Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha

park nazzjonali fil-Belarussja

Il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha (bir-Russu: Национальный парк «Беловежская пуща», bil-Belarussu: Нацыянальны парк Белавежская пушча[1]) huwa park nazzjonali f’partijiet mir-Reġjuni ta’ Brest (id-Distretti ta’ Kamyanyets u Pruzhany) u Grodno (id-Distrett ta’ Svislach) fil-Belarussja biswit il-fruntiera mal-Polonja. Mill-1992[2] tniżżel bħala l-komponent tal-Belarussja (flimkien mal-komponent tal-Polonja msejjaħ Park Nazzjonali ta’ Białowieża) tas-Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO tal-Foresta ta’ Białowieża[3], l-aħħar framment ta’ foresta primordjali tal-boskijiet Ewropew li fil-qedem kienet tiksi l-Pjanura Ewropea kollha. F’dan is-Sit ta’ Wirt Dinji tgħix popolazzjoni kbira ta’ biżonti Ewropej l-iktar annimali tal-art tqal tal-kontinent. Il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja taqsam dan is-Sit ta’ Wirt Dinji fi tnejn: il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha fuq in-naħa tal-Belarussja u l-Park Nazzjonali ta’ Białowieża fuq in-naħa tal-Polonja. Minn Mejju 2015, iż-żewġ pajjiżi qablu li jadottaw reġim ħieles mill-viżi fi ħdan il-foresta, biex in-nies bil-mixi u ċ-ċiklisti li jiġu biex jaqsmu l-fruntiera Pierarova-Białowieża jkunu jistgħu jagħmlu dan b’mod ħieles fl-istess jum.[4][5]

Torbiera mistagħdra fil-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha fil-ħarifa
Bolla tal-Belarussja bil-biżonti fil-park nazzjonali

Ġeografija

immodifika

Il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha huwa wkoll parti minn Riżerva ta’ Bijosfera li skont l-aħħar stħarriġ tal-2015 tokkupa erja ta’ 216,200 ha (2,162 km2), li hija suddiviża f’żoni ta’ tranżizzjoni, ta’ lqugħ u tal-qalba. Skont l-aħħar stħarriġ tal-2015, il-park nazzjonali jokkupa erja ta’ 150,069 ha (1,500.69 km2) u jinsab xi 70 km fit-Tramuntana ta’ Brest.[6] Ir-riżervi naturali u l-parks nazzjonali jkopru 2.7 % tat-territorju tar-Reġjun ta’ Brest u 2.6 % tat-territorju tar-Reġjun ta’ Grodno.[7]

 
Qabel il-Kaċċa tal-Kżar f’Belovezhskaya Pushcha (għall-ħabta tal-1897)

Il-biċċa l-kbira tal-Foresta ta’ Białowieża ġiet iddikjarata bħala park nazzjonali fil-11 ta’ Awwissu 1932 matul il-perjodu tat-Tieni Repubblika Pollakka. Fis-snin 30 tas-seklu 20, il-popolazzjoni ta’ biżonti fis-selvaġġ kienet kważi spiċċat għalkollox u beda programm ta’ tnissil biex il-popolazzjoni tirkupra.[8] Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-foresta ġiet diviża f’konformità mal-ftehim dwar il-fruntieri bejn il-Polakki u s-Sovjetiċi t’Awwissu 1945, iktar speċifikament bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u l-SSR tal-Belarussja tal-Unjoni Sovjetika.

Il-Polonja reġgħet fetħet il-Park Nazzjonali ta’ Białowieża fl-1947. Fl-1957, il-parti tal-Belarussja rċeviet status ġdid - “Riżerva-Żona tal-Kaċċa tal-Istat” (bir-Russu: Государственное заповедно-охотничье хозяйство), maħsuba għar-rikreazzjoni tal-mexxejja ewlenin tal-istat Sovjetiku u l-mistednin tagħhom minn pajjiżi sħab. Fl-1991, il-foresta kisbet l-istatus attwali tagħha bħala park nazzjonali statali.

Il-kwartieri ġenerali tal-park jinsabu f’Kamieniuki. Fl-2009, il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha ċċelebra s-600 anniversarju tiegħu bl-istatus ta’ riżerva.[9] Inbnew ukoll lukandi u kafetteriji biex jilqgħu t-turisti li jiġu jżuru l-park. All of the hotels and cafes were rebuilt and new ones were added to the park. Iċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Ekoloġika, li jospita l-Mużew tan-Natura, inbena dak iż-żmien ukoll. Bejn wieħed u ieħor, 300,000 ruħ iżuru l-park kull sena.

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika
 
Iz-zkuk tas-siġar li jaqgħu fil-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha jitħallew fejn huma għaliex isostnu bijodiversità rikka ta’ invertebrati. Barra minn hekk, minnhom ġieli jikbru siġar jew pjanti oħra.

Il-Foresta ta’ Białowieża ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[3] Mill-1992, il-foresta bdiet titqies bħala sit transnazzjonali magħmul minn żewġ komponenti: il-komponent tal-Belarussja magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha u l-komponent tal-Polonja magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta’ Białowieża.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”; u l-kriterju (x) “Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta’ valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni”.[3]

Il-valur tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (ix) ladarba l-foresta tikkonserva kumpless diversifikat ta’ ekosistemi forestali protetti li jirrappreżentaw ir-reġjun ekoloġiku terrestri tal-foresti mħallta tal-Ewropa Ċentrali, kif ukoll firxa ta’ ħabitats mhux forestali assoċjati, fosthom mergħat mistagħdra, widien tax-xmajjar u artijiet mistagħdra oħrajn. Iż-żona madwar is-sit għandha valur għoli ħafna ta’ konservazzjoni tan-natura, inklużi l-foresti primordjali estensivi. Iż-żona forestali kbira u integrali ssostni ktajjen tal-ikel sħaħ, fosthom popolazzjonijiet vijabbli ta’ mammiferi kbar u karnivori kbar bħal-lupu, il-linċi u l-lontra fost oħrajn. Ir-rikkezza ta’ injam mejjet fl-art tal-foresta, tippermetti li jkun hemm diversità enormi ta’ fungi u invertebrati saprossiliċi (jiġifieri dawk li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq l-injam mejjet jew li qed imut). It-tradizzjoni twila tar-riċerka rigward din l-ekosistema forestali li ftit li xejn ġiet iddisturbata tul is-sekli, u d-diversi pubblikazzjonijiet, fosthom id-deskrizzjoni ta’ speċijiet ġodda, tikkontribwixxi ferm ukoll għall-valuri ta’ dan is-Sit ta’ Wirt Dinji.[3]

Il-valur tas-sit ġie rrikonoxxut ukoll abbażi tal-kriterju (x) peress li l-Foresta ta’ Bialowieza hija żoni insostitwibbli għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, b’mod partikolari minħabba d-daqs, l-istatus tal-protezzjoni, u n-natura sostanzjalment mhux disturbata tagħha. Fis-sit tgħix l-ikbar popolazzjoni ta’ biżonti Ewropej fis-selvaġġ, li jitqiesu bħala l-ispeċi ikonika tas-sit. Madankollu, il-valuri tal-konservazzjoni tal-bijodiversità huma estensivi, u jinkludu l-protezzjoni ta’ 59 speċi ta’ mammiferi, iktar minn 250 speċi ta’ għasafar, 13-il anfibju, seba’ rettili, u iktar minn 12,000 invertebrat. Id-diversità tal-flora hija sinifikanti fil-livell reġjonali, u s-sit huwa partikolarment notevoli wkoll għall-konservazzjoni tal-fungi. Ġew skoperti diversi speċijiet ġodda fis-sit u bosta speċijiet mhedda għadhom irrappreżentati sew ukoll.[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Беловежская пуща - Министерство иностранных дел Республики Беларусь". mfa.gov.by. Miġbur 2021-03-30.
  2. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "38 COM 8B.12 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-30.
  3. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Białowieża Forest". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-30.
  4. ^ "Belovezhskaya Pushcha National Park. Belarus.by".
  5. ^ "Regulations on visiting Belovezhskaya Pushcha by foreign tourists approved in Belarus. Arkivjat 29-06-2015". Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-06-29. Miġbur 2021-03-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ ""About the National Park". Arkivjat fit-03-06-2015". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-06-03. Miġbur 2021-03-30.
  7. ^ ""Nature reserves and national parks, wildlife preserves and nature sanctuaries". Land of Ancestors. Data of the Ministry of Natural Resources and Environmental Protection of the Republic of Belarus. 2011. Arkivjat fid-29-09-2013".
  8. ^ "We visited Europe's last primeval forest in Belarus". The Independent (bl-Ingliż). 2017-10-10. Miġbur 2021-03-30.
  9. ^ "Belovezhskaya Pushcha celebrates 600th anniversary of its reserve status".