-dfin | Knisja ta’ Santa Pawla | ||
Familja | |||
Missier | Ercole I d'Este, Duka ta’ Ferrara | ||
Omm | Eleonora ta’ Napli, Dukessa ta’ Ferrara | ||
Konjuga/i | Francesco II Gonzaga, Markiż ta’ Mantova (12 Frar 1490 (Gregorian) - | ||
Ulied | |||
Aħwa |
uri
| ||
Familja | |||
Tribù |
familja Este familja Gonzaga | ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi |
Taljan Latin | ||
Għalliema | Mario Equicola | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
salottiera kollezzjonista tal-arti | ||
Post tax-xogħol | Mantova | ||
Strument/i tal-mużika | ljut |
Hija kienet ir-reġġent ta’ Mantova fl-assenza tar-raġel tagħha, Francesco II Gonzaga, il-Markiża ta’ Mantova, u l-maġġorenni responsabbli ta’ binha, Federico, id-Duka ta’ Mantova. Fl-1500 hi ltaqgħet mar-Re Louis XII ta’ Franza f’Milan fuq missjoni diplomatika biex tipperswadieh ma jibgħatx it-truppi tiegħu kontra Mantova.
Isabella d'Este kienet kittieba prolifika tal-ittri u kellha korrispondenza tul ħajjitha kollha ma’ oħtha tar-rispett Elisabetta Gonzaga. Lucrezia Borgia kienet oħt oħra tar-rispett; iktar ’il quddiem kienet taqlibielha mar-raġel tagħha. Hija kienet tiġi deskritta bħala mara fiżikament attraenti, għalkemm kemxejn mibruma; madankollu, kellha “għajnejha jiġbduk” u kienet “grazzjuża”.[3]
Isabella d'Este kibret f’familja mdawra bil-kultura fil-belt-stat ta’ Ferrara. Hija ngħatat edukazzjoni klassika mill-aqwa u fi tfulitha ltaqgħet ma’ ħafna studjużi u artisti umanisti famużi. Minħabba l-ammont kbir ta’ korrispondenzi bejn Isabella u l-familja u l-ħbieb tagħha, il-ħajja tagħha hija tassew iddokumentata tajjeb, xi ħaġa mhux tas-soltu għal dak iż-żmien.[4]
Ħajja bikrija
immodifikaIsabella twieldet nhar it-Tlieta 19 ta’ Mejju 1474 fid-disa’ ta’ filgħaxija f’Ferrara[5], bint Ercole I d'Este, id-Duka ta’ Ferrara, u Eleanora ta’ Napli.[6] Eleanora kienet bint Ferdinandu I, ir-Re Aragoniż ta’ Napli, u Isabella ta’ Clermont.[7]
Sena wara, fid-29 ta’ Ġunju 1475, twieldet oħtha Beatrice, u fl-1476 u fl-1477 twieldu żewġ aħwa oħra, Alfonso u Ferrante. Fl-1479 u fl-1480 twieldu żewġ aħwa oħra, Ippolito u Sigismondo. Mill-aħwa kollha, Isabella kienet meqjusa bħala l-favorita.[8]
Fl-istess sena tat-twelid ta’ Ferrante, Isabella vvjaġġat lejn Napli ma’ ommha. Meta ommha ġiet lura f’Ferrara, Isabella akkumpanjatha, filwaqt li l-aħwa l-oħra baqgħu ma’ nannuwhom għal tmien snin. Matul dan il-vjaġġ ma’ ommha, Isabella kisbet l-arti tad-diplomazija u ta’ x’jiġri minn wara l-kwinti fit-tmexxija ta’ stat.
Edukazzjoni
immodifikaIsabella kellha edukazzjoni tajba ħafna meta kienet żagħżugħa. Fi tfulitha studjat l-istorja Rumana u malajr tgħallmet kif tittraduċi l-Grieg u l-Latin (iktar ’il quddiem il-Grieg sar il-lingwa favorita tagħha). Bis-saħħa tal-intellett straordinarju tagħha, spiss iddiskutiet il-klassiċi u l-affarijiet tal-istat mal-ambaxxaturi. Barra minn hekk, personalment kienet midħla mal-pitturi, mal-mużiċisti, mal-kittieba, u mal-istudjużi tal-istat. Minbarra l-għarfien tagħha tal-istorja u tal-lingwi, kienet taf tgħid bl-amment l-opri ta’ Virgilio u ta’ Terenzio. Isabella kellha talent ukoll bħala kantanta u mużiċista, u kienet tgħallmet iddoqq il-ljut mal-għalliem tagħha Giovanni Angelo Testagrossa.[9] Barra minn hekk, hija kienet innovatriċi ta’ żifniet ġodda, bis-saħħa tat-tagħlim li ngħatat minn Ambrogio, maestro Lhudi taż-żfin.[10]
Dota u żwieġ
immodifikaFl-1480, meta kellha sitt snin, Isabella ġiet imwegħda lil Francesco, li kellu tmien snin iktar minnha, u wirtet it-titlu ta’ Markiża ta’ Mantova, għal dota ta’ 25,000 dukat.[11] Għalkemm jingħad li ma kienx raġel il-ġmiel tiegħu bħala apparenza, Isabella kienet tammirah għas-saħħa u għall-qlubija tiegħu u kienet tqisu bħala ġentlom. Wara l-ewwel ftit drabi li ltaqgħu, ħadet pjaċir bil-kumpanija tiegħu u qattgħet is-snin ta’ wara ssir tafu u tħejji ruħha biex tkun il-Markiża ta’ Mantova. Matul l-għerusija tagħhom, Isabella kienet tgħożż l-ittri, il-poeżiji u s-sunetti li kien jibgħatilha bħala rigali.
Għaxar snin wara, fil-11 ta’ Frar 1490, meta kellha 15-il sena, hija żżewġet lil Francesco bi prokura. Isabella saret martu u l-Markiża qalb il-briju popolari spettakolari u l-ċelebrazzjonijiet grandjużi li seħħew fil-15 ta’ Frar.[12] Francesco kien ukoll il-Kaptan Ġeneral tal-armati tar-Repubblika ta’ Venezja. Bħala parti mid-dota tagħha għaż-żwieġ, Isabella ngħatat somma ta’ 3,000 dukat kif ukoll ġojjellerija, platti tal-fidda, u pożati tal-fidda.[13] Qabel ma sar il-bankett ta’ wara ċ-ċerimonja tat-tieġ, Isabella ħarġet iddur fit-toroq prinċipali ta’ Ferrara riekba żiemel imżejjen bil-ħaġar prezzjuż u d-deheb.[14]
Peress li bħala koppja kienu ilhom jafu u jammiraw lil xulxin għal bosta snin, l-attrazzjoni reċiproka tagħhom inbidlet f’imħabba; jingħad li permezz taż-żwieġ ma’ Francesco, Isabella “fforixxiet”.[15] Meta żżewġet, jingħad li Isabella kienet ħelwa, irqiqa, grazzjuża u taf tilbes.[16] Ix-xagħar twil u fin tagħha ġie miżbugħ bjond mitfi, u għajnejha “kannella daqs il-prinjoli taż-żnuber fil-ħarifa, kienu donnhom daħkana”.[17]
Francesco, bħala Kaptan Ġeneral tal-armati Venezjani, spiss kien ikollu jmur Venezja għal konferenzi u kien iħalli lil Isabella waħedha f’Mantova, f’La Reggia, il-palazz antik li kien is-sede tal-familja Gonzaga.[18] Madankollu, xorta kien ikollha l-kumpanija ta’ ommha u ta’ oħtha, Beatrice; u meta ltaqgħet ma’ Elisabetta Gonzaga, oħtha tar-rispett li kellha 18-il sena, saru ħbieb kbar. Kienu jieħdu gost jaqraw il-kotba, jilagħbu l-karti, u jivvjaġġaw fil-kampanja flimkien. Darba vvjaġġaw sal-Lag ta’ Garda meta Francesco kien assenti, u mbagħad ivvjaġġaw lejn Venezja. It-tnejn baqgħu qrib xulxin sal-mewt ta’ Elisabetta fl-1526.[18]
Kważi erba’ snin wara ż-żwieġ tagħha f’Diċembru 1493, Isabella welldet l-ewwel wild tagħha minn tmienja; bintha Eleonora, li kienu jgħajtulha Leonora fil-qosor.
Tfal
immodifikaIsabella u Francesco kellhom tmint itfal:[19]
- Eleonora Gonzaga (twieldet fil-31 ta’ Diċembru 1493 – mietet fit-13 ta’ Frar 1570), li żżewġet lil Francesco Maria I della Rovere, id-Duka ta’ Urbino
- Margherita Gonzaga (twieldet fit-13 ta’ Lulju 1496 – mietet fit-22 ta’ Settembru 1496)
- Federico II Gonzaga, id-Duka ta’ Mantova (twieled fis-17 ta’ Mejju 1500 – miet fit-28 ta’ Awwissu 1540), li żżewweġ lil Margerita Paleologa
- Livia Gonzaga (twieldet fl-1501 – mietet f’Jannar 1508)
- Ippolita Gonzaga (twieldet fit-13 ta’ Novembru 1503 – mietet fis-16 ta’ Marzu 1570), li kienet soru
- Ercole Gonzaga (twieled fit-23 ta’ Novembru 1505 – miet fit-2 ta’ Marzu 1563), li kien Kardinal u Isqof ta’ Mantova
- Ferrante Gonzaga (twieled fit-28 ta’ Jannar 1507 – miet fil-15 ta’ Novembru 1557), li kien kondottier li żżewweġ lil Isabella di Capua
- Livia Gonzaga (twieldet f’Awwissu 1508 – mietet fl-1569), li kienet soru
Lucrezia Borgia
immodifikaSena wara ż-żwieġ tagħha ma’ ħu Isabella, Alfonso, fl-1502, Lucrezia Borgia bdiet taqlibha lir-raġel tagħha ma’ Francesco. Isabella kienet welldet lil bintha Ippolita, u matul ir-relazzjoni sesswali klandestina tar-raġel ma’ Lucrezia, kompliet ikollha t-tfal miegħu.[20] Preċedentement Lucrezia ppruvat tagħmel ħbieb ma’ Isabella, iżda Isabella qatt ma tatha wiċċ u injorata b’disprezz. Minn meta Lucrezia waslet għall-ewwel darba f’Ferrara bħala l-mara mwegħda lil Alfonso, Isabella, minkejja li kienet l-ospitant waqt iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ, kienet tqis lil Lucrezia bħala rivali, u kull opportunità li kien ikollha kienet tipprova tispikka minflokha. Isabella kienet tgħir ħafna u kienet tbati emottivament minħabba r-relazzjoni li r-raġel tagħha kellu ma’ Lucrezia. Ir-relazzjoni klandestina tagħhom intemmet meta Francesco laqqat is-sifilide bħala riżultat tar-relazzjonijiet li kellu mal-prostituti.[21]
Reġġenza
immodifikaIsabella qdiet rwol importanti f’Mantova meta l-belt kienet fil-għawġ. Meta r-raġel tagħha ġie maqbud fl-1509 u nżamm ostaġġ f’Venezja, hija ħadet il-kontroll tal-forzi miltari ta’ Mantova u rreżistiet l-invażuri sa ma nħeles fl-1512. F’dik l-istess sena, hija kienet l-ospitant fil-Kungress ta’ Mantova, li sar biex jiġu solvuti xi kwistjonijiet li kienu jikkonċernaw lil Firenze u lil Milan.[22] Bħala mexxejja, kienet tidher iktar assertiva u kompetenti mir-raġel tagħha. Meta Francesco ġie lura Mantova u ġie mgħarraf dwar dan, inkorla ferm u ħassu umiljat li martu wriet li kellha ħila politika superjuri. Dan wassal biex iż-żwieġ tagħhom sfaxxa b’mod irrevokabbli. B’hekk, Isabella bdiet tivvjaġġa liberament u bdiet tgħix b’mod indipendenti mir-raġel tagħha sa mewtu fid-19 ta’ Marzu 1519.
Wara li r-raġel tagħha miet, Isabella saret il-mexxejja ta’ Mantova bħala reġġent ta’ binha Federico. Hija bdiet taqdi rwol kulma jmur iktar importanti fil-politika Taljana, u kompliet tavvanza l-pożizzjoni ta’ Mantova. Kienet strumentali fil-promozzjoni ta’ Mantova għal Dukat, xi ħaġa li kisbet permezz tal-użu diplomatiku għaqli tal-kuntratti taż-żwieġ ta’ binha. Irnexxielha wkoll tikseb kardinalat għal binha Ercole. Fl-1502 uriet ukoll xi ssarraf politikament fin-negozjati li kellha ma’ Cesare Borgia, li ħa l-artijiet minn taħt il-kontroll ta’ Guidobaldo da Montefeltro, id-Duka ta’ Urbino u r-raġel ta’ oħtha tar-rispett u ħabibtha Elisabetta Gonzaga.
Kultura
immodifikaIsabella d'Este hija famuża bħala l-iktar patruna importanti tal-arti Rinaxximentali; ħajjitha hija ddokumentata bil-korrispondenza tagħha, li għadha arkivjata f’Mantova (irċeviet madwar 28,000 ittra u kitbet 12,000 ittra).[23][24]
Patruna tal-arti
immodifikaFil-qasam tal-pittura, Isabella kellha diversi artisti famużi jaħdmu għaliha, fosthom Giovanni Bellini, Giorgione, Leonardo da Vinci, Andrea Mantegna (li kien pittur li kien jgħix u jaħdem mal-familja tal-Markiża sal-1506), Perugino, Raffaello, Tiziano, Antonio da Correggio, Lorenzo Costa (li kien pittur li kien jgħix u jaħdem mal-familja tal-Markiża mill-1509), Dosso Dossi, Francesco Francia, Giulio Romano u bosta oħrajn. Pereżempju l-i“Studiolo” tagħha fil-Palazz Dukali ta’ Mantova, kien imżejjen b’allegoriji minn Mantegna, Perugino, Costa u Correggio.[25]
Fl-istess żmien, ikkummissjonat l-iktar skulturi u inċiżuri importanti ta’ dak iż-żmien, jiġifieri Michelangelo, Pier Jacopo Alari Bonacolsi (L'Antico), Gian Cristoforo Romano u Tullio Lombardo, u kienet tikkollezzjona l-arti Rumana antika.[26]
Bħala kittieba, ikkuntattjat lil Pietro Aretino, Ludovico Ariosto, Pietro Bembo, Baldassare Castiglione, Mario Equicola, Gian Giorgio Trissino u oħrajn.[27]
Fil-qasam tal-mużika, Isabella sponsorjat lill-kompożituri Bartolomeo Tromboncino u lil Marco Cara u hi kienet iddoqq il-ljut. Hija impjegat kantanti professjonali nisa ma’ djulha, xi ħaġa li ma kinitx tas-soltu, fosthom lil Giovanna Moreschi, il-mara ta’ Marchetto Cara.[28][29]
Fil-qasam tal-arkitettura, ma kellhiex biex tibni palazzi ġodda, iżda kkummissjonat lil arkitetti bħal Biagio Rossetti u Battista Covo.[30]
Peress li kienet minn ta’ quddiem fil-moda, kienet tordna l-ifjen ilbies, inkluż pelliċċi kif ukoll distillazzjonijiet ġodda ta’ fwejjaħ, li kienet toħloq hi stess u kienet tibgħat bħala rigali. L-istil tagħha li tilbes xedd ir-ras (capigliari) u décolletage ġie imitat fl-Italja kollha u fi Franza imperjali.[31]
Rabta mal-Mona Lisa ta’ Leonardo
immodifikaIsabella d'Este ġiet proposta bħala kandidat plawżibbli[32] għall-Mona Lisa ta’ Leonardo da Vinci tal-1503-1506, li s-soltu jitqies bħala r-ritratt ta’ Lisa del Giocondo. Lisa kienet il-mara ta’ merkant f’Firenze u Giorgio Vasari kiteb dwar ritratt tagħha magħmul minn Leonardo[33] – madankollu, mhux magħruf jekk dan ir-ritratt kienx ir-ritratt tal-Mona Lisa. Fost l-evidenza favur Isabella bħala s-suġġett tal-opra tal-arti famuża tinkludi tpinġija ta’ Isabella d'Este magħmula minn Leonardo fl-1499 u l-ittri tagħha tal-1501-1506 fejn talbet ir-ritratt impitter tagħha;[34] argumenti oħra favur din l-ipoteżi huma l-muntanji fl-isfond tal-pittura u l-poġġaman bħala simbolu Rinaxximentali f’ritratt ta’ sovrana.
Identifikazzjonijiet potenzjali f’ritratti
immodifikaMinkejja li kienet patruna sinifikanti tal-arti, inkluż għal għadd ta’ ritratti – l-ebda persuna oħra ta’ żmienha ma kien is-suġġett ta’ daqstant ritratti – ma tantx fadal wisq ritratti ta’ Isabella li waslu sa żminijietna. Dawn il-ftit ritratti huma magħrufa bħala mhux omoġenji, jiġifieri l-kulur tal-għajnejn u tax-xagħar ivarja kif ukoll ħaġbejha jvarjaw fiż-żewġ ritratti magħmula minn Tiziano.[35] Barra minn hekk, ma hemm l-ebda ritratt tagħha meta kellha bejn 26 u 54 sena. Huwa magħruf li meta kienet imdaħħla fiż-żmien, Isabella kienet tippreferi pitturi idealizzati u saħansitra rrifjutat li tippoża bħala mudella.[36] Madankollu, jista’ jiġi preżunt li xorta waħda insistiet li tara l-fattizzi personali tagħha fl-eżitu tar-ritratti.[37] Isabella kienet toqgħod b’seba’ għajnejn kif tiġġestixxi l-immaġni tagħha. Ritratt tagħha magħmul minn Andrea Mantegna ġie rrifjutat għaliex “ma kellu l-ebda xebħ”. Ir-ritratt wisq probabbli kien jixbah wisq lil Isabella, li kienet magħrufa għall-korpulenza tagħha.
F’dawn l-aħħar snin, diversi mużewijiet irtiraw il-ftit identifikazzjonijiet tar-ritratti bħala Isabella minħabba r-riskju ta’ identifikazzjoni żbaljata. L-aħħar tliet ritratti kkuluriti li fadal xorta waħda mhumiex omoġenji u jinsabu fil-Kunsthistorisches Museum/KHM, Vjenna, l-Awstrija:[38]
- Isabella bl-Aħmar ta’ Tiziano, madwar l-1529 (intilfet, magħrufa minn kopja ta’ Peter Paul Rubens għall-ħabta tal-1605
- Isabella bl-Iswed ta’ Tiziano, 1536
- “Minjatura ta’ Ambras”, is-seklu 16
La Bella (li tinsab fil-Palazzo Pitti, f’Firenze) ġiet diskussa bħala alternattiva għar-ritratt tal-1536 li għamel Tiziano fi Vjenna, minħabba li l-kummissjoni mill-patruna ta’ 60 sena kienet ritratt ta’ mara ta’ età iżgħar; kieku La Bella kienet Isabella, il-kulur tal-għajnejn, il-kulur tax-xagħar, il-ħaġbejn u d-dehra ġenerali kienu jkunu omoġenji fir-ritratti magħrufa kollha, u b’hekk kien ikun possibbli li jsiru iktar identifikazzjonijiet.[39]
Attwalment, il-midalja tal-1495 magħmula minn Gian Cristoforo Romano (jeżistu diversi kopji) hija l-unika identifikazzjoni affidabbli minħabba l-iskrizzjoni li nħolqot matul il-ħajja ta’ Isabella.[40]
Missjonijiet diplomatiċi u t-trattament tal-iskjavi
immodifikaIsabella kienet iltaqgħet mar-Re Franċiż f’Milan fl-1500 matul missjoni diplomatika ta’ suċċess li kienet wettqet sabiex tipproteġi lil Mantova minn invażjoni min-naħa tal-Franċiżi. Ir-Re Louis kien baqa’ impressjonat mill-personalità distinta u mill-intelliġenza kbira tagħha.[41] Kien matul dan iż-żmien, meta t-truppi tar-re kienu okkupaw il-belt ta’ Milan, li Isabella offriet l-ażil lir-refuġjati minn Milan, fosthom lil Cecilia Gallerani, il-mara raffinata li kienet taqlibha lir-raġel tagħha ma’ Ludovico Sforza, id-Duka ta’ Milan u r-raġel ta’ Beatrice, oħt Isabella. Ludovico Sforza kien ġie mġiegħel jaħrab mid-dukat tiegħu fid-dawl tal-okkupazzjoni Franċiża. Isabella ppreżentat lil Cecilia lir-Re Louis, u ddeskrivietha bħala “mara mimlija kwalitajiet u grazzja rari”.[42]
Isabella kienet ukoll eżempju estrem tat-tendenza Rinaxximentali Ewropea li tittratta lill-iskjavi Afrikani ta’ karnaġġjon iswed fl-unità domestika tagħha bħala aċċessorji eżotiċi. Isabella kienet affaxxinata bil-qaddejja tfal ta’ karnaġġjon iswed u dan ġie ddokumentat b’mod estensiv.[43] Fl-1 ta’ Mejju 1491, Isabella staqsiet lil Giorgio Brognolo, l-aġent tagħha f’Venezja, biex isibilha tifla żgħira ta’ karnaġġjon iswed (una moreta) tal-età bejn sena u nofs u erba’ snin, u fil-bidu ta’ Ġunju fakkritu darbtejn dwar it-talba tagħha, u saħqet li t-tifla kellha jkollha “karnaġġjon iswed kemm jista’ jkun”.[44] L-unità domestika ta’ Isabella u r-rekords finanzjarji tagħha juru li diġà kellha tfajla ta’ karnaġġjon iswed taqdiha li kienet ikbar fl-età, meta talbet għal tifla żgħira ta’ karnaġġjon iswed. Mir-rekords jidher ċar li kisbet tifla żgħira ta’ karnaġġjon iswed minn orfanatrofju Venezjan, fetħet negozjati ma’ entità Venezjana għall-bejgħ ta’ tifel żgħir ta’ karnaġġjon iswed u xtrat tifla żgħira skjava ta’ karnaġġjon iswed mingħand oħtha.[45] Il-kummissjoni għax-xiri ta’ tifla żgħira “ta’ karnaġġjon iswed kemm jista’ jkun” tista’ titqies bħala xewqa li jkollha eżotiżmu massimu.[46]
Meta romlot
immodifika“Kap ta’ stat devota”
immodifikaBħala armla, Isabella, meta kellha 45 sena, saret “kap ta’ stat devota”.[47] Il-pożizzjoni tagħha bħala Markiża kien jitlob minnha li toqgħod attenta ferm, u għalhekk kellha tistudja l-problemi li jħabbat wiċċu magħhom mexxej ta’ belt-stat. Sabiex ittejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tagħha, hija studjat l-arkitettura, l-agrikoltura, u l-industrija, u segwiet il-prinċipji li kien fassal Niccolò Machiavelli għall-mexxejja fil-ktieb tiegħu Il-Prinċep. Bis-saħħa ta’ dan kollu, il-poplu ta’ Mantova kien jirrispettaha u jħobbha.[48]
Isabella telqet minn Mantova u marret tgħix f’Ruma fl-1527. Kienet preżenti matul is-Serqa katastrofika ta’ Ruma, meta kkonvertiet id-dar tagħha f’kenn għal madwar 2,000 persuna li kienu qed jaħarbu mis-suldati imperjali. Id-dar ta’ Isabella kienet waħda mill-ftit li ma ġewx attakkati, minħabba l-fatt li binha kien membru tal-armata li kienet qed twettaq l-invażjoni. Meta telqet, irnexxielha tikseb passaġġ sikur għar-refuġjati kollha li kienu marru għall-kenn f’darha.
L-aħħar snin u l-mewt
immodifikaWara li Ruma ġiet stabbilizzata wara s-serqa, Isabella telqet mill-belt u reġgħet lura f’Mantova. Hija għamlet il-belt ta’ Mantova ċentru tal-kultura, fetħet skola għall-bniet, u kkonvertiet l-appartamenti dukali tagħha f’mużew li kien fih teżori fini tal-arti. Dan kollu ma kienx biżżejjed biex jissodisfa lil Isabella, li diġà kellha iktar minn 65 sena, u għalhekk reġgħet lura fil-ħajja politika u kienet il-mexxejja ta’ Solarolo, fir-Romagna, sa mewtha fit-13 ta’ Frar 1539. Isabella ġiet midfuna maġenb ir-raġel tagħha fil-Knisja ta’ San Franġisk f’Mantova.[49]
Legat
immodifikaMatul ħajjitha u wara mewtha, il-poeti, il-Papi, u l-istatisti taw ġieħ lil Isabella. Il-Papa Ljun X stidinha tittrattah “daqslikieku kien ħuha”. Is-segretarju tal-Papa Ljun X, Pietro Bembo, iddeskriviha bħala “waħda mill-iktar nisa għorrief u ffurtunati”; filwaqt li l-poeta Ariosto ddeskriviha bħala “Isabella l-liberali u l-ġeneruża”. L-awtur Matteo Bandello kiteb li hija kienet “suprema fost in-nisa”, u d-diplomatiku Niccolò da Correggio taha t-titlu ta’ “l-Ewwel Mara tad-Dinja”.[4]
Fil-mezzi tax-xandir
immodifikaIx-xogħol tal-arti The Dinner Party ta’ Judy Chicago jinkludi ambjent għal Isabella d'Este.[50]
L-attriċi Belġjana Alexandra Oppo ħadmitha ta’ Isabella d'Este fis-sensiela televiżiva Borgia (2011-2014).[51]
Referenzi
immodifika- ^ Marek, George R. (1976). The Bed and the Throne: The Life of Isabella d'Este. New York: Harper and Row Publishers. p. 8. ISBN 978-0-06-012810-4.
- ^ Marek, p. 9.
- ^ Marek, p. 16.
- ^ a b Marek, p. 14.
- ^ Marek, p.12.
- ^ Julia Mary Cartwright Ady, Isabella d'Este, marchioness of Mantua, 1474–1539: a study of the renaissance, Volume 1, 1907.
- ^ Marek, p. 13.
- ^ Gardener, Edmund (1904). Dukes & Poets in Ferrara. London: Archibald Constable & Co. LTD. p. 238.
- ^ Ness, Arthur J. (2001). "Giovanni Angelo Testagrossa". In Root, Deane L. (ed.). The New Grove Dictionary of Music and Musicians. Oxford University Press.
- ^ Marek, pp.16–17.
- ^ "ISABELLA d'Este, marchesa di Mantova in "Dizionario Biografico"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-18.
- ^ "ISABELLA d'Este, marchesa di Mantova in "Dizionario Biografico"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-18.
- ^ Marek, p. 28.
- ^ Marek, p. 30.
- ^ Marek, p. 33.
- ^ Marek, pp. 33–34.
- ^ Marek, p. 34.
- ^ a b Marek, p. 35.
- ^ "Gonzaga 3". genealogy.euweb.cz. Miġbur 2021-05-18.
- ^ Marek, pp.166-169.
- ^ Marek, pp.147-148.
- ^ Marek, p. 250.
- ^ Shemek, Deanna: Phaethon's Children: The Este Court and its Culture in Early Modern Ferrara. Medieval and Renaissance Texts and Studies (Arizona) 2005, p. 277.
- ^ Luzio, Alessandro: La Galleria dei Gonzaga – Appendice B: I ritratti d'Isabella d'Este. Casa Editrice L. F. Cogliati (Milan) 1913.
- ^ Ferino, Sylvia: Isabella d'Este – Fürstin und Mäzenatin der Renaissance. Kunsthistorisches Museum Wien (Vienna) 1994, pp. 86–425.
- ^ Ferino, Sylvia: Isabella d'Este – Fürstin und Mäzenatin der Renaissance. Kunsthistorisches Museum Wien (Vienna) 1994, pp. 86–425.
- ^ Cartwright (1907).
- ^ Ferino (1994), pp. 429–432.
- ^ Tick, Judith et al.: Women in music, §II: Western classical traditions in Europe & the USA. In: Macy, Laura: Grove Music Online. Oxford Music Online. Oxford University Press.
- ^ Ferino (1994), p. 18.
- ^ Marek (1952), p. 159.
- ^ Zöllner, Frank: Leonardo da Vinci – Sämtliche Werke. Taschen Verlag (Cologne) 2007, p. 241.
- ^ Vasari, Giorgio: Lebensläufe der berühmtesten Maler, Bildhauer und Architekten. 1550 / Manesse Verlag (Zurich) 2005, p. 330.
- ^ Lewis, Francis-Ames: Isabella and Leonardo. Yale University Press (New Haven) 2012, Appendix Letters pp. 223–240.
- ^ Ferino (1994), p. 86.
- ^ Ferino (1994), p. 94.
- ^ Luzio, Alessandro: Federico Gonzaga ostaggio alla corte di Giulio II. Societa Romana di storia patria (Rome) 1887, p. 59: "... pregandolo tuttavia a ritoccare il ritratto ne' capelli, che il pittore aveva fatti troppo biondi" u Luzio (1913), p. 213: "... a commutar gli occhij de nigri in bianchi".
- ^ KHM Vienna: Inv. 83, Inv 1534, Inv 5081.
- ^ Ozzola, Leandro (1931): Isabella d'Este e Tiziano. In: Bolletino d'Arte del Ministero della pubblica istruzione. BdA (Rome) 1931 No. 11, pp. 491–494.
- ^ KHM Vienna, Inv 6.272bß and Ferino (1994), pp. 373–378.
- ^ Marek, p. 80-81.
- ^ Marek, p. 80.
- ^ Alessandro Luzio and Rodolfo Renier, 'Buffoni, schiavi e nani alla corte dei Gonzaga ai tempi d'Esabella d'Este', Nuova Antologia, 19 (1891), pp. 112–46, 140–5.
- ^ Paul H.D. Kaplan, "Isabella d'Este and black African women," Black Africans in Renaissance Europe, (Cambridge: Cambridge University Press, 2005).
- ^ Kaplan, p. 153.
- ^ Joaneath Spicer, "European Perceptions of Blackness as Reflected in the Visual Arts," Revealing the African Presence in Renaissance Europe, (Baltimore: The Walters Art Museum, 2012).
- ^ Marek, p. 204.
- ^ Marek, p. 205.
- ^ "Este, Beatrice d' and Isabella d' | Encyclopedia.com". www.encyclopedia.com. Miġbur 2021-05-18.
- ^ "Brooklyn Museum: Place Settings". www.brooklynmuseum.org. Miġbur 2021-05-18.
- ^ "Borgia - imdb.com".