Sighișoara

belt Rumena

Sighișoara (bir-Rumen: [siɡiˈʃo̯ara]; bl-Ungeriż: Segesvár [ˈʃɛɡɛʃvaːr]; bil-Ġermaniż: Schäßburg [ˈʃɛsbʊʁk];[1] bis-Sassonu tat-Transilvanja: Schäsbrich, Šesburχ, jew Scheeßprich; bil-Yiddish: שעסבורג, b'ittri Rumani: Shesburg; bil-Latin: Castrum Sex jew Saxoburgum) hija muniċipalità max-xmara Târnava Mare fil-Kontea ta' Mureș, fir-Rumanija ċentrali, li tinsab fir-reġjun storiku tat-Transilvanja. Għandha popolazzjoni ta' 28,102 abitant skont iċ-ċensiment tal-2011. Hija destinazzjoni turistika popolari għaċ-ċentru storiku antik ippreservat sew li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Ir-raħal jamministra seba' villaġġi: Angofa, Aurel Vlaicu, Hetiur, Rora, Șoromiclea, Venchi u Viilor.

Sighișoara
 Rumanija
Amministrazzjoni
Stat sovranRumanija
CountyKontea ta' Mureș
Kap tal-Gvern Ioan-Iulian Sîrbu (en) Translate
Ismijiet oriġinali Sighișoara
Segesvár
Kodiċi postali 545400
Ġeografija
Koordinati 46°13′01″N 24°47′28″E / 46.2169°N 24.7911°E / 46.2169; 24.7911Koordinati: 46°13′01″N 24°47′28″E / 46.2169°N 24.7911°E / 46.2169; 24.7911
Sighișoara is located in Romania
Sighișoara
Sighișoara
Sighișoara (Romania)
Għoli 380 m
Demografija
Popolazzjoni 23,927 abitanti (1 Diċembru 2021)
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+2u UTC+3
bliet ġemellati Blois (en) Translate, Baden (en) Translate, Città di Castello (en) Translate, Dinkelsbühl (en) Translate, Kiskunfélegyháza (en) Translateu Zamość
primariasighisoara.ro
 
Iċ-ċentru storiku ta' Sighișoara, ritratt ta' Kurt Hielscher fl-1933.
 
Triq fiċ-ċentru ta' Sighișoara, qrib ħafna tat-Torri tal-Arloġġ.

Minn nofs is-seklu 12, artiġjani u merkanti Ġermaniżi magħrufa bħala s-Sassoni tat-Transilvanja (bil-Ġermaniż: Siebenbürger Sachsen) ġew mistiedna fit-Transilvanja mir-Re tal-Ungerija ta' dak iż-żmien, Géza II, biex jinsedjaw u jiddefendu l-fruntiera tar-renju tiegħu u jtejbu l-ekonomija tar-reġjun. Il-kronista Krauss jelenka insedjament Sassonu fit-territorju attwali ta' Sighișoara fl-1191. Dokument tal-1280 jirreġistra raħal li nbena fis-sit ta' forti Ruman magħruf bħala Castrum Sex jew "kamp b'sitt naħat", b'referenza għall-għamla tal-forti ta' eżagonu irregolari.[3] Ismijiet oħra rreġistrati jinkludu Schaäsburg (1282), Schespurg (1298) u Segusvar (1300).[4] Sal-1337 ir-raħal ta' Sighișoara kien sar ċentru rjali għar-rejiet, li lill-insedjament tawh l-istatus urban fl-1367 bħala ċ-Civitas de Segusvar.

 
Veduta taċ-ċentru tar-raħal ta' Sighișoara mit-Torri tal-Arloġġ fis-sajf.

Ir-raħal kellu rwol strateġiku u kummerċjali importanti fit-truf tal-Ewropa Ċentrali għal diversi sekli. Sighișoara sar wieħed mill-iżjed ċentri urbani importanti tat-Transilvanja, b'artiġjani mill-Imperu Ruman Sagru kollu jżuru l-insedjament. L-artiġjani u l-ħaddiema tas-sengħa Ġermaniżi ddominaw l-ekonomija urbana, u bnew il-fortifikazzjonijiet biex iħarsu r-raħal. Huwa stmat li matul is-sekli 16 u 17, Sighișoara kellu sa 15-il xirka u 20 fergħa tal-artiġjanat. L-iskultur Barokk Elias Nicolai għex fir-raħal.

 
Iċ-ċentru storiku ta' Sighișoara fix-xitwa.

Il-voivode tal-Wallakja Vlad Dracul (missier Vlad l-Infilzatur), li għex eżiljat fir-raħal, ordna l-izzekkar tal-muniti fir-raħal (normalment l-izzekkar tal-muniti kien monopolju tar-rejiet Ungeriżi fir-renju tal-Ungerija) u ħareġ l-ewwel dokument li elenka isem il-belt bir-Rumen, Sighișoara. L-isem Rumen tfaċċa għall-ewwel darba fl-1435, u oriġina mill-Ungeriż Segesvár, fejn vár tfisser "forti".

Fir-raħal George I Rákóczi ġie elett bħala l-Prinċep tat-Transilvanja u r-Re tal-Ungerija fl-1631. Sighișoara ġarrbet okkupazzjoni militari, nirien, u l-pesta matul is-sekli 17 u 18. Sors importanti għall-istorja tat-Transilvanja tas-seklu 17, mill-1606 sal-1666, huma r-rekords ta' Georg Kraus, in-nutar tar-raħal.

 
Veduta minn Villa Franka.

Il-pjanura ta' Albești fil-qrib kienet il-post fejn saret il-Battalja ta' Segesvár, fejn l-armata rivoluzzjonarja Ungeriża mmexxija minn Józef Bem ġarrbet telfa kontra l-armata Russa mmexxija minn Luders fil-31 ta' Lulju 1849. Fl-1852 inbena monument iddedikat lill-ġeneral Russu Skariatin, li miet fil-battalja. Il-poeta Ungeriż Sándor Petőfi ġeneralment huwa maħsub li nqatel fil-battalja, u fl-1897 inbena monument f'Albești biex jagħtih ġieħ. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija Sighișoara għaddiet flimkien mat-Transilvanja mir-Renju Awstrijakk-Ungeriż għar-Renju tar-Rumanija.

Iċ-ċentru ta' Sighișoara ppreserva b'mod eżemplari l-karatteristiċi ta' raħal żgħir Medjevali ffortifikat u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Kull sena, f'Lulju jsir festival Medjevali fiċ-ċittadella antika.

Fil-Lvant tal-Ewropa u fix-Xlokk tal-Ewropa, Sighișoara huwa wieħed mill-ftit irħula ffortifikati li għadhom abitati. Ir-raħal huwa magħmul minn żewġ partijiet. Il-fortizza Medjevali mibnija fil-quċċata ta' għolja u magħrufa bħala ċ-ċittadella (Cetatea), u l-parti t'isfel fil-wied tax-xmara Târnava Mare.

Id-djar fiċ-ċittadella ta' Sighișoara joħorġu fid-dieher il-karatteristiċi prinċipali ta' raħal tal-artiġjani. Madankollu, hemm xi djar li kienu proprjetà tal-eks patrizjat, bħad-Dar Venezjana u d-Dar tal-Qrejjen tal-Annimali.

Bejn l-2001 u l-2003, il-kostruzzjoni ta' park tad-divertiment iċċentrat fuq Dracula fir-riżerva naturali ta' Braite qrib Sighișoara ġiet meqjusa iżda fl-aħħar mill-aħħar ġiet irrifjutata, bis-saħħa tal-oppożizzjoni qawwija tal-gruppi tas-soċjetà ċivili lokali u tal-mezzi tax-xandir nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll ta' persuni influwenti politikament. Dan għaliex il-park tad-divertiment kien jistona mal-istil Medjevali tal-belt u kien jeqred għalkollox ir-riżerva naturali.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-Pjazza ta' Hermann Oberth fis-seklu 20.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Sighișoara ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Demografija u isem

immodifika
Popolazzjoni storika
Year Pop. ±%
1910 10,913 —    
1930 13,033 +19.4 %
1948 18,284 +40.3 %
1956 20,363 +11.4 %
1966 25,109 +23.3 %
1977 33,208 +32.3 %
1992 36,170 +8.9 %
2002 32,287 −10.7 %
2011 28,102 −13.0 %
Sors: Data uffiċjali miċ-ċensiment Rumen

Gruppi etniċi fl-2011:[5]

  • Rumeni (75 %)
  • Ungeriżi (17.6 %)
  • Roma (5.3 %)
  • Ġermaniżi (speċifikament Sassoni tat-Transilvanja) (1.5 %)
Bir-Rumen Bil-Ġermaniż Bl-Ungeriż
Sighișoara Schäßburg Segesvár
Angofa Ungefug Angofa
Aurel Vlaicu Haufan
Hetiur Marienburg bei

Schäßburg

Hétúr
Rora Rohrau Róra
Șoromiclea
Venchi Wench Venk
Viilor Kulturberg Szőlőskert

Attrazzjonijiet

immodifika

Sighișoara hija destinazzjoni turistika popolari minħabba ċ-ċentru storiku ffortifikat tagħha tassew ippreservat sew, li tniżżel ukoll fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-attrazzjonijiet prinċipali taċ-ċittadella huma ċertament it-torrijiet.

Torrijiet

immodifika
 
It-Torri tal-Arloġġ billejl.

Skont dokumenti antiki dwar l-arkitetturi militari, it-torrijiet tad-difiża kellhom ikunu sistema ta' fortifikazzjoni għad-difiża reċiproka, u fl-istess żmien, kull torri suppost kellu jkun fortizza indipendenti: jekk wieħed kien jirnexxilu jkisser il-bażi ta' torri biex jidħol, dan ma kienx ifisser li kien jirnexxilu awtomatikament jidħol fil-belt, u b'hekk il-ħakma ta' torri ma kinitx tfisser il-ħakma tal-belt. Il-biċċa l-kbira ta' dawn it-torrijiet kienu vojta minn ġewwa u kienu mgħammra b'elevaturi għall-olzar u galleriji taħt l-art.

  • It-Torri tal-Arloġġ ta' Sighișoara (Turnul cu Ceas) – l-attrazzjoni prinċipali tal-belt hija torri twil 64 metru li nbena fis-seklu 13. Illum il-ġurnata huwa mużew tal-istorja.
  • It-Torri tal-Landiera (Turnul Cositorarilor).
  • It-Torri tal-Biċċiera (Turnul Măcelarilor).
  • It-Torri tal-Produtturi tal-Bwiez.
  • It-Torri tal-Ħajjata (Turnul Croitorilor).
  • It-Torri tal-Pelliċċara (Turnul Cojocarilor).
  • It-Torri tal-Ħaddieda (Turnul Fierarilor).
  • It-Torri tal-Produtturi tal-Ħbula (Turnul Frânghierilor).
  • It-Torri tal-Konziera (Turnul Tăbăcarilor).
  • It-Torri tal-Wiċċ – torri fit-triq lejn Târgu Mureș, 'il barra miċ-ċittadella, li xorta waħda ta' min iżuru għall-istorja tiegħu.
 
Il-Knisja-Monasteru fiċ-ċentru tar-raħal.
  • Il-knisja ta' fuq l-għolja (Biserica din Deal) – hija bla dubju wieħed mill-iżjed monumenti arkitettoniċi ta' valur tal-belt u hija waħda mill-iżjed binjiet rappreżentattivi tal-istil Gotiku fir-Rumanija.
  • Il-Knisja-Monasteru (Biserica Mânăstirii Dominicane) – hija monument arkitettoniku bi stil Gotiku li jinsab fil-kwartier tat-Torri tal-Arloġġ u nbena fil-bidu tas-seklu 13. Din hija l-unika knisja mingħajr qniepen: ir-raġuni hi li s-Sassoni ma tantx kienu jħobbu jonfqu u għaldaqstant kienu tal-fehma li qanpiena waħda, tal-knisja ta' fuq l-għolja, kienet biżżejjed għar-raħal kollu.
  • Il-Knisja Kattolika Rumana ta' San Ġużepp.
  • Il-Knisja tal-Ġdiem (Biserica Leproșilor).
  • Il-Katidral Ortodoss ta' Sighișoara (Catedrala Ortodoxă).
  • Il-knisja Ortodossa antika.
 
Triq l-1 ta' Diċembru 1918 fis-seklu 20.

Arkitettura ċivili

immodifika

Il-biċċa l-kbira tal-164 dar fir-raħal għandhom mill-inqas 300 sena u jitqiesu bħala monumenti storiċi. Dawn huma: dawk li hemm fil-Pjazza tar-Raħal (jew il-Pjazza taċ-Ċittadella), bil-pjanta rettangolari tagħha, li fl-imgħoddi kienu jgħixu fiha l-familji nobbli tar-raħal, għalkemm ġiet ittrasformata bosta drabi tul iż-żmien. L-iżjed djar ta' valur huma dawk li żammew l-għamla oriġinali tagħhom.

  • Id-Dar fuq il-Blat (Casa de pe stâncă)
  • Id-Dar tat-Tegoli (Evert) – iddedikata lill-artiġjani permezz taċ-Ċentru Interetniku Edukattiv għaż-Żgħażagħ.
  • Id-Dar Venezjana jew id-Dar il-Ħadra (Casa Venețiană).
  • Id-Dar ta' Vlad Dracul.
  • Il-Muniċipju ta' Sighișoara.
  • Il-kumpless ta' lukandi ta' Sighișoara – li nbena bejn l-1886 u l-1889 u kien is-sede tal-muniċipju.
  • It-Taraġ tal-Istudjużi – taraġ tal-injam intern.
  • L-Iskola ta' fuq l-Għolja.
  • Id-Dar taċ-Ċriev (Casa cu Cerb).
  • Il-Pjazza taċ-Ċittadella (Piața Cetăți).
  • Casa Asociatiei Mestesugaresti (La Perla).
  • Il-Binja ta' Joseph B. Teusch (Hotel Central Park).
 
Sighișoara fil-Gran Dukat tat-Transilvanja, 1769-1773. Josephinische Landesaufnahme
 
Sighișoara fil-Gran Dukat tat-Transilvanja, 1769-1773. Josephinische Landesaufnahme

Nies notevoli

immodifika
  • Johann Michael Ackner, arkeologu Sassonu tat-Transilvanja;
  • Doina Cojocaru, plejer tal-handball;
  • Friedrich Grünanger, arkitett;
  • Ralph Gunesch, eks plejer tal-futbol professjonali Ġermaniż;
  • Adrian Ivanițchi, kitarrista folkloristiku;
  • Johannes Kelpius, intellettwali, mużiċist u mistiku Ġermaniż li stabbilixxa komunità reliġjuża meta emigra lejn il-kolonja Amerikana ta' Pennsylvania fl-aħħar tas-seklu 17;
  • Gabriel Mureșan, plejer tal-futbol;
  • Marie Stritt, femminista u suffraġista Ġermaniża;
  • Georg Daniel Teutsch, isqof Luteran;
  • Vlad III, il-Prinċep tal-Wallakja, ispirazzjoni tal-vampir fittizju, il-Konti Dracula;
  • Radu Voina, eks plejer tal-handball, attwalment kowċ.

Relazzjonijiet internazzjonali

immodifika

Ġemellaġġ

immodifika

Sighișoara hija ġemellata ma':

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Schäßburg". www.siebenbuerger.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-06-16.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Sighişoara". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
  3. ^ Adrian Room, Placenames of the World, p.347. McFarland, 2006, ISBN 0-7864-2248-3.
  4. ^ Cristian Tălângă (ed.), Transilvania, Maramureș, Bucovina, p.27. Editura Semne, Bucharest, 2007.
  5. ^ "Iċ-ċensiment tal-2011" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-11-26. Miġbur 2023-06-17.