Urbino

belt fl-Italja fir-reġjun tal-Marche

Urbino (bit-Taljan u bil-Malti:[urˈbiːno]) hija belt ta' 13,820 ruħ[1] imdawra bis-swar fil-Lbiċ ta' Pesaro, fir-reġjun tal-Marche fl-Italja. Iċ-ċentru storiku ta' Urbino huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[2], magħruf għal legat storiku notevoli tal-kultura Rinaxximentali indipendenti, speċjalment taħt il-patroċinju ta' Federico da Montefeltro, id-duka ta' Urbino mill-1444 sal-1482. Il-belt tinsab fuq fil-quċċata ta' għolja u rnexxielha tħares ħafna mill-bixra Medjevali pittoreska tagħha. Il-belt tospita l-Università ta' Urbino, li ġiet stabbilita fl-1506, u hija s-sede tal-Arċisqof ta' Urbino. L-iktar kapulavur arkitettoniku magħruf tal-belt huwa l-Palazzo Ducale (il-Palazz tad-Duka), li nbena mill-ġdid minn Luciano Laurana.

Urbino
 Italja
Amministrazzjoni
PajjiżItalja
Region of ItalyMarche
Provinċja tal-ItaljaProvinċja ta' Pesaro u Urbino
Isem uffiċjali Urbino
Ismijiet oriġinali Urbino
Kodiċi postali 61029
Ġeografija
Koordinati 43°43′31″N 12°38′14″E / 43.725239°N 12.6372°E / 43.725239; 12.6372Koordinati: 43°43′31″N 12°38′14″E / 43.725239°N 12.6372°E / 43.725239; 12.6372
Urbino is located in Italy
Urbino
Urbino
Urbino (Italy)
Superfiċjenti 226.5 kilometru kwadru
Għoli 485 m
Fruntieri ma' Acqualagna (en) Translate, Vallefoglia (en) Translate, Fermignano, Isola del Piano (en) Translate, Lunano (en) Translate, Montecalvo in Foglia (en) Translate, Monteciccardo (en) Translate, Montelabbate (en) Translate, Peglio (en) Translate, Petriano (en) Translate, Piandimeleto (en) Translate, Piobbico (en) Translate, Sant'Angelo in Vado (en) Translate, Sassocorvaro Auditore (en) Translate, Tavoleto (en) Translate, Urbania (en) Translate, Fossombrone (en) Translate, Montefelcino (en) Translateu Mondaino (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 13,734 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0722
Żona tal-Ħin UTC+1, Ħin tal-Ewropa Ċentraliu UTC+2
bliet ġemellati Kazan, Blois (en) Translateu Guingamp (en) Translate
comune.urbino.pu.it

Ġeografija

immodifika

Il-belt tinsab f'żona b'ħafna għoljiet, fuq l-għatba tal-Appennini tat-Tramuntana u l-Appennini tat-Toskana u tal-Emilia-Romagna. Il-belt tinsab fiż-żona tan-Nofsinhar ta' Montefeltro, li hija kklassifikata bħala żona b'riskju sismiku medju sa għoli. Fil-bażi tad-data tat-terremoti li tfasslet mill-Istitut Nazzjonali tal-Ġeofiżika u l-Vulkanoloġija, xi 65 avveniment sismiku affettwaw il-belt ta' Urbino bejn is-26 ta' Marzu 1511 u s-26 ta' Marzu 1998. Fosthom hemm it-terremot tal-24 ta' April 1741, meta t-theżżiż kien qabeż il-livell VIII fuq l-iskala Mercalli tal-intensità tat-terremoti, b'epiċentru f'Fabriano.[3]

URBINO Xhur Staġuni Sena
Jan Frar Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Xit Reb Sajf Ħar
Temp. mass. medja (°C) 6,6 7,4 10,9 14,6 19,6 24,2 27,1 26,2 22,1 16,2 11,3 7,8 7,3 15,0 25,8 16,5 16,2
Temp. min. medja (°C) 0,4 1,1 3,6 6,4 10,2 14,4 16,9 16,5 13,5 9,0 4,8 1,6 1,0 6,7 15,9 9,1 8,2
Preċipitazzjoni (mm) 54 59 69 67 70 58 46 69 69 88 99 66 179 206 173 256 814
Jiem ta' xita 8 8 9 9 9 7 4 6 6 9 9 9 25 27 17 24 93
Eljofanija assoluta (sigħat kuljum) 3,2 3,7 4,4 5,9 7,2 8,4 10,5 9,0 7,2 4,6 2,9 2,8 3,2 5,8 9,3 4,9 5,8
Riħ (direzzjoni-m/s) SW

4,9

NE

4,5

SW

4,8

SW

4,5

SW

4,2

SW

4,0

SW

4,0

NE

3,6

SW

3,7

NE

3,9

SW

4,7

SW

5,1

4,8 4,5 3,9 4,1 4,3

Etimoloġija

immodifika

L-oriġini tal-isem Urbino (Urvinum Metaurense jew Mataurense bil-Latin) mhijiex ċerta[4]: skont uħud, Urvinum (jew Urbinum) ġejja min-nom Urvum (jew Urbum), li kien jirreferi għall-manku tal-moħriet, peress li l-forma tiegħu kien jingħad li tixbaħ l-għolja ta' Poggio (fejn kien hemm l-ewwel insedjament primittiv tal-belt)[5]; filwaqt li t-terminu Metaurense ġej ovvjament mix-xmara Metaurus (jew Mataurus), u kien jintuża biex il-belt ta' Urbino tkun distinta minn belt oħra bl-istess isem fl-istess reġjun, Urvinum Hortense, u l-isem ta' din il-belt x'aktarx li oriġina wkoll mill-istess xebħ tal-għolja mal-manku tal-moħriet. Madankollu, skont ipoteżi oħra, l-isem Urbino ġej mil-Latin urbs-urbis (jiġifieri belt) u jirreferi għan-natura tagħha ta' belt doppja (urbs bina), peress li żviluppat fuq żewġ għoljiet. Hemm saħansitra ipoteżi oħra li tgħid li l-isem għandu oriġini Preindoewropea.[6]

 

Oriġini u Medju Evu

immodifika

Il-belt Rumana mudesta Urbinum Mataurense (“il-belt iż-żgħira fuq ix-xmara Mataurus”) saret fortizza strateġika importanti fil-Gwerer Gotiċi tas-seklu 6 W.K., wara li nħakmet fil-538 mill-Ostrogoti mill-Ġeneral Biżantin Belisarju, u ssemmiet spiss mill-istoriku Prokopju.

Urbino ġiet okkupata għal żmien qasir mil-Longobardi taħt ir-re Liutprando. Imbagħad, qalb it-territorji li Pipin III (ir-Re tal-Franki) ħataf mil-Longobardi, fis-754 huwa ppreżenta l-belt ta' Urbino lill-Papat. Madankollu, għal diversi sekli, id-dominju tal-Papat kien purament formali u mhux effettiv. Tul is-seklu 12, it-tradizzjonijiet indipendenti u awtonomi ġew espressi fit-twaqqif tal-governanza komunali, sakemm il-belt ta' Urbino għaddiet f'idejn il-familja Montefeltro. Minkejja li n-nies nobbli ma kellhom l-ebda awtorità diretta fuq il-komun, setgħu jagħmlu pressjoni biex jiġu eletti bħala podestà. Bonconte di Montefeltro rnexxielu jikseb dan it-titlu fl-1213, u dan wassal biex il-popolazzjoni ta' Urbino tirribella u tiġi ffurmata alleanza mal-komuni indipendenti ta' Rimini (1228), sa ma fl-aħħar jerġgħu jiksbu l-kontroll tal-belt fl-1234. Minkejja dan, eventwalment il-familja Montefeltro reġgħet kisbet il-kontroll tal-belt għal darb'oħra, u żammitu sal-1508. Fit-tilwim bejn il-Gwelfi u l-Gibellini, meta l-fazzjonijiet kienu jappoġġaw il-Papat jew inkella l-Imperu Ruman Sagru rispettivament, il-familja Montefeltro laħqet esponenti nobbli minnha bħala l-mexxejja tal-Gibellini tar-reġjuni tal-Marche u tal-Emilia-Romagna.[7]

Federico da Montefeltro

immodifika

L-iktar membru famuż tal-familja Montefeltro, Federico da Montefeltro, mexxa l-belt bħala d-Duka ta' Urbino mill-1444 sal-1482. Huwa kien mexxej ta' suċċess, diplomatiku kapaċi u bniedem entużjast li jagħti patroċinju għall-arti u għal-letteratura. Ħa r-riedni f'idejh fl-1444 bħala iben Guidantonio, wara konfoffa u l-qtil ta' Oddantonio li kellu jilħaq leġittimament, iżda li kien mibgħud minħabba ż-żina bla rażan tiegħu u t-tassazzjoni eċċessiva li kien impona matul is-sbatax-il xahar meta kien fit-tmun.

Federico ta prijorità lill-qasam politiku u beda jorganizza l-istat mill-ġdid. Dan kien jinkludi wkoll ir-ristrutturar tal-belt skont kunċett modern ta' dak iż-żmien biex tkun komda, effiċjenti u sabiħa. Bis-saħħa tal-isforzi tiegħu, għal kważi erbgħin sena taħt it-tmexxija tiegħu, il-gvern ħadem favur l-iskop ta' Federico da Montefeltro. B'hekk, frott il-ħila tiegħu u anke b'daqsxejn ta' xorti, irnexxielu jwettaq il-ħolma tiegħu u sawwar il-belt skont ħsibijietu.

Taħt il-patroċinju tiegħu, Piero della Francesca kiteb dwar ix-xjenza tal-perspettiva, Francesco di Giorgio Martini kiteb it-Trattato di architettura (it-Trattat dwar l-arkitettura) u missier Raffaello, Giovanni Santi, kiteb ir-rendikont poetiku tiegħu dwar l-artisti ewlenin ta' żmienu. Permezz tan-nies brillanti li Federico kellu ma' djulu fit-tmexxija tiegħu, skont id-deskrizzjonijiet ta' Baldassare Castiglione f'Il Cortegiano ppubblikat fl-1528, huwa stabbilixxa standards li mbagħad ikkaratterizzaw x'kien mistenni minn “ġentlom” Ewropew modern fis-sekli ta' wara.[8]

 
Pjanta antika ta' Urbino tal-1698

Cesare Borgia u d-Dukat Della Rovere

immodifika

Cesare Borgia ħa t-tmexxija tal-belt f'idu wara Guidobaldo da Montefeltro, it-tielet Duka ta' Urbino, u Elisabetta Gonzaga fl-1502, bil-kompliċità ta' missieru, il-Papa Alessandru VI. Wara t-tentattiv tal-Papa Ljun X li jaħtar żagħżugħ mill-familja Medici bħala duka, li sfaxxa fix-xejn minħabba l-mewt qabel iż-żmien ta' Lorenzo II de Medici fl-1519, Urbino saret parti mill-Istati Papali, taħt id-dinastija tad-duki Della Rovere (1508-1631). Dawn mexxew is-sede tad-dukat lejn il-belt ta' Pesaro fl-1523 u bil-mod il-mod Urbino qabdet it-triq tan-niżla sas-seklu 17.[7]

Annessjoni mal-Istati Papali

immodifika

Fl-1626, il-Papa Urban VIII inkorpora b'mod definittiv id-Dukat mad-dominji Papali, skont ir-rieda tal-aħħar duka tal-familja Della Rovere li d-Dukat jiġi ggvernat mill-arċisqof, ladarba l-werriet ta' warajh inqatel. Minn hemm 'il quddiem l-istat ġie mmexxi minn sistema Papali b'ġerarkija ekkleżjastika. Wara l-annessjoni tad-Dukat mal-Istati Papali, il-wirt artistiku għani (inkluż l-għamara) tal-Palazz Dukali sar jifforma parti mid-dota tal-aħħar dixxendent dirett tal-familja Della Rovere, Vittoria della Rovere, li żżewġet lil Ferdinandu II de Medici. Dawn ix-xogħlijiet għaddew għand l-Uffizi, f'Firenze, u għadhom hemm sa llum, fosthom id-dittiku tad-Duki ta' Urbino magħmul minn Piero della Francesca. Xogħlijiet oħra tal-Palazz Dukali ttieħdu Ruma, fosthom it-Tila Ex Barberini ta' Fra Carnevale, u l-librerija famuża li ġiet inkorporata fil-Bibljoteka Vatikana fl-1657.

Albani u l-okkupazzjoni tal-Franċiżi

immodifika
 
Il-Palazz Dukali

Ftit wara l-bidu tas-seklu 18, fl-1701 ġie elett għall-Papat il-Kardinal Giovan Francesco Albani, bl-isem ta' Klement XI. Dan kien l-aħħar perjodu għani għall-belt, speċjalment fir-rigward tal-arti u l-kultura, bis-saħħa tal-finanzjament tal-Papa Albani u l-familja tiegħu. Twettqet ir-rinnovazzjoni ta' diversi binjiet, knejjes u monasteri; fosthom Palazzo Albani, parti mill-faċċata tas-Sede Komunali, il-Palazz tal-Arċisqof, il-Kappella Albani (fil-Kunvent ta' San Franġisk), l-Oratorju ta' San Ġużepp, u l-istruttura interna tal-knejjes ta' San Franġisk, San Duminku u Santu Wistin. Barra minn hekk, minħabba l-patroċinju tal-Papa u l-familja tiegħu, id-Duomo ta' Urbino sarlu ħafna titjib (bħal artal ġdid) flimkien ma' istituzzjonijiet reliġjużi oħra fil-belt. Minn Lulju 1717 sa Novembru 1718, Urbino ospitat lil James Stuart, il-pretendent eżilhat tat-tron Brittaniku, li kien igawdi l-appoġġ b'saħħtu tal-Papat.

Din l-epoka ġdida tad-deheb għall-belt ta' Urbino ntemmet bil-mewt ta' Klement XI fl-1721, u minn dak iż-żmien 'il quddiem il-belt bdiet sejra lura sa llum. Wara l-mewt tal-Papa, il-familja Albani b'mod prinċipali baqgħet tieħu ħsieb l-iktar xogħlijiet sinifikanti sal-ewwel nofs tas-seklu 19.

Fl-1789, il-koppla tal-Katidral ċediet minħabba terremot qawwi u b'hekk ġiet rinnovata l-knisja kollha.

Bejn l-1797 u l-1800, il-belt ġiet okkupata mit-truppi Franċiżi, bħall-biċċa l-kbira tat-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-Italja. Matul l-okkupazzjoni tal-Franċiżi, Urbino u t-territorju tal-madwar kellhom jiffaċċjaw ir-rekwiżizzjoni ta' ħafna opri tal-arti importanti mill-Franċiżi, u dawn spiċċaw Pariġi jew Milan, fil-mużewijiet tal-Louvre u l-Pinacoteca di Brera. Dan kompla jgħaxxaq il-wirt artistiku lokali, li diġà kien tilef ħafna opri minħabba d-devoluzzjoni tad-Dukat fis-seklu 17.[9]

Żvilupp mill-ġdid fis-seklu 19

immodifika
 
Id-Duomo ta' Urbino

Is-seklu 19 beda bil-konsagrazzjoni tad-Duomo l-ġdid ta' Urbino fl-1809, skont id-disinn tal-arkitett Giuseppe Valadier, li rrestawra l-binjiet ta' żmien Federico da Montefeltro, bħas-Seminarju l-antik, biswit il-knisja ta' San Sergio.

Wara l-kostruzzjoni tal-Palazzo Albani l-ġdid fl-1831, iddisinjat mill-arkitett Pietro Ghinelli, li ddisinja wkoll il-Pjazza tar-Repubblika li iktar 'il quddiem kienet l-ewwel parti ta' Corso Garibaldi, il-belt esperjenzat għadd ta' titjib iddisinjat biex tibdel il-bixra tal-belt. Mill-kostruzzjoni tat-teatru Sanzio (1845-53) nibet it-twettaq aħħari ta' Corso Garibaldi, b'portiċi mgħottija fuq in-naħa tat-triq li ġejja għan-niżla sabiex dawk li kienu jattendu t-teatru setgħu jistkennu mix-xita u mill-borra fi triqithom lejn il-Pjazza tar-Repubblika, u l-kostruzzjoni baqgħet għaddejja sal-bidu tas-seklu 20. Barra minn hekk, bidla importanti oħra kienet il-qerda, fl-1868, ta' parti mis-swar biex tinħoloq barriera doganali, imsejħa Porta Nuova jew Barriera Margherita (f'ġieħ il-Prinċipessa Margerita ta' Savoia), li kienet meħtieġa minħabba triq ġdida li kienet tgħaddi tul biċċa mis-swar u kienet kollegata ma' Corso Garibaldi. Dan irriżulta f'pjanta urbana ġdida bl-inkorporazzjoni tal-biċċa art taħt il-Palazz Dukali msejħa Pincio.

Dawn it-trasformazzjonijiet urbani ġabu magħhom bidla fl-aċċess għall-belt. Minflok it-toroq dojoq u jserrpu minn ġo daħliet fis-swar, issa wieħed seta' jidħol minn Porta Nuova b'mod iktar faċli u konvenjenti biex jasal sal-Pjazza tar-Repubblika u l-Palazz Dukali fiċ-ċentru storiku tal-belt.

Dan it-tiġdid urban kien jirrifletti ħafna mill-ideat ta' Fulvio Corboli iżda d-disinn sar l-iktar mill-arkitett Vincenzo Ghinelli.[10]

Unifikazzjoni tal-Italja

immodifika

Fit-8 ta' Settembru 1860, it-truppi tal-Piemonte daħlu f'Urbino minn Porta Santa Lucia, u l-aħħar reżistenza tal-armata Papali kellha tarrendi taħt il-portiku tad-dar fejn Raffaello għex fi tfulitu. Iżda kien fid-29 ta' Settembru, bil-ħakma ta' Ancona, li r-reġjun tal-Marche nħakem għalkollox mill-armata tal-Piemonte.

Bejn l-4 u l-5 ta' Novembru, kien hemm referendum dwar l-annessjoni tal-Marche mar-Renju ta' Sardenja, li spiċċa b'133,783 vot favur, 260 vot kontra u 1,212-il vot invalidu. Fil-provinċja ta' Urbino (eskluż it-territorju ta' Pesaro) l-għadd tal-voti kien 21,111 favur, 365 kontra u 29 vot invalidu. Sussegwentement, fl-10 ta' Novembru, ir-reġjun tal-Marche ġie inkluż fl-Istatut Albertino, u mbagħad, fis-17 ta' Diċembru, kollox ġie uffiċjalizzat bil-ħruġ ta' digriet irjali.[11]

Il-gvern il-ġdid beda l-konfiska ta' diversi proprjetajiet ekkleżjastiċi, fosthom il-parti l-kbira tal-Kunvent ta' San Franġisk (fejn kien hemm parti li kienet ġnien botaniku, iddisinjat minn Vincenzo Ghinelli), il-monasteru ta' Santa Klara, il-monasteru ta' San Ġlormu, u ħafna oħrajn.

L-ewwel nofs tas-seklu 20

immodifika

Dan is-seklu beda bħal ta' qablu. Il-perjodu ta' paċi dam għall-ewwel nofs tas-seklu 20, bl-ebda avveniment sinifikanti. F'dan il-perjodu, ġiet stabbilita l-iScuola del Libro (Istituto per la Decorazione e l'Illustrazione del Libro) u minnha ħareġ talent konsiderevoli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell internazzjonali. Flimkien mal-iżvilupp artistiku tal-iScuola del Libro, Urbino bdiet tikber ukoll bħala belt universitarja, b'fakultà universitarja għall-ispiżjara u l-fakultà tal-edukazzjoni (lejn l-1934). Minħabba dawn il-bidliet fl-Università, żieda fil-popolazzjoni tal-istudenti wasslet għal nuqqas ta' akkomodazzjoni u l-belt inqabdet fuq sieq waħda, tant li għall-bidu ħafna studenti bdew joqogħdu fid-djar taċ-ċittadini. Il-problema ġiet solvuta parzjalment bl-istabbiliment tal-iskola tas-subien fejn kienu jibqgħu jorqdu u jieklu hemm, il-Convitto Raffaello, fil-bidu tas-seklu, u oħra tal-bniet, il-Convitto Laura Battiferri, lejn l-1926. Dan il-perjodu kien dominat minn avvenimenti kbar fl-istorja nazzjonali u internazzjonali, li inevitabbilment ġew espressi wkoll f'Urbino. Il-perjodu tad-dittatura Faxxista ħalliet il-marka tagħha fuq il-belt, speċjalment mill-puntdivista arkitettoniku, bi skola primarja Faxxista ta' Giovanni Pascoli (1932) li nbniet fuq il-ġnien antik ta' Santa Luċija (parti mill-ġonna privati tad-duki), ir-restawr tal-Palazzo Mauruzi-Gherardi, li dak iż-żmien kien is-sede tat-tribunal, kif ukoll il-Casa dello Studente, biex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta' akkomodazzjoni għall-istudenti universitarji u għan-nies b'diżabbiltà u dawk li ndarbu fil-gwerer.

Fl-1938, il-belt ta' Urbino ġiet iddeżinjata bħala l-kwartieri ġenerali tas-Soprintendenza alle Gallerie e alle Opere d'Arte delle Marche, li kienet Organizzazzjoni tal-Galleriji u l-Opri tal-Arti tal-Marche.

Malli faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-belt ma ġarrbet l-ebda ħsarat mill-bumbardamenti, bis-saħħa ta' salib aħmar kbir li ġie miżbugħ fuq is-saqaf tal-Palazz Dukali u ftehim bejn il-Ġermaniżi u l-Alleati. Kien biss lejn tmiem il-gwerra li t-truppi Ġermaniżi ppruvaw jeqirdu s-swar u l-ħitan kollha tal-belt bl-isplussiv qabel jirtiraw, iżda b'xorti tajba ċ-ċittadini ta' Urbino li tqabbdu jiffabbrikaw l-isplussiv għamluh b'tali mod li ma jiħux. Huma hu jirtiraw, it-truppi Ġermaniżi iżolaw il-belt bil-qerda tal-kollegamenti ferrovjarji u bit-triq. Barra minn hekk, il-Ġermaniżi ppjanaw li jisplodu mina li kienet għadha qed tinbena bejn Urbino u l-parroċċa ta' Schieti, li kienet qed tintuża min-Nażisti biex jaħżnu l-armi tan-nar. Minħabba l-pożizzjoni tal-mina taħt iċ-ċentru storiku tal-belt, il-popolazzjoni ta' Urbino kienet qed tibża' li splużjoni kienet teqred il-belt kollha, iżda dan ma seħħx. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, is-Supretendent ta' dak iż-żmien tal-Galleriji u l-Opri tal-Arti ta' Urbino, Pasquale Rotondi ħeba madwar 10,000 kapulavur imprezzabbli (fosthom dawk ta' Giorgione, Piero della Francesca, Paolo Uccello, Tiziano, Mantegna, Raffaello u ħafna oħrajn, li issa jinsabu fl-aqwa mużewijiet fl-Italja) li kienu se jinsterqu min-Nażisti fil-Fortizza ta' Sassocorvaro. Għemilu ġie rikonoxxut mad-dinja kollha u sa llum il-fortizza hija magħrufa bħala l-“Arka tal-Arti”.[12]

Urbino ġiet illiberata mill-okkupazzjoni Nażista fit-28 ta' Awwissu 1944, bis-saħħa tal-intervent tal-Korp Brittaniku Nru V u tat-truppi Pollakki, u l-azzjonijiet erojċi tal-gruppi partiġjani taż-żona. Uħud mill-membri ta' dawn il-gruppi nqabdu min-Nażisti u ġew ġustizzjati f'Punto Panoramica, fejn illum hemm mafkar biex jagħti ġieħ lis-sagrifiċċju tagħhom.[13]

Urbino u De Carlo

immodifika
 
Veduta tal-belt

Fit-tieni nofs tas-seklu 20 kien hemm kooperazzjoni kbira bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi ewlenin u l-arkitett Giancarlo De Carlo. Din ir-relazzjoni bdiet fl-1956 meta Carlo Bo, eks rettur tal-Università, ikkummissjona lil De Carlo biex iwettaq il-proġett tar-restawr intern tal-Palazzo Montefeltro-Bonaventura, is-sede tal-Università. Eżatt wara, De Carlo ġie kkummissjonat mill-belt biex iħejji l-Pjan Regolatur Ġenerali (1958-1964) bl-għan li jiġi restawrat iċ-ċentru storiku tal-belt, li kien jinsab f'qagħda mwiegħra, speċjalment il-parti tal-għolja taħt is-sisien tal-Palazz Dukali. Din issaħħet bis-saħħa tal-finanzjament statali minn żewġ liġijiet speċjali ppromulgati għall-belt ta' Urbino (fl-1968 u fl-1982).

Sussegwentement, De Carlo wettaq diversi proġetti għall-Università, inkluż id-dormitorji tal-kulleġġ ħdejn il-knisja tal-Kapuċċini, eżempju interessanti ta' kif l-arkitettura tista' ssir ħaġa waħda mal-pajsaġġ tal-madwar. Lesta proġetti wkoll bħall-kostruzzjoni tal-Magisterium (1968-1976), ir-ristrutturar tal-fakultà tal-liġi (1966-1968) u l-binja Battiferri (1986-1999) għall-fakultà tax-xjenza ekonomika. Dawn huma tliet eżempji sinifikanti tal-inklużkoni ta' arkitettura kontemporanja f'ambjent antik, u għadhom jiġu studjati sa llum.

Fis-snin sebgħin tas-seklu 20 seħħ proġett imsejjaħ Operazione Mercatale b'kollaborazzjoni mal-Muniċipalità (1969-1972), li kien jinkludi l-kostruzzjoni ta' parkeġġ taħt l-art b'diversi sulari, taħt it-torrijiet żgħar famużi tal-Palazz Dukali, u r-restawr tar-rampa elikojdali ta' Francesco di Giorgio Martini (1971-1975) taħt it-teatru Sanzio. Mill-1977 sal-1982 ġie żviluppat ukoll il-proġett ta' rinnovazzjoni tat-teatru Sanzio kif ukoll il-proġett kontroversjali ta' rinnovazzjoni tal-istalel Dukali antiki. Barra minn hekk, bis-saħħa tar-relazzjoni mill-qrib ma' De Carlo, il-belt ospitat il-laboratorji tal-ILAUD darbtejn (fl-1976-1981, u fl-1992-1993), stabbiliti u diretti mill-arkitett.

Waħda mill-aħħar azzjonijiet ta' De Carlo kienet it-tħejjija, bejn l-1989 u l-1994, tal-Pjan Regolatur Ġenerali Ġdid.[14]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iċ-ċentru storiku ta' Urbino sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba fl-aqwa żmien tagħha, Urbino attirat uħud mill-aqwa studjużi u artisti umanisti tar-Rinaxximent, li ħolqu kumpless urban eċċezzjonali ta' omoġenjetà notevoli li kienet influwenti għall-bqija tal-Ewropa; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba Urbino hija rappreżentazzjoni ta' suċċess tal-arti u tal-arkitettura Rinaxximentali, adattati b'mod armonjuż għas-sit fiżiku u għall-prekursur Medjevali tal-belt b'mod eċċezzjonali.[2]

Persuni notevoli

immodifika
  • Bartolomeo Carusi, teologu u professur
  • Battista Malatesta (1384-1448), poeta Rinaxximentali
  • Bernardino Baldi, matematiku u kittieb
  • Clorinda Corradi, kantant liriku (1804-1877)
  • Crispino Agostinucci, isqof ta' Montefeltro
  • Donato Bramante twieled fil-qrib u esperjenza x-xogħol ta' Laurana f'żgħożitu
  • Elisabetta Gonzaga, Dukessa ta' Urbino (1471-1526)
  • Federico Barocci, pittur
  • Federico Commandini (1509), matematiku
  • Federico III da Montefeltro, Duka ta' Urbino, mexxej Medjevali li ried li jkollu patroċinju tal-arti
  • Federico Zuccari u Taddeo Zuccari, pitturi li twieldu fil-qrib
  • Fernando Aiuti (1935), immunologu
  • Francesco Puccinotti (1794-1872), patologu
  • Giovanni Francesco Albani, il-Papa Klement XI
  • Giovanni Santi, pittur u poeta, missier Raffaello, twieled fil-qrib
  • Guidobaldo II Della Rovere, Duka ta' Urbino, ikkummissjona l-pittura tal-Venere ta' Urbino
  • Muzio Oddi (1569-1639), matematiku, arkitett, inġinier militari, kittieb
  • Ottaviano Petrucci, ivvinta l-istampar tal-mużika b'tipa immobbli, li twieled fil-qrib
  • Paolo Volponi (1924-1994), kittieb u poeta
  • Polydore Vergil jew Virgil, kronista fl-Ingilterra
  • Raffaello Carboni, kittieb
  • Raphael Gualazzi, pjanista tal-mużika jazz u kantant, ġie t-tieni fil-Festival tal-Eurovision tal-2011
  • Raffaello, pittur; id-dar ta' familtu hija mużew fil-belt
  • Umberto Piersanti, poeta u kittieb
  • Valentino Rossi, motoċiklista li rebaħ diversi kampjonati dinjija tal-MotoGP
  • Marica Branchesi, astrofiżiku
  • Stefano Sensi, plejer tal-futbol

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Statistiche demografiche ISTAT". demo.istat.it. Miġbur 2021-03-12.
  2. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Urbino". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-12.
  3. ^ "INGV - DBMI04 - Consultazione per terremoto". emidius.mi.ingv.it. Miġbur 2021-03-12.
  4. ^ Franco Mazzini, Urbino - i mattoni e le pietre, Urbino, Argalia Editore, 2000, pp. 9-10, ISBN 88-392-0538-1.
  5. ^ Osborne, June (2003-10-01). Frances Lincoln Ltd (ed.). Urbino: The Story of a Renaissance City (bl-Ingliż).
  6. ^ Agnati, Ulrico (1999). L'ERMA di BRETSCHNEIDER (ed.). Per la storia romana della provincia di Pesaro e Urbino (bit-Taljan).
  7. ^ a b Franco Mazzini, I Mattoni e le Pietre d'Urbino, Argalia, Urbino, 1982.
  8. ^ Walter Tommasoli, La vita di Federico da Montefeltro 1422-1482, Argalia, Urbino, 1975, Riedizione 1995.
  9. ^ Joseph Cucco (ed.), Albani Pope and the Arts in Urbino and Rome from 1700 to 1721, Venice, Marsilio, 2007. ISBN 88-317-7862-5.
  10. ^ Walter Tommasoli, The Life of Federico da Montefeltro 1422-1482, Argalia, Urbino, 1975, Reissue 1995.
  11. ^ Raffaele Molinelli, Urbino, 1860, katalgu tal-wirja ta' Urbino fir-Risorgimento, STEU - Urbino 1961.
  12. ^ "Sassocorvaro, l'Arca dell'Arte – domani è un altro viaggio" (bit-Taljan). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-13. Miġbur 2021-03-12.
  13. ^ Ruggero Giacomini, Urbino 1943-44, Urbino, Argalia editore, 1970, p. 159.
  14. ^ Giancarlo De Carlo, Urbino - la storia di una città e il piano della sua evoluzione urbanistica, Marsilio Editore.