Tiziano Vecellio jew Tiziano Vecelli jew Tiziano da Cador [1], bil-Malti magħruf bħala Tizjanu, (twieled madwar l-1488 Pieve di Cadore, (provinċja ta' Belluno, fil-Veneto) - miet fis-27 ta' Awissu 1576 Venezja) kien pittur Taljan, l-iżjed memru importanti tal-iskola Venezjana ta-seklu 16. Huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar ritrattisti ta' dak iż-żmien bis-saħħa tal-ħila li kellu biex joħroġ il-karattru tal-persunaġġi fir-ritratti. "Ħeles ukoll il-pittura mir-restrizzjoni tal-linja u l-forma fejn kienet inkarċrata mill-aħħar tal-Medjuevu, u għamel hekk biex jagħti l-poter lill-kulur".[2]

Tizjanu
Titian - Self-Portrait (detail) - WGA22979.jpg
pittur tal-familji nobbli

Ħajja
Twelid Pieve di Cadore (en) Translate, 1488, c. 1490, 1480s, 1489
Nazzjonalità Repubblika ta' Venezja
Mewt Venezja, 27 Awwissu 1576
Post tad-dfin Santa Maria Gloriosa dei Frari (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (pesta)
Familja
Missier Gregorio Vecellio
Konjuga/i Cecilia Soldano (en) Translate  (1525 (Gregorian) -  6 Awwissu 1530 (Gregorian))
Ulied
Aħwa
Tribù Vecellio family (en) Translate
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Giovanni Bellini (en) Translate
Gentile Bellini (en) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
disinjatur
disinjatur tal-bini
tipografu
Post tax-xogħol Venezja
Padova
Milan
Ruma
Firenze
Augsburg (en) Translate
Augsburg (en) Translate
Xogħlijiet importanti Mara bil-Mera
L-Inkoronazzjoni bix-Xewk
Il-Madonna tal-Fenek
Venere ta' Urbino
Karlu V fuq iż-żiemel
Il-Papa Pawlu III man-Neputijiet
Tarkwinju u Lukrezja
Premjijiet
Moviment Skola Venezjana
Rinaxximent Għoli
Psewdonomu Veccellio, Tiziano
Moviment artistiku pittura ritratt
pittura reliġjuża
pittura mitoloġika
nudu artistiku
pittura storika
ritratt
Awtoritratt ta' Tizjanu
Tizjanu ġabar flimkien il-kobor u l-aspett terribbli ta' Mikelanġlu mal-grazzja u l-eleganza ta' Raffaello u kuluri tan-natura stess.

—Ludovico Dolce

BijografijaImmodifika

Twieled Pieve di Cadore, belt żgħira fid-Dolomiti fil-Veneto bejn l-1488 u l-1490[3] f'familja għanja tal-post. Missieru Gregorio Vecellio kellu bosta karigi, fosthom dawk ta' kaptan tal-milizja u spettur tal-minjieri.

 
Mara bil-mera (1515)
 
Tizjanu, Venere quddiem il-mera

Ma nafux x'għamla ta' edukazzjoni rċieva: x'aktarx ma kienx jaf bil-Latin, lingwa importanti ħafna f'dik l-epoka, u l-maġġoranza tal-ittri li waslulna inkitbu f'ismu minn oħrajn. Tizjanu ġie introdott għall-pittura flimkien ma' ħuh Francesco. It-tnejn intbagħtu Venezja, fl-età ta' 9 jew 10 snin biex jistudjaw l-arti. Hemm bdew fl-istudju ta' Sebastiano Zuccato, artista li jaħdem il-mużajk. Wara erba' jew ħames snin, Tizjanu daħal jaħdem fil-istudju tal-pittur Gentile Bellini u mbagħad ma' ħuh Giovanni Bellini, dak iż-żmien l-artista l-aktar famuż ta' Venezja. Hemm iltaqa' ma' Giorgio da Castelfranco, magħruf bħala Giorgione. Saru ħbieb u sħab, u fl-1508 ħadmu flimkien fuq l-affreski fuq barra tal-Fontego dei Tedeschi [4].

Sentejn wara, Giorgione miet bil-pesta u x'aktarx li ħafna pitturi li Giorgione ma kienx lesta, spiċċahom Tizjanu[5]. Mill-1508 sal-1568, Tizjanu kien jaħdem ukoll fl-inċiżjoni fl-injam. Saħansitra hemm min jaħseb li kien imdaħħal fl-iżvilupp tal-Fabrica, volum fid-daqs ta' folio ta' 663 paġna, li fih aktar minn 300 figura anatomika inċiża fl-injam. Imma qatt ma nstabu provi[6].

Tizjanu pinġa tliet affreski għall-iScuola di Sant'Antonio ta' Padova, fejn mar fl-1511. Fl-1516, wara l-mewt ta' Giovanni Bellini, inħatar pittur uffiċjali tar-Repubblika Venezjana u waqqaf studju fuq il-Kanal il-Kbir f'San Samuele. Bosta artisti kontemporanji kienu jaħdmu hemm għal xi żmien, fosthom Tintoretto u El Greco.

 
L-Assunzjoni tal-Verġni Marija, 1516-1518. Żejt fuq panew tal-injam, 6.90x360 ċm. Knisja ta' Santa Maria Gloriosa dei Frari
 
Qabar ta Titian f'Venezja.

Fl-Assunzjoni tal-Verġni, ordnata għat-titular tal-Knisja ta' Santa Maria Gloriosa dei Frari fl-1516 u mwaħħla fil-knisja fl-1518, Tizjanu neħħa kull referenza ikonografika tradizzjonali għall-mewt u mexa mat-teoloġija Franġiskana kontemporanja biex ħoloq it-tlugħ glorjuż fis-sema tal-Madonna[7]. Din is-soluzzjoni minn dak iż-żmien saret il-kompożizzjoni ta' referenza madwar id-dinja Kattolika. Fl-1520, esegwixxa ordni kbira għad-dekorazzjoni tal-Palazz Dukali, Il-Battalja ta' Cadore (affresk kbir li nqered bin-nar fl-1577), u tliet pitturi ta' xeni mitoloġiċi għal Alfonso I d'Este. Kien inkarigat ukoll li jpinġi r-ritratt ta' kull Doġe li ġie elett sal-1555 meta l-kariga ħadha Tintoretto. Kellu wkoll għadd kbir ta' ordnijiet minn nies Venezjani importanti u mill-knejjes tal-belt.

Tliet snin wara mar Ferrara u ltaqa' ma' Federiku II Gonzaga, Markiż ta' Mantova u pinġa ritratt tiegħu u baqa' jaħdem għalih għal aktar minn 10 snin, iżejjinlu l-Kastell ta' Ferrara b'affreski mitoloġiċi. Lejn l-aħħar tal-1522 għamel ħbieb ma' Pietro Aretino u Jacopo Sansovino refuġjati f'Venezja wara s-sakkeġġ ta' Ruma u mar Mantova fejn Federico Gonzaga ordnalu kważi erbgħin pittura.

Fl-1525, iżżewweġ lil Cecilia Soldano, bint barbier minn raħal twelidu Cadore, li magħha diġà kellu żewġt ulied subien: Pomponio fl-1523 u Orazio, eżatt qabel it-tieġ. Kienet ilha toqgħod miegħu għal xi ħames snin imma fl-1525 mardet gravament u Tizjanu żżewwiġha biex jilleġittima 'l uliedu. Cecilia fieqet, iż-żwieġ kien hieni u kellom tifla oħra li mietet fiċ-ċokon[8]. F'August tal-1530 Cecilia mietet. Tizjanu reġa' żżewweġ imma ma nafu xejn dwar it-tieni mara. X'aktarx kienet omm Lavinia.[9] It-tieni mara mietet madwar l-1427 u kellu tifla oħra, Emilia, forsi ma' mara li kienet toħodlu ħsieb id-dar.[10]. Mit-tfal il-favorit ta' Tizjanu kien Orazio, li sar l-assistent tiegħu.

Is-snin 1530 kienu snin ta' kanoni feminili ġdida għal Tizjanu, aktar fina bħal f'La Bella (Firenze, Palazzo Pitti), Marija Maddalena (Firenze, Palazzo Pitti) jew f'Il-Venere ta' Urbino (madwar l-1533) (Firenze, Galleria degli Uffizi). Dan l-aħħar xogħol, inpinġi għal Guidobaldo della Rovere fl-1538 hu mnebbaħ mill-Venere Rieqda ta' Giorgione, jirrappreżenta mara għarwiena (Venere? Korteġġjana? Għarusa żagħżugħa?) mimduda fuq sodda fil-kamra u mqajma. Dan hu x-xogħol emblematiku tal-karriera tiegħu u l-prototip tan-nudu feminili mimdud ġewwa għall-pittura Ewropea li Édouard Manet ibbaża fuqu l-​​Olympia [11].

Dik is-sena, l-1530, bis-saħħa tal-Markiż ta' Mantova ltaqa' ma' Karlu V matul vjaġġ tal-Imperatur fl-Italja . Tliet snin wara, Karlu V tah it-titlu ta' Conte Palatino u Cavaliere Sperone d'Oro, unur li qatt qabel ma kien ingħata lil pittur. Pinġa sensiela ta' ritratti tal-qraba tal-imperatur.

Fl-1545 mar Ruma fuq stedina tal-Papa Pawlu III. Fis-16 ta' Marzu kiseb iċ-ċittadinanza Rumana u mar lura Venezja. Il-konfrontazzjoni diretta max-xogħlijiet ta' Mikelanġlu għamlet impatt enormi fuq il-karriera tiegħu, li kienet għaddejja minn "kriżi Mannjerista" mmarkata b'kompożizzjonijiet aktar kuraġġużi u b'koloratura b'kuntrasti qawwijin.

Fl-1548 mar Augsburg fejn kienet qiegħda tiltaqa' id-Dieta tal-Imperu Ruman Imqaddes, immexxija minn Karlu V, opportunità għalih li jpinġi ħafna ritratti ta' nies importanti u l-imperatur stess. Imbagħad beda jaħdem fuq is-sensiela ta' Poeżiji għar-re Filippu II ta' Spanja. Dawn il-pitturi juru nudi femminili mitoloġiċi bħal Danae, Venere u Adone" u Djana u Attejun, u dawn inawguraw il-fażi finali ta' Tizjanu, ikkaratterizzata minn daqqa tal-pinzell ħafna inqas grafika u aktar ħielsa fejn it-tila stess turina d-daqqiet tal-pinzell fuqhom. Hemm min qal ukoll li Tizjanu kienu juża subgħajh biex ipinġi fl-aħħar ta' ħajtu.

Fl-1566 ġie elett flimkien ma' Andrea Palladio u Jacopo Tintoretto fl-Accademia delle arti del disegno ta' Firenze. L-aħħar xogħol magħruf tiegħu hu Pietà li kien għal fuq il-qabar tiegħu. Dan ma laħaqx lestieh u spiċċah Palma il Giovane.

Miet fis-​​27 ta' Awissu 1576, forsi bil-pesta, imma x'aktarx bix-xjuħija. Indifen fil-knisja ta' Santa Maria dei Frari f'Venezja.

Il-wirt GiorgioneskImmodifika

 
Il-kunċert kampestri, Giorgione u d-dixxiplu tiegħu Tizjanu, x'aktarx Giorgione sal-1510, u Tizjanu wara, Louvre.

Wara l-apprendistat tiegħu ma' Sebastiano Zuccato u Giovanni Bellini, Tizjanu mbagħad għamel xi żmien jaħdem fl-istudju ta' Giorgione. Vasari kiteb hekk:

Fil-bidu, meta beda jpinġi bil-manjiera ta' Giorgione, meta kellu bilkemm tmintax-il sena, pinġa ritratt ta' raġel tal-familja Barbarigo, ħabibu ... rajnieh tant impinġi tajjeb u b'tant ħila li, li kieku Tizjanu ma kienx kiteb ismu fid-dell, konna naħsbuh xogħol ta' Giorgione.[12]

Fl-1508, pinġa l-affreski fuq barra tal-Fondaco dei Tedeschi bi sħab ma' Giorgione. L-istil drammatiku tiegħu, jidher diġà qiegħed jinqata' minn ta' Giorgione. Fiċ-ċiklu ta' affreski tal-iScuola del Santo ta' Padova li pinġa fl-1510 u 1511, madankollu, għadna nsibu l-aspett sfumat ta' Giorgione u Correggio fuq il-laħam delikat tan-nies mingħajr kontorni u fil-veduti bi ċpar ħafif li jisfumaw magħhom faċilment u fil-materjali bellusin. In-nudi, jekk inqabbluhom ma' dawk ta Giorgione, huma xorta aktar sinċieri billi dawn m'għandhomx id-dija misterjuża li kellhom madwarhom il-figuri ta' dak il-pittur. Tizjanu juża d-dawl biex jintensifika l-kuluri li bihom jisfuma l-karattru ġol-ambjent.

Wara l-mewt ta' Giorgione fl-1510, xi xhieda kontemporanji jagħtuna x'nifhmu li Tizjanu spiċċa il-Venere Rieqda li ma kinetx lesta. Xi kritiċi jaħsbu li kien imdaħħal ukoll f'Il-Kunċert Kampestri. Dan il-kunċert mużikali għandu tema li ġejja mill-umaniżmu tar-Rinaxximent bikri; il-mużika tirrappreżenta l-armonija universali. il-Bniedem idoqq il-partitura tiegħu f'nofs in-natura eżuberanti. Il-kompożizzjoni hija misterjuża ħafna: fuq ix-xellug hemm mara tferra' l-ilma minn buqar tal-ħġieġ, fin-nofs hemm żewġt irġiel qegħdin idoqqu, wieħed minnhom idoqq il-mandolina u fuq il-lemin hemm mara għarwiena daharha lejna tonfoħ ġo flawt tal-qasab. Wara hemm ragħaj jira' n-nagħaġ, fi pjan aktar 'il bogħod hemm binja, u fid-distanza hemm il-muntanji li jirrappreżentaw id-dinja kollha f'perspettiva atmosferika bħal ta' Il-Madonna tal-blat (1483) ta' Leonardo da Vinci.

Fil-bidu tal-karriera tirgħu, Tizjanu kien influwenzat ħafna mil-qawwa evokattiva ta' Giorgione. Goethe meta jitkellem fuq l-affreski tal-iskola ta' San Antnin ta' Padova li kienu l-ewwel xogħlijiet indipendenti ta' Tizjanu jgħid "Hemm hemmhekk verità sorprendenti li tista' tesprimi kollox" [13].

 
Il-Venere ta' Urbino, 1538, Żejt fuq it-tila, 119 × 165 cm, Galleria Uffizi, Firenze.

Wara Tizjanu beda jpinġi l-pittura mitoloġika. Għall-uffiċju ta' Alfonsu I ta' Este pinġa L-offerta lil Venere, Il-bakkanal tal-Andriji[14] u Bakku u Arjanna. Fihom il-pittur jipprova l-ħila li kellu biex terġa jagħti l-ħajja lill-miti antiki u jimliehom immaġinazzjoni. Bħala sorsi letterarji uża Filostratu, Ovidju u Katullu, madankollu ma fittex l-ebda erudizzjoni umanista, iżda pjuttost il-mezz li jevoka d-dinja tal-qedem skont tonalità aktar Djoniżjaka. Fl-1526, ittratta b'mod trijomfalist tema reliġjuża Il-Madonna ta' Pesaro (magħrufa bħala Pala Pesaro).[15] Din il-manjiera grandjuża ma żammitux milli jpinġi fl-istess ħin pitturi aktar intimi bħal Il-Madonna tal-fenek jew Id-depożizzjoni[16]. Il- Venere ta' Urbino tal-1538 għal darba oħra turi l-abbiltà ta' Tizjanu li jirrappreżenta r-realtà f'mument u ambjent partikolari. Flimkien mas-serje ta' ritratti, Il-Venere ta' Urbino timmarka t-tmiem tal-perjodu ta' majestà kalma.

Il-perjodu ManjeristaImmodifika

 
Kajjin u Abel, Bażilika ta' Santa Maria della Salute

Fl-1527, Pietro Aretino u Jacopo Sansovino marru joqogħdu Venezja. Tizjanu sar ħabib tal-qalb magħhom u din il-ħbiberija bla dubju għenitu jsegwi l-żviluppi tal-Manjeriżmu, li kien popolari ħafna fl-Italja ċentrali. Ir-Ritratti taċ-Ċesri pinġiehom f'dan il-perjodu għall-palazz dukali ta' Mantova. Għalkemm dawn intilfu, nafuhom mill-kopji u l-istampi. Minnhom nistgħu nifhmu l-istil ġdid ta' Tizjanu, influwenzat mill-Manjeriżmu ta' Giulio Romano. Imbagħad pinġa s-soqfa tal-Bażilika ta' Santa Maria della Salute ta' Venezja. F'dawn il-pitturi l-karattri huma marbuta flimkien b'ġesti vjolenti u mdawlin b'dawl sħun u vibranti.

Il-kritika moderna tagħti importanza kbira lix-xogħol Manjerista ta' Tizjanu. Ħalla l-viżjoni trankwilla, naturalista tal-ħidma bikrija tiegħu biex jinawgura metodu aktar ħieles fl-immaġinazzjoni tal-figuri u li joħloq atmosfera drammatika bi kromatiżmu aktar espressiv. Waqt li kien Ruma (1545-1546), l-intriċi għall-poter fil-qorti papali ispirawh b'kapulavur ieħor, ir-Ritratt ta' Pawlu III man-neputijiet. Ir-ritratt ta' grupp li li bih Tizjanu kien qiegħed jipprova jikkompeti ma' Raffaello ma nafux għaliex qatt ma lestieh. Fih il-Papa jidher bħala raġel xiħ bilqiegħda. Tizjonu aktar tfittex li juri l-karattru tar-raġel xiħ mill l-majestà tal-kariga papali tiegħu. Neputih, il-Kardinal Alessandro Farnese fl-isfond jidher li hu l-instigatur ewleni tad-deċiżjonijiet ta' zijuh. fuq il-lemin Orazio Farnese jinżel għarkupptejh quddiem zijuh jistaqsih xi ħaġa. F'Karlu V fil-Battalja ta' Mühlberg, impinġija fl-1548, Tizjanu jittrasforma s-suġġett f'simbolu araldiku, iżda l-Karlu V jurih ukoll bħala despota għajjien. Din it-tila, impinġija ftit qabel l-abdikazzjoni ta' Karlu V turi sens akut ta' analiżi [13].

Il-pittura, Kajjin u Abel, turi suġġett bibliku: il-qtil ta' Abel minn ħuh Kajjin. Dan ix-xogħol li jixhed il-maturità sħiħa ta' Tizjanu, tpinġa meta reġa' lura minn Ruma, fejn kien influwenzat minn Mikelanġlu fil-forom, l-impetwożità tal-moviment u l-qawwa tal-kulur. Dan juri fl-istess ħin sensittività kompletament awtonoma għall-ispazju, imbiegħda mill-kunċetti tal-Manjeriżmu Toskan-Ruman.

Fil-pjan ta' quddiem naraw 'l Abel, persunaġġ bibliku, iben Adam u Eva, b'rasu mdemma maqlub mal-art minn ħuh. Driegħu l-leminija ftit mgħawġa, bħallikieku biex tilqa' l-waqgħa inevitabbli. B'driegħu tax-xellug qisu qed jitlob il-qattiel li jħenn għalih filwaqt li b'disperament jipprova jsalva ħajtu. L-ilbies sempliċi ta' ġilda ta' annimal juri l-muskolatura impressjonanti tiegħu. Fil-pjan tan-nofs naraw il-qattiel, ġismu miġbud mill-vjolenza tal-ġesti tiegħu, ixejjer għasluġ ma' rasu biex joqtol 'il ħuh. Filwaqt li riġlu x-xellugija qiegħda soda fuq l-art, bis-sieq l-oħra jimbotta brutalment il-vittma tiegħu, u juri wkoll muskoli prominenti. Fl-isfond naraw is-sema itturmentata li thedded bi sħab iswed.

Għajnejna jmorru naturalment lejn iċ-ċentru tal-kompożizzjoni - is-sieq ta' Kajjin li biha jimbotta 'l ħuh. Dan il-punt tal-ġlieda jiġi fejn jaqsmu 'l xulxin żewġ linji djagonali, il-"ġeometrija sigrieta":

  • Waħda mil-linji djagonali tibda fir-rokna ta' fuq fix-xellug, tgħaddi mis-sħab u tispiċċa fir-riġel leminija ta' Kajjin
  • L-oħra tibda mill-isġalla ta' Kajjin, imbagħad tgħaddi minn siequ u tispiċċa mal-linja tal-blat.

Dan l-intersezzjoni timmarka l-qofol tal-pitturra, jiġifieri l-vjolenza tal-att u l-moħqrija ħarxa tiegħu.

L-użu tad-dawl f'din il-pittura hu interessanti ħafna wkoll. Effettivament is-sors tad-dawl, li ġej min-nofs il-lemin tal-kompożizzjoni, idawwal parti mill-azzjoni u Abel biss jinstab fid-dawl. Nistgħu naraw is-sengħa li biha l-pittur juri 'l Kajjin bħala bniedem imdallam u ħażin u hekk joħroġ fid-dawl il-virtujiet ta' ħuh, li "l-Mulej ħares lejh u l-offerta tiegħu" (Ġenesi 4,4). Il-wiċċ tal-qattiel hu wkoll fid-dlam, biex isaħħah dan l-effett tal-personifikazzjoni tal-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin. Barra minn hekk il-kolonni tas-sħab fl-isfond jikkonfermaw din l-ipoteżi billi jagħtu l-impressjoni li ħerġin minn ġisem Kajjin, rappreżentazzjoni simbolika tal-karattru ħażin tal-persunaġġ.

Fl-aħħarnett, il-forom jipprovdulna indikazzjonijiet addizzjonali biex nanalizzaw aħjar il-pittura. Kajjin hu ppreparat, imponenti, il-forom ta' ġismu mpinġijin b'linji kemm jista' jkun dritti mingħajr ma jonqos is-sens ta' realiżmu. B'kuntrast, il-pożizzjoni ta' riġel Abel, dirgħajh, ġenbejh, huma mpinġijin b'disinn aktar flessibbli u fit-tond. Dan il-logħob bejn tondjaturi u linji dritti jagħti 'l Abel attitudni inqas ħarxa, filwaqt li ħuh jidher kifer u aħrax.

Ix-xena kkaratterizzata mit-tensjoni emottiva qawwija li toħroġ miż-żewġ iġsma f'pożi b'prospettiva ċara tirrappreżenta fażi ta' kunflitt intern. Il-lejl hu definit minn interazzjoni kumplessa ta' dawl u riflessjonijiet li jagħtu ton drammatiku lill-kompożizzjoni.

L-aħħar perjoduImmodifika

Fl-1551, meta kellu aktar minn sittin sena, Tizjanu mar joqgħod għal kollox Venezja. Ħinu kollu kien meħud bl-ordnijiet tal-prinċpijiet waqt li jaħdem fuq forom ġodda ta' espressjoni. Anke fis-suġġetti profani l-istruttura drammatika żdiedet fl-intensità. Miet qabel ma lesta l-aħħar xogħol tiegħu, Pietà li kienet għall-qabar tiegħu fil-Frari. Spiċċaha Iacopo Negretti (magħruf bħala Palma il Giovane)[17].

Il-metodu li kien juża Tizjanu fl-aħħar perjodu kien ivarja ħafna, barra li juża l-pinzell kultant kien juża subgħajh jew xi ċarruta, ħafna drabi kien japplika tiċlisa kbira fuq iż-żebgħa nixfa ta' taħt. Dan kien jeħtieġ li x-xogħol isir matul perjodu twil ħafna billi kull passata trid tinxef biex iż-żebgħa ma titqarqaċx. Meta jispiċċa saff Tizjanu kien iqiegħed il-pitturi mal-ħajt.

Issa meta kien imur lura biex jaħdem fuqhom wara xi żmien, kien jarahom b'mod differenti minn kif kien jarahom kieku kien ħadem fuqhom mingħajr waqfien. Għalhekk il-pitturi jagħtu l-impressjoni li mhux lesti, iżda huma r-riżultat ta' proċess viżibbli li beda b'Il-Lunzjata tal-Scuola Grande di San Rocco (riproduzzjoni hawn taħt). It-tpinġija tal-kontorn u l-iżkizz ta' qabel fuq il-karta ma baqgħux meħtieġa. Id-disinn b'kontorni mżellġin kien jibnih fil-pittura ftit ftit b'subgħajh[18], [19]. Bil-kuluri u l-mod kif iqiegħed iż-żebgħa seta' jevokaw forom f'dan ix-xogħol progressiv, sikwit mid-dell (il-passati ta' hawn taħt) għad-dawl (fil-wiċċ). Madankollu għal min kien iżur l-istudju ta' Tizjanu ta' din l-età, ir-riżultat kiena spettakolari u totalment ġdid [20], it-taħlit tal-kuluri iseħħ f'għajnejn l-ispettatur, li m'għandux jara d-dettalji tal-pittura mill-qrib imma jaraha sħiħa u jkompliha bl-għajnejn u l-immaġinazzjoni.

InfluwenzaImmodifika

Tizjanu kellu bħala studenti tiegħu Paris Bordone, li però ma tantx dam miegħu minħabba li Tizjanu ma tantx kien jagħtihom attenzjoni lill-istudenti. Influwenza wkoll lill-pittur Lorenzo Lotto li kellu temperament differenti għal kollox, lil Palma Vecchio li ibnu sar l-assistent ta' Tizjanu u baqa' miegħu sakemm miet Tizjanu u Pieter Paul Rubens (speċjalment fil-kuluri). Ix-xogħlijiet ta' Tizjanu kienu ammirati madwar l-Ewropa kollha: Van Dyck, Nicolas Poussin, Antoine Watteau, Diego Velasquez, Murillo, Rembrandt, Joshua Reynolds, Eugène Delacroix kienu wkoll l-eredi ta' Tizjanu, kif ukoll Tintoretto, Paolo Veronese u Giambattista Tiepolo [21].

L-arti tar-ritrattImmodifika

Tizjanu u Van Eyck separatament żviluppaw il-prototip tar-ritratt uffiċjali tal-perjodu modern.

Matul it-tieni nofs ta s-seklu 15, l-artisti Taljani adottaw it-teknika tal-pittura biż-żejt. Kien żgur Antonello da Messina li daħħalha Venezja fl-1475. It-teknika mbagħad adottataha Giovanni Bellini li għamilha tiegħu sftit wara. Giorgione esperimenta b'xi karatteristiki tal-pittura taż-żejt, bħall-konsistenza, grassa u ratba, u l-opaċità li jista' jkollha. L-artisti bdew jużaw ħafna saffi ta' żebgħa fuq xulxin, l-ewwel sfond ikkulurit, imbagħad jimudellaw id-dellijiet b'kulur wieħed, imbagħad jagħtu passata fuq passata ta' velatura, u fl-aħħar id-dettalji jirfinawhom b'velaturi oħra lokalizzati[22]  · [23]. Minħabba l-mod kif bdew juzaw il-materjal il-pitturi Venezjani, il-forma tal-kontorn bdiet tinhal u spiċċaw biex jimminizzaw l-importanza tad-disinn preparatorju. Dan kien il-bidu tal-kontroversja teoretika bejn l-iskola Fjorentina li kienet isostni li l-linja u d-disinn huma superjuri u l-iskola Venezjana li kienet issostni li il-pinzellatura u l-kuluri huma iżjed importanti. Is-suċċess ta' Tizjanu hu dovut għal hila li kellu li jżewweg dawn iż-żewġ innovazzjonijiet tekniċi. Matul il-karriera tiegħu, naraw fix-xogħlijiet tiegħu trasformazzjoni gradwali fil-pinzellatura, issir dejjem aktar frammentata u aktar vibranti.

Ir-ritratti ta' Tizjanu spiss jilħqu l-metru, kontra it-30 centimetru fil-wisgha fil-medja matul is-seklu 15. Ir-ritratt tal-bust ġie aktar abbandunat favur ir-ritratt ta' nofs tul. Ir-ritratt fit-tul deher dak iż-żmien fil-pittura Taljana. Dawn ix-xogħlijiet kbar ma jeħtiġux li wieħed jarahom mill-qrib bħal dawk fuq panelli żgħar tas-seklu ta' qabel u għalhekk m'għandhomx bżonn id-dettalji rqaq[24]. Kontra dawk ta' qablu, in-nies li kien ipinġi, Tizjanu kien joħorġilhom il-karattru tagħhom billi jaqbad fl-istess ħin l-aspett fiżiku u l-aspett morali tagħhom. Fittex ukoll li jagħtihom il-ħajja billi jaħdem biex iġib eżatt il-ħarsa u l-espressjoni tagħhom. Għar-Ritratt ta' Karlu V bilwieqfa, uża xogħol ta' Jakob Seisenegger, Tizjanu naqqas l-isfortuni fiżiċi tal-Imperatur, speċjalmentil-geddum ħiereġ 'il barra tal-familja ta' Hapsburg u l-mudell tah vitalità li ma kinitx fil-pittura li kien qed jikkopja[25].

BiblijografijaImmodifika

  • Françoise Bardon, Le concert champêtre, Paris, 1995-1996, 2 vol. ISBN 2-911105-05-2 u ISBN 2-911105-01-X.
  • Marcel Brion, Titien, Somogy, 1971
  • Alexandre Dumas, Titien, 2007
  • Augusto Gentili, Titien, Actes Sud, 2012, 431 pages, 28,5 x 33,5 cm
  • Augusto Gentili, Da Tiziano a Tiziano : Mito e allegoria nella cultura veneziana del Cinquecento , Ruma, Bulzoni Editore, 1997
  • Roberta Giorgi, Tiziano Venere, Amore e il Musicista in cinque dipinti, Ruma, Gangemi Editore, 1990
  • Rona Goffen, Titian's Women, New Haven u Londrea Yale University Press, 1997
  • Goffen (dir.), Titian's Venus of Urbino, Cambridge University Press, 1997
  • Humfrey Peter, Titien, Phaidon, 2007
  • Rodolfo Pallucchini, Tiziano, Firenze, Sansoni Editore, 1969
  • Erwin Panofsky, Le Titien : Question d'iconographie, Pariġi, Hazan, 2004
  • John Pope-Hennessy, Titien, Gallimard, 2004
  • Harold Wethey, The Paintings of Titian, Londra, Phaidon Press : I. The Religious Paintings, 1969 ; II. The Portraits, 1971 ; III. The Mythological and Historical Paintings, 1975

Ħoloq esterniImmodifika

ReferenziImmodifika

  1. ^ Vasari
  2. ^ Véronique Prat Titien, ou la gloire de Venise, 15/10/2007
  3. ^ Id-data eżatta mhijiex magħrufa.
  4. ^ maħżen pubbliku għan-negozjanti Ġermaniż.
  5. ^ Dan jagħmel diffiċli l-attribuzzjoni ta' ċerti pitturi lil pittur wieħed jew lill-ieħor.
  6. ^ Jacques Guilherme, Anatomie artistique, Encyclopaedia Universalis, DVD, 2007
  7. ^ Augusto Gentili, 2012, paġna 99
  8. ^ Sheila Hale, Titian, His Life, Harper Press, Londra, 2012, ISBN:978-0-00717582-6, p.215
  9. ^ Sheila Hale, Titian, His Life, Harper Press, Londra, 2012, ISBN:978-0-00717582-6, p.249
  10. ^ Sheila Hale, Titian, His Life, Harper Press, Londra, 2012, ISBN:978-0-00717582-6, p.486
  11. ^ Ara l-kitba ta' Daniel Arasse għal analiżi ddettaljata. B'mod speċjali La femme dans le coffre f'On n'y voit rien. Descriptions, Gallimard, Folio Essais
  12. ^ Pascal Bonafoux Titien ou l'art plus fort que la nature : être Apelle fuq [2]
  13. ^ a b Philippe Piguet, C’est avec Titien que naît le portrait psychologique, L'Œil - nru 585 - Novembru 2006, [3]
  14. ^ Andriji huma l-abitanti tal-gżira ta' Andros
  15. ^ Din il-pittura mpinġija għall-knisja ta' Santa Maria Gloriosa dei Frari qiegħda fuq il-ħajt tramuntani tal-korsija.
  16. ^ Dawn iż-żewġ pitturi qegħdin il-Louvre
  17. ^ Anne Pallucchini, l-artikolu "Titian", Encyclopaedia Universalis, DVD, 2007
  18. ^ Palma le Giovane li x-xhieda tiegħu hi rraportata f'La trace de l'artiste : Léonard et Titien, David Rosand, Gallimard, collection "Art et artistes, 1993, ISBN 2-07-073284-3
  19. ^ Mqabbla ma' dawk ta' artisti oħra tar-Rinaxximent, hemm ftit disinji ta' Tizjanu
  20. ^ Palma le Giovane li x-xhieda tiegħu hi rraportata f'La trace de l'artiste : Léonard et Titien, David Rosand, Gallimard, collection "Art et artistes, 1993, ISBN 2-07-073284-3
  21. ^ Georges Lafenestre Titian, Imago Mundi,
  22. ^ Jay Williams, Titien et son temps, ed. Time-Life, p. 185
  23. ^ "Velaturi ... tletin jew erbgħin! "Ibid, kwotazzjoni apokrifa ta' Tizjanu
  24. ^ Dictionnaire de la peinture, taħt id-direzzjoni ta' Michel Laclotte u Jean-Pierre Cuzin, Pariġi, 1996 (coll. Larousse-Bordas), vol. 1, p. 1043.
  25. ^ Titien portraitiste, De Bellini à Titien, texture, forme, couleur dans l'art vénitien, Johannes Wilde, Pariġi, 1993, p. 233-288

Ix-xogħlijiet prinċipaliImmodifika

Xbiha Titlu Data Daqs b'ċm Teknika Support Pajjiż Belt Post fejn tinżamm
  Jacopo Pesaro ippreżentat lil San Pietru mill-Papa Alessandru VI madwar l-1503-1506 145×183 żejt tila   BEL Anversa Koninklijk Museum voor Schone Kunsten
  Kunċert madwar 1506-1507 86,5×123,5 żejt tila   ITA Firenze Galleria Palatina
  Kunċert kampestri madwar l-1510 118×138 żejt tila   FRA Pariġi Louvre
  San Mark fuq it-tron madwar l-1510-1511 218×149 żejt tavla   ITA Venezja Bażilika ta' Santa Maria della Salute
  Ritratt ta' Ariosto madwar l-1510 81,2×66,3 żejt tila   GBR Londra National Gallery
  Il-miraklu tar-raġel għajjur 1511 340×207 affresk intonaco   ITA Padova Scuola del Santo
  Miraklu tat-tarbija tat-twelid 1511 340×355 affresk intonaco   ITA Padova Scuola del Santo
  Il-Madonna żingara madwar l-1512 68,8×83,8 żejt tila   AUT Vjenna Kunsthistorisches Museum
  It-tliet etajiet tal-bniedem madwar l-1512 106×182 żejt tila   GBR Edimburgo National Gallery of Scotland
  L-imħabba sagra u l-imħabba profana madwar l-1515 118×279 żejt tila   ITA Ruma Galleria Borghese
  Flora madwar l-1515 79×63 żejt tila   ITA Firenze Galleria degli Uffizi
  L-Assunta madwar l-1516–1518 690×360 żejt tila   ITA Venezja Bażilika ta' Santa Maria Gloriosa dei Frari
  Il-festa tal-putti jew Il-ġieħ ta' Venere 1518-1519 172×175 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Pala Pesaro madwar l-1519–1526 478×268 żejt tila   ITA Venezja Bażilika ta' Santa Maria Gloriosa dei Frari
  Pala Gozzi 1520 312×215 żejt tavla   ITA Ancona Pinacoteca civica Francesco Podesti
  Polittiku ta' Averoldi madwar l-1520–1522 278×292 żejt tila   ITA Brescia Collegiata dei Santi Nazaro e Celso
  Ritratt ta' Vincenzo Mosti madwar l-1520 85×67 żejt tila   ITA Firenze Galleria Palatina
  Raġel bl-ingwanta madwar l-1523 100×89 żejt tila   FRA Pariġi Louvre
  Bakku u Arjanna madwar l-1520–1523 175×190 żejt tila   GBR Londra National Gallery
  Bakkanal tal-Andriji madwar l-1523-1524 175×193 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Id-dfin ta' Kristu madwar l-1525 148×212 żejt tila   FRA Pariġi Louvre
  Ritratt ta' Federiku II Gonzaga madwar l-1525–1528 125×99 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Il-Madonna tal-fenek 1530 71×85 żejt tila   FRA Pariġi Louvre
  Ritratt ta' Karlu V bil-kelb madwar l-1532–1533 192×111 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Ritratt ta' Isabella d'Este madwar l-1534–1536 102×64 żejt tila   AUT Vjenna Kunsthistorisches Museum
  Il-preżentazzjoni ta' Marija fit-tempju madwar l-1534–1538 345×775 żejt tila   ITA Venezja Gallerie dell'Accademia
  Ritratt ta' Eleonora Gonzaga Della Rovere madwar l-1536-1538 114×103 żejt tila   ITA Firenze Galleria degli Uffizi
  Ritratt ta' Francesco Maria Della Rovere madwar l-1536-1538 114×103 żejt tila   ITA Firenze Galleria degli Uffizi
  Il-Venere ta' Urbino 1538 119×165 żejt tila   ITA Firenze Galleria degli Uffizi
  Ritratt ta' Pietro Bembo 1540 94,3×76,5 żejt tila   USA Washington National Gallery of Art
  San Ġwann Battista madwar l-1540 201×134 żejt tila   ITA Venezja Gallerie dell'Accademia
  Iż-żagħżugħ Ingliż jew Raġel b'għajnejh griżi madwar l-1545 111×97 żejt tila   ITA Firenze Galleria Palatina
  Id-diskors ta' Alfonso d'Avalos madwar l-1540–1541 223×165 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  L-inkurunazzjoni bix-xewk madwar l-1542–1544 303×180 żejt tila   FRA Pariġi Louvre
  Ritratt ta' Ranuccio Farnese 1542 89,7×73,6 żejt tila   USA Washington National Gallery of Art
  Ritratt tad-doge Andrea Gritti madwar l-1543 133,3×103,2 żejt tila   USA Washington National Gallery of Art
  Ritratt tal-wegħda tal-familja Vendramin 1543-1547 206×301 żejt tila   GBR Londra National Gallery
  Danae 1546 120×172 żejt tila   ITA Napli Mużew ta' Capodimonte
  Ritratt ta' Pietro Aretino madwar l-1545 98×78 żejt tila   ITA Firenze Galleria Palatina
  Il-Pentekoste madwar l-1546 570×260 żejt tila   ITA Venezja Bażilika ta' Santa Maria della Salute
  Pawlu III u n-neputijiet Alessandro u Ottavio Farnese]] 1545-1546 210×174 żejt tila   ITA Napli Mużew ta' Capodimonte
  Ritratt tal-Kardinal Alessandro Farnese madwar l-1543-1546 98×75 żejt tila   ITA Napli Mużew ta' Capodimonte
  Ritratt ta' Karlu V fuq iż-żiemel 1548 332×279 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Il-martirju ta' San Lawrenz 1548-1557 500×280 żejt tila   ITA Venezja Knisja ta' Santa Maria Assunta imsejħa I Gesuiti
  San Ġwann l-Elemożinarju madwar l-1550 229×156 żejt tila   ITA Venezja Knisja ta' San Giovanni Elemosinario
  Ritratt ta' Filippu II liebes l-armatura 1550-1551 193×111 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Venere ma' organista u Kupidu madwar l-1550-1551 148×217 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado]
  Venere u Adone 1553 186×207 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Venere quddiem il-mera madwar l-1555 124,5×105,5 żejt tila   USA Washington National Gallery of Art
  Dijana u Attejun 1556–1559 190,3×207 żejt tila   GBR Edimburgu National Gallery of Scotland
  Id-dfin ta' Kristu 1559 137×175 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Il-ħatfa tal-Europa 1559–1562 185×205 żejt tila   USA Boston Isabella Stewart-Gardner Museum
  Il-Lunzjata madwar l-1560-1565 410×240 żejt tila   ITA Venezja Knisja ta' San Salvador
  Awtoritratt madwar l-1562 96×72 żejt tila   GER Berlin Gemäldegalerie
  Il-Maddalena sogħbiena madwar l-1565 118×97 żejt tila   RUS San Pietruburgu Ermitage
  Venere tgħammad l-Imħabba madwar l-1565 118×185 żejt tila   ITA Ruma Galleria Borghese
  Ritratt ta' Jacopo Strada madwar l-1567–1568 125×95 żejt tila   AUT Vienna Kunsthistorisches Museum
  Il-kastig ta' Marsja madwar l-1570-1576 212×207 żejt tila   CZE Kroměříž Gallerija arċiveskovili
  Kristu nkurunat bix-xewk madwar l-1570–1576 280×181 żejt tila   GER Monaco di Baviera Alte Pinakothek
  San Bastjan madwar l-1570 212×116 żejt tila   RUS San Pietruburgu Ermitage
  Tarkwinju u Lukrezja 1576 114×100 żejt tila   AUT Vienna Gemäldegalerie der Akademie der Bildenden Kunst
  Id-Doġe Antonio Grimani jadura l-Fidi]] madwar l-1575-1576 365×500 żejt tila   ITA Venezja Palazz Dukali
  Spagna tgħin ir-Reliġjon madwar l-1575 168×168 żejt tila   ESP Madrid Mużew tal-Prado
  Pietà madwar l-1576 351×389 żejt tila   ITA Venezja Gallerie dell'Accademia