Alcalá de Henares

belt ta' Spanja fiż-żona metropolitana ta' Madrid

Alcalá de Henares (pronunzja bl-Ispanjol: [alkaˈla ðe eˈnaɾes]) hija belt Spanjola fil-Komunità ta' Madrid. Tul ix-xmara Henares, il-belt tinsab 35 kilometru (22 mil) fil-Grigal taċ-ċentru ta' Madrid. Skont iċ-ċensiment tal-2018[1], il-belt għandha popolazzjoni ta' 193,751 ruħ, u b'hekk hija t-tielet l-iktar municipalitàm popolata fir-reġjun.

Alcalá de Henares
 Spanja
Amministrazzjoni
Stat sovranSpanja
Autonomous community of SpainKomunità ta' Madrid
Kap tal-Gvern Judit Piquet Flores (en) Translate
Isem uffiċjali Alcalá de Henares
Ismijiet oriġinali Alcalá de Henares
Kodiċi postali E 28800-28807
Ġeografija
Koordinati 40°28′55″N 3°21′51″W / 40.481815°N 3.364305°W / 40.481815; -3.364305Koordinati: 40°28′55″N 3°21′51″W / 40.481815°N 3.364305°W / 40.481815; -3.364305
Alcalá de Henares is located in Spain
Alcalá de Henares
Alcalá de Henares
Alcalá de Henares (Spain)
Superfiċjenti 88 kilometru kwadru
Għoli 588 m
Fruntieri ma' Anchuelo (en) Translate, Daganzo de Arriba (en) Translate, Meco (en) Translate, San Fernando de Henares (en) Translate, Torrejón de Ardoz (en) Translate, Torres de la Alameda (en) Translate, Villalbilla (en) Translate, Camarma de Esteruelas (en) Translate, Azuqueca de Henares (en) Translateu Los Santos de la Humosa (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 199,184 abitanti (2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 91
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Alba Iulia, Lublin, Plaza de la Revolución, Peterborough, Talence, Belt ta' Guanajuato, Azul, Lebrija, Montauban, El Tobosou Edchera
ayto-alcaladehenares.es

Qabilha kien hemm insedjamenti iktar bikrin (oppida) fuq ix-xatt tax-xellug tax-xmara Henares. Il-belt oriġinat bl-insedjament ta' Complutum stabbilit fi Żmien ir-Rumani fuq ix-xatt tal-lemin (it-Tramuntana) tax-xmara, li sar veskovat fis-seklu 5. Waħda mid-diversi ċittadelli Musulmani f'al-Andalus (għalhekk issemmiet Alcalá, li huwa isem li oriġina mit-terminu Għarbi għal "ċittadella") ġiet stabbilita fuq ix-xatt tax-xellug, filwaqt li, wara l-qofol tal-ħakma Kristjana għall-ħabta tal-1118, il-biċċa l-kbira tan-nukleu urban irritorna fix-xatt tal-lemin. Għall-biċċa l-kbira tal-aħħar tal-Medju Evu u l-bidu tal-perjodu modern qabel ma saret parti mill-provinċja ta' Madrid, Alcalá de Henares kienet proprjetà sinjorili tal-arċisqfijiet ta' Toledo.

Iċ-ċentru storiku u l-università tal-belt huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Il-belt għandha tradizzjoni universitarja twila. Francisco Jiménez de Cisneros stabbilixxa l-Università Complutense f'Alcalá de Henares fl-aħħar tas-seklu 15. Il-belt attwalment tospita l-Università (stabbilita mill-ġdid) ta' Alcalá. Hija l-belt fejn twieled Miguel de Cervantes.

Etimoloġija

immodifika

Lokalment, il-belt ġeneralment hija magħrufa sempliċement bħala Alcalá, iżda de Henares ("tax-xmara Henares") tiżdied meta jkun meħtieġ biex tiġi distinta minn xi tużżana bliet Spanjoli oħra bl-isem ta' Alcalá (mill-kelma Għarbija القلعة al-qalʿa, għal "fortifikazzjoni" jew "ċittadella", tipikament kastell).

L-isem Latin tagħha Complutum tfisser "konfluwenza"[3][4], fejn l-ilma tax-xmara (jew l-ilma tax-xita) jinġabar f'post wieħed (jiġifieri compluvium).[5][6]

 
Mużajk Ruman tal-erba' staġuni, id-Dar ta' Bacchus, Complutum.

Il-konfini tal-belt ilhom abitati mill-fażi Kalkolitika ta' Żmien il-Bronż. Ir-Rumani ħakmu l-inħawi fis-seklu 1 Q.K., u bnew il-belt ta' Complutum qrib l-insedjament preċedenti Karpetanjan, Iplacea. B'10,000 abitant, ingħatat status ta' municipium u kellha l-istituzzjonijiet governattivi tagħha stess. Kellha rwol importanti peress li kienet tinsab tul it-triq Rumana li kienet tikkollega lil Emerita Augusta u Caesaraugusta.[7] Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman, taħt il-Viżigoti, marret lura, għalkemm saret ukoll destinazzjoni ta' pellegrinaġġi ta' mafkar tal-Qaddisin Justo u Pastor.

Meta waslu l-Għarab Iberiċi fis-711, ħakmu l-belt tal-Viżigoti u stabbilew sit ieħor billi bnew al-qalʿa, li tfisser "ċittadella" bl-Għarbi, fuq għolja fil-qrib, magħrufa llum il-ġurnata bħala Alcalá la Vieja. Fit-3 ta' Mejju 1118, il-belt inħakmet mill-Arċisqof ta' Toledo Bernard de Sedirac f'isem Kastilja.

Ftit wara, fl-10 ta' Frar 1129[8], Alfonso VII ta l-belt lil Raymond de Sauvetât, Arċisqof ukoll ta' Toledo, u saret proprjetà arċiveskovali għal sekli sħaħ.[9] Raymond ta l-belt fuero (dokument) antik fl-1135.[10]

Il-Kristjani ppreferew il-Burgo de Santiuste ("ir-raħal ta' San Justo") fis-sit Ruman oriġinali, u s-sit Musulman ġie abbandunat.

Taħt it-tmexxija Kristjana sal-aħħar tar-Reconquista, il-belt kellha kwartier Lhudi u kwartier Musulman kif ukoll suq rinomat. Bis-saħħa tal-pożizzjoni ċentrali tagħha kienet residenza frekwenti tar-Rejiet ta' Kastilja, meta kienu jivvjaġġaw lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż.

Fl-istess żmien fis-snin 80 tas-seklu 15, Kristofru Kolombu għall-ewwel darba ltaqa' hemmhekk mar-Reyes Católicos, ir-Re Ferdinandu II ta' Aragona u l-mara tiegħu r-Reġina Isabella I ta' Kastilja, li ffinanzjaw il-vjaġġ għall-Iskoperta tal-Amerka.

Il-Kardinal Cisneros ta fuero ġdid lill-belt fl-1509.[11]

 
Veduta tal-belt ta' Anton van den Wyngaerde (1565).

Għalkemm kienet pjuttost irvinata, ir-raħal kiseb l-istatus ta' belt fl-1687 wara negozjati twal.[12]

Fid-dekadenza minn nofs is-seklu 18, Alcalá de Henares esperjenzat żvolta demografika u ekonomika relattivament pożittiva fit-tieni nofs tas-seklu 19, ibbażata fuq il-kundizzjoni l-ġdida tagħha ta' stazzjonament militari, u magħha żdied nukleu industrijali embrijunali.[13]

 
Calle Mayor, għall-ħabta tal-1910.

Il-popolazzjoni żdiedet b'mod kostanti mill-1868 sal-1939. Il-popolazzjoni kienet fil-biċċa l-kbira agrarja, b'livelli għoljin ta' illitteriżmu u faqar. Filwaqt li kienu qed ifittxu l-bidla soċjali, il-movimenti Repubblikani u iktar 'il quddiem Soċjalisti kibru fi ħdan il-belt. Il-figura ewlenija tal-moviment Soċjalista kien Antonio Fernández Quer, li sar l-ewwel kunsillier muniċipali mill-Partit tal-Ħaddiema Soċjalisti Spanjoli fil-provinċja ta' Madrid fl-1903. B'reazzjoni għall-avvanzi Soċjalisti, il-Kattoliċiżmu soċjali tkattar fil-belt mill-1905, u stabbilixxa għadd ta' organizzazzjoni bħaċ-Centro Católico de Acción Social Popular u l-Mutual Obrera Complutense.[14]

Wara l-kolp ta' stat tal-1936 li qanqal il-Gwerra Ċivili Spanjola, elementi putschisti ħatfu xi postijiet ewlenin madwar il-belt. Madankollu, wara l-kolp li falla f'Madrid, qawwiet ribelli f'Alcalá eventwalment arrendew quddiem il-Kurunell Repubblikan Ildefonso Puigdendolas u t-truppi tiegħu fil-21 ta' Lulju.[15] Alcalá, li kienet saħansitra saret bażi tas-setgħa Sovjetika matul il-kunflitt — "repubblika fi ħdan ir-repubblika" fejn il-gvern nazzjonali Repubblikan kellu ħakma qawwija — kienet il-post fejn il-mexxej tal-POUM Andrés Nin kien ġie ttrasferit u x'aktarx ittorturat u nqatel f'Ġunju 1937 minn aġenti tal-NKVD.[16][17]

Il-belt ġarrbet ħsarat estensivi matul il-Gwerra Ċivili Spanjola.

Eluf ta' priġunieri nżammew f'kampijiet differenti fil-belt wara tmiem il-gwerra. Minn Marzu 1939 sa Frar 1948, mill-inqas 264 individwu ġew ġustizzjati f'Alcalá mill-awtoritajiet ta' Franco.[18]

Storja ekkleżjastika

immodifika

Il-belt ta' importanza storika kienet wieħed mill-ewwel veskovati stabbiliti fi Spanja.

Il-Bibbja poliglotta magħrufa bħala l-Bibbja Poliglotta Komplutensjana, l-ewwel fost bosta Bibbji simili prodotti matul it-tqanqil mill-ġdid tal-istudji Bibbliċi li seħħew fis-seklu 16, ġiet stampata f'Alcalá taħt il-kura tal-Kardinal Cisneros.

Barri Papali tas-7 ta' Marzu 1885, għaqqad lil Alcalá mad-djoċesi ta' Madrid (effettivament kien hemm fużjoni tagħhom), li tinkludi l-provinċja ċivili ta' Madrid, ta' suffraġju tal-arċiveskovat ta' Toledo. Ir-residenza tal-isqof minn dak iż-żmien intużat għall-preservazzjoni tal-arkivji storiċi. Ġiet iddisinjata minn Alonso Berruguete u għandha taraġ famuż.

Storja tal-Lhud

immodifika

Matul it-tmexxija Musulmana, il-komunità Lhudija tal-belt ingħata drittijiet ugwali bħall-Kristjani li kienu jgħixu fiha. Fil-Medju Evu, il-kongregazzjoni Lhudija tal-belt ħallset it-taxxi lill-Arċisqof ta' Toledo.[19] Il-Lhud ta' Alcalá ssemmew fis-Satira tas-seklu 14 ta' Marrano Pero Ferrús. Matul is-seklu 15, il-kongregazzjoni Lhudija tal-belt kienet waħda mill-ikbar f'Kastilja, b'madwar 200 familja Lhudija. L-istudji tal-Ebrajk fl-Università ta' Alcalá ġew imħeġġa mill-Kardinal Francisco Jimenez de Cisneros matul is-seklu 16, u ġab xi studjużi tal-Ebrajk Lhud u Marrano fil-belt. Il-pożizzjoni tal-kwartier Lhudi tal-belt hija magħrufa sew – bejn it-toroq Mayor, Santiago, Imagen u Cervantes. Kien hemm sinagoga fit-triq Carmen Calzado, nru 10 u oħra fit-triq Santiago. Wara d-Digriet ta' Alhambra tal-1492, il-Lhud kienu meħtieġa jsiru Kristjani biex ikomplu jgħixu f'Kastilja u f'Aragona; dawk li rrifjutaw kellhom jitilqu minn dawn ir-renji u l-biċċa l-kbira minnhom marru joqogħdu fit-Tramuntana tal-Afrika, f'Amsterdam u fl-Imperu Ottoman.

L-oriġini tal-familja ta' Miguel de Cervantes x'aktarx (ma hemmx ċertezza totali) kienet Lhudija. Minħabba li missieru ħadem fl-eks kwartier Lhudi, il-post fejn twieled kien qrib il-post tax-xogħol tiegħu, u anke għaliex il-kunjom Cervantes jagħmel referenza għal sit differenti fil-Majjistral ta' Spanja, u l-kunjomijiet ġeografiċi kienu komuni fost il-popolazzjoni Lhudija.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iċ-Ċentru Storiku u l-Università ta' Alcalá de Henares ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Ġeografija

immodifika

Pożizzjoni

immodifika
 
Immaġni satellitari ta' Alcalá de Henares mis-Sentinel-2 tal-Aġenzija Spazjali Ewropea.

Alcalá de Henares tinsab fil-parti ċentrali tal-Peniżola Iberika, fil-parti tan-Nofsinhar tal-Promontorju ta' Ġewwa. Tinsab fil-wied tax-xmara Henares, tributarju tax-xatt tax-xellug tax-xmara Jarama, li min-naħa tiegħu huwa tributarju tax-xatt tal-lemin tax-xmara Tagus. Ix-xatt tal-lemin (tat-Tramuntana) tax-xmara (li fuqu kien inbena n-nukleu urban attwali) huwa magħmul minn wita ċatta ħafna b'sensiela ta' terrazzi fluvjali kwaternarji, filwaqt li x-xatt tax-xellug (tan-Nofsinhar) fih xaqliba wieqfa ħafna ta' blat tafli mill-Mioċen, li titla' malajr sal-medda xagħri ta' La Alcarria.[20]

B'altitudni medja ta' 654 metru u b'erja ta' madwar 88 km2; il-belt għal żmien twil kienet miżmuma bejn ix-xmara Henares fin-Nofsinhar u l-linja ferrovjarja bejn Madrid u Barċellona fit-Tramuntana. Madankollu, il-popolazzjoni dejjem tikber wasslet biex iż-żona urbanizzata tikber lil hinn mil-linja ferrovjarja u l-awtostrada A-2.

Il-klima ta' din il-belt fiċ-ċentru ta' Spanja hija Mediterranja kontinentali, bi xtiewi kesħin u nexfin u bi sjuf sħan u nexfin. It-temperatura medja s-sena kollha hija 14 °C (57 °F). Il-preċipitazzjoni medja s-sena kollha hija ta' madwar 420 mm (16.5-il pulzier), u tinżel l-iktar fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. It-temperatura tvarja minn ftit gradi taħt iż-0 °C (32 °F) f'Diċembru u f'Jannar għal ftit iktar minn 40 °C (104 °F) f'Lulju u f'Awwissu. L-istaġun tan-nixfa jaħbat mal-ogħla sħana fis-sajf.

Data klimatika għal Alcalá de Henares, Spanja. 1981–2010
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Medja massima kuljum °C (°F) 11.0
(51.8)
13.3
(55.9)
17.5
(63.5)
19.1
(66.4)
23.5
(74.3)
29.9
(85.8)
33.8
(92.8)
33.1
(91.6)
28.2
(82.8)
21.2
(70.2)
15.0
(59.0)
11.3
(52.3)
21.4
(70.5)
Medja minima kuljum °C (°F) 0.1
(32.2)
0.9
(33.6)
3.0
(37.4)
5.0
(41.0)
8.5
(47.3)
12.8
(55.0)
15.2
(59.4)
14.8
(58.6)
11.7
(53.1)
7.8
(46.0)
3.5
(38.3)
1.2
(34.2)
7.0
(44.7)
Medja tax-xita cm (pulzieri) 24.8
(0.98)
25.1
(0.99)
17.7
(0.70)
35.6
(1.40)
38.2
(1.50)
19.6
(0.77)
9.6
(0.38)
8.4
(0.33)
19.8
(0.78)
38.0
(1.50)
35.6
(1.40)
34.2
(1.35)
306.6
(12.08)
Sors: Weather Channel[21]

Università

immodifika
 
Ir-rectorado tal-Università ta' Alcalá.

L-attrazzjoni ewlenija tal-belt hija l-università li tokkupa diversi binjiet fil-belt, iżda għandha żewġ kampusijiet. L-ewwel wieħed jinsab fit-Tramuntana ta' Alcalá. Dan il-kampus jinkludi l-biċċa l-kbira tad-dipartimenti tax-xjenza u l-abitazzjonijiet tal-istudenti (kif ukoll il-binja separata ta' Renfe). It-tieni kampus ċentrali jospita l-biċċa l-kbira tad-dipartimenti tal-umanitajiet u tax-xjenzi soċjali, inkluż skola tad-dritt.

L-influwenza arkitettonika tal-università toħroġ fid-dieher f'istituzzjonijiet akkademiċi oħra tal-lum il-ġurnata. L-Università ta' San Diego hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq l-università Spanjola; il-kampus u l-indirizz tagħha huma msejħa "Park ta' Alcalá". Barra minn hekk, xi binjiet fl-Università Teknoloġika ta' Texas f'Lubbock, Texas, l-Istati Uniti ġew immudellati fuq l-arkitettura tal-Università ta' Alcalá de Henares.

 
Il-kjostru tal-università.

Fl-1293 f'Alcalá de Henares ir-Re Sancho IV ta' Kastilja stabbilixxa l-Universidad Complutense, waħda mill-eqdem universitajiet fid-dinja, bħala Studium Generale. Taħt il-patroċinju tal-Kardinal Cisneros, din ġiet irrikonoxxuta b'digriet Papali tal-1499, u malajr kisbet fama internazzjonali bħala ċentru prinċipali tat-tagħlim tar-Rinaxximent bis-saħħa tal-produzzjoni tal-Bibbja Poliglotta Complutensiana fl-1517, li hija l-bażi għall-biċċa l-kbira tat-traduzzjonijiet attwali. Bis-saħħa ta' digriet irjali, l-università ġiet ittrasferita lejn Madrid fl-1836 (inizjalment bħala l-Università ta' Madrid, u mbagħad bħala l-Università Ċentrali, li fis-snin 70 tas-seklu 20 finalment saret magħrufa bħala l-Universidad Complutense de Madrid). Università ġdida ġiet stabbilita fil-binjiet antiki tal-Universidad de Alcalá fl-1977. Partijiet mill-università l-ġdida jokkupaw il-binjiet tal-Universidad Complutense fiċ-ċentru tal-belt, inkluż il-Kulleġġ ta' San Ildefonso, flimkien ma' kulleġġi oħra, u l-istrutturi servew bħala mudell għal universitajiet oħra madwar it-territorji Spanjoli fl-Amerki u f'dipendenzi oħra.

 
Il-Palazz ta' Laredo.

Il-kappella tal-università ddedikata lil San Ildefonso fiha monument iddedikat lill-fundatur tal-università, il-Kardinal Cisneros, magħmul minn Fancelli, skultur Taljan.

Għalkemm l-università attwali hija msejħa "Universidad de Alcalá", l-istituzzjoni antika stabbilita mill-Kardinal Cisneros hija dik imsejħa "Universidad Complutense", li ġiet ittrasferita lejn il-belt kapitali ta' Madrid (Complutensis bil-Latin tfisser "nattiv ta' Alcalá"). L-università moderna hija marbuta mal-istituzzjoni oriġinali bl-isem biss, għalkemm tokkupa l-binjiet li qabel kienu okkupati mill-università Complutense.

Katidral

immodifika
 
Il-Katidral tas-Santos Niños.

Apparti l-binjiet assoċjati mal-università, waħda mill-iżjed binjiet storiċi importanti tal-belt huwa l-Katidral Maġistrali ta' San Justus u San Pastor, magħruf formalment bl-Ispanjol bħala s-Santa e Insigne Catedral-Magistral de los Santos Justo y Pastor jew iktar kollokjalment bħala l-Catedral de los Santos Niños. Inbena bejn l-1497 u l-1514, u jospita l-fdalijiet ta' San Justus u San Pastor, żewġ subien Kristjani tal-età tal-iskola li mietu martri qrib il-belt matul il-persegwitazzjonijiet tal-Imperatur Ruman Dijoklezjanu fil-bidu tas-seklu 4.

Fl-414 inbniet kappella fis-sit tal-martirju ta' Justus u ta' Pastor, u din ġiet ikkonvertita f'katidral matul il-perjodu tal-kontroll ta' Hispania min-naħa tal-Viżigoti; l-isqfijiet ta' Alcalá kienu preżenti fil-Kunsilli ta' Toledo mill-bidu tas-seklu 7. Fl-1053, iċ-ċentru storiku ta' Alcalá (Alcalá la Vieja) inħakem minn Ferdinandu l-Kbir, u mbagħad inħakem mill-ġdid is-sena ta' wara mill-armati Għarab Iberiċi li dak iż-żmien kienu qed jiġġieldu għall-kontroll tal-Peniżola Iberika, li qerdu l-katidral bħala att ta' ritaljazzjoni. Ir-relikwi ta' San Justus u ta' San Pastor ittieħdu lejn Huesca biex ikunu f'post sikur sa wara l-konkwista mill-ġdid ta' Alcalá fl-1118. Għalkemm il-knisja nbniet mill-ġdid fis-sit fl-1122, il-Papa Urban II, taħt l-influwenza tal-ħabib tiegħu Raymond de Sauvetât, l-Arċisqof ta' Toledo, iddeċieda li ma jerġax jistabbilixxi d-Djoċesi ta' Alcalá f'dak iż-żmien. Minflok, de Sauvetât irnexxielu jiżgura l-inkorporazzjoni ta' Alcalá fit-territorji arċiveskovali tiegħu stess permezz ta' donazzjoni mingħand ir-Re Alfonso VII fl-1129.

 
Il-faċċata tal-Punent tal-Katidral tas-Santos Niños bi stil "Gotiku Isabellin".

Il-knisja nbniet mill-ġdid xi 300 sena wara minn arċisqof sussegwenti ta' Toledo, Alfonso Carrillo de Acuña, li żidilha l-istatus għal knisja kolleġjali. Finalment ġiet rikostruwita bl-istil Gotiku Isabellin attwali taħt il-Kardinal Cisneros (1495–1517), il-fundatur tal-università. Torri ġie miżjud bejn l-1528 u l-1582, u b'hekk il-katidral kiseb id-dehra moderna tiegħu fl-1618. Il-kjostru u l-Kappella ta' San Pietru ġew inkorporati fil-binja fis-seklu 17.

Il-binja ġiet iddikjarata monument nazzjonali fl-1904. Minkejja dan, ingħatat in-nar matul il-Gwerra Ċivili Spanjola (1936–1939), u prattikament kulma kien hemm ġo fiha ġie meqrud bl-eċċezzjoni ta' ftit relikwi minuri u s-sedji tal-kor.

 
Il-qabar tal-Kardinal Cisneros fil-katidral.

Id-Djoċesi ta' Alcalá reġgħet ġiet stabbilita fl-1991, wara li ġiet isseparata mill-Arċidjoċesi ta' Madrid, u f'dak iż-żmien il-katidral ingħata l-istatus attwali ta' katidral maġistrali. Għalkemm it-titlu "maġistrali" oriġinarjament ingħata mill-Kardinal Cisneros, il-binja teknikament kienet knisja kolleġjali biss, u mhux katidral skont it-tifsira ekkleżjastika tat-terminu.

Il-Katidral ta' Alcalá huwa notevoli għaliex huwa wieħed minn żewġ knejjes biss fid-dinja li ngħataw it-titlu speċjali ta' "maġistrali" (flimkien mal-Knisja ta' San Pietru f'Leuven, il-Belġju). It-titlu jirrifletti l-istatus preċedenti tal-katidral bħala knisja kolleġjali, u rriżulta mir-rekwiżit li l-kanoni kollha tal-katidral kellu jkollhom rikonoxximent akkademiku fit-teoloġija biex iservu hemmhekk.

Minbarra l-fdalijiet ta' San Justus u ta' San Pastor, fil-katidral hemm ukoll il-qabar tal-iskultur Spanjol rinomat tas-seklu 17 Gregorio Fernández.

Binjiet oħra

immodifika
 
Il-Knisja ta' Oidor.

Il-belt fiha wkoll il-Palazz tal-Arċisqfijiet. Dan huwa s-sit fejn Kristofru Kolombu u r-Re Ferdinandu ppjanaw l-vjaġġ lejn il-Punent kif ukoll art twelid Katerina ta' Aragona, bint Ferdinandu u Isabella, li mbagħad saret l-ewwel mara tar-Re Enriku VIII tal-Ingilterra u b'hekk ir-reġina konsorti tal-Ingilterra.

Il-Corral tal-Kummiedji ta' Alcalá, li jospita programm teatrali sħiħ u li jista' jiġi viżitat, huwa l-iżjed corral antik iddokumentat fl-istorja ta' Spanja.

Preżent

immodifika

Iċ-ċentru tal-belt għadu essenzjalment Medjevali, b'bosta toroq iserrpu u pavimentati biċ-ċagħaq, kif ukoll b'bosta binjiet storiċi. Il-qalba tal-belt hija l-Pjazza ta' Cervantes li minnha tgħaddi triq prinċipali twila aċċessibbli bil-mixi biss, li jisimha Calle Mayor. Il-belt tinkludi l-kwartier tal-Għarab Iberiċi jew tal-Musulmani, il-kwartier Lhudi, u l-kwartier Kristjan. Dawn il-kwartieri distinti wasslu biex Alcalá jkollha r-reputazzjoni tal-"belt tat-tliet kulturi".

Iċ-ċentru storiku antik fil-biċċa l-kbira ġie ppreservat, għad-differenza tas-subborgi. Ma kien hemm l-ebda ppjanar ċar mill-kunsilliera tal-belt rigward l-espansjoni, u t-tkabbir urban wassal għall-kostruzzjoni ta' diversi żoni suburbani sparpaljati, kif ukoll għaż-żieda ta' blokok għoljin bi stil tas-snin 70 tas-seklu 20 f'bosta postijiet.

Waħda mill-iżjed toroq importanti tal-belt hija Calle del Cardenal Cisneros li twassal lit-turisti mid-Daħla ta' Madrid fid-daħla tal-belt, tgħaddihom miċ-ċentru storiku antik u tibqa' sejra sal-katidral fil-Pjazza tas-Santos Niños. Il-park prinċipali ta' Alcalá, Parque Municipal O'Donnell, huwa ċentru rikreattiv ewlieni għar-residenti tal-belt u jinsab tul triq prinċipali ta' Alcalá, magħrufa bħala Vía Complutense.

L-iskavi arkeoloġiċi reċenti żvelaw il-forum Ruman tal-belt fejn jispikka kumpless kbir magħmul minn bażilika, banjijiet pubbliċi, kriptoportiku, suq u faċċata monumentali kbira. Maġenb il-forum hemm id-Domus b'kollezzjoni straordinarja ta' affreski domestiċi Rumani. Fil-periferija hemm id-Dar ta' Ippolitu li kienet skola antika. Il-Mużew Arkeoloġiku Reġjonali tal-belt fih ħafna mużajk ta' valur importanti.

Il-belt tospita popolazzjoni kbira ta' studenti internazzjonali minħabba l-preżenza tal-università, u b'mod partikolari bis-saħħa tal-programmi tal-lingwa u tal-letteratura Spanjola għall-istudenti barranin. Alcalingua, fergħa tal-Università ta' Alcalá, huwa wieħed miċ-ċentri ewlenin tat-tagħlim tal-lingwa Spanjola lill-barranin.

Ċikonji

immodifika

Alcalá hija magħrufa sew għall-popolazzjoni ta' ċikonji bojod li jgħixu fiha. Il-bejtiet kbar tagħhom jistgħu jiġu osservati fuq bosta mill-knejjes u mill-binjiet storiċi fil-belt, u huma stess huma attrazzjoni turistika sinifikanti. Il-belt tinsab fl-artijiet baxxi tax-xmara Henares u hija post attraenti għaċ-ċikonji li jieqfu jistrieħu matul il-passa tagħhom minħabba d-disponibbiltà kbira ta' ikel u ta' materjal għall-kostruzzjoni tal-bejtiet fl-inħawi.

Għal iktar minn għoxrin sena, iċ-ċikonji ta' Alcalá ilhom jiġu magħduda u studjati, u skont politika uffiċjali l-bejtiet tagħhom jiġu protetti u ssirilhom manutenzjoni b'mod attiv. Għalkemm darba fl-imgħoddi kienu f'periklu li jgħebu, bi ħdax-il par biss magħduda bejn l-1986 u l-1987, il-popolazzjoni taċ-ċikonji kibret għal madwar 90 par residenti llum il-ġurnata, u bosta minnhom qassru d-distanza u d-durata tal-passa tipika tagħhom biex jibqgħu fil-belt kważi s-sena kollha.

Immigrazzjoni

immodifika

Xi 18 % tal-popolazzjoni għandha oriġini barranija, skont id-data uffiċjali; parti kbira tal-migranti l-ġodda (30 %) huma immigranti mil-Lvant tal-Ewropa. Bosta negozji Ċiniżi ġew stabbiliti fil-belt. Alcalá għandha l-ikbar komunità (18 %) ta' immigranti Rumeni fi Spanja, b'iktar minn 35,000 ruħ. Fl-2007, għall-ewwel darba, l-immigranti mir-Rumanija ħolqu partit politiku u ħadu sehem fl-elezzjonijiet.

Trasport

immodifika
 
L-awtostrada A-2 li tgħaddi mill-muniċipalità.

Il-kollegamenti eċċellenti tat-trasport ta' Alcalá ma' Madrid wasslu biex issir belt fejn bosta miċ-ċittadini tagħha kuljum imorru jaħdmu fil-belt kapitali ta' Madrid u jerġgħu lura. Permezz tas-Cercanias (il-ferrovija), il-linji C2 u C7 jikkollegaw lil Alcalá de Henares ma' Madrid f'35 minuta, jew ma' Guadalajara f'25 minuta. Fl-eqqel sigħat hemm ferroviji magħrufa bħala CIVIS, b'linji diretti biex it-traġitt idum 20 minuta biss. Barra minn hekk, il-belt hija kollegata bil-karozzi tal-linja ma' Madrid, ma' Guadalajara u ma' diversi rħula u villaġġi fil-qrib. Bil-karozza, Alcalá de Henares hija kkollegata sew man-network tat-toroq statali, u speċjalment bl-awtostrada A-2 fil-qrib, li tibda f'Madrid u tibqa' sejra sa Barċellona u sa Franza.

Alcalá għandha sistema intensiva tal-karozzi tal-linja msejħa "Alcalá-Bus", li topera lejn il-viċinati ewlenin kollha u kull traġitt jiswa 1,30 ewro.

Belt ta' Cervantes
 
L-istatwi tal-bronż ta' Don Quixote u Sancho Panza quddiem il-post fejn twieled Cervantes.

Il-belt tiċċelebra jum twelid Miguel de Cervantes nhar id-9 ta' Ottubru ta' kull sena u torganizza festival annwali ta' Cervantes, magħruf bħala s-Semana Cervantina (il-Ġimgħa ta' Cervantes).

Kull sena fit-23 ta' April, l-anniversarju tal-mewt ta' Cervantes, il-belt ta' Alcalá tospita l-Premju Miguel de Cervantes, l-iżjed premju prestiġjuż tal-postijiet fejn jiġi mitkellem l-Ispanjol fid-dinja għall-kisbiet tal-għomor fil-letteratura. Il-premju jiġi ppreżentat mir-re ta' Spanja fil-Kulleġġ ta' San Ildefonso tal-Università ta' Alcalá de Henares. Normalment ir-Re, il-Ministru għall-Kultura u r-rebbieħ tal-premju jitkellmu dwar l-importanza tal-lingwa Spanjola. Iċ-ċerimonja tattira firxa wiesgħa ta' dinjitarji lejn il-belt, fosthom membri tal-familja rjali, il-Prim Ministru u oħrajn. Matul din iċ-ċerimonja, iċ-ċittadini ta' Alcalá jistgħu jinstemgħu jkantaw l-innu tal-belt li jismu "Alcalá de Henares".

Alcalá de Henares hija membru (u promotur) tan-Network tal-Bliet ta' Cervantes.

Festivals

Alcalá tospita festival annwali msejjaħ Noche en Blanco (Lejl Imdawwal). Matul dan il-festival it-toroq ikunu mimlijin mużika, arti, teatru u żfin, u r-residenti tal-belt jiċċelebraw il-wirt kulturali rikk ta' Alcalá. Il-festival jibqa' għaddej billejl sew u jkun iċċentrat l-iktar madwar il-Pjazza ta' Cervantes fejn ikun hemm diversi palkijiet bl-ispettakli.

Relazzjonijiet internazzjonali

immodifika

Ġemellaġġi

immodifika

Alcalá de Henares hija ġemellata ma':

San Didacus, magħruf bl-Ispanjol bħala San Diego, twieled f'Alcalá de Henares u ta ismu lill-belt ta' San Diego, l-Istati Uniti. Alcalá de Henares hija art twelid Katerina ta' Aragona u hija ġemellata mal-belt Ingliża ta' Peterborough, il-post fejn mietet.

Nies notevoli

immodifika
  • Miguel de Cervantes (1547–1616); kittieb Spanjol li jitqies minn bosta bħala l-ikbar kittieb tal-lingwa Spanjola u wieħed mir-rumanziera prominenti fid-dinja; ix-xogħol ewlieni tiegħu, Don Quixote, jitqies bħala l-ewwel rumanz modern tal-letteratura tal-Punent.
  • Juan Ruiz (1283–1350); magħruf bħala l-Arċipriet ta' Hita, kien poeta Medjevali ta' Kastilja; huwa magħruf l-iktar għall-poeżija tiegħu "Libro de buen amor" (Il-Ktieb tal-Imħabba Tajba).
  • Katerina ta' Aragona (1485–1536); l-aħħar wild ħaj tar-Reġina Isabella I ta' Kastilja u tar-Re Ferdinandu II ta' Aragona twieldet fil-Palazz tal-Arċisqfijiet f'Alcalá de Henares fis-16 ta' Diċembru 1485; hija kienet ir-Reġina tal-Ingilterra minn Ġunju 1509 sa Mejju 1533 bħala l-ewwel mara ta' Enriku VIII;
  • Ferdinandu I, l-Imperatur Ruman Sagru (1503–1564); kien l-Imperatur Ruman Sagru mill-1558, ir-Re tal-Boemja u tal-Ungerija mill-1526, u r-Re tal-Kroazja mill-1527 sa mewtu;
  • Manuel Azaña (1880–1940); Prim Ministru u President tat-Tieni Repubblika Spanjola;
  • Antonio Claudio Álvarez de Quiñones (1670s–1736), Arċisqof Kattoliku Ruman ta' Bogotá;
  • Pedro Obiang, plejer tal-futbol professjonali li kien jilgħab mal-klabb Taljan U.S. Sassuolo Calcio;
  • Roberto Sánchez (twieled fl-1989), plejer tal-futbol Spanjol.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Instituto Nacional de Estadística (Spain) (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "University and Historic Precinct of Alcalá de Henares". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-09.
  3. ^ Mercedes García-Arenal; et al. (2013). The Orient in Spain: Converted Muslims. Brill. p. 367. ISBN 978-90-04-25029-1.
  4. ^ Library, New York Public (1938). Bulletin of the New York Public Library. p. 407.
  5. ^ Freund, Wilhelm (1882). Grand dictionnaire de la langue latine (bil-Franċiż). Firmin-Didot. p. 569.
  6. ^ Stoughton, John (1883). The Spanish Reformers Their Memories and Dwelling-places. Religious Tract Society. p. 21.
  7. ^ Méndez Madariaga, Antonio; Rascón Marqués, Sebastián (2003). La ciudad romana de Complutum. Guía arqueológica. Consejería de las Artes de la Comunidad de Madrid. p. 12. ISBN 84-451-2392-0.
  8. ^ García Valcárcel, Écija Moreno & Valcárcel 2001, p. 167.
  9. ^ Castillo Oreja 2006, p. 34.
  10. ^ Pérez-Bustamante, Rogelio (1986). "Pervivencia y reforma de los derechos locales en la época moderna. Un supuesto singular: el Fuero de Alcalá de Henares de 1509". En la España Medieval. Madrid: Ediciones Complutense. 9. ISSN 0214-3038. p. 747.
  11. ^ Pérez-Bustamante, Rogelio (1986). "Pervivencia y reforma de los derechos locales en la época moderna. Un supuesto singular: el Fuero de Alcalá de Henares de 1509". En la España Medieval. Madrid: Ediciones Complutense. 9. ISSN 0214-3038. p. 745.
  12. ^ Gómez López, Consuelo (1992). "La instrumentalización de los espacios urbanos en los siglos XVI y XVII: el ejemplo de la Plaza del Mercado de Alcalá de Henares". Espacio Tiempo y Forma. Serie VII, Historia del Arte. Madrid: Universidad Nacional de Educación a Distancia. 5 (5). doi:10.5944/etfvii.5.1992.2204. ISSN 1130-4715. p. 180.
  13. ^ Gómez Mendoza 2008, pp. 625–628.
  14. ^ Vadillo Muñoz, Julián (2017). "El movimiento obrero en Alcalá de Henares (1868-1939)". Bulletin d'Histoire Contemporaine de l'Espagne (51): 279–284. ISSN 1968-3723. pp. 279-284.
  15. ^ Sánchez Moltó 2014, p. 120.
  16. ^ Pagès i Blanch, Pelai (2010). "El asesinato de Andreu Nin, más datos para la polémica". Ebre (38). ISSN 1696-2672.
  17. ^ "El cadáver de Andreu Nin acusa". La Nueva España (bl-Ispanjol). 2008-03-18. Miġbur 2022-09-09.
  18. ^ Fraguas, Rafael (2008-03-24). "La fosa estaba bajo el campo de concentración" (bl-Ispanjol). Madrid. Miġbur 2022-09-09.
  19. ^ "Alcala De Henares". www.jewishvirtuallibrary.org. Miġbur 2022-09-09.
  20. ^ Aranegui & Pacheco 1927, p. 342.
  21. ^ "Radar del tiempo nacional y local, pronóstico diario, huracanes e información de The Weather Channel y weather.com". The Weather Channel (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-09-09.