Giovanni Boccaccio

kittieb u poeta Taljan (1313-1375)

Giovanni Boccaccio (pronunzja bit-Taljan: [dʒoˈvanni bokˈkattʃo]; twieled fis-16 ta' Ġunju 1313 – miet fil-21 ta' Diċembru 1375) kien kittieb u poeta Taljan, korrispondent ta' Petrarca, u umanista Rinaxximentali importanti. Huwa twieled fir-raħal ta' Certaldo, u tant sar magħruf bħala kittieb li xi kultant kien magħruf sempliċement bħala "Certaldese" (jiġifieri "minn Certaldo"). Huwa kien wieħed mill-iżjed figuri importanti fix-xena letterarja Ewropea tas-seklu 14. Xi studjużi (inkluż Vittore Branca) jiddefinuh bħala l-ikbar kittieb tal-proża Ewropew ta' żmienu, kittieb versatili li kien jamalgama xejriet u ġeneri letterarji differenti, u jikkonverġihom f'xogħlijiet oriġinali, bis-saħħa tal-kreattività eżerċitata bħala sperimentaliżmu.

Giovanni Boccaccio
Ħajja
Twelid Firenzeu Certaldo, 16 Ġunju 1313, 1313, 1313
Nazzjonalità Repubblika ta' Firenze
L-ewwel lingwa Taljan
Mewt Certaldo, 21 Diċembru 1375
Post tad-dfin Santi Jacopo e Filippo (en) Translate
Kawża tal-mewt  (edema)
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Latin
Għalliema Cino da Pistoia (mul) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni novellist
poeta
diplomatiku
traduttur
bijografu
mitografu
kittieb
Xogħlijiet importanti Decameron
Elegia di Madonna Fiammetta
Buccolicum carmen (en) Translate
De casibus virorum illustrium (en) Translate
De mulieribus claris (en) Translate
De montibus (en) Translate
Genealogia deorum gentilium (en) Translate
Corbaccio (en) Translate
Il Filostrato (en) Translate
La caccia di Diana (en) Translate
Teseida (en) Translate
Amorosa visione (en) Translate
Trattatello in laude di Dante (en) Translate

L-iżjed xogħlijiet notevoli tiegħu huma Il Decameron, kollezzjoni ta' stejjer qosra li fis-sekli ta' wara kienu element determinanti għat-tradizzjoni letterarja Taljana, speċjalment wara li Pietro Bembo eleva l-istil ta' Boccaccio għal mudell tal-proża Taljana fis-seklu 16, u De Mulieribus Claris. Huwa kiteb il-letteratura immaġinattiva tiegħu l-iktar bit-Toskan vernakolari u xi xogħlijiet oħra kitibhom bil-Latin. Huwa magħruf b'mod partikolari għad-djalogu realistiku tiegħu li kien differenti minn dak tal-kontemporanji tiegħu li kienu kittieba Medjevali li normalment kienu jsegwu mudelli bil-formuli għall-karattri u għat-trama letterarja. L-influwenza tax-xogħlijiet ta' Boccaccio ma kinitx limitata għax-xena kulturali Taljana iżda kienet estiża għall-kumplament tal-Ewropa, b'influwenza fuq awturi bħal Geoffrey Chaucer, figura ewlenija fil-letteratura Ingliża, jew iktar 'il quddiem fuq Miguel de Cervantes, Lope de Vega u t-teatru klassiku Spanjol.[1]

Boccaccio, flimkien ma' Dante Alighieri u Francesco Petrarca, huwa parti mill-hekk imsejħa "Tliet Kuruni" tal-letteratura Taljana.[2] Huwa baqa' mfakkar bħala wieħed mill-prekursuri tal-umaniżmu, li għen biex tissejjes il-belt ta' Firenze, flimkien mal-attività tal-ħabib u tal-għalliem tiegħu Petrarca. Huwa kien dak li beda l-kritika u l-filoloġija ta' Dante: Boccaccio qatta' ħafna żmien jikkopja l-kodiċijiet tad-Divina Commedia u kien promotur tax-xogħol u tal-figura ta' Dante.

Fis-seklu 12, Boccaccio kien is-suġġett tal-istudji kritiċi-filoloġiċi ta' Vittore Branca u ta' Giuseppe Billanovich, u d-Decameron tiegħu ġie maħdum bħala film mir-reġista u mill-kittieb Pier Paolo Pasolini.

Bijografija

immodifika

Tfulija u żgħożija, 1313-1330

immodifika

Id-dettalji dwar it-twelid ta' Boccaccio mhumiex ċerti. Huwa twieled f'Firenze jew f'villaġġ ħdejn Certaldo minn fejn kienet il-familja tiegħu.[3][4] Huwa kien iben il-merkant minn Firenze Boccaccino di Chellino u mara mhux magħrufa; x'aktarx li twieled barra ż-żwieġ.[5] Il-mara li ħadet ħsiebu bħala ommu kienet Margherita de' Mardoli.[6]

Boccaccio trabba f'Firenze. Missieru kien jaħdem għall-Compagnia dei Bardi u, fis-snin 20 tas-seklu 14, iżżewweġ lil Margherita de' Mardoli, li kienet ġejja minn familja sinjura. Boccaccio jaf irċieva l-edukazzjoni tiegħu mingħand Giovanni Mazzuoli, li għallmu x-xogħlijiet ta' Dante minn età bikrija. Fl-1326, missieru nħatar bħala kap ta' bank u ttrasferixxa l-familja tiegħu lejn Napli. Boccaccio kien apprendist fil-bank iżda ma kienx iħobb il-professjoni ta' bankier. Huwa pperswada lil missieru jħallih jistudja d-dritt fl-iStudium (illum il-ġurnata l-Università ta' Napli), fejn studja l-liġi kanonka għal sitt snin. Huwa baqa' wkoll midħla tax-xjenza u tal-istudji letterarji.[7]

 
Ritratt ta' Boccaccio magħmul minn Andrea del Castagno għall-ħabta tal-1450.

Missieru introduċieh man-nobbiltà ta' Napli u mal-qorti ta' Robert l-Għaref (ir-re ta' Napli) influwenzata mill-Franċiżi fis-snin 30 tas-seklu 14. Matul dak iż-żmien, sar iħobb bint miżżewġa tar-re, li ispirat lil "Fiammetta" f'ħafna mir-rumanzi fi proża ta' Boccaccio, inkluż Il Filocolo (1338). Boccaccio sar ħbieb ma' Niccolò Acciaioli minn Firenze, u bbenefika mill-influwenza tiegħu bħala l-amministratur, u x'aktarx il-maħbub, ta' Katerina ta' Valois-Courtenay, l-armla ta' Filippu I ta' Taranto. Acciaioli iktar 'il quddiem sar konsulent tar-Reġina Joanna I ta' Napli u, eventwalment, il-Grand Seneschal tagħha.

Milli jidher Boccaccio iktar kien għall-qalbu jistudja d-dritt milli l-qasam bankarju, iżda l-istudji tiegħu tawh l-opportunità jistudja b'mod wiesa' u jagħmel kuntatti tajbin ma' studjużi oħra. L-influwenzi bikrin tiegħu kienu jinkludu lil Paolo da Perugia (kuratur u awtur ta' kollezzjoni ta' ħrejjef imsejħa Collectiones), lill-umanisti Barbato da Sulmona u Giovanni Barrili, u lit-teologu Dionigi di Borgo San Sepolcro.

Ħajja adulta

immodifika

F'Napli, Boccaccio beda dik li hu tassew kien jikkunsidra li kienet il-vokazzjoni reali tiegħu, il-poeżija. F'dak il-perjodu huwa ħejja Il Filostrato u Teseida (is-sorsi li wasslu għal Troilus and Criseyde u The Knight's Tale ta' Chaucer), Il Filocolo (verżjoni fi proża ta' rumanz li kien jeżisti bil-Franċiż), u La caccia di Diana (poeżija bit-terza rima li telenka n-nisa Naplitani). F'dak il-perjodu wkoll kien hemm innovazzjoni formali konsiderevoli, inkluż x'aktarx l-introduzzjoni tal-ottava ta' Sqallija, li influwenzat lil Petrarca.[8]

 
Statwa ta' Boccaccio tal-1845 magħmula minn Fantacchiotti fuq barra tal-Uffizi.

Boccaccio reġa' lura Firenze fil-bidu tal-1341, u evita l-pesta tal-1340 li kien hemm f'dik il-belt, iżda tilef ukoll iż-żjara ta' Petrarca f'Napli fl-1341. Huwa telaq minn Napli minħabba t-tensjonijiet bejn ir-re tal-Anġojini u Firenze. Missieru kien mar lura Firenze fl-1338, fejn falla għalkollox. Ommu x'aktarx li mietet ftit wara. Boccaccio kompla jaħdem, għalkemm ma kienx kuntent bir-ritorn tiegħu f'Firenze, u ħejja l-Comedia delle ninfe fiorentine fl-1341 (magħrufa wkoll bħala Ameto), taħlita ta' proża u poeżiji, u temm il-poeżija allegorika b'ħamsin canto msejħa Amorosa visione fl-1342, u Fiammetta fl-1343. Ix-xogħol pastorali Ninfale fiesolano x'aktarx li jmur lura għal dan iż-żmien ukoll. Fl-1343, missier Boccaccio reġa' żżewweġ lil Bice del Bostichi. It-tfal l-oħra li kellu miż-żwieġ ta' qabel kollha kienu mietu, iżda kellu iben ieħor fl-1344 imsejjaħ Iacopo.[9]

F'Firenze, il-waqgħa ta' Walter ta' Brienne wasslet għall-gvern tal-popolo minuto ("poplu taż-żgħar", jiġifieri l-ħaddiema). Dan naqqas l-influwenza tan-nobbiltà u tal-klassijiet tal-merkanti għonja, u għen biex Firenze taqbad it-triq tad-deklin. Il-belt kompliet tmur għall-agħar fl-1348 bil-pesta s-sewda, li qatlet kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni tal-belt, li iktar 'il quddiem ġiet irrappreżentata fid-Decameron.

Fl-1347, Boccaccio qatta' ħafna żmien f'Ravenna biex isib kummissjonar ġdid, u minkejja l-istqarrijiet tiegħu, ma hemmx ċertezza jekk kienx f'Firenze meta kien hemm il-pesta. Ommu tar-rispett mietet matul l-epidemija u missieru kien assoċjat mill-qrib mal-isforzi tal-gvern biex jitwasslu l-provvisti fil-belt. Missieru miet fl-1349 u Boccaccio kellu jieħu rwol iktar attiv bħala l-kap tal-familja.

Boccaccio beda jaħdem fuq id-Decameron għall-ħabta tal-1349. X'aktarx li l-istrutturi ta' ħafna mill-ġrajjiet imorru lura għal perjodu iktar bikri tal-karriera tiegħu, iżda l-għażla ta' mitt ġrajja u l-ġrajja ewlenija tal-lieta brigata ta' tliet irġiel u seba' nisa tmur lura għal dak iż-żmien. Ix-xogħol kien kważi lest fl-1352. Dan kien l-aħħar sforz letterarju ta' Boccaccio u wieħed mill-aħħar xogħlijiet tiegħu bit-Toskan vernakolari; l-uniku xogħol sostanzjali ieħor kien Corbaccio (li ġie datat li sar fl-1355 jew fl-1365). Boccaccio rreveda u reġa' kiteb id-Decameron fl-1370-1371. Dan il-manuskritt wasal sa żminijietna qawwi u sħiħ.[10][11]

 
Boccaccio u oħrajn jaħarbu mill-pesta; illustrazzjoni ta' edizzjoni bil-Franċiż tad-Decameron (għall-ħabta tal-1485).

Mill-1350, Boccaccio sar involut iktar mill-qrib fl-umaniżmu Taljan (għalkemm inqas bħala studjuż) kif ukoll fil-gvern ta' Firenze. L-ewwel missjoni uffiċjali tiegħu kienet lejn ir-Romagna fl-aħħar tal-1350. Huwa reġa' żar il-belt-stat darbtejn u ntbagħat ukoll lejn Brandenburg, Milan u Avignon. Huwa ħabrek ukoll għall-istudju tal-Griek, ospita lil Barlaam ta' Calabria, u ħeġġeġ it-traduzzjoni tax-xogħlijiet ta' Omeru, Ewripide u Aristotli. Matul dawn is-snin, huwa ħa wkoll xi ordni sagri minuri.[12]

F'Ottubru 1350, huwa ġie delegat biex jilqa' lil Francesco Petrarca mal-wasla tiegħu f'Firenze u anke biex jospita lil Petrarca f'daru matul is-soġġorn tiegħu. Il-laqgħa bejniethom it-tnejn tat il-frott u minn hemm 'il quddiem saru ħbieb, u Boccaccio beda jsejjaħ lil Petrarca bħala l-għalliem u l-magister tiegħu. Petrarca dak iż-żmien ħeġġeġ lil Boccaccio jistudja l-letteratura klassika Griega u Latina. Fl-1351 reġgħu ltaqgħu f'Padova, waqt li Boccaccio kien fuq missjoni uffiċjali biex jistieden lil Petrarca jgħallem fl-Università ta' Firenze. Għalkemm Boccaccio ma rnexxilux, id-diskussjonijiet bejniethom kienu strumentali għal Boccaccio biex jikteb il-Genealogia deorum gentilium; l-ewwel edizzjoni tlestiet fl-1360 u din baqgħet waħda mix-xogħlijiet ewlenin ta' referenza dwar il-mitoloġija klassika għal iktar minn 400 sena. Serviet bħala difiża estiża tal-istudji tal-letteratura u tal-ħsieb tal-qedem. Minkejja t-twemmin pagan fil-qalba tax-xogħol tiegħu, Boccaccio kien jemmen li wieħed seta' jitgħallem ħafna mill-antikità. Għalhekk, huwa sfida l-argumenti ta' intellettwali tal-kleru li riedu jillimitaw l-aċċess għas-sorsi klassiċi biex jipprevjenu kwalunkwe dannu morali għall-qarrejja Kristjani. It-tqanqil mill-ġdid tal-antikità klassika sar pedament tar-Rinaxximent, u d-difiża tal-importanza tal-letteratura antika kienet rekwiżit essenzjali għall-iżvilupp tagħha. Id-diskussjonijiet ifformalizzaw ukoll l-ideat poetiċi ta' Boccaccio. Ċerti sorsi jsostnu wkoll li Petrarca kkonverta lil Boccaccio minn umanist b'moħħu miftuħ bħalma naraw fid-Decameron għal stil iktar axxetiku, eqreb tal-ethos dominanti tas-seklu 14. Pereżempju, huwa segwa lil Petrarca (u lil Dante) fit-tħaddin bla suċċess ta' forma arkajka u ferm allusiva tal-poeżija Latina. Fl-1359, wara laqgħa mal-Papa Innoċenti VI u iktar laqgħat ma' Petrarca, x'aktarx li Boccaccio rabba xi tip ta' qoxra reliġjuża. Hemm rakkont persistenti (iżda mingħajr evidenza) li huwa rrepudja x-xogħlijiet bikrin tiegħu bħala profani fl-1362, inkluż id-Decameron.[13]

Fl-1360, Boccaccio beda jaħdem fuq id-De mulieribus claris, ktieb bil-bijografiji ta' 106 mara famuża, u lestih fl-1374.

Għadd ta' ħbieb u qrabat oħra ta' Boccaccio ġew ġustizzjati jew eżiljati ftit wara l-kolp ta' stat tal-1361 li ma rnexxiex. Dik is-sena Boccaccio telaq minn Firenze u beda jirresjedi f'Certaldo, għalkemm ma kienx direttament marbut mal-konfoffa, u hemmhekk sar inqas involut fl-affarijiet tal-gvern. Huwa ma wettaqx iktar missjonijiet għal Firenze sal-1365, u vvjaġġa lejn Napli u mbagħad lejn Padova u Venezja, fejn iltaqa' ma' Petrarca fil-Palazzo Molina, ir-residenza ta' Petrarca kif ukoll il-post fejn Petrarca kellu l-librerija tiegħu. Iktar 'il quddiem Boccaccio reġa' lura f'Certaldo. Huwa ltaqa' ma' Petrarca darba biss f'Padova fl-1368. Malli sema' bil-mewt ta' Petrarca fid-19 ta' Lulju 1374, Boccaccio kiteb poeżija kommemorattiva, u inkludiha fil-kollezzjoni tiegħu ta' poeżiji liriċi magħrufa bħala r-Rime.

 
Circes: illustrazzjoni ta' waħda min-nisa tal-bijografiji tal-1374 ta' 106 mara famuża, id-De Claris Mulieribus, ta' Boccaccio – minn traduzzjoni bil-Ġermaniż tal-1541.

Huwa reġa' beda jaħdem għall-gvern ta' Firenze fl-1365, u wettaq missjoni għand il-Papa Urban V. Il-Papat reġa' lura lejn Ruma minn Avignon fl-1367, u Boccaccio reġa' ntbagħat għand il-Papa Urban biex jifraħlu. Huwa wettaq ukoll missjonijiet diplomatiċi lejn Venezja u lejn Napli.

Mix-xogħlijiet tiegħu li wettaq iktar 'il quddiem, il-bijografiji moralistiċi miġbura fid-De casibus virorum illustrium (1355-1374) u fid-De mulieribus claris (1361-1375) kienu l-iktar sinifikanti.[14] Xogħlijiet oħra jinkludu dizzjunarju ta' allużjonijiet ġeografiċi fil-letteratura klassika, De montibus, silvis, fontibus, lacubus, fluminibus, stagnis seu paludibus, et de nominibus maris liber. Huwa ta sensiela ta' lekċers dwar Dante fil-Knisja ta' San Stiefnu fl-1373 u dawn irriżultaw fix-xogħol finali tiegħu, l-Esposizioni sopra la Commedia di Dante.[15] Boccaccio u Petrarca kienu wkoll tnejn mill-iżjed nies edukati fil-qasam tal-arkeoloġija fir-Rinaxximent Bikri.[16]

Il-bidla ta' Boccaccio fl-istil tal-kitba tiegħu fis-snin 50 tas-seklu 14 kienet parzjalment dovuta għal laqgħa tiegħu ma' Petrarca, iżda l-iktar minħabba li s-saħħa fiżika tiegħu bdiet tmur lura u tiddgħajjef qabel iż-żmien. Kienet dovuta wkoll minħabba li kemm-il darba baqa' ddiżappuntat fl-istejjer ta' mħabba tiegħu. Dan x'aktarx li jispjega għaliex Boccaccio f'daqqa waħda qabad jikteb bl-istil ta' Corbaccio, wara li qabel kien kiteb l-iktar kliem ta' tfaħħir fir-rigward tan-nisa u tal-imħabba, minkejja li elementi ta' misoġenija huma preżenti f'Il Teseida. Petrarca jiddeskrivi kif Pietro Petrone (patri Karteżjan) fis-sodda tal-mewt tiegħu fl-1362 bagħat patri Karteżjan ieħor, Gioacchino Ciani, biex iħeġġu jieqaf mill-istudji dinjin tiegħu. Petrarca mbagħad ipperswada lil Boccaccio milli jaħraq ix-xogħlijiet tiegħu stess u jbigħ il-librerija personali, l-ittri, il-kotba u l-manuskritti tiegħu. Petrarca saħansitra offra li jixtri l-librerija ta' Boccaccio, biex issir parti mil-librerija ta' Petrarca. Madankollu, mal-mewt ta' Boccaccio, il-kollezzjoni kollha tiegħu ngħatat lill-Monasteru tal-Ispirtu s-Santu, f'Firenze, u għadha hemm sa llum.

Fl-aħħar snin tiegħu, Boccaccio kien marid ħafna, spiss minħabba obeżità, idropisija, u edema gravi li llum il-ġurnata tiġi deskritta bħala attakk tal-qalb minħabba konġestjoni kardijaka. Huwa miet fil-21 ta' Diċembru 1375 f'Certaldo, fejn huwa midfun.

Xogħlijiet

immodifika
 
Genealogia deorum gentilium, 1532
Lista alfabetika ta' għażla ta' xogħlijiet
  • Amorosa visione (1342);
  • Buccolicum carmen (1367-1369);
  • Caccia di Diana (1334-1337);
  • Comedia delle ninfe fiorentine (Ninfale d'Ameto, 1341-1342);
  • Corbaccio (għall-ħabta tal-1365, din id-data tiġi ddubitata minn xi storiċi);
  • De Canaria (fl-1341-1345);
  • De Casibus Virorum Illustrium (għall-ħabta tal-1360). Kopja tal-edizzjoni ta' Pariġi tal-1620, 1962, Scholars' Facsimiles & Reprints, ISBN 978-0-8201-1005-9;
  • De mulieribus claris (1361, b'reviżjoni sal-1375);
  • The Decameron (1349–52, b'reviżjoni fl-1370-1371);
  • Elegia di Madonna Fiammetta (1343-1344);
  • Esposizioni sopra la Comedia di Dante (1373-1374);
  • Filocolo (1336-1339);
  • Filostrato (1335 jew 1340);
  • Genealogia deorum gentilium libri (1360, b'reviżjoni sal-1374);
  • Ninfale fiesolano (fl-1344-1346, għalkemm din id-data tiġi ddubitata minn xi storiċi);
  • Rime (tlestija fl-1374);
  • Teseida delle nozze di Emilia (qabel l-1341);
  • Trattatello in laude di Dante (1357, it-titlu ġie revedut għal De origine vita studiis et moribus viri clarissimi Dantis Aligerii florentini poetae illustris et de operibus compositis ab eodem);
  • Zibaldone Magliabechiano (fl-1351-1356).

Referenzi

immodifika
  1. ^ Farrell, Thomas (2003). "Source or Hard Analogue? "Decameron X, 10" and the "Clerk's Tale"". The Chaucer Review. 37 (4): 346–364.
  2. ^ Italy's three crowns : reading Dante, Petrarch and Boccaccio. Zygmunt G. Barański, M. L. McLaughlin. Oxford: Bodleian Library. 2007. ISBN 978-1-85124-301-3.
  3. ^ Giovanni Boccaccio; Mariangela Causa-Steindler; Thomas Mauch. The elegy of Lady Fiammetta. p. XI.
  4. ^ James Patrick. Renaissance and Reformation.
  5. ^ Bartlett, Kenneth R. (1992). "Florence in the Renaissance". The Civilization of the Italian Renaissance: A Sourcebook. Lexington, Mass.: D.C. Heath. ISBN 0-669-20900-7. p. 43.
  6. ^ Allen, Prudence (1997). The Concept of Woman. Wm. B. Eerdmans Publishing. ISBN 978-0-8028-3346-4.
  7. ^ New Standard Encyclopedia, 1992. "Boccaccio, Giovanni"; Volume B, p. 316. Chicago: Standard Educational Corporation.
  8. ^ "Decameron Web | The Project". www.brown.edu. Miġbur 2022-12-24.
  9. ^ Boccaccio, Giovanni (2003-11-01). La Fiammetta. Tradott minn Brogan, James C.
  10. ^ Boccaccio, Giovanni (2003). The Decameron, Volume I. Tradott minn Rigg, J. M. (James Macmullen).
  11. ^ Boccaccio, Giovanni (2004). The Decameron, Volume II. Tradott minn Rigg, J. M. (James Macmullen).
  12. ^ "Boccaccio, Giovanni". web.archive.org. 2013-06-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-25. Miġbur 2022-12-24.
  13. ^ King, Margaret L. "The Renaissance in Europe". Laurence King Publishing, 2003, p. 54.
  14. ^ Rea, Anza Lone and. Giovanni Boccaccio Opera Omnia.
  15. ^ "IntraText Digital Library: Author Card: Giovanni Boccaccio". www.intratext.com. Miġbur 2022-12-24.
  16. ^ Coulter, Cornelia C. (1937). "Boccaccio's Archaeological Knowledge". American Journal of Archaeology. 41 (3): 397–405.