L-Olokawst
L-Olokawst (bil-Grieg: ὁλόκαυστος holókaustos: hólos, "sħiħ" u kaustós, "ħruq"), magħruf ukoll bħala Shoah (bl-Ebrajk: השואה, Haxoah, "il-katastrofi"; bil-Yiddish: חורבן, Kurben jew Ħurban, mill-Ebrajk "qerda") fost il-Lhud, kien l-akbar ġenoċidju tas-seklu għoxrin li fih sitt miljun Lhudi nqatlu mill-militar Ġermaniż, immexxi minn Adolf Hitler, u l-kollaboraturi tagħhom.
Bejn l-1939 u l-1945, l-SS (Schutzstaffel), megħjuna minn gvernijiet tal-pajjiżi okkupati, qatlu mill-inqas ħdax-il miljun ruħ (miljun minnhom tfal), fosthom sitt miljun Lhudi (żewġ terzi tal-popolazzjoni Lhudija fl-Ewropa), tliet miljun priġunier Sovjetiku, żewġ miljun Pollakk, miljun u nofs żingaru, u eluf kbar ta' Komunisti, oppożituri politiċi, omosesswali, persuni b'diżabbiltajiet fiżiċi u mentali, xhieda ta' Ġeħova, Avventisti, u trejdunjonisti. Il-qtil kien isir fil-kampijiet ta' konċentrament jew ta' sterminju, fil-ghettos, u bl-eżekuzzjonijiet tal-massa. Ħafna vittmi tal-Olokawst kienu jiġu ggassjati, filwaqt li oħrajn mietu bil-ġuħ u bil-mard fiż-żmien li kienu skjavi fil-kampijiet.[1][2]
Oriġini
immodifikaSa mill-Medju Evu 'l quddiem, is-soċjetà u l-kultura Ġermaniża kienet mimlija antisemitiżmu. Fit-tieni nofs tas-seklu 19 beda l-moviment Völkisch minn ħassieba bħal Houston Stewart Chamberlain u Paul de Lagarde, li kienu jemmnu f'razziżmu psewdoxjentifiku li kien jara lil-Lhud bħala razza f'taqbida mortali mar-razza Arjana biex tiddomina d-dinja. Ħadu sterjotipi mill-antisemitiżmu Nisrani, b'differenza li qiesu l-Lhud bħala razza u mhux bħala reliġjon.
F'diskors fir-Reichstag fl-1895 (meta Hitler kien għad kellu sitt snin), Hermann Ahlwardt, mexxej tal-Völkisch, sejjaħ lil-Lhud "predaturi" u "baċilli tal-kolera" li għandhom "jinqerdu" għall-ġid tal-poplu Ġermaniż. Fi ktieb suċċess tal-1912 Kieku kont il-Kaiser, Heinrich Class, ħeġġeġ biex lil-Lhud tal-Ġermanja titneħħielhom iċ-ċittadinanza Ġermaniża u jibdew jitqiesu bħala aljeni, jiġu esklużi mill-aspetti kollha tal-ħajja soċjali Ġermaniża, ma jitħallewx ikollhom art, jokkupaw uffiċji pubbliċi, jew ikunu ġurnalisti, bankieri, u professjonisti liberi.
L-ewwel sperimentazzjoni medika fuq bnedmin u tindif etniku mill-Ġermaniżi saru fil-kampijiet tal-mewt li l-Ġermaniżi kellhom fin-Namibja, dak iż-żmien magħrufa bħala l-Lbiċ tal-Afrika Ġermaniża, matul il-Ġenoċidju tal-Herero u tan-Namaqua fil-bidu tas-seklu għoxrin. Dan seta' kien ispirazzjoni għall-Olokawst.
Ir-razziżmu psewdoxjentifiku sar aċċettat minn ħafna Ġermaniżi, fosthom il-klassijiet professjonali tal-pajjiż. Il-partiti politiċi kollha saru jaċċettawh. Il-Partit Nażista twaqqaf fl-1920 u billi ħareġ mill-moviment Völkisch, kellu l-istess antisemitiżmu tiegħu.
Dan kompla jinħema bid-Darwiniżmu soċjali u bl-ewġenetika, bl-idea li ċerti nies jiswew iktar minn oħrajn, bijoloġikament. Wara t-telfa tal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-burokrati Ġermaniżi sabuha diffiċli jsolvu l-problemi soċjali li kien waqa' fihom pajjiżhom u raw li l-aħjar isalvaw li dawk li huma bijoloġikament "idonei" u jeqirdu lil dawk li mhumiex.
Il-faqar li ġabet id-Depressjoni l-Kbira, wassal lil ħafna tobba Ġermaniżi jipproponu l-ewtanasja lil dawk li kienu diżabbli mentalment u fiżikament "inkurabbli", bħala miżura biex jiġu ffrankati l-flus ħa jiġu mgħejuna dawk li setgħu jiġu mfejqa. Meta n-Nażisti ħadu l-poter fl-1933, diġà kien hemm it-twemmin soċjali li għandhom jiġu salvati dawk li huma razzjalment "prezzjużi" u li s-soċjetà tinħeles minn dawk li razzjalment "mhumiex mixtieqa".
Hitler
immodifikaHitler kien juri fil-beraħ il-mibegħda tiegħu lejn il-Lhud. Fil-ktieb tiegħu Mein Kampf, jgħid li ried jeskludihom mill-ħajja politika, intellettwali u kulturali tal-Ġermanja. Ma jgħidx li ried jipprova jeqridhom, għalkemm fil-privat kien ikun iktar espliċitu. Sa mill-1922, huwa kien qal lill-Maġġur Joseph Hell, li dak iż-żmien kien ġurnalist, li l-ewwel ħaġa li kien beħsiebu jagħmel kif jieħu l-poter kienet li jeqred lil-Lhud, jgħallaqhom f'Marienplatz fi Munich, u jħallihom imdendlin sakemm jintnu, u jnaddaf lill-Ġermanja kollha mil-Lhud.
In-Nażisti kienu jemmnu ukoll fil-kunċett ta' iġjene razzjali. Fil-15 ta' Settembru 1935, Hitler għadda l-Liġijiet ta' Nuremberg li għamluha illegali għall-Arjani li jkollhom x'jaqsmu jew jiżżewġu mal-Lhud, u iktar tard dan ġie estiż "għaż-żingari, għas-suwed jew għan-nisel tagħhom". Min ma kienx Arjan tilef iċ-ċittadinanza Ġermaniża. L-ewwel politika ewġenika ta' Hitler immirat lit-tfal b'diżabbiltà bil-programm Action Brandt, u iktar tard programm ta' ewtanasja għall-adulti b'diżabbiltajiet serji mentali u fiżiċi, illum imsejjaħ Action T4.
L-Olokawst u l-gwerra tal-Ġermanja tal-Lvant kienu bbażati fuq l-idea antika ta' Hitler li l-Lhud kienu l-ikbar għadu tal-poplu Ġermaniż u li l-Ġermanja kellha bżonn l-art, Lebensraum, biex tespandi. Huwa tefa' għajnejh fuq il-Lvant tal-Ewropa għal din l-espansjoni, billi jkisser lill-Polonja u lill-Unjoni Sovjetika u jneħħi jew jeqred lil-Lhud u lis-Slavi. Il-pjan kien li jiddeporta lil min kien jgħix f'dawn il-postijiet lejn il-Punent tas-Siberja, jew biex jaħdmu bħala skjavi jew biex jinqatlu; u t-territorji konkwistati jiġu Ġermanizzati. It-tir kien li jimplimenta dan il-pjan wara l-konkwista tal-Unjoni Sovjetika, iżda meta din falliet, Hitler baqa' għaddej bil-pjanijiet tiegħu. Minn Jannar 1942, kien ġie deċiż li jinqatlu l-Lhud, is-Slavi u deportati oħra meqjusa mhux mixtieqa.
Responsabbiltà ta' Hitler
immodifikaL-Olokawst ("Endlösung der Judenfrage" jew "Is-Soluzzjoni Finali tal-Kwistjoni Lhudija") kien ordnat minn Hitler u organizzat u mwettaq minn Heinrich Himmler u Reinhard Heydrich. L-atti tal-Konferenza ta' Wannsee — li saret fl-20 ta' Jannar 1942 u tmexxiet minn Heydrich, bi ħmistax-il uffiċjal Nażista jieħdu sehem — hija l-aqwa xhieda tal-ippjanar sistematiku tal-Olokawst. Fit-22 ta' Frar, Hitler qal, "se niksbu saħħitna lura mill-ġdid biss jekk neliminaw lil-Lhud". Id-diskorsi pubbliċi tiegħu, l-ordnijiet tiegħu lill-ġenerali, u d-djarji ta' uffiċjali Nażisti juru li kien hu li kkonċepixxa u awtorizza l-qtil tal-Lhud Ewropej. Kien hu li approva l-iskwadri tal-mewt Einsatzgruppen li mxew mal-armata Ġermaniża fil-Polonja, fil-Baltiku u fl-Unjoni Sovjetika — u kien infurmat sew fuq x'kienu qed jagħmlu.
Sas-sajf tal-1942, il-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz kiber malajr biex ikun jiflaħ mases ta' deportati biex jinqatlu jew biex jinżammu skjavi. Għexieren ta' kampijiet ta' konċentrament inbnew fl-Ewropa okkupata, b'ħafna kampijiet dedikati biss għall-qerda. Kien hemm 42,500 faċilità fil-Ġermanja u fil-pajjiżi okkupati biex jiġbru u joqtlu lil-Lhud u vittmi oħra, u madwar 500,000 ruħ ħadu sehem b'mod dirett fl-ippjanar u fil-qtil tal-vittmi tal-Olokawst.
Meta r-reġim Nażista kiseb il-poter fil-Ġermanja f'Jannar 1933, mill-ewwel beda jieħu miżuri sistematiċi kontra l-Lhud. Mill-1933 sal-1939, saru sforzi organizzati mill-Partit Nażista biex jeliminaw lil-Lhud mill-ħajja ekonomika. Il-Lhud tkeċċew mill-pożizzjonijiet li kellhom mal-gvern, u l-avukati u t-tobba Lhud tilfu l-klijenti Ġermaniżi tagħhom. L-intrapriżi Lhud kienu jiġu likwidati jew jinxtraw b'valur ħafna inqas minn kemm jiswew minn kumpaniji li ma kinux tal-Lhud. Id-dħul li l-Lhud kienu jagħmlu minn bejgħ kif ukoll dak li jġemmgħu, kien suġġett għal taxxa speċjali.
"Lejl tal-Ħġieġ Imkisser"
immodifikaF'Novembru 1938, wara li żagħżugħ Lhudi qatel diplomatiku Ġermaniż f'Pariġi, is-sinagogi kollha fil-Ġermanja ġew maħruqa, it-twieqi tal-ħwienet Lhud tkissru, u eluf ta' Lhud ġew arrestati. Dal-"Lejl tal-Ħġieġ Imkisser" (Kristallnacht) kien sinjal għal-Lhud fil-Ġermanja u fl-Awstrija biex jitilqu malajr kemm jista' jkun. Mijiet ta' eluf ta' Lhud irnexxielhom isibu kenn f'pajjiżi oħra, iżda numru daqstant ieħor kbir ta' Lhud, ħafna minnhom xjuħ u foqra, baqgħu hemm jistennew destin inċert.
Invażjoni tal-Polonja
immodifikaF'Awwissu 1939, il-Ġermanja iffirmat patt mal-Unjoni Sovjetika, u f'dan il-patt iż-żewġ pajjiżi bil-moħbi qasmu l-Polonja. Hitler attakka l-Polonja f'Settembru 1939. Il-Pollakki maljar ingħelbu u l-alleati tagħhom, l-Ingliżi u l-Franċiżi, ma għamlu xejn biex jgħinuhom. Fir-rebbiegħa tal-1940, Hitler ħataf lid-Danimarka u lin-Norveġja u ftit wara lin-Netherlands, lill-Belġju u lil Franza. Meta Hitler okkupa l-Polonja żied kważi żewġ miljuni Lhud taħt is-setgħa tiegħu. Ir-restrizzjonijiet li saru fuq il-Lhud tal-Polonja kienu eħrex minn dawk fil-Ġermanja.
Il-Lhud fil-Polonja kienu mġiegħla jgħixu f'ghettos imdawra b'ħitan u b'fildiferru mxewwek. Il-ghettos kienu bħal bliet magħluqin minn kullimkien. Kull ghetto kellu kunsill Lhudi li kien responsabbli għad-djar, għas-sanità u għall-produzzjoni. L-ikel li kien jitħalla jidħol fil-ghettos mill-Ġermaniżi kien jikkonisti biss f'qamħ u f'ħaxix bħal ġdur, karrotti u pitravi. Fil-ghetto ta' Varsavja, ir-razzjon uffiċjali għal kull abitant ma kienx jaqbeż l-1,200 kalorija. Xi ikel li kien jidħol minn taħt, kien jinbigħ bi prezzijiet m'għola s-sema, u l-qgħad u l-faqar kienu mifruxa. Id-djar kienu mimlijin nies, b'sitta jew b'sebgħa min-nies f'kull kamra, u l-marda tat-tifu kienet komuni.
Fl-Unjoni Sovjetika
immodifikaWaqt li kien qed jiġri dan kollu fil-Polonja, f'Ġunju 1941, il-Ġermaniżi invadew l-Unjoni Sovjetika. L-SS qassmet 3,000 gwardja f'unitajiet speċjali fit-territorji Sovjetiċi, biex joqtlu l-Lhud kollha fil-post. Dawn l-iskwadri kienu involuti f'massakri sħaħ, li ħafna drabi kienu jsiru f'fosos jew f'irdumijiet qrib l-ibliet. Xi drabi r-residenti kienu jaraw dawn il-massakri, u aħbarijiet dwar dan ma damux ma bdew jaslu f'diversi bliet kapitali tad-dinja.
"Soluzzjoni Finali"
immodifikaXahar wara dan, it-tieni fit-tmexxija wara Hitler, Hermann Göring, bagħat direttiva lill-kap tal-SS, Reinhard Heydrich, bl-ordni li jorganizza "soluzzjoni finali għall-kwistjoni Lhudija" fl-Ewropa kollha dominata mill-Ġermanja. F'Settembru 1941, il-Lhud tal-Ġermanja kellhom jilbsu armi jew faxex ma' driegħhom immarkati bi stilla safra. Fix-xhur ta' wara, għexieren ta' eluf ġew deportati fil-Polonja u fi bliet maħtufa mill-Unjoni Sovjetika. Sadanittant kienet qed titħejja innovazzjoni oħra: il-kamp tal-mewt.
Kampijiet attrezzati biex jiggassjaw lin-nies inbnew fuq l-art tal-Polonja okkupata. Ħafna mill-vittmi kellhom jinġiebu mill-ghettos tal-qrib. Mill-ghetto ta' Varsavja biss, inġiebu iktar minn 300,000 ruħ. L-ewwel trasport kien mimli bi tfal u xjuħ li ma setgħux jaħdmu; il-Lhud li setgħu jaħdmu kienu jinżammu, iżda fl-aħħar kienu jispiċċaw maqtulin huma wkoll. L-ikbar deportazzjonijiet seħħew fis-sajf tal-1942. Id-destinazzjoni ta' dan it-trasport ma kinitx tiġi mgħarrfa lill-komunitajiet Lhud, iżda rapporti ta' massakri sħaħ fl-aħħar waslu għand il-Lhud li kienu għadhom ħajjin u għand il-gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Ingilterra.
F'April 1943, il-65,000 Lhud li kien fadal f'Varsavja rreżistew lill-pulizija Ġermaniża li daħlet fil-ghetto, f'battalja li damet sejra tliet ġimgħat. Bejn Lulju u Ottubru 1942, iktar minn 300,000 abitant tal-ghetto ta' Varsavja ntbagħtu fil-kampijiet ta' konċentrament u nqatlu. Is-60,000 Lhud li kien għad baqa' nqatlu f'din ir-reżistenza erojka.
Fejn kien possibli, il-Ġermaniżi ġabru l-proprjetà kollha tad-deportati. Fil-Ġermanja, il-kontijiet tal-bank ġew konfiskati, u minn Franza, Belġju u Olanda okkupati, l-għamara tal-Lhud kienet titwassal il-Ġermanja biex tingħata lil persuni li djarhom kienu ġew ibbumbardjati. It-trasport tal-vittmi lejn il-kampijiet tal-mewt kien isir bil-ferrovija. Il-vaguni li kienu jwasslu lil-Lhud kienu jimxu bil-mod bi skedi speċjali għad-destinazzjoni tagħhom. Ħafna drabi l-morda u x-xjuħ kienu jmutu fit-triq.
Auschwitz
immodifikaAuschwitz, qrib Krakovja, kien l-akbar kamp tal-mewt, li b'differenza mill-oħrajn uża l-gass tal-idroġenu li malajr kien iwassal għall-effett mixtieq. Il-vittmi ta' Auschwitz kienu ġejjin mill-Ewropa kollha okkupata mill-Germanizi: il-Ġermanja, Spanja, il-Portugall, l-Italja, Franza, l-Awstrija, iċ-Ċekoslovakkja, il-Polonja, in-Norveġja, id-Danimarka, il-Finlandja, in-Netherlands, il-Belġju, il-Lussemburgu, il-Greċja, il-Jugoslavja, l-Albanija, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija, ir-Russja, l-Ukrajna, il-Belarussja, il-Moldova, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja. Ħafna priġunieri, Lhud u mhumiex, kienu jitħaddmu; xi priġunieri kienu jintużaw f'esperimenti mediċi, b'mod partikolari għall-isterilizzazzjonijiet. Għalkemm il-Lhud u ż-żingari biss kienu jiġu ggassjati regolarment, mijiet ta' eluf ta' priġunieri oħrajn f'Auschwitz mietu bil-ġuħ, bil-mard jew ġustizzjati. Biex jgħattu dnubiethom, bnew krematorji kbar biex fihom jinħarqu l-katavri ta' dawk li ġew ġustizzjati. Fl-1944, il-kamp ġie fotografat mill-ajruplani tal-Alleati li kienu qed ifittxu l-industriji; il-fabbriki ġew ibbumbardjati iżda l-kampijiet le.
Riżultati tax-Shoah
immodifikaMeta l-gwerra ntemmet, miljuni ta' Lhud, Slavi, żingari, omosesswali, Xhieda ta' Ġeħova, Komunisti, u oħrajn fil-mira tan-Nażisti, kienu nqatlu fl-Olokawst. Il-Lhud maqtulin kienu madwar 6 miljun ruħ: madwar 3 miljun ruħ fil-kampijiet ta' konċentrament, miljun u nofs ġustizzjati, u iktar minn 600,000 ruħ fil-ghettos. L-Alleati ġew pressati biex joħolqu art permanenti fil-Palestina għal-Lhud li baqgħu ħajjin. It-twaqqif ta' Iżrael, tliet snin wara l-waqgħa tal-Ġermanja kien għalhekk riżultat tal-Olokawst.