Zamość

belt storika fix-Xlokk tal-Polonja

Zamość (bil-Pollakk: [ˈzamɔɕtɕ]; bil-Yiddish: זאמאשטש‎, b’ittri Rumani: Zamoshtsh; bil-Latin: Zamoscia) hija belt storika fix-Xlokk tal-Polonja. Tinsab fin-Nofsinhar tar-reġjun ta’ Lublin (mill-1999), madwar 90 km minn Lublin u 247 km minn Varsavja. Fl-2014, il-popolazzjoni kienet ta’ 65,149 ruħ.

Il-pjazza ċentrali ta’ Zamość, bil-binja muniċipali bil-kampnar u l-faċċati kkuluriti tad-djar Armeni

Iċ-ċentru storiku ta’ Zamość tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992, abbażi tad-deċiżjoni tas-16-il sessjoni ordinarja tal-Kumitat għall-Wirt Dinji, li saret bejn is-7 u l-14 ta’ Diċembru 1992 f’Santa Fe, New Mexico, l-Istati Uniti, u ġiet rikonoxxuta bħala eżempju uniku ta’ belt Rinaxximentali fl-Ewropa Ċentrali.[1]

Zamość tinsab madwar 20 kilometru mill-Park Nazzjonali ta’ Roztocze.

StorjaEdit

 
Mappa ta’ Zamość tal-1617

Zamość ġiet stabbilita fl-1580 mill-Kanċillier u l-kap tal-armata tal-Commonwealth Pollakka-Litwana, Jan Zamoyski, fuq ir-rotta kummerċjali li tikkollega l-Punent tal-Ewropa u t-Tramuntana tal-Ewropa mal-Baħar l-Iswed.[2] Immudellata fuq il-bliet kummerċjali Taljani, u mibnija matul l-aħħar perjodu Rinaxximentali mill-arkitett minn Padova Bernardo Morando, Zamość għadha eżempju mill-aqwa ta’ belt Rinaxximentali tal-aħħar tas-seklu 16. It-toroq għadhom skont il-pjanta oriġinali, l-istess bħall-fortifikazzjonijiet (il-Fortizza ta’ Zamość), u għadd kbir ta’ binjiet oriġinali li jikkombinaw flimkien it-tradizzjonijiet arkitettoniċi Venezjani ma’ dawk tal-Ewropa Ċentrali.

Fis-seklu 17, il-belt stagħnat matul l-iktar perjodu estensiv u veloċi ta’ żvilupp. Attirat mhux biss lill-Pollakki iżda wkoll lil nies ta’ nazzjonalitajiet oħra. Madankollu, il-belt iffaċċjat diversi invażjonijiet, inkluż assedju min-naħa tal-Kosakki mmexxija minn Bohdan Khmelnytsky, il-mexxej tar-rewwixta kontra l-Commonwealth Pollakka-Litwana (1648-1654; li rriżultat fil-ħolqien tal-istat tal-Kosokki), u assedju ieħor matul id-Dulluvju Żvediż fl-1656. L-armata Żvediża, bħall-Kosakki, ma rnexxielhiex taħkem il-belt. Zamość ġiet okkupata biss matul il-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana minn truppi Żvediżi u Sassoni.

Fl-Ewwel Diviżjoni tal-Polonja fl-1772, il-belt ġiet annessa mill-Monarkija Asburga, u ffurmat parti mir-Renju ta’ Galicia u ta’ Lodomeria li kien għadu kemm ġie stabbilit; ir-renju sar parti ewlenija tal-Imperu Awstrijaku malli ġie stabbilit fl-1804. Fl-1809, il-belt ġiet inkorporata fid-Dukat Napuljoniku tal-Varsavja. Fl-1815, wara l-waqgħa ta’ Napuljun, il-Kungress ta’ Vjenna wassal biex Zamość issir parti mir-Renju tal-Polonja, imsejjaħ ukoll il-Polonja tal-Kungress, li kien ikkontrollat mill-Imperu Russu. Il-belt kellha rwol konsiderevoli x’taqdi matul ir-Rewwixta ta’ Novembru fl-1830-1831 u arrendiet bħala l-aħħar punt ta’ reżistenza Pollakka. Il-fortizza twaqqgħet fl-1866, biex biex titwitta t-triq għat-tkabbir rapidu tal-belt lil hinn mil-limiti oriġinali tal-fortizza.

Tieni Gwerra DinjijaEdit

 
Ir-Rotunda ta’ Zamość

F’Settembru 1939, wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, ajruplani Ġermaniżi tat-tip Luftwaffe bbumbardjaw lil Zamość diversi drabi. Iktar minn 250 persuna nqatlu, l-iktar ċivili. Il-belt inħakmet mill-Ġermaniżi matul l-invażjoni tal-Polonja u l-gwarniġjon lokali, magħmul mir-riġment tal-fanterija Pollakka tal-podpułkownik Stanisław Gumowski, tilef. Fis-27 ta’ Settembru 1939, il-Ġermanja Nażista ffirmat trattat dwar il-fruntieri mal-Unjoni Sovjetika li kienet invadiet il-Polonja mil-Lvant, u konsegwentement, fit-28 ta’ Settembru 1939, Zamość ġiet ċeduta lill-Armata Ħamra – għal xi ġimgħa. Is-Sovjetiċi rtiraw fil-5 ta’ Ottubru 1939 flimkien ma’ xi 5,000 Lhud wara aġġustament ulterjuri tal-linja ta’ demarkazzjoni. Il-Ġermaniżi reġgħu lura fil-belt fit-8 ta’ Ottubru 1939[3], u ftit wara bdew l-arresti tal-massa ta’ ċittadini prominenti. Dan kien parti mill-Azzjoni A-B sigrieta, l-isterminazzjoni deliberata tal-intellettwali Pollakki. Il-Ġermaniżi Nażisti ħolqu sit ta’ ġustizzjar fil-kamp tal-Gestapo tar-Rotunda ta’ Zamość (bil-Ġermaniż: Gefangenen-Durchgangslager Sicherheitspol, jiġifieri “il-kamp ta’ tranżitu għall-priġunieri tal-Pulizija tas-Sigurtà”). Iktar minn 8,000 ruħ ġew massakrati hemmhekk, fosthom ir-residenti tar-reġjun li kienu spustati internament. F’Zamość, il-Ġermaniżi Nażisti ħolqu wkoll “Kamp ta’ Tranżitu” fi Triq Okrzei[4], għall-abitanti arrestati u spustati tar-reġjun ta’ Zamość (fosthom eluf ta’ tfal) u kampijiet tal-priġunieri tal-gwerra Sovjetiċi li nqabdu matul l-Operazzjoni Barbarossa.

Fl-1942, il-Kontea ta’ Zamość, minħabba l-ħamrija sewda għammiela tagħha, intgħażlet għal kolonizzazzjoni Ġermaniżi ulterjuri fil-Gvern Ġenerali bħala parti mill-Generalplan Ost, bl-isem ġdid ta’ Himmlerstadt, wara Heinrich Himmler.[5] Iktar ’il quddiem l-isem ġie mibdul għal Pflugstadt (il-Belt tal-Ħart), b’referenza għall-“ħart” kollokjali Ġermaniż fis-sens li riedu “jaħartu l-Lvant”. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ ismijiet ma nżamm.[6]

 
Il-fortifikazzjonijiet u l-katidral fl-isfond

Il-popolazzjoni lokali rreżistiet kontra l-okkupazzjoni Ġermaniża b’determinazzjoni kbira; huma ħarbu fil-foresti, organizzaw l-awtodifiża, għenu lil dawk li ġew espulsi, u salvaw lit-tfal maħtufa minn taħt idejn il-Ġermaniżi permezz ta’ tixħim.[7] In-Nażisti sabuha diffiċili li jsibu bosta familji adattati għal insedjament fiż-żona, u dawk li insedjaw iż-żona sikwit ħarbu minħabba l-biża’, peress li l-eks residenti Pollakki kienu jaħirqulhom id-djar tagħhom jew kienu joqtlu lill-abitanti ta’ ġo fihom.[8]

Fl-1942-1943, il-Ġermaniżi Nażisti wettqu tindif etniku ta’ għexieren ta’ eluf ta’ abitanti tar-reġjun, sabiex jagħmlu spazju għall-insedjaturi Ġermaniżi biex iż-żona tiġi Ġermanizzata. Il-biċċa l-kbira tal-eks abitanti ġew deportati lejn kampijiet ta’ xogħol sfurzat fil-Ġermanja, lejn kampijiet ta’ konċentrament Nażisti jew lejn kampijiet ta’ sterminazzjoni bħal Auschwitz, Majdanek u Bełżec.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Zamość bdiet għaddejja minn perjodu ta’ żvilupp. Fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20, il-popolazzjoni kibret b’mod rapidu (minn 39,100 ruħ fl-1975 għal 68,800 ruħ fl-2003), peress li l-belt bdiet tiggwadanja profitti sinifikanti mir-rotot kummerċjali l-antiki li kienu jikkollegaw il-Ġermanja mal-Ukrajna u mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed. Bejn l-1975 u l-1998, Zamość kienet il-kapitali tar-reġjun ta’ Zamość.

Komunità LhudijaEdit

 
Is-Sinagoga ta’ Zamość

Zamość kienet ċentru importanti tal-Ġudaiżmu Ċażidiku. Il-Qaħal ta’ Zamość ġie stabbilit fl-1588 meta Jan Zamoyski qabel li jkun hemm insedjament Lhudi fil-belt. L-ewwel insedjaturi Lhud kienu l-iktar Lhud Sefardiċi mill-Italja, minn Spanja, mill-Portugall u mit-Turkija. Fis-seklu 17, il-Lhud Axkenażi insedjaw il-belt ukoll u ma damux ma saru l-maġġoranza tal-popolazzjoni Lhudija. Id-drittijiet ta’ insedjament mogħtija minn Jan Zamoyski reġgħu ġew kkonfermati fl-1684 minn Marcin Zamoyski, ir-raba’ Ordnat tat-territorju ta’ Zamość.

Għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19, l-abitanti Lhud ġew influwenzati mill-Illuminiżmu Lhudi, jew Ħaskalaħ. Fl-aħħar tas-seklu 19 infirex il-Ġudaiżmu Ħasidiku. F’Zamość hemm sinagoga tal-Lhud, żewġ tempji, binja bil-banjijiet għaċ-ċerimonji, sptar u biċċerija. L-aqwa fdal ippreservat tal-komunità Lhudija hija s-Sinagoga Rinaxximentali rrestawrata ta’ Zamość. Il-belt ta’ Zamość ospitat ħafna Lhud prominenti, fosthom il-poeta Solomon Ettinger (1799-1855) u l-kittieb Isaac Leib Peretz. Fl-1827, 2,874 Lhud kienu jgħixu fil-belt u dan in-numru żdied għal 7,034 Lhud.[9] Il-popolazzjoni baqgħet tiżdied, tant li fl-1921 il-popolazzjoni Lhudija laħqet id-9,383 ruħ (49.3 % tal-popolazzjoni totali), inkluż is-sidien sinifikanti tal-artijiet fi ħdan il-belt.

Qabel faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, iktar minn 12,500 Lhud kienu jgħixu f’Zamość; 43 % tal-popolazzjoni.[10] Ftit wara li l-Unjoni Sovjetika ċediet il-belt lill-Ġermaniżi fit-8 ta’ Ottubru 1939, in-Nażisti stabbilew il-Judenrat, sabiex permezz tiegħu jikkontrollaw il-Lhud, u f’Diċembru 1939 ħolqu getto miftuħ fil-kwartier ta’ Nowa Osada.

Il-Lhud iddeportati mill-Warthegau ġew ittrasportati lejn Zamość u f’April 1941 il-getto tressaq lejn il-Belt il-Ġdida fejn 7,000 Lhud ġew ordnati jirrilokaw hemmhekk. Il-getto ma kienx ikkonfinat u ħafna Lhud ħarbu lejn l-Unjoni Sovjetika. Tneħħa qabel tmiem Novembru 1942; id-deportazzjonijiet kienu bdew f’April; xi 3,000 Lhud intbagħtu lejn il-kamp ta’ sterminazzjoni ta’ Bełżec f’ferrovija tal-Olokawst magħmul minn 30 vagun tal-bhejjem. F’Ottubru, in-Nażisti sparaw u qatlu 500 Lhud fit-toroq u ddeportaw 4,000 priġuniera Lhud permezz tal-punt ta’ trasferiment mill-Getto ta’ Izbica lejn Bełżec biex jiġu ggassjati. Dawn ġew ittrasportati mingħajr ikel jew ilma. Għalkemm id-distanza kienet relattivament qasira, it-trasport kien jieħu bosta jiem, u ħafna minnhom mietu matul il-vjaġġ.[10]

Sit ta’ Wirt DinjiEdit

Iċ-ċentru storiku ta’ Zamość ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (iv) tal-għażla tal-UNESCO: “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba Zamość hija eżempju ta’ belt Rinaxximentali ppjanata tal-aħħar tas-seklu 16, b’kombinament tat-tradizzjonijiet Taljani u tal-Ewropa Ċentrali.[1]

ĠeografijaEdit

KlimaEdit

Il-klima hija sħuna bi sjuf kontinentali umdi (Köppen: Dfb), tipika tal-Lvant tal-Polonja.[11]

Data klimatika għal Zamość, il-Polonja
Xahar Jan Frar Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. Għolja Medja °C (°F) −1

(31)

0

(32)

6

(43)

12

(53)

18

(64)

21

(69)

22

(71)

22

(71)

18

(64)

12

(53)

5

(41)

1

(34)

11

(52)

Temp. Baxxa Medja °C (°F) −6

(22)

−6

(22)

−1

(30)

3

(37)

7

(45)

11

(51)

12

(54)

12

(53)

8

(47)

4

(39)

0

(32)

−3

(26)

3

(38)

Preċipitazzjoni Medja f’mm (pulzieri) 28

(1.1)

28

(1.1)

30

(1.2)

41

(1.6)

64

(2.5)

79

(3.1)

79

(3.1)

71

(2.8)

51

(2)

36

(1.4)

41

(1.6)

36

(1.4)

590

(23.2)

Sors: Weatherbase[12]
Data klimatika għal Zamość (Osservatorju Metereoloġiku IMGW), elevazzjoni: 212-il metru, temp. normali u estremi 1961-1990
Xahar Jan Frar Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. Għolja Rekord °C (°F) 12.6

(54.7)

18.5

(65.3)

23.3

(73.9)

28.3

(82.9)

30.6

(87.1)

35.4

(95.7)

34.0

(93.2)

33.8

(92.8)

29.6

(85.3)

25.6

(78.1)

20.4

(68.7)

17.2

(63.0)

35.4

(95.7)

Temp. Għolja Medja °C (°F) −1.3

(29.7)

0.5

(32.9)

5.6

(42.1)

13.1

(55.6)

18.7

(65.7)

21.6

(70.9)

23.0

(73.4)

22.6

(72.7)

18.4

(65.1)

12.9

(55.2)

5.9

(42.6)

1.0

(33.8)

11.8

(53.3)

Medja ta’ Kuljum °C (°F) −4.4

(24.1)

−2.9

(26.8)

1.3

(34.3)

7.5

(45.5)

13.0

(55.4)

16.2

(61.2)

17.4

(63.3)

16.6

(61.9)

12.7

(54.9)

7.8

(46.0)

2.8

(37.0)

−1.6

(29.1)

7.2

(45.0)

Temp. Baxxa Medja°C (°F) −8.0

(17.6)

−6.4

(20.5)

−2.7

(27.1)

2.5

(36.5)

7.2

(45.0)

10.3

(50.5)

11.8

(53.2)

11.0

(51.8)

7.8

(46.0)

3.7

(38.7)

−0.1

(31.8)

−4.5

(23.9)

2.7

(36.9)

Temp. Baxxa Rekord °C (°F) −31.6

(−24.9)

−29.9

(−21.8)

−25.3

(−13.5)

−7.8

(18.0)

−3.9

(25.0)

−1.0

(30.2)

4.5

(40.1)

0.5

(32.9)

−6.0

(21.2)

−9.6

(14.7)

−25.4

(−13.7)

−27.0

(−16.6)

−31.6

(−24.9)

Preċipitazzjoni Medja f’mm (pulzieri) 25

(1.0)

23

(0.9)

28

(1.1)

40

(1.6)

62

(2.4)

83

(3.3)

79

(3.1)

68

(2.7)

48

(1.9)

38

(1.5)

36

(1.4)

33

(1.3)

563

(22.2)

Jiem ta’ preċipitazzjoni medja (≥ 1.0 mm) 7.0 6.3 7.1 7.3 9.8 9.7 9.9 8.0 7.6 6.6 7.9 8.5 95.7
Sors: NOAA[13]

SportEdit

Zamość għandu tim tal-futbol jismu Hetman Zamość.

 
Rosa Luxembourg

Nies notevoli li twieldu f’ZamośćEdit

 
I. L. Peretz

Nies notevoli kollegati ma’ ZamośćEdit

  • Szymon Szymonowic (1558-1629), umanista Pollakk, poeta assoċjat mal-Kap tal-Armata u l-Kanċillier Irjali Jan Zamoyski, li miegħu fl-1593-1605 organizza l-Akkademja ta6 Zamojski
  • Bernardo Morando (għall-ħabta tal-1540-1600), arkitett Taljan tal-belt il-ġdida ta’ Zamość, sindku ta’ Zamość
  • Stanisław Staszic (1755-1826), qassis, filosfu, statista, ġeologu, studjuż, poeta u kittieb Pollakk, mexxej tal-Illuminiżmu Pollakk. Huwa kien jieħu ħsieb it-tagħlim tat-tfal ta’ Andrzej Zamoyski, l-għaxar Ordnat tal-proprjetajiet ta’ Zamość[14]
  • Bolesław Leśmian (1877-1937), poeta, artist u membru Pollakk tal-Akkademja Pollakka tal-Letteratura, wieħed mill-iktar poeti influwenti tal-bidu tas-seklu 20 fil-Polonja. Huwa għex u ħadem bħala avukat (nutar) f’Zamość
  • Jacob ben Wolf Kranz (1741-1804), rabbi magħruf għal-lezzjonijiet tiegħu bbażati fuq it-tradizzjoni tal-Lhud
  • Walerian Łukasiński (1786-1868), uffiċjali u attivist politiku Pollakk, ingħata sentenza mill-awtoritajiet Imperjali Russi għal 14-il sena ħabs, qatt ma nħeles u miet wara 46 sena. Huwa qatta’ seba’ snin fil-ħabs tal-Kżar f’Zamość

LetteraturaEdit

  • Fritz Stuber, "Notes on the Revalorization of Historic Towns in Poland", in Ekistics (Athens), Vol. 49, No. 295, 1982, pp. 336–341, 3 ill.

Relazzjonijiet internazzjonaliEdit

Ġemellaġġ u Ftehimiet ta’ ĦbiberijaEdit

Zamość għandha ftehimiet ta’ ħbiberija ma’ Cassino, l-Italja, u ma’ Sumy, l-Ukrajna, u hija ġemellata ma’:[15]

  • Schwäbisch Hall, il-Ġermanja (mill-1989)
  • Zhovkva, l-Ukrajna (mill-1991)
  • Loughborough, ir-Renju Unit (mill-1998)
  • Bardejov, is-Slovakkja (mill- 2003)
  • Lutsk, l-Ukrajna (mill-2005)
  • Sighișoara, ir-Rumanija (mill-2007)
  • Weimar, il-Ġermanija (mill-2012)
  • Fountain Hills, Arizona, l-Istati Uniti (mill-2014)

ReferenziEdit

  1. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Old City of Zamość". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  2. ^ "Zamość | Poland". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  3. ^ "Serwis WWW Miasta Zamoscia". web.archive.org. 2007-01-09. Miġbur 2021-05-09.
  4. ^ "Jaczyńska, Agnieszka. "Aktion Zamosc"" (PDF).
  5. ^ Lynn H. Nicholas, Cruel World: The Children of Europe in the Nazi Web p. 333 ISBN 0-679-77663-X.
  6. ^ "Zamosc Ghetto". www.deathcamps.org. Miġbur 2021-05-09.
  7. ^ Nicholas, p. 334.
  8. ^ Nicholas, p. 336.
  9. ^ "Jewishgen". www.jewishgen.org. Miġbur 2021-05-09.
  10. ^ a b "Zamosc www.HolocaustResearchProject.org". www.holocaustresearchproject.org. Miġbur 2021-05-09.
  11. ^ "Zamosc, Poland Koppen Climate Classification (Weatherbase)". Weatherbase. Miġbur 2021-05-09.
  12. ^ "Zamosc, Poland Travel Weather Averages (Weatherbase)". Weatherbase. Miġbur 2021-05-09.
  13. ^ National Oceanic and Atmospheric Administration (bl-Ingliż). 2021-04-28. Miġbur 2021-05-09. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  14. ^ Andrzej Kędziora "Encyklopedia Ludzi Zamościa", Zamość 2007
  15. ^ "Zamość". www.zamosc.pl (bil-Pollakk). Miġbur 2021-05-09.