Bruges

belt fil-Fjandri tal-Punent, il-Belġju

Bruges (/bruːʒ/ BRUHGZH, bl-Olandiż: Brugge [ˈbrʏɣə]) hija l-belt kapitali u l-ikbar belt fil-provinċja tal-Fjandri tal-Punent fir-Reġjun Fjamming tal-Belġju, fil-Majjistral tal-pajjiż, u s-sitt l-ikbar belt tal-pajjiż bħala popolazzjoni.

Bruges
 Belġju
Amministrazzjoni
Stat sovranBelġju
Region of BelgiumFjandri
Province of BelgiumFjandri tal-Punent
Administrative arrondissement of BelgiumArrondissement ta' Bruges
Kap tal-Gvern Dirk De fauw (mul) Translate
Isem uffiċjali Stad Brugge
Ismijiet oriġinali Brugge
Brugge
Kodiċi postali 8000, 8380, 8310u 8200
Ġeografija
Koordinati 51°12′32″N 3°13′27″E / 51.2089°N 3.2242°E / 51.2089; 3.2242Koordinati: 51°12′32″N 3°13′27″E / 51.2089°N 3.2242°E / 51.2089; 3.2242
Bruges is located in Belgium
Bruges
Bruges
Bruges (Belgium)
Superfiċjenti 140.99 kilometru kwadru
Għoli 2 mu 4 m
Fruntieri ma' Blankenberge (en) Translate, Knokke-Heist (en) Translate, Oostkamp (en) Translateu Damme (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 118,509 abitanti (1 Jannar 2022)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 050
Żona tal-Ħin UTC+1
bliet ġemellati Salamanca, Burgosu Guadalajara
brugge.be

L-erja tal-belt kollha tammonta għal iktar minn 13,840 ettaru (138.4 km2; 53.44 mil kwadru), inkluż 1,075 ettaru tul il-kosta, f'Zeebrugge (li ġejja minn Brugge aan zee[1], li tfisser "Bruges mal-Baħar").[2] Iċ-ċentru storiku tal-belt huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Għandha għamla ovali u daqs ta' madwar 430 ettaru. Il-popolazzjoni totali tal-belt tammonta għal 117,073 ruħ (fl-1 ta' Jannar 2008), li minnhom madwar 20,000 ruħ jgħixu fiċ-ċentru tal-belt.[4] Iż-żona metropolitana, inkluż iż-żona tal-periferija, tkopri erja ta' 616 km2 (238 mil kwadru) u għandha total ta' 255,844 abitant skont l-aħħar ċensiment tal-1 ta' Jannar 2008.[5]

Flimkien ma' ftit bliet oħra bil-kanali fit-Tramuntana tal-Ewropa, bħal Amsterdam, fin-Netherlands, u San Pietruburgu, fir-Russja, xi kultant tissejjaħ "il-Venezja tat-Tramuntana". Bruges għandha importanza ekonomika importanti, bis-saħħa tal-port tagħha, u fl-imgħoddi kienet waħda mill-bliet kummerċjali ewlenin tad-dinja.[6][7] Bruges hija destinazzjoni turistika fil-Belġju, u hija magħrufa sew bħala s-sede tal-Kulleġġ tal-Ewropa, istitut universitarju għall-istudji Ewropej.[8]

L-iżjed tismija bikrija ta' isem il-belt bħala kienet bħala Bruggas, Brvggas jew Brvccia fit-840-875 W.K. Iktar 'il quddiem, tissemma bħala Bruciam u Bruociam (fit-892); bħala Brutgis uico (fl-aħħar tas-seklu 9); bħala in portu Bruggensi (għall-ħabta tal-1010); bħala Bruggis (fl-1012); bħala Bricge fil-Kronaka Anglo-Sassona (fl-1037); bħala Brugensis (fl-1046); bħala Brycge fil-Kronaka Anglo-Sassona (fl-1049-1052); bħala Brugias (fl-1072); bħala Bruges (fl-1080-1085); bħala Bruggas (għall-ħabta tal-1084); bħala Brugis (fl-1089); u bħala Brugge (fl-1116).[9]

L-isem x'aktarx li oriġina mill-Olandiż Antik, mill-kelma għal "pont": brugga. Wieħed jista' jqabbel ukoll l-Olandiż Nofsani brucge, brugge (jew brugghe, brigghe, bregghe, brogghe), u l-Olandiż modern bruggehoofd u brug.[10] Il-varjant brugghe x'aktarx li huwa varjant tal-Olandiż tan-Nofsinhar.[11] Il-kelma bl-Olandiż u bl-Ingliż (bridge), it-tnejn joriġinaw mill-Proto-Ġermaniku *brugjō-.[12]

Oriġini

immodifika

Bruges kienet il-post magħżul minn insedjament kostali matul il-preistorja. Dan l-insedjament ta' Żmien il-Bronż u ta' Żmien il-Ħadid ma għandux rabta mal-iżvilupp tal-belt Medjevali. Fl-inħawi ta' Bruges, l-ewwel fortifikazzjonijiet inbnew wara l-ħakma ta' Menapii minn Ġulju Ċesri fl-ewwel seklu Q.K., sabiex iż-żona kostali tiġi protetta mill-pirati. Il-Franki ħadu l-kontroll tar-reġjun kollu għall-Gallo-Rumani għall-ħabta tas-seklu 4 u amministrawh bħala l-Pagus Flandrensis. L-inkursjonijiet tal-Vikingi tas-seklu 9 ħeġġew lill-Konti Baldwin I tal-Fjandri jsaħħaħ mill-ġdid il-fortifikazzjonijiet Rumani; il-kummerċ f'qasir żmien reġa' kompla mal-Ingilterra u mal-Iskandinavja. L-abitazzjoni Medjevali bikrija bdiet fis-seklu 9 u 10, x'aktarx b'insedjament iffortifikat u knisja.[13]

Epoka tad-deheb (is-sekli 12 sa 15)

immodifika
 
Il-Pjazza tas-Suq

Fl-1089, Bruges saret il-belt kapitali tal-Kontea tal-Fjandri. Bruges irċeviet ir-rikonoxximent bħala belt fis-27 ta' Lulju 1128, u nbnew swar u kanali ġodda. Sas-seklu 12, il-belt kienet kisbet amministrazzjoni awtonoma.[14] Het Zwin (Daħla tad-Deheb), id-daħla tal-marea ta' Bruges, kienet kruċjali għall-iżvilupp tal-kummerċ lokali.[15][16] Minn madwa l-1050, is-sedimentazzjoni gradwali kienet waslet biex il-belt titlef l-aċċess dirett li kellha għall-baħar. Madankollu, maltempata fl-1134 reġgħet stabbiliet dan l-aċċess, permezz tal-ħolqien ta' kanal naturali f'Het Zwin. Dan l-iżbokk il-ġdid għall-baħar kien estiż saħansitra sa Damme, belt li saret stazzjonament kummerċjali ta' Bruges.

Kummerċ

immodifika

Bruges kellha pożizzjoni strateġika f'salib it-toroq tar-rotot kummerċjali tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Lega Anseatika. Bruges diġà kienet inkluża fiċ-ċirkwit tal-fieri Fjammingi u Franċiżi tad-drapp fil-bidu tas-seklu 13, iżda meta s-sistema l-antika tal-fieri sfaxxat, l-imprendituri ta' Bruges ħadu ħsieb ikunu innovattivi. Huma żviluppaw, jew issellfu mill-Italja, forom ġodda ta' kapitaliżmu merkantili, li permezz tagħhom diversi merkanti setgħu jaqsmu r-riskji u l-profitti, kif ukoll l-għarfien tagħhom dwar is-swieq. Użaw forom ġodda ta' skambju ekonomiku, inkluż kambjali u dokumenti ta' kreditu.[17] Il-belt laqgħet lill-kummerċjanti barranin bi ħġarha, b'mod partikolari lill-kummerċjanti Portugiżi li kienu jbigħu l-bżar u ħwawar oħra.[18]

 
"Il-Burg fi Bruges", impittra għall-ħabta tal-1691-1700 minn Meunincxhove.

Meta l-belt reġgħet bdiet tieħu r-ruħ fis-seklu 12, is-suq tas-suf, l-industrija tal-insiġ tal-oġġetti tas-suf, u s-suq tad-drapp kollha bbenefikaw mill-kenn tas-swar tal-belt, fejn il-prodotti żejda setgħu jiġu akkumulati fis-sikurezza kollha taħt il-patroċinju tal-Kontijiet tal-Fjandri. L-imprendituri tal-belt għamlu ħilithom biex jistabbilixxu kolonji ekonomiċi mid-distretti tal-produzzjoni tas-suf tal-Ingilterra u tal-Iskozja. Il-kuntatti mal-Ingliżi wasslu l-qmuħ min-Normandija u l-inbejjed tal-Gaskonja. Il-vapuri Anseatiċi melew il-port, li kellu jitkabbar lil hinn minn Damme sa Sluys sabiex jakkomoda l-bastimenti l-ġodda.[19]

Fl-1277, l-ewwel flotta merkantili mir-Repubblika ta' Genova tfaċċat fil-port ta' Bruges, l-ewwel mill-kolonji merkantili li għamlu lil Bruges il-kollegament prinċipali għall-kummerċ fil-Mediterran.[20] Dan l-iżvilupp fetaħ mhux biss il-kummerċ tal-ħwawar mil-Lvant, iżda avvanza wkoll it-tekniki kummerċjali u finanzjarji, u wassal xita ta' kapital li malajr ħadet post is-sistema bankarja ta' Bruges. Il-binja li r-Repubblika ta' Genova ospitat ir-rappreżentanza kummerċjali tagħha fiha fil-belt għadha teżisti, u issa tospita l-Frietmuseum.[21]

Il-Borża nfetħet fl-1309 (x'aktarx l-ewwel Borża fid-dinja) u żviluppat fl-iżjed suq sofistikat tal-flus tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-seklu 14. Sakemm tfaċċaw l-iġfna Venezjani fl-1314, diġà kienu tard.[22] Bosta merkanti barranin intlaqgħu fi Bruges, bħall-merkanti Kastiljani tas-suf li waslu għall-ewwel darba fis-seklu 13. Wara li ntemm il-monopolju tagħhom, il-Baski, ħafna minnhom minn Bilbao (Biskajja), stagħnaw bħala merkanti (suf, oġġetti bażiċi tal-ħadid, eċċ.) u stabbilew il-konsolat kummerċjali tagħhom stess fi Bruges sa nofs is-seklu 15.[23] Il-merkanti barranin espandew iż-żoni kummerċjali tal-belt. Huma kellhom komunitajiet separati rregolati bil-liġijiet tagħhom stess sal-kollass ekonomiku wara l-1700.[24]

 
Triq antika fi Bruges, bil-kampnar tal-Knisja tal-Madonna fl-isfond.

Dan il-ġid wassal għal irvellijiet soċjali, li fil-biċċa l-kbira tagħhom trażżnu bil-forza mill-milizja. Madankollu, fl-1302, wara l-Bruges Matins (il-massakru ta' billejl tal-gwarniġjon Franċiż fi Bruges mill-membri tal-milizja Fjamminga lokali fit-18 ta' Mejju 1302), il-popolazzjoni ngħaqdet mal-Konti tal-Fjandri kontra l-Franċiżi, u dan wassal għar-rebħa fil-Battalja tal-Ixpruni tad-Deheb, miġġielda ħdejn Kortrijk fil-11 ta' Lulju. L-istatwa ta' Jan Breydel u Pieter de Coninck, il-mexxejja tar-rewwixta, għadha teżisti fil-pjazza tas-Suq il-Kbira. Il-belt żammet milizja bħala korp paramilitari permanenti. Kisbet flessibbiltà u prestiġju kbir permezz ta' rabtiet mill-qrib ma' xirka ta' milizji organizzati, magħmula minn professjonisti u unitajiet speċjalizzati. L-irġiel tal-milizja xtraw u ħadu ħsieb l-armi u l-armaturi tagħhom stess, skont l-istatus tal-familja tagħhom u l-ġid li kellhom. Iktar 'il quddiem, Bruges ġarrbet irvell Fjamming wara l-ieħor, li seħħew madwar il-Kontea tal-Fjandri bejn l-1323 u l-1328.

Fl-aħħar tas-seklu 14, Bruges saret wieħed mill-Erba' Membri, flimkien ma' Brugse Vrije, Gent u Ypres. Flimkien iffurmaw parlament; madankollu, spiss kienu jiġġieldu ma' xulxin.[25]

Fis-seklu 15, Filippu t-Twajjeb, id-Duka ta' Bourgogne, stabbilixxa l-qorti tiegħu fi Bruges, kif ukoll fi Brussell u f'Lille, u attira bosta artisti, bankiera u personalitajiet prominenti oħra mill-Ewropa kollha.[26] In-nissieġa u l-għażżiela ta' Bruges kienu meqjusa bħala l-aqwa fid-dinja, u l-popolazzjoni ta' Bruges kibret għal mill-inqas 125,000 ruħ u x'aktarx sa 200,000 ruħ għall-ħabta tal-1400.[27][28]

It-tekniki l-ġodda tal-pittura biż-żejt tal-iskola Fjamming saru rinomati mad-dinja kollha. L-ewwel ktieb bl-Ingliż li qatt ġie stampat ġie ppubblikat fi Bruges minn William Caxton. Dwardu IV u Richard III tal-Ingilterra dak iż-żmien kien eżiljati fi Bruges.

Deklin wara l-1500

immodifika
 
Bruges fil-Mappa ta' Ferraris (għall-ħabta tal-1775).

Minn xi l-1500, il-kanal ta' Het Zwin, li kien wassal tant prosperità għall-belt, beda jimtela bis-sedimenti u l-Epoka tad-Deheb intemmet. Anversa malajr ħaditilha postha bħala l-belt ekonomika ewlenija tal-Pajjiżi l-Baxxi. Matul is-seklu 17, iffjorixxiet l-industrija tal-bizzilla, u saru diversi sforzi biex iż-żmien glorjuż tal-imgħoddi jerġa' jiġi. Matul is-snin 50 tas-seklu 17, il-belt kienet il-bażi ta' Karlu II tal-Ingilterra u l-qorti tiegħu fl-eżilju.[29] L-infrastruttura marittima ġiet immodernizzata, u nbnew kollegamenti ġodda bil-baħar, iżda mingħajr wisq suċċess, għaliex Anversa kulma jmur saret iktar dominanti. Bruges tfaqqret u gradwalment l-importanza tagħha svintat; il-popolazzjoni tagħha wkoll niżlet minn 200,000 ruħ għal 50,000 ruħ sal-1900.

Ir-rumanzier simbolista George Rodenbach għamel karattru mill-belt fir-rumanz tiegħu Bruges-la-Morte, li tfisser "Bruges il-Mejta", li ġie adattat għall-opra ta' Erich Wolfgang Korngold, Die tote Stadt (Il-Belt il-Mejta).[30]

Seklu 19 u wara

immodifika
 
Kartolina antika li turi d-dar ta' Cranenburg.[31]

Fit-tieni nofs tas-seklu 19, Bruges saret waħda mill-ewwel destinazzjonijiet turistiċi fid-dinja, u attirat turisti għonja Brittaniċi u Franċiżi. Sal-1909 ġiet stabbilita l-assoċjazzjoni "Immexxu lil Bruges 'il Quddiem: Soċjetà għat-Titjib tat-Turiżmu".[32]

Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, il-forzi Ġermaniżi okkupaw lil Bruges. Madankollu, il-belt ma ġarrbet l-ebda ħsara estensiva u ġiet illiberata fid-19 ta' Ottubru 1918 mill-Alleati. Il-belt ġiet okkupata mill-Ġermaniżi mill-1940 matul it-Tieni Gwerra Dinjija u mill-ġdid ma ġarrbet l-ebda qerda. Fit-12 ta' Settembru 1944, ġiet illiberata mit-12-il truppa Kanadiża tad-Draguni ta' Manitoba. Il-liberazzjoni tal-belt ġiet iffaċilitata mill-pont, issa magħruf bħala l-Pont tal-Kanada, li jikkollega l-muniċipalitajiet periferiċi maċ-ċentru tal-belt.

Wara l-1965, il-belt Medjevali oriġinali esperjenzat "rinaxximent". Ir-restawr tal-istrutturi residenzjali u kummerċjali, tal-monumenti storiċi, u tal-knejjes iġġenera żieda fit-turiżmu u l-attività ekonomika fiċ-ċentru storiku. It-turiżmu internazzjonali sploda, u sforzi ġodda wasslu biex Bruges tiġi ddeżinjata l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2002. Il-belt tattira xi tmien miljun turist fis-sena.[33]

Il-port ta' Zeebrugge nbena fl-1907. Il-Ġermaniżi użawh għall-U-boats tagħhom fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Tkabbar ferm fis-snin 70 tas-seklu 20 u fil-bidu tas-snin 80 tas-seklu 20 u sar wieħed mill-iżjed portijiet importanti u moderni tal-Ewropa.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iċ-Ċentru Storiku ta' Bruges ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

L-iżjed attrazzjoni ewlenija magħrufa ta' Bruges hija t-Torri tal-Kampnar ta' Bruges tas-seklu 13 li jospita karillon muniċipali ta' 47 qanpiena.[34] It-Torri tal-Kampnar ta' Bruges, separatament mis-Sit ta' Wirt Dinji taċ-ċentru storiku ta' Bruges, huwa inkluż bħala Sit ta' Wirt Dinji ieħor tal-UNESCO, il-Kampnari tal-Belġju u ta' Franza. Il-belt għadha timpjega persuna full-time li tieħu ħsieb il-karillon u li tagħmel kunċerti mingħajr ħlas fuq bażi regolari.[35]

Bruges tospita wkoll it-tielet Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; il-"Béguinage" (kumpless għal-lajċi) ta' Ten Wijngaerde tas-seklu 13, li huwa inkluż fil-"Béguinages Fjammingi".[36]

Ġeografija

immodifika
 
Il-Muniċipalità ta' Bruges.

Il-muniċipalità tikkonsisti minn:

  • Il-ċentru storiku tal-belt ta' Bruges, Sint-Jozef u Sint-Pieters (I)
  • Koolkerke (II)
  • Sint-Andries (III)
  • Sint-Michiels (IV)
  • Assebroek (V)
  • Sint-Kruis (VI)
  • Dudzele (VII)
  • Lissewege (flimkien ma' Zeebrugge u Zwankendamme) (VIII)

Bruges għandha klima oċeanika (Köppen Cfb).

Data klimatika ta' Bruges (temp. normali 1981–2010, sigħat ta' xemx 1984–2013)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 6.2

(43.2)

7.0

(44.6)

10.8

(51.4)

14.5

(58.1)

17.4

(63.3)

19.9

(67.8)

22.4

(72.3)

22.5

(72.5)

19.7

(67.5)

15.3

(59.5)

10.1

(50.2)

6.6

(43.9)

14.7

(58.5)

Temp. medja kuljum f'°C (°F) 3.6

(38.5)

3.8

(38.8)

6.8

(44.2)

9.3

(48.7)

12.9

(55.2)

15.6

(60.1)

17.9

(64.2)

17.9

(64.2)

15.0

(59.0)

11.3

(52.3)

7.1

(44.8)

4.1

(39.4)

10.6

(51.1)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 0.9

(33.6)

0.6

(33.1)

2.8

(37.0)

4.5

(40.1)

8.4

(47.1)

11.3

(52.3)

13.3

(55.9)

12.9

(55.2)

10.4

(50.7)

7.4

(45.3)

4.2

(39.6)

1.7

(35.1)

6.5

(43.7)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 66.5

(2.62)

55.8

(2.20)

58.0

(2.28)

44.2

(1.74)

61.5

(2.42)

68.5

(2.70)

71.3

(2.81)

79.0

(3.11)

79.2

(3.12)

84.8

(3.34)

86.1

(3.39)

81.1

(3.19)

836.2

(32.92)

Medja ta' jiem ta' preċipitazzjoni 12.6 10.6 11.8 9.7 10.7 10.0 9.9 9.9 10.8 12.1 13.7 13.3 135.1
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 63 83 130 187 217 211 221 208 152 118 65 51 1,705
Sors: L-Istitut Meteoroloġiku Rjali[37]
 
Il-Kampnar ta' Bruges

Attrazzjonijiet ewlenin, arti u kultura

immodifika

L-arkitettura Medjevali fi Bruges fil-biċċa l-kbira tagħha għadha intatta, u b'hekk hija waħda mill-iżjed bliet Medjevali ppreservati fl-Ewropa.[38] Iċ-Ċentru Storiku ta' Bruges ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[3] Il-binjiet Medjevali tagħha jinkludu l-Knisja tal-Madonna, bi spiera tal-brikks li tlaħħaq il-115.6-il metru (379.27 pied), u għaldaqstant hija t-tieni l-itwal torri/binja tal-brikks fid-dinja. L-iskultura tal-Madonna bil-Bambin, li wieħed jista' jara fit-transett, jingħad li hija l-unika skultura ta' Michelangelo li telqet mill-Italja matul ħajtu.

Artiġjanat

immodifika
 
Il-Boudewijn Seapark minn barra

Bruges hija magħrufa għat-teknika tat-tessuti tal-bizzilla. Barra minn hekk, il-belt u l-bizzilla tagħha ispiraw is-sensiela Thread Routes, u parti mit-tieni episodju miġbud fl-2011 inġibed fi Bruges.[39]

Diversi birer ingħataw isem il-belt, bħal Brugge Blond, Brugge Tripel, Brugs, Brugse Babbelaar, Brugse Straffe Hendrik u Brugse Zot. Madankollu, l-aħħar tnejn biss – Brugse Zot u Brugse Straffe Hendrik – jiġu prodotti fil-belt stess, fil-Birrerija ta' De Halve Maan.

 
Il-Concertgebouw (Binja tal-Kunċerti)

Divertiment

immodifika
  • Aquariustheater
  • Boudewijn Seapark (park akkwatiku tad-divertiment f'Sint-Michiels)
  • Biekorf
  • Cinema Liberty
  • Cinema Lumière (films alternattivi)
  • Concertgebouw, Bruges ("Binja tal-Kunċerti")
  • De Dijk
  • De Werf
  • Het Entrepot
  • Joseph Ryelandtzaal
  • Kinepolis Bruges
  • Magdalenazaal
  • SirkeltheaterStadsschouwburg Brugge
  • Studio Hall

Festivals

immodifika
Festivals tal-mużika:
  • Airbag (festival tal-konċertina)
  • Blues in Bruges
  • Brugge Tripel Dagen
  • Brugges Festival (mużika dinjija)
  • Cactusfestival
  • Elements Festival (mużika elettronika)
  • Fuse on the Beach (festival tal-mużika dance f'Zeebrugge)
  • Hafabrugge (festival tal-orkestra)
  • Internationale Fedekam Taptoe
  • Jazz Brugge
  • Koorfestival ("festival tal-kor")
  • Festival van VlaanderenMAfestival
  • Music in Mind (mużika [rock] atmosferika)
  • September Jazz
  • Sint-Gillis Blues – en Folkfestival
  • BurgRock
  • Comma Rocks Festival
  • Red Rock Rally
  • Thoprock
Festivals kulturali u tal-ikel:
  • Aristidefeesten
  • BAB-bierfestival ("festival tal-birra")
  • Brugse Kantdagen ("Jiem il-Bizzilla ta' Bruges")
  • Chapter 2 (spettaklu tal-juggling)
  • Choco-Laté (festival taċ-ċikkulata)
  • Cinema Novo (festival tal-films)
  • Cirque Plus (festival taċ-ċirklu)
  • European Youth Film Festival of Flanders
  • Ice Magic (festival tal-iskulturi tas-silġ)
  • Jonge Snaken Festival
  • Midwinterfeest
  • NAFT (festival teatrali)
  • Poirot in Bruges – Knack thrillerfestival
  • Razor Reel Fantastic Film Festival
  • Reiefeest (festival fuq il-kanali)
Festivals tal-kultura tal-musicals:
  • Come On!
  • Coupurefeesten
  • December Dance
  • Feest In 't Park
  • FEST!
  • Klinkers
  • Polé Polé Beach (f'Zeebrugge)
  • Sint-Michielse Feeste
  • Summer End Festival
  • Vama Veche festival

Mużewijiet u siti storiċi (mhux reliġjużi)

immodifika
 
Il-Gruuthusemuseum

Bruges tospita bosta mużewijiet. Il-mużewijiet tal-arti tagħha jinkludu id-Dar ta' Arents, kif ukoll il-Groeningemuseum, li għandu kollezzjoni estensiva ta' arti Medjevali u moderna bikrija. Membri tal-iskola Bikrija tan-Netherlands ta' pitturi tas-seklu 15 huma rrappreżentati, inkluż xogħlijiet ta' Jan van Eyck. Van Eyck, kif ukoll Hans Memling, għexu u ħadmu fi Bruges.

Attrazzjoni oħra huma d-daħliet ippreservati tal-belt antika: il-Kruispoort, il-Gentpoort, l-iSmedenpoort u l-Ezelpoort. Id-Dampoort, il-Katelijnepoort u l-Boeveriepoort ma għadhomx jeżistu.

L-Isptar l-Antik ta' San Ġwann (il-Mużew ta' Hans Memling) u l-Madonna tal-Artisti tal-Fuħħar huma sptarijiet u mużewijiet. Il-belt hija magħrufa għall-Bruggemuseum ("Mużew ta' Bruges"), l-isem ġenerali mogħti lil 11-il mużew storiku differenti fil-belt, inkluż:

  • il-Gruuthusemuseum, mużew tad-dar ta' Louis de Gruuthuse;
  • il-Knisja tal-Madonna;
  • il-Mużew Arkeoloġiku;
  • il-Gentpoort;
  • il-Kampnar;
  • il-Muniċipju fil-pjazza ċentrali;
  • il-Provinciaal Hof (Qorti Provinċjali);
  • il-Villa ta' Brugse Vrije;
  • il-Mużew tal-Folklor;
  • il-Mużew ta' Guido Gezelle;
  • il-Fabbrika ta' Koelewei (Mergħa Bierda);
  • il-Fabbrika ta' Sint-Janshuis (id-Dar ta' San Ġwann).

Il-mużewijiet mhux muniċipali ta' Bruges jinkludu l-Mużew tal-Birrerija, il-Hof Bladelin, iċ-Choco-Story (il-mużew taċ-ċikkulata), il-Lumina Domestica (il-mużew tal-lampi), il-Mużew-Gallerija Xpo ta' Salvador Dalí, il-Mużew tad-Djamanti[40], il-Frietmuseum (mużew iddedikat lill-patata moqlija Belġjana), il-Historium (mużew tal-istorja Medjevali ta' Bruges), iċ-ċentru tal-bizzilla, ix-Xirka tal-Arċiera ta' San Ġorġ, ix-Xirka tal-Arċiera ta' San Bastjan, l-Abbazija ta' San Trudo, u l-Osservatorju Pubbliku ta' Beisbroek.

Siti u attrazzjonijiet reliġjużi

immodifika
 
Il-Knisja tal-Madonna ta' Bruges

Bruges, li l-qaddis patrun tagħha huwa San Indrija l-Appostlu[41], hija magħrufa wkoll għall-attrazzjonijiet reliġjużi tagħha. Il-Bażilika tad-Demm Imqaddes (bl-Olandiż: Heilig-Bloedbasiliek), b'mod partikolari, tospita r-relikwa tad-Demm Imqaddes, li nġabet fil-belt wara t-Tieni Kruċjata minn Thierry tal-Alsace, u kull sena tintwera fit-toroq tal-belt. Iktar minn 1,600 abitant jieħdu sehem f'din il-purċissjoni reliġjuża f'tul ta' mil, bosta minnhom lebsin bħala kavallieri Medjevali jew ġellieda tal-Kruċjati.

Attrazzjonijiet u mużewijiet reliġjużi oħra jinkludu l-Knisja tal-Madonna, il-Kunvent Ingliż, il-Knisja ta' Ġerusalemm, il-Katidral ta' San Salvatore, l-Abbazija ta' San Trudo, il-Béguinage (bl-Olandiż: Begijnhof) ta' Ten Wijngaerde, u l-Abbazija ta' Ter Doest (bl-Olandiż: Abdij Ter Doest) f'Lissewege.

Trasport

immodifika

Bit-triq

immodifika
 
Veduta mill-ajru tal-kanal imsejjaħ Boudewijnkanaal li jikkollega lil Zeebrugge (fuq) ma' Bruges (fin-nofs).

Bruges għandha kollegamenti mal-awtostrada fid-direzzjonijiet kollha:

  • l-A10 lejn Ostende
  • l-A10/E40 lejn Gent u Brussell
  • l-A18/E40 lejn Veurne u Franza
  • l-A17/E403 lejn Kortrijk u Tournai
  • l-N31/E403 lejn Zeebrugge
  • l-N49/E34 lejn Anversa.

Is-sewqan fiċ-ċentru storiku fejn hemm in-network prinċipali ta' kanali ta' Bruges, huwa mxekkel apposta permezz ta' skemi ta' ġestjoni tat-traffiku, inkluż għadd kbir ta' toroq li tista' tgħaddi minnhom min-naħa waħda biss. Is-sistema tħeġġeġ l-użu ta' rotot stabbiliti li jwasslu għal parkeġġi ċentrali għall-karozzi u direttament għall-ħruġ mill-belt. Il-parkeġġi tal-karozzi huma konvenjenti għaż-żoni kummerċjali u turistiċi ċentrali u ma tantx huma għaljin wisq.

Bil-ferrovija

immodifika

L-istazzjon ferrovjarju prinċipali ta' Bruges jikkollega l-iktar mal-kosta Belġjana. Jipprovdi wkoll mill-inqas ferroviji ta' kull siegħa lejn il-bliet ewlenin l-oħra tal-Belġju, kif ukoll lejn Lille, Franza. Barra minn hekk, hemm ukoll diversi ferroviji reġjonali u lokali.

L-istazzjon fl-imgħoddi kien waqfa għar-rotta tat-Thalys Pariġi–Brussell–Ostende.

Il-karozza tal-linja saċ-ċentru topera spiss, minkejja li l-istazzjon tal-ferrovija jinsab mixja ta' 10 minuti biss mit-toroq prinċipali tax-xiri u mixja ta' 20 minuta mill-pjazza prinċipali tas-suq.

Hemm pjanijiet għal kollegament ferrovjarju mit-Tramuntana san-Nofsinhar li jgħaddi minn Bruges, minn Zeebrugge għal Lichtervelde, u għal kollegament ferrovjarju bejn Bruges u Ostende.

L-ajruport nazzjonali ta' Zaventem-Brussell, siegħa 'l bogħod bil-ferrovija jew bil-karozza, joffri l-aqwa konnessjonijiet. L-eqreb ajruport huwa l-Ajruport Internazzjonali ta' Ostende-Bruges, li jinsab madwar 25 kilometru (16-il mil) miċ-ċentru tal-belt ta' Bruges, iżda joffri trasport u konnessjonijiet limitati għall-passiġġieri. Reċentement beda jkun hemm ukoll karozza tal-linja diretta mill-Ajruport ta' Charleroi għal Bruges.

Trasport pubbliku

immodifika

Bruges għandha network estensiv ta' karozzi tal-linja, operat minn De Lijn, li jagħtu aċċess għaċ-ċentru tal-belt u għas-subborgi tagħha (linji tal-belt, bl-Olandiż: stadslijnen), kif ukoll għal bosta rħula u villaġġi fir-reġjun madwar il-belt (linji reġjonali, bl-Olandiż: streeklijnen).

Bħala appoġġ għall-ġestjoni muniċipali tat-traffiku, it-trasport pubbliku huwa mingħajr ħlas għal dawk li jipparkjaw il-karozzi tagħhom fil-parkeġġ prinċipali tal-istazzjon.

Ċikliżmu

immodifika

Għalkemm hemm ftit toroq li għandhom xi restrizzjonijiet, l-ebda parti minn Bruges mhi magħluqa għalkollox għall-karozzi.

Is-sewwieqa tal-karozzi jridu joqogħdu attenti għal dawk li jkunu qed jimxu jew isuqu r-rota. Hemm pjanijiet li ilhom biex jiġu implimentati biex il-karozzi jiġu pprojbiti għalkollox miċ-ċentru storiku ta' Bruges jew mill-inqas biex it-traffiku jkun ristrett ferm iktar minn bħalissa, iżda dawn il-pjanijiet qatt ma twettqu. Fl-2005, inbidu s-sinjali tat-toroq għall-konvenjenza taċ-ċiklisti, sabiex it-traffiku bir-roti jkun permess miż-żewġ naħat tat-toroq; madankollu t-traffiku tal-karozzi ma naqasx. Minkejja dan, xi ħaġa komuni f'bosta bliet fir-reġjun, xorta waħda hemm eluf ta' ċiklisti fil-belt ta' Bruges.

Il-port ta' Bruges huwa Zeebrugge (li bil-Fjamming tfisser Bruges mal-Baħar).

Fis-6 ta' Marzu 1987, il-lanċa Brittanika MS Herald of Free Enterprise għerqet wara li telqet mill-port, u mietu 187 ruħ, fl-agħar diżastru li jinvolvi bastiment Brittaniku mill-1919; bdiet tbaħħar iżda l-buq tħalla miftuħ. Il-lanċa MS Herald of Free Enterprise kienet bastiment tal-passiġġieri li twassal lin-nies mill-port ta' Zeebrugge sal-port ta' Dover f'Kent u lura. Il-biċċa l-kbira tal-okkupanti kienu ħadu vantaġġ minn promozzjoni li dehret fil-gazzetti ta' vjaġġ bir-ritorn minn Dover għal Zeebrugge għal lira sterlina biss.

 
L-Istadium Jan Breydel

Bejn l-1998 u l-2016, Bruges ospitat il-bidu tat-tellieqa ċiklistika annwali tat-Tour tal-Fjandri, li kienet issir f'April u li kienet waħda mill-ikbar avvenimenti sportivi fil-Belġju.

Il-futbol huwa popolari wkoll fi Bruges; il-belt għandha żewġ timijiet tal-futbol professjonali, u t-tnejn li huma jilagħbu fl-ogħla livell (l-Ewwel Diviżjoni Belġjana). Club Brugge K.V. dan l-aħħar rebħu l-kampjonat, filwaqt li t-tieni tim, Cercle Brugge K.S.V., dan l-aħħar ġie promoss fl-ewwel diviżjoni. Iż-żewġ timijiet jilagħbu l-logħbiet f'darhom fl-Istadium Jan Breydel (li jesa' 30,000 ruħ) f'Sint-Andries. Hemm pjanijiet biex jinbena stadium ieħor ġdid għal Club Brugge li jesa' madwar 45,000 ruħ fit-Tramuntana tal-belt, filwaqt li l-kunsill lokali jirrinnova u jnaqqas il-kapaċità tal-Istadium Jan Breydel għal Cercle Brugge.

Fis-sena 2000, Bruges kienet waħda mit-tmien bliet ospitanti għall-KampjonatI Ewropej tal-Futbol tal-UEFA, ospitat b'mod konġunt mill-Belġju u min-Netherlands.

Fl-2021, Bruges, flimkien ma' Leuven, ospitat il-Kampjonat UCI tat-Tlielaq fit-Toroq.

Edukazzjoni

immodifika

Bruges hija ċentru għall-edukazzjoni fil-Fjandri tal-Punent. Ħdejn diversi skejjel primarji u sekondarji, hemm xi kulleġġi, bħal VIVES (fużjoni tal-eks KHBO (katholieke hogeschool Brugge Oostende) u KATHO (katholieke hoge school) jew HOWEST (Hogeschool West-Vlaanderen) u Sint-Leocollege. Barra minn hekk, il-belt tospita l-Kulleġġ tal-Ewropa, istituzzjoni prestiġjuża ta' studji postgradwatorji fl-Ekonomija, il-Liġi u l-Politika Ewropea, kif ukoll l-Istitut Universitarju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istudji Komparattivi tal-Integrazzjoni Reġjonali (UNU-CRIS), istitut universitarju tar-riċerka u t-taħriġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Ġemellaġġ

immodifika
 
Veduta tal-kanal imsejjaħ Rozenhoedkaai.

Bħala prinċipju, Bruges sa issa qatt ma daħlet f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' xi bliet għal ġemellaġġi. Mingħajr ma tiċħad l-utilità ta' dawn l-iskemi għall-irħula b'inqas kuntatti internazzjonali, ir-raġuni prinċipali hi li Bruges kieku ssibha bi tqila biex tagħżel bejn il-bliet u tal-fehma li diġà diffiċli li tlaħħaq mal-bosta kuntatti internazzjonali li għandha. Barra minn hekk, kien jingħad ukoll fi Bruges li l-ġemellaġġi spiss kienu okkażjoni biex l-awtoritajiet u r-rappreżentanti tal-belt jivvjaġġaw bil-flejjes pubbliċi.

Fis-snin 50 tas-seklu 20, dan il-prinċipju wassal biex Bruges tirrifjuta ġemellaġġ ma' Nizza u ma' bliet u rħula oħra, iffirmat minn ambaxxatur Belġjan mingħajr ebda konsultazzjoni. Fis-snin 70 tas-seklu 20, konslu Belġjan f'Oldenburg ġiegħel lis-sindku ta' Bruges jiffirma dikjarazzjoni ta' ħbiberija li pprova jippreżenta għalxejn bħala ġemellaġġ.

Il-ġemellaġġ ma' wħud mill-eks komuni, li fl-1971 saru parti minn Bruges, ma tkompliex.

Dan ma jfissirx li Bruges mhix interessata tikkoopera ma' bliet u ma' rħula oħrajn, kemm fuq medda qasira kif ukoll fit-tul, pereżempju għal proġetti partikolari. Dawn li ġejjin huma xi eżempji.

Bastogne, Luxembourg, il-Belġju
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija u fis-snin 70 tas-seklu 20, Bruges, b'mod iktar speċifiku l-Brigata tat-Tifi tan-Nar ta' Bruges, kellha relazzjonijiet ta' ħbiberija ma' Bastogne. Kull sena kienet tiġi offruta btala b'xejn fejn il-baħar f'Zeebrugge lit-tfal mill-belt ta' Nuts.
Arolsen, Hesse, il-Ġermanja
Mis-snin 50 sas-snin 80 tas-seklu 20, Bruges kienet il-patrun tal-Ewwel Riġment Belġjan tal-Gwardji fuq iż-Żwiemel, stazzjonati f'Arolsen.
Salamanca, Castilla y León, Spanja
Iż-żewġt ibliet kienu Bliet Ewropej tal-Kultura fl-2002. Bruges organizzat xi skambji ma' Salamanca.
Mons, Hainaut, il-Belġju
Fl-2007, ġiet inawgurata kooperazzjoni kulturali u artistika bejn Mons u Bruges.
Burgos, Castilla y León, Spanja
Fid-29 ta' Jannar 2007, is-sindki ta' Burgos u ta' Bruges iffirmaw dikjarazzjoni ta' intenzjonijiet dwar il-kooperazzjoni futura fir-rigward ta' kwistjonijiet kulturali, turistiċi u ekonomiċi.

Kultura popolari

immodifika

Nies notevoli

immodifika
In-nies li ġejjin twieldu fi Bruges: Fis-seklu 15, il-belt attirat għadd ta' personalitajiet prominenti:

Letteratura

immodifika
  • The Lion of Flanders, or Battle of the Golden Spurs ta' Hendrik Conscience (1836, bl-Olandiż: De Leeuw van Vlaenderen, of de Slag der Gulden Sporen) huwa rumanz storiku ta' fizzjoni bbażat fuq il-Gwerra Medjevali Franco-Fjamminga u l-Battalja tal-Ixpruni tad-Deheb, li t-tnejn storikament jinkludu lil Bruges.
  • The Golden Basket (1936), ir-rumanz tat-tfal ta' Ludwig Bemelmans jirrakkonta l-ġrajja ta' familja li żżur Bruges. Fir-rumanz, żewġ aħwa bniet joqogħdu fil-lukanda Golden Basket fi Bruges ma' missierhom. Waqt żjara fil-Katidral ta' Bruges ma' iben is-sid tal-lukanda, l-aħwa jiltaqgħu ma' tużżana bniet tal-iskola. Dan jimmarka l-ewwel dehra tal-iżjed karattru magħruf ta' Bemelmans, Madeline.
  • L-aħħar kapitlu tar-rumanz tal-1953 ta' Saul Bellow, The Adventures of Augie March, jirrakkonta l-ġrajja ta' Augie waqt li jsuq minn Franza lejn Bruges minħabba x-xogħol.
  • Bruges-la-Morte (1892), rumanz qasir tal-awtur Belġjan Georges Rodenbach. Il-librett tal-opra ta' Erich Wolfgang Korngold, Die Tote Stadt (1920), huwa bbażat fuq dan il-ktieb.
  • L-istejjer investigattiv tal-kittieb Belġjan Pieter Aspe huma ambjentati fi Bruges.
  • Niccolò Rising (1986), l-ewwel volum tas-sensiela ta' tmien kotba ta' Dorothy Dunnett, House of Niccolò, huwa ambjentat l-iktar fi Bruges. Kotba oħra fis-sensiela għandhom biċċiet ukoll ambjentati fil-belt Belġjana.
  • Ir-rumanz tal-1994 ta' Alan Hollinghurst,The Folding Star, huwa ambjentat f'belt Fjamminga li x'aktarx li hija Bruges.
  • L'Astrologue de Bruges ("L-Astrologu ta' Bruges", 1994), bande dessinée Belġjan fis-sensiela tal-komiks ta' Yoko Tsuno, huwa ambjentat kollu fi Bruges kontemporanja u tal-1545.
  • L-ewwel parti tal-ġrajja "Ittri minn Zedelghem" ta' David Mitchel f'Cloud Atlas (2004) isseħħ ħdejn Bruges, fil-muniċipalità ta' Zedelghem.
  • The Nun's Story ta' Fred Zinneman huwa film drammatiku tal-1959, fejn Audrey Hepburn kienet il-protagonista, u huwa ambjentat l-iktar fi Bruges.
  • The Killer Is on the Phone (bit-Taljan: L'assassino... è al telefono) huwa film investigattiv tal-1972 ambjentat fi Bruges.
  • L-antagonista prinċipali tas-sensiela televiżiva ta' Austin Powers, Dr. Evil, trabba fi Bruges.
  • Il-film tal-2008 In Bruges, fejn il-protagonisti kienu Colin Farrell u Brendan Gleeson, huwa ambjentat kważi kollu fi Bruges. Matul il-film tar-reġista Brittaniku-Irlandiż Martin McDonagh, jissemmew l-attrazzjonijiet ewlenin u l-istorja tal-belt il-ħin kollu, mill-puntidivista opposti taż-żewġ karattri prinċipali.
  • Fil-film tal-2014 ta' Bollywood, PK, ix-xeni tal-ftuħ li jinvolvu lil Anushka Sharma u lil Sushant Singh Rajput huma ambjentati fi Bruges.
  • Il-ġrajja tat-tneħħija tal-Madonna ta' Bruges min-Nażisti u mbagħad irritornata tiġi rrakkontata fil-film tal-2014 The Monuments Men.
  • Il-film tal-2019 Love, Romance & Chocolate, fejn kien protagonista Lacey Chabert, huwa ambjentat fi Bruges.

Televiżjoni u mużika

immodifika
  • Il-kanzunetta "Marieke" tal-kantant Belġjan Jacques Brel hija dwar tfajla Fjamminga, Marieke, li Brel xi darba kien iħobb u li kienet tgħix "bejn it-torrijiet ta' Bruges u ta' Gent".
  • Floris, sensiela televiżiva Olandiża tal-ġlied miktuba minn Gerard Soeteman, turi l-kastelli tal-bliet Belġjani, inkluż Bruges.
  • Fis-seba' episodju ta' Where Is My Friend's Home (2015-2016), show u reality televiżiv tal-ivvjaġġar, parti mill-vjaġġ tat-tieni staġun fil-Belġju jsir fi Bruges.
  • Xi xeni mill-episodju 6 tat-tieni staġun tal-Aġenti ta' S.H.I.E.L.D. ta' Marvel inġibdu fi Bruges, fejn birra lokali, "Straffe Hendrik", tissemma u tintwera.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Degraer, Hugo (1968). Repertorium van de pers in West-Vlaanderen 1807-1914. Nauwelaerts, University of Michigan. p. 143.
  2. ^ Boniface, Brian G.; Cooper, Christopher P. (2001). Worldwide destinations: the geography of travel and tourism (3 ed.). Butterworth-Heinemann. p. 140.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Brugge". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.
  4. ^ "Statistics Belgium; Population de droit par commune au 1 janvier 2008". web.archive.org. 2009-01-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-26. Miġbur 2022-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Statistics Belgium; De Belgische Stadsgewesten 2001" (PDF). web.archive.org. 2008-10-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-10-29. Miġbur 2022-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ Dunton, Larkin (1896). The World and Its People. Silver, Burdett. p. 158.
  7. ^ Charlier, Roger H. (2005). "Grandeur, Decadence and Renaissance". Journal of Coastal Research: 425–447.
  8. ^ "Where can you learn heteroskedasticity?" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
  9. ^ Maurits Gysseling, Toponymisch woordenboek van België, Nederland, Luxemburg, Noord-Frankrijk en West-Duitsland (vóór 1226), Brussel 1960, p. 195.
  10. ^ "Zoekresultaten". etymologiebank.nl. Miġbur 2022-08-19.
  11. ^ M. Philippa, F. Debrabandere, A. Quak, T. Schoonheim & N. van der Sijs (2003–2009), Etymologisch woordenboek van het Nederlands, AUP: Amsterdam.
  12. ^ William Morris, ed. (1969). "Appendix, "Indo-European Roots"". American Heritage Dictionary of the English Language. American Heritage Publishing Co. p. 1510. ISBN 9780395090664.
  13. ^ Boogaart, Thomas A. (1 January 2004). An Ethnogeography of Late Medieval Bruges. ISBN 9780773464216.
  14. ^ Fossier, Robert (1986). The Cambridge Illustrated History of the Middle Ages. Cambridge; New York: Cambridge University Press. p. 374. ISBN 978-0-521-26644-4.
  15. ^ Charlier, Roger H. (2005). "Charlier, Roger H. "Grandeur, Decadence and Renaissance". Journal of Coastal Research: 425–447. JSTOR 25737011.
  16. ^ Charlier, Roger H. (2010). "The Zwin: From Golden Inlet to Nature Reserve". Journal of Coastal Research. 27 (4): 746–756.
  17. ^ Mack Ott (2012). The Political Economy of Nation Building: The World's Unfinished Business. Transaction Publishers. p. 92. ISBN 9781412847421.
  18. ^ James Donald Tracy (1993). The Rise of Merchant Empires: Long-Distance Trade in the Early Modern World, 1350-1750. Cambridge U.P. p. 263. ISBN 9780521457354.
  19. ^ Nimmo, William; Gillespie, Robert (1880). The history of Stirlingshire (3rd ed.). Glasgow: Thomas D. Morison. p. 369.
  20. ^ Aerts, Erik (1992). Bruges and Europe. ISBN 9789061532804.
  21. ^ "Frietmuseum, Bruges - Museum". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-08-19.
  22. ^ Braudel, Fernand, The Perspective of the World, in Vol. III Civilization and Capitalism, 1984.
  23. ^ Collins, Roger (1990). The Basques (2nd ed.). Oxford, UK: Basil Blackwell. p. 241. ISBN 978-0631175650.
  24. ^ Phillips, William D.; Jr (1986). "Local Integration and Long-Distance Ties: The Castilian Community in Sixteenth-Century Bruges". Sixteenth Century Journal. 17 (1): 33–49.
  25. ^ Philip the Good: the apogee of Burgundy by Richard Vaughan, p. 201.
  26. ^ Dumolyn, Jan (2010). "'Our land is only founded on trade and industry.' Economic discourses in fifteenth-century Bruges". Journal of Medieval History. 36 (4): 374–389.
  27. ^ Spruyt, H. (1996). The Sovereign State and Its Competitors: An Analysis of Systems Change. Princeton University Press. p. 88. ISBN 9780691029108.
  28. ^ Dunton, Larkin (1896). The World and Its People. Silver, Burdett. p. 160.
  29. ^ Plant, David (2017). "Charles, Prince of Wales, (later Charles II), 1630-85". British-civil-wars.co.uk. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-09-19. Miġbur 2022-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  30. ^ Andre de Vries (2007). Flanders:A Cultural History: A Cultural History. Oxford U.P. p. 143. ISBN 9780199837335.
  31. ^ (Excelsior Series 11, No. 51, Albert Sugg a Gand; ca. 1905): Cranenburg, from the windows of which, in olden times, the Counts of Flanders, with the lords and ladies of their Court, used to watch the tournaments and pageants for which Bruges was celebrated, and in which Maximilian was imprisoned by the burghers in 1488 (Bruges and West Flanders, George W. T. Omond, Illustrated by Amédée Forestier, 1906.
  32. ^ Stephen V. (Stephen Victor) Ward (1998). Selling Places: The Marketing and Promotion of Towns and Cities, 1850-2000. Spon. p. 40. ISBN 9780419206101.
  33. ^ "The Belgian city that solved the problem of a tourist invasion | Ghostarchive". ghostarchive.org. Miġbur 2022-08-19.
  34. ^ Dunton, Larkin (1896). The World and Its People. Silver, Burdett. p. 161.
  35. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Belfries of Belgium and France". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.
  36. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Flemish Béguinages". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.
  37. ^ "Klimaatstatistieken van de Belgische gemeenten" (PDF).
  38. ^ "Skip the Crowds at Venice: 5 Better Canal Towns to Visit". www.iexplore.com. Miġbur 2022-08-19.
  39. ^ "Artists". web.archive.org. 2015-02-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-26. Miġbur 2022-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  40. ^ "Diamond Museum Brugge > The Diamond House >". web.archive.org. 2014-02-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-02-08. Miġbur 2022-08-19.
  41. ^ "CatholicSaints.Info » Blog Archive » Saint Andrew the Apostle" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.