Ugo Foscolo

kittieb u poeta Taljan (1778-1827)

Ugo Foscolo ([ˈuːɡo ˈfoskolo][1]; twieled fis-6 ta' Frar 1778 – miet fl-10 ta' Settembru 1827), imwieled Niccolò Foscolo, kien kittieb, rivoluzzjonarju u poeta Taljan.[2]

Ugo Foscolo
Ħajja
Isem propju Niccolò Ugo Foscolo
Twelid Zakynthos, 6 Frar 1778, 1778
Nazzjonalità Repubblika ta' Venezja
L-ewwel lingwa Taljan
Mewt Turnham Green, Londrau Turnham Green (en) Translate, 10 Settembru 1827
Post tad-dfin Tomb of Ugo Foscolo (en) Translate
bażilika ta' Santa Croce
Chiswick
Familja
Konjuga/i Not married
Koppja/i Antonietta Fagnani Arese (en) Translate
Isabella Teotochi Albrizzi (en) Translate
Isabella Roncioni (en) Translate
Fanny Emerytt-Hamilton (en) Translate
Quirina Mocenni Magiotti (en) Translate
Ulied
uri
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Università ta’ Padova
Lingwi Taljan
Latin
Grieg modern
Franċiż
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
kittieb
drammaturgu
traduttur
kritiku letterarju
Impjegaturi Università ta' Pavia
Xogħlijiet importanti The Last Letters of Jacopo Ortis (en) Translate
Dei Sepolcri (en) Translate
Sħubija Akkademja tax-Xjenzi ta’ Torino
Accademia delle Arti del Disegno (en) Translate
Psewdonomu Didimo Chierico

Huma baqa' magħruf l-iktar għall-poeżija twila tiegħu Dei Sepolcri tal-1807.

Ħajja bikrija immodifika

Foscolo twieled f'Zakynthos fil-Gżejjer Jonji. Missieru, Andrea Foscolo, kien nobbli Venezjan li tfaqqar, u ommu, Diamantina Spathis, kienet Griega.[3][4][5][6][7]

Fl-1788, malli miet missieru, li kien jaħdem bħala tabib fi Spalato (illum Split, il-Kroazja), il-familja marret tgħix Venezja, u Foscolo temm l-istudji li kien beda fl-iskola tal-grammatika tad-Dalmazja fl-Università ta' Padova.[8]

Fost l-għalliema minn Padova kien hemm Abbé Melchiorre Cesarotti, li influwenza l-gosti letterarji ta' Foscolo; huwa kien midħla kemm tal-Grieg modern kif ukoll tal-Grieg Antik. L-ambizzjoni letterarja tiegħu ħarġet fid-dieher fl-1797 fit-traġedja tiegħu Tieste — li biha kiseb suċċess imdaqqas.[8]

Politika u poeżija immodifika

Foscolo, li għal raġunijiet mhux magħrufa bidel l-isem Kristjan tiegħu Niccolò għal Ugo, beda jieħu sehem b'mod attiv fid-diskussjonijiet politiċi jaħarqu li kienu feġġew mal-waqgħa tar-Repubblika ta' Venezja. Huwa kien membru prominenti tal-kumitati nazzjonali, u indirizza odi lil Napuljun, fejn kien qed jistenna lil Napuljun jeqred l-oligarkija Venezjana u joħloq repubblika ħielsa.

It-Trattat ta' Campo Formio (is-17 ta' Ottubru 1797) kien id-daqqa tal-mewt tar-Repubblika antika ta' Venezja, li sfaxxat u ġiet imqassma bejn il-Franċiżi u l-Awstrijaċi, u dan kien xokk kbir għal Foscolo, għalkemm xorta baqa' jittama. Il-qagħda mentali pprovokata minn dak ix-xokk hija riflessa fir-rumanz tiegħu Ultime lettere di Jacopo Ortis (1798), li ġie deskritt bħala verżjoni iktar politiċizzata ta' L-Imrar ta' Werther Żagħżugħ ta' Johann Wolfgang von Goethe, "għaliex l-eroj ta' Foscolo jħaddan fih it-tbatijiet mentali u s-suwiċidju ta' patrijott Taljan bħalma l-eroj ta' Goethe jħaddan fih sensittività wisq delikata li twassal biex l-istudjuż Ġermaniż jitbikkem u fl-aħħar mill-aħħar ineħħi ruħu b'idejh".

Il-ġrajja ta' Foscolo, bħal dik ta' Goethe, kienet imsejsa fuq fatti melankoniċi. Jacopo Ortis kien persuna real; kien student żagħżugħ minn Padova, u għamel suwiċidju hemmhekk f'ċirkostanzi simili għal dawk deskritti minn Foscolo.

Foscolo, bħal ħafna mill-kontemporanji tiegħu, kien ħaseb ħafna dwar is-suwiċidju. Cato ż-Żgħir u l-bosta eżempji klassiċi ta' awtodistruzzjoni deskritti fil-Ħajjiet ta' Plutarku appella għall-immaġinazzjoni ta' ħafna patrijotti żgħażagħ Taljani kif ġara wkoll fi Franza lill-eroj tal-Gironde. Fil-każ ta' Foscolo, bħal f'dak ta' Goethe, l-effett fuq moħħ il-kittieb mill-kompożizzjoni tax-xogħol jidher li kien ta' benefiċċju. Huwa kien ra l-ideal ta' futur nazzjonali kbir jitfarrak quddiemu; iżda ma ddisprax għal pajjiżu, u fittex is-soljev fl-ideal ta' poeta nazzjonali kbir.

Wara l-waqgħa ta' Venezja, Foscolo mar jgħix f'Milan, fejn għamel ħbieb mal-poeta ikbar minnu Giuseppe Parini, li iktar 'il quddiem fakkar b'ammirazzjoni u gratitudni. F'Milan, huwa ppubblika ġabra ta' 12-il Sunett, fejn iħallat is-sentimenti passjonali li wera f'Ortis mal-kontroll klassiku tal-lingwa u tar-ritmu.

 
Dei Sepolcri, 1809

Xorta waħda bit-tama li pajjiżu jinħeles minn Napuljun, huwa serva bħala voluntier fl-Armata Franċiża, ħa sehem fil-Battalja ta' Trebbia u fl-Assedju ta' Genova, indarab u spiċċa priġunier. Meta nħeles huwa reġa' lura Milan, u hemmhekk ta l-aħħar irtokki lix-xogħol tiegħu Ortis, ippubblika traduzzjoni u kummentarju ta' Callimaco, beda verżjoni tal-Illijade u beda t-traduzzjoni tiegħu ta' A Sentimental Journey Through France and Italy ta' Laurence Sterne. Huwa ħa sehem ukoll f'memorandum bla suċċess li kien maħsub biex jiġi ppreżentat mudell ġdid ta' gvern Taljan unifikat lil Napuljun.

Qabel ma telaq minn Franza fl-1806, Foscolo ltaqa' ma' Alessandro Manzoni f'Pariġi, li kien seba' snin iżgħar biss. Manzoni kien għadu qed jgħix hemmhekk fid-dar ta' ommu Giulia Beccaria. Xi studji qabblu l-produzzjoni poetika ta' Foscolo u ta' Manzoni mill-1801 sal-1803, u ħarġu analoġiji qrib ħafna ta' xulxin (testwali, metriċi u bijografiċi) bħal f'Alla amica risanata, l-odi lil Antonietta Fagnani Arese, u Qual su le cinzie cime.[9][10][11]

Fl-1807, Foscolo kiteb id-Dei Sepolcri, li jista' jiġi deskritt bħala sforz sublimi biex ifittex rifuġju fl-imgħoddi mill-miżerja tal-preżent u d-dlam tal-futur. Il-mejtin setgħana jissejħu mill-oqbra tagħhom, kif kien ġara fl-imgħoddi fil-kapulavuri Griegi bil-fomm, sabiex jerġgħu jiġġieldu l-battalji ta' pajjiżhom. Il-lezzjoni inawgurali Dwar l-oriġini u d-dmir tal-letteratura, li ta Foscolo f'Jannar 1809 meta nħatar bħala l-President tal-elokwenza Taljana f'Pavia, nibtet bl-istess spirtu. Fil-lezzjoni tiegħu, Foscolo ħeġġeġ liż-żgħażagħ ta' pajjiżu jistudjaw il-letteratura, mhux b'ubbidjenza għat-tradizzjonijiet akkademiċi, iżda għar-rabta tagħhom mal-ħajja u mat-tkabbir individwali u nazzjonali.

Is-sensazzjoni li qanqlet il-lezzjoni tiegħu ma kellha l-ebda sehem fil-ħruġ tad-digriet ta' Napuljun li bih il-President tal-elokwenza nazzjonali ġie abolit fl-universitajiet Taljani kollha. Ftit wara, it-traġedja ta' Foscolo, Aiace, ġiet ippreżentata iżda ma tantx kellha suċċess f'Milan, u minħabba l-allegati allużjonijiet għal Napuljun, huwa ġie mġiegħel jiċċaqlaq minn Milan għat-Toskana. Mis-soġġorn tiegħu f'Firenze ħarġu t-traġedja ta' Ricciarda, l-Odi lill-Grazzji, li ma ġietx kompluta, u t-tlestija tal-verżjoni tiegħu tal-Vjaġġ Sentimentali (1813), wara li l-karattru ewlieni tiegħu, ir-Reverendu Yorick, kien ivvjaġġa mhux ħażin bis-saħħa taż-żmien li qatta' fil-kamp ta' Boulogne-sur-Mer bħala parti mill-forza tal-invażjoni ta' Napuljun kontra r-Renju Unit. Fil-memorja tiegħu ta' Didimo Chierico, li ddedikalu din il-verżjoni, Foscolo jixħet dawl qawwi fuq il-karattru tiegħu stess. Il-verżjoni tiegħu ta' Sterne hija karatteristika importanti fl-istorja personali tiegħu.

Foscolo reġa lura Milan fl-1813 sal-wasla tal-Awstrijaċi; imbagħad mar lejn l-Iżvizzera, fejn kiteb satira ħarxa bil-Latin dwar l-avversarji politiċi u letterarji tiegħu; u finalment mar jgħix tul ix-xtut tal-Ingilterra lejn l-aħħar tal-1816.

Londra immodifika

 
Il-plakka tal-ħadid f'Londra

Matul il-ħdax-il sena li Foscolo qatta' f'Londra, sa mewtu, huwa gawda mill-istatus soċjali kollu li l-iktar gruppi brillanti tal-belt kapitali tar-Renju Unit kienet toffri lill-barranin rinomati għall-politika u għal-letteratura, u esperjenza l-miżerja kollha li tiġġarrab meta jiġu injorati l-ewwel kundizzjonijiet tal-ekonomija domestika.

Il-kontributi tiegħu fl-Edinburgh Review u fil-Quarterly Review, is-saġġi tiegħu bit-Taljan dwar it-testi ta' Dante Alighieri u Giovanni Boccaccio, u wisq iktar is-saġġi tiegħu bl-Ingliż dwar Petrarka, b'valur miżjud bis-saħħa tat-traduzzjonijiet ta' Barbarina Brand, ta' wħud mill-ifjen sunetti ta' Petrarka, komplew isaħħu l-fama preċedenti bħala Bniedem tal-Letteratura. Madankollu, spiss kien jiġi akkużat minħabba għawġ finanzjarju, u għal xi żmien spiċċa fil-ħabs minħabba d-dejn, u dan affettwa l-istatus soċjali tiegħu wara li nħeles.

Skont L-Istorja tal-Kontea ta' Middlesex, ix-xjenzat u n-negozjant William Allen qabbad lil Foscolo biex jgħallem it-Taljan fl-iskola ta' Quaker li hu kien il-kofundatur tagħha, imsejħa l-Akkademja ta' Newington għall-Bniet.[12] L-istatus tiegħu fis-soċjetà – kif irrapportat minn Walter Scott – ma kienx daqshekk għoli li jwasslu għal ħbiberiji dejjiema. Huwa miet f'Turnham Green fl-10 ta' Settembru 1827, u ġie midfun fil-Knisja ta' San Nikola, f'Chiswick, fejn għadu jinsab il-qabar irrestawrat tiegħu sa llum; hemmhekk issir referenza għalih bħala "ċittadin u poeta mifluġ", u bi żball hemm indikat li kellu 50 sena meta miet. 44 sena wara mewtu, fis-7 ta' Ġunju 1871, il-katavru tiegħu, fuq talba tar-Re tal-Italja, ittieħed f'Firenze, fejn saret ċerimonja funebri nazzjonali pompuża u kbira, u tqiegħed maġenb il-monumenti ta' Niccolò Machiavelli u Vittorio Alfieri, u ta' Michelangelo u Galileo, fil-Knisja ta' Santa Croce, il-panteon tal-glorja Taljana li kien iċċelebra hu stess fid-Dei Sepolcri.[13]

Kif innotat l-istorika Lucy Riall, il-glorifikazzjoni ta' Ugo Foscolo fis-snin 70 tas-seklu 19 kienet parti minn sforz tal-gvern Taljan ta' dak iż-żmien (sforz li kien ta' suċċess għat-tlestija tal-unifikazzjoni Taljana iżda a skapitu tal-konfrontazzjoni diretta mal-Knisja Kattolika) li joħloq gallerija ta' "qaddisin lajċi" biex jikkompetu ma' dawk tal-Knisja u jxaqilbu s-sentiment tal-poplu favur l-istat Taljan li kien għadu kemm inħoloq.[14]

Referenzi fil-kultura moderna immodifika

  • Ugo Foscolo huwa s-suġġett ta' kompożizzjoni, La fuga di Foscolo, li nkitbet fl-1986 mill-kompożitur Taljan Lorenzo Ferrero.
  • Is-sunett tiegħu "Alla sera" jidher fil-film La meglio gioventù.[15]
  • Id-dar tiegħu f'Edwardes Square għandha plakka blu tal-ħadid tal-Wirt Ingliż.

Xogħlijiet immodifika

Poeżiji immodifika

  • A Bonaparte liberatore (1797)
  • All'amica risanata (1802)
  • Alla Musa (1803)
  • Alla sera (1803)
  • A Zacinto (1803)
  • In morte del fratello Giovanni (1803)
  • Dei Sepolcri (1807)

Rumanzi immodifika

  • Ultime lettere di Jacopo Ortis (1798)
  • Il sesto tomo dell' Io (bla data u mhux komplut)

Drammi immodifika

  • Tieste (1797)
  • Aiace (1811)

Referenzi immodifika

  1. ^ "DiPI Online - Dizionario di Pronuncia Italiana". www.dipionline.it. Miġbur 2021-09-10.
  2. ^ "FOSCOLO". www.inftub.com. Miġbur 2021-09-10.
  3. ^ Ugo Foscolo: An Italian in Regency England, Vincent, Eric Reginald Pearce, 1894, Cambridge University Press, p. 106.
  4. ^ The Chronicles of Fleetwood House, Adam John Shirren, 1977 Pacesetter Press, p. 155
  5. ^ Introduction to Italian Poetry, Rebay, Luciano, Courier Dover Publications, p. 97
  6. ^ Dictionary of Italian Literature, Bondanella, Julia Conaway, Peter E. Bondanella, Greenwood Press, p. 215, ISBN 0-313-20421-7
  7. ^ The Australian Library Journal, 1951 Library Association of Australia, University of Michigan, p. 179
  8. ^ a b Foscolo, Ugo. 10. Miġbur 2021-09-10.
  9. ^ Pierantonio Frare, Foscolo e Manzoni – rapporti biografici e polemiche testuali, in Rivista di letteratura italiana, XVII, 1 (1999), p. 29-50
  10. ^ Poesie di Alessandro Manzoni prima della conversione, co note critiche di Alberto Chiari, LeMonnier, Firenze, 1932; u Franco Gavazzeni, Alessandro Manzoni: poesie prima della conversione, Einaudi, Torino, 1992
  11. ^ Gianmarco Gaspari, Beccaria-Foscolo, Manzoni, Annali Manzoniani, I (1990), pp. 197-218, ikkwotat ukoll f'Letteratura delle riforme, Sellerio, Palermo, 1990, pp. 232-258
  12. ^ "Stoke Newington: Education | British History Online". www.british-history.ac.uk. Miġbur 2021-09-10.
  13. ^ "Exhumation of poet Ugo Foscolo , on May 31 in the cemetery of..." Getty Images (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-10.
  14. ^ Riall, Lucy (2007). Garibaldi : invention of a hero. Yale University Press. p. 4.
  15. ^ Fusco, Franca Oliva (January 2018). Franca Oliva Fusco: Cinema e Poesia. ISBN 9788827543719.