Robert Schumann
Robert Schumann (Zwickau f'Sassonja, 8 ta' Ġunju 1810 - 29 ta' Lulju 1856) kien kompożitur Ġermaniż famuż. Għex fiż-żmien imsejjaħ il-Perjodu Romantiku. Kellu jabbanduna l-pjan li jsir pjanista minħabba li weġġa' jdejh. Kien jippubblika magażin mużikali u kiteb ħafna artikli dwar il-mużika li kienet għadha kemm ġiet komposta. Il-mużika tiegħu hija tipika tal-mużika Romantika: hija mimlija emozzjoni, il-biċċiet spiss ikollhom titoli li jiddeskrivu l-affarijiet, u ħafna drabi huma ispirati mil-letteratura. Kiteb ħafna mużika għall-pjanu. Ftit minn din il-mużika hija diffiċli biex tindaqq, iżda biċċiet oħra huma pjuttost faċli. Ħafna tfal jitgħallmu jdoqqu xi wħud mill-biċċiet fl-Album għaż-Żagħżagħ tiegħu. Il-kanzunetti tiegħu (Lieder) huma fost l-aqwa li qatt inkitbu. Huwa kiteb ukoll xogħlijiet akbar bħal sinfoniji u kunċerti u musica da camera. Kultant ħassu kuntent ħafna imma f'ħinijiet oħra kien depress ħafna. Dawn il-bidliet fil-burdata jistgħu jinstemgħu f'ħafna mill-mużika tiegħu.
Ħajja
immodifikaRobert Schumann kien il-ħames u l-iżgħar tifel ta’ bejjiegħ tal-kotba u pubblikatur. Meta kien tifel kien iħobb jaqra l-kotba fil-ħanut ta’ missieru. Huwa beda jikkomponi meta kellu seba' snin. Fl-iskola kien estremament tajjeb fil-mużika u l-letteratura. Huwa għadda mill-eżami tat-tluq mill-iskola b'marki għoljin ħafna. Il-familja tiegħu riditu jsir avukat, u għalhekk mar Leipzig biex jistudja l-liġi iżda kważi qatt ma attenda l-lezjonijiet. Huwa kien ferm iktar interessat fil-mużika u l-letteratura, iżda wkoll fin-nisa u fix-xorb. Tgħallem il-pjanu taħt il-pjanista Friedrich Wieck. Wieck kellu tifla ta’ 9 snin jisimha Clara. Ħafna snin wara, saret martu. Clara kienet pjanista brillanti. Missierha ħadha fuq tour ta' kunċerti għax kienet prodiġju.
Schumann beda jikkomponi xogħlijiet qsar għall-pjanu u xi kanzunetti. Huwa kien iħobb il-mużika ta' Schubert u meta sema' li Schubert kien miet beka l-lejl kollu. Ħafna drabi kien jipprattika l-pjanu għal seba’ sigħat kuljum. Madankollu, beda jkollu problemi b'subgħajh. Kienu sikwit jgħidu li weġġa' jdejh għax għamel xi sforzi biex itawwal subgħajh, imma issa jaħsbu li kien aktar probabbli minħabba avvelenament bil-merkurju minħabba li t-tobba kienu użaw il-merkurju biex jippruvaw ifejquh mis-sifilide. Hi x’inhi r-raġuni, ma setax ikompli bħala pjanista u għadda l-bqija ta’ ħajtu jikkomponi u jikteb dwar il-mużika. Ħafna mill-artikli tiegħu dehru fil-ġurnal imsejjaħ Neue Zeitschrift für Musik (Ġurnal Ġdid għall-Mużika) li huwa stess kien beda.
Fl-1834 tgħarras lil tfajla ta' sittax-il sena msejħa Ernestine, iżda mbagħad Schumann xolja l-għarusija għax kien iħobb lil Clara Wieck. Il-ġenituri ta' Clara assolutament ma riduhiex tiżżewġu. Missierha għamel kulma seta’ biex iwaqqaf iż-żwieġ. Forsi beda jinduna li Schumann kellu s-sifilide u li kien jisker spiss. Fl-aħħar, wara ħafna argumenti, kawżi l-qorti u laqgħat sigrieti bejn Robert u Clara, huma żżewġu fl-1840.
Schumann sofra minn depressjoni manijakali. Meta kien depress bilkemm kiteb xejn, imma fl-1840 kien kuntent u kiteb ħafna kanzunetti kif ukoll mużika orkestrali. Fl-1841 kiteb erba' sinfoniji. Fl-1842 marru fuq tour ta' kunċert flimkien, iżda Schumann sabha diffiċli minħabba li Clara kienet iktar famuża minnu. Huwa rritorna waħdu Leipzig biex jaħdem fuq il-pubblikazzjoniijiet tiegħu. Huwa reġa' ħassu depress f'dak iż-żmien u xorob ħafna birra u xampanja. Reġa' kien kuntent meta Clara marret lura, u kkompona ftit musica da camera. Fl-1844 daru ir-Russja u lagħbu mat-Tsar. Sa Awwissu kellu kriżi nervuża totali u beda ma jiflaħx jisma' l-mużika tiegħu stess. Huwa ħa ftit taż-żmien biex jirkupra.
Dak iż-żmien kien sar kapaċi jikteb kull tip ta' mużika. Huwa kiteb mużika għad-dramm famuż Faust ta' Goethe. Huwa kiteb opra waħda, Genoveva, fl-1849. Il-fama tiegħu nfirxet bil-mod. Għal ħafna snin Dresden u Leipzig kienu l-uniċi bliet fejn kien famuż. Fl-1850 sar direttur mużikali f'Düsseldorf. Fl-1853 iltaqa' ma' Brahms. Brahms sar ħabib kbir tal-familja Schumann. Schumann ippubblika artiklu fin-Neue Zeitschrift für Musik bit-titlu Neue Bahnen (Toroq Ġodda) li fih qal li Brahms (dak iż-żmien kellu 20 sena) kien se jkun kompożitur kbir ħafna.
Schumann kien spiss jaħseb li jipprova joqtol ru]u b'idejh. Fis-27 ta' Frar 1854 intefa’ fix-xmara Renu. Huwa ġie salvat minn xi dgħajjes, imma meta tellgħuh mix-xmara donnu ken iġennen. Huwa ttieħed f'ażil mentali fejn qatta' l-aħħar sentejn ta' ħajtu. Miet fid-29 ta' Lulju 1856.
Il-mużika ta' Schumann
immodifikaIl-mużika għall-pjanu ta' Schumann hija magħrufa ħafna. Għalkemm kellu jabbanduna l-karriera tiegħu bħala pjanista martu Clara kirnet iddoqq ix-xogħlijiet tiegħu u għenet biexisiru famużi. Ħafna mix-xogħlijiet tal-pjanu tiegħu huma kollezzjonijiet ta’ biċċiet qosra, kull waħda b’titolu pereżempju Papillons (Friefet), Davidsbündlertänze, Carnaval. Schumann kien qiegħed jaħseb fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival meta kiteb dawn il-biċċiet. Id-Davidsbündler kien grupp ta' nies li Schumann kien parti minnu u li ma kinux jħobbu l-"Filistini" (nies li ma kinux iħobbu l-mużika sabiħa, imsemmijin għall-Filistini tal-Bibbja) Fil-"Carnaval", iż-żewġ naħat tal-personalità huma rrappreżentati minn Florestan u Eusebius. Id-depressjoni manijakali ta' Schumann (il-burdati ferħana u traġiċi li kellu) jinstemgħu maġenb xulxin fil-mużika tiegħu. Xogħlijiet oħra tal-pjanu jinkludu, Kreisleriana, Album għaż-Żagħżagħ li għandu xi biċċiet pjuttost faċli bħal Il-Marċ tas-Suldati u l-popolari Xeni mit-Tfulija bil-biċċa famuża tagħha Träumerei (Ħolm). Hemm ukoll xogħlijiet itwal għall-pjanu: 3 sonati, Toccata u Phantasie.
Il-musica da camera tiegħu tinkludi kwartett għall-arki u kwintett għall-pjanu famuż.
Schumann kien wieħed mill-kompożituri l-kbar ta' Lieder (kanzunetti Ġermaniżi). Huwa għażel il-poeżiji minn poeti Ġermaniżi famużi u għamilhom mużika b'modi immaġinattivi ħafna. Il-pjanu għandu akkumpanjamenti interessanti ħafna li jgħinu biex joħorġu t-tifsira tal-kliem. Huwa kiteb ċiklu ta' kanzunetti msejjaħ Dichterliebe (Imħabba ta' Poeta) li huwa arranġament ta' xi poeżiji ta' Heinrich Heine. Ċiklu ieħor tal-kanzunetti jissejjaħ Frauenliebe und leben (L-Imħabba tal-Mara u l-Ħajja ) fuq test ta' Adalbert von Chamisso.
Għalkemm iż-żagħżugħ Schumann deherli kien jippreferi jikteb biċċiet qosra, huwa sar iktar interessat f'xogħlijiet twal wara li ltaqa' ma' Mendelssohn. Kien ispirat ukoll biex jikteb sinfoniji wara li skopra s-Sinfonija Nru 9 ta' Schubert li ħadd ma għadu kien jaf li Schubert kien kiteb. Huwa sabha f’kaxxa fi Vjenna fid-dar ta’ ħu Schubert. Schumann kiteb erba' sinfoniji. Waħda mill-aqwa tiegħu hija t-Tielet li spiss tissejjaħ is-Sinfonija Rheinische (għax-xmara Renu) (Op 97). Ir-Raba’ fir-Re Minuri (Op120) hija wkoll xogħol mill-aqwa. Billi juża biss ftit ideat mużikali huwa jiżviluppahom f'ħafna modi u jikteb xogħol twil b'erba' movimenti. Il-kunċert għall-pjanu tiegħu huwa popolari ħafna. Indaqqet għall-ewwel darba minn Clara Schumann mal-Leipzig Gewandhaus Orchestra fil-kunċert tal-ewwel jum tas-sena tal-1846.
Wara l-mewt ta’ Schumann, Clara ddedikat ruħha biex iddoqq il-mużika ta’ żewġha u tgħin biex issir magħrufa. Editjat ukollħafna xogħlijiet ta' Schumann għall-pubblikatur Breitkopf und Härtel.
Referenzi
immodifika- New Groves Dictionary of Music and Mużiċisti, ed. Stanley Sadie (1980)