Volubilis

sit arkeoloġiku fil-Marokk

Volubilis (pronunzja bil-Latin: [wɔˈɫuːbɪlɪs]; bl-Għarbi: وليلي, b'ittri Rumani: walīlī; bil-lingwi Berberi: ⵡⵍⵉⵍⵉ, b'ittri Rumani: wlili) hija belt Berbera-Rumana parzjalment skavata fil-Marokk, li tinsab qrib il-belt ta' Meknes u li setgħet kienet il-belt kapitali tar-Renju tal-Mawritanja, mill-inqas minn żmien ir-Re Ġuba II. Qabel Volubilis, il-belt kapitali tar-renju x'aktarx li kienet Gilda.[1][2]

Il-fdalijiet ta' Volubilis.

Mibnija f'żona agrikola għammiela, il-belt żviluppat mis-seklu 3 Q.K. 'il quddiem bħala insedjament Berberu u mbagħad bħala insedjament proto-Kartaġiniż, qabel ma saret il-belt kapitali tar-Renju tal-Mawritanja. F'qasir żmien kibret sew taħt it-tmexxija tar-Rumani mis-seklu 1 W.K. 'il quddiem u baqgħet tikber sa ma kienet tkopri madwar 42 ettaru (100 akru) ta' art b'ċirkwit ta' 2.6 kilometri (1.6 mil) ta' ħitan. Il-belt kisbet għadd ta' binjiet pubbliċi ewlenin fis-seklu 2, inkluż bażilika, tempju u arkata trijonfali. Il-prosperità tagħha, li nibtet prinċipalment mit-tkabbir taż-żebbuġ, qanqlet il-kostruzzjoni ta' bosta vilel kbar fil-kampanja bl-art tal-mużajk.

Il-belt sfat f'idejn it-tribujiet lokali għall-ħabta tal-285 W.K. u qatt ma reġgħet ittieħdet lura minn Ruma minħabba l-pożizzjoni remota tagħha u minħabba li ma tantx setgħet tiġi difiża daqshekk tul il-fruntiera tal-Lbiċ tal-Imperu Ruman. Baqgħet abitata għal mill-inqas 700 sena oħra, l-ewwel bħala komunità Kristjana Latinizzata, u mbagħad bħala insedjament Iżlamiku bikri. Fl-aħħar tas-seklu 8 saret is-sede ta' Idris ibn Abdallah, il-fundatur tad-dinastija Idrisida tal-Marokk. Sas-seklu 11, Volubilis kienet ġiet abbandunata wara li s-sede tal-poter ġiet rilokata lejn Fes. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni lokali ġiet ittrasferita lejn ir-raħal il-ġdid ta' Moulay Idriss Zerhoun, madwar 5 kilometri (3.1 mili) minn Volubilis.

Il-fdalijiet baqgħu sostanzjalment intatti sa ma ġew devastati minn terremot f'nofs is-seklu 18 u sussegwentement ir-rikkezzi li kien hemm ġew misruqa mill-mexxejja Marokkini li riedu l-ġebel għall-kostruzzjoni ta' Meknes. Lejn l-aħħar tas-seklu 19 is-sit ġie indentifikat definittivament bħala dak tal-belt antika ta' Volubilis. Matul u wara l-perjodu ta' tmexxija Franċiża fil-Marokk, madwar nofs is-sit ġie skavat, u ġew żvelati bosta artijiet tal-mużajk fin. Uħud mill-iżjed binjiet pubbliċi prominenti u mid-djar ta' status għoli ġew irrestawrati jew rikostruwiti. Illum il-ġurnata Volubilis hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, li tniżżlet fil-lista bħala "eżempju ppreservat sew ta' belt kolonjali Rumana kbira fil-periferiji tal-Imperu".[2]

Isem immodifika

L-oriġini ta' isem il-belt mhumiex magħrufa iżda x'aktarx li huwa Latinizzazzjoni tal-kelma Walilt bl-Amazigh, li tfisser oleandru, li jikber mal-ġnub tal-wied.[3] Jaf kien ukoll traduzzjoni diretta tal-isem bl-Amazigh bl-għerq WLLY li jfisser "iddawwar, tagħżel".[4]

Id-dizzjunarju Latin ta' Lewis u Short jagħti t-tifsira bil-Latin ta' "volubilis" bħala "dak li jiddawwar jew dak li jiddawwar fuqu nnifsu, li jingħażel".[5] Il-kelma tissemma fl-Epistoli ta' Orazju (I, 2, 43): labitur, et labetur in omne volubilis aevum ("Tnixxi u se tnixxi, u tibqa' ddur għal dejjem".).[6] Bil-Latin Klassiku, l-ittra "v" f'"volubilis" kienet pronunzjata bħall-ittra "w", u b'hekk il-pronunzja kienet eqreb għall-pronunzji attwali bl-Għarbi u bl-Amazigh.[7]

Charles-Joseph Tissot (1828-1884) skopra li dak li xi sorsi bl-Għarbi kienu jirreferu għalih bħala "Qasr Fara'on" (قصر فرعون jew il-Palazz tal-Faragħun) kien jikkorrispondi għal Volubilis.[8] Dan it-terminu għadu jintuża llum il-ġurnata miċ-ċittadini lokali, u xi kultant jitqassar għal لقصر jew El Ksar, li tfisser "il-Palazz".

Stabbiliment u okkupazzjoni Rumana immodifika

 
Stele Punika li nstabet f'Volubilis.[9]

Mibnija fuq xaqliba baxxa taħt il-muntanja ta' Zerhoun, Volubilis tinsab fuq irdum 'il fuq mill-wied ta' Khoumane (Khuman) li minnu tgħaddi nixxiegħa tributarja żgħira msejħa Fertassa. Il-belt tħares fuq pjanura alluvjali għammiela fit-Tramuntana tal-belt moderna ta' Meknes.[10] L-inħawi madwar Volubilis kienu abitati mill-inqas min-Neolitiku Atlantiku Aħħari, xi 5,000 sena ilu; mill-iskavi arkeoloġiċi fis-sit instabu bċejjeċ tal-fuħħar Neolitiċi b'disinn paragunabbli għal dawk ta' bċejjeċ li nstabu fl-Iberja.[11] Sas-seklu 3 Q.K., il-Kartaġiniżi kellhom preżenza hemmhekk, kif joħroġ fid-dieher mill-fdalijiet ta' tempju ddedikat lill-alla Puniku Baal u mis-sejbiet tal-fuħħar u tal-ġebel imnaqqxa b'kitbiet bil-lingwa tal-Feniċi.[12]

Il-belt kienet parti mir-Renju tal-Mawritanja, li sar stat klijent tar-Rumani wara l-waqgħa ta' Kartaġni fil-146 Q.K. L-influwenza Punika damet għal żmien konsiderevoli wara, peress li l-maġistrati tal-belt żammew it-titlu Kartaġiniż ta' suffete ferm wara tmiem it-tmexxija Punika.[13] Ġuba II tan-Numidja tqiegħed fuq it-tron tal-Mawritanja minn Awgustu fil-25 Q.K. u tefa' ħarstu fuq il-kostruzzjoni ta' belt kapitali rjali f'Volubilis.[14] Edukat f'Ruma u miżżewweġ ma' Kleopatra Selene II, bint Marku Antonju u Kleopatra, Ġuba u ibnu Tolomew kienu rejiet Rumanizzati għalkollox, għalkemm ta' nisel Berberu; il-preferenza tagħhom għall-arti u għall-arkitettura Rumana kienet riflessa b'mod ċar fid-disinn tal-belt.

 
Mappa ta' Mauretania Tingitana li turi fejn kienet tinstab Volubilis.

Wara li Klawdju annetta l-Mawritanja fl-44 W.K., il-belt kibret b'mod sostanzjali bis-saħħa tal-ġid u tal-prosperità tagħha, li kisbet permezz tal-artijiet għammiela tal-provinċja li kienu jipproduċu prodotti bażiċi ta' valur għall-esportazzjoni bħall-qamħ, iż-żejt taż-żebbuġa u l-annimali selvaġġi għall-ispettakli bil-gladjaturi. Fl-aqwa tagħha fl-aħħar tas-seklu 2, Volubilis kellha madwar 20,000 abitant[15] – popolazzjoni sostanzjali ħafna għal raħal provinċjali Ruman – u r-reġjun tal-madwar kien abitat sew ukoll, meta wieħed iqis li ġew skoperti iktar minn 50 villa fl-inħawi.[16] Issemmiet mill-ġeografu tas-seklu 1 W.K. Pomponju Mela, li ddeskriviha fix-xogħol tiegħu De situ orbis libri III bħala waħda mill-"iktar bliet għonja, u l-iżjed għanja fost il-bliet iż-żgħar" fil-Mawritanja.[17] Issemmiet ukoll minn Plinju x-Xiħ, u l-Itinerarju Antonin tas-seklu 2 jirreferi għall-pożizzjoni tagħha u jsemmiha bħala Volubilis Colonia.[18] Il-populazzjoni tagħha kienet dominata mill-Berberi Rumanizzati.[19]

 
L-Arkata ta' Caracalla (l-Arkata Trijonfali).

Il-belt baqgħet leali fil-konfront ta' Ruma minkejja rewwixta fl-40-44 W.K. immexxija minn wieħed mill-irġiel meħlusa ta' Tolomew, Edemon, u l-abitanti tagħha ġew ippremjati b'għotjiet ta' ċittadinanza u eżenjoni ta' għaxar snin mit-taxxi. Il-belt ġiet elevata għall-istatus ta' municipium u s-sistema ta' governanza tagħha ġiet mibdula. Is-suffetes bi stil Puniku ġew sostitwiti bid-duumvir, jew par maġistrati, li kienu jiġu eletti annwalment. Madankollu, il-pożizzjoni tal-belt dejjem kienet waħda fraġli, minħabba l-pożizzjoni tagħha fit-tarf tax-Xlokk tal-provinċja, u b'hekk kienet dejjem tiffaċċja t-tribujiet Berberi ostili u kulma jmur komplew isiru iktar setgħana. Grupp ta' ħames fortijiet li jinsabu fl-irħula moderni ta' Aïn Schkor, Bled el Gaada, Sidi Moussa, Sidi Said u Bled Takourart (li fil-qedem kienet Tocolosida) inbnew sabiex isaħħu d-difiża tal-belt. Sidi Said kienet il-bażi għall-Cohors IV Gallorum equitata, unità awżiljarja tal-kavallerija mill-Gallija, filwaqt li Aïn Schkor kienet tospita elementi Ispaniċi u Belġiċi. Sidi Moussa kienet tospita lill-Partiċi, u l-kavallerija Gallika u Sirjana kienet ibbażata f'Toscolosida.[20] It-tensjonijiet fir-reġjun żdiedu lejn l-aħħar tas-seklu 2 u dawn wasslu biex l-Imperatur Marku Awrelju jordna l-kostruzzjoni ta' ċirkwit ta' 2.5 kilometri (1.6 mil) ta' ħitan bi tmien daħliet u b'40 torri. Volubilis kienet ikkollegata bit-triq ma' Lixus u Tingis (il-belt kapitali tal-provinċja Rumana ta' Mauretania Tingitana, li llum saret Tangier) iżda ma kellha l-ebda kollegament fil-Lvant mal-provinċja ġara ta' Mauretania Caesariensis, peress li bejniethom kien hemm it-territorju tat-tribù Berbera tal-Bakwati. F'Volubilis, fis-seklu 3, kienet teżisti komunità Lhudija, kif joħroġ fid-dieher mid-diversi kitbiet funebri mnaqqxa bl-Ebrajk, bil-Grieg u bil-Latin u lampi b'għamla ta' menorah. Il-belt hija l-iżjed post fil-Lbiċ fejn instabet kitba mnaqqxa bl-Ebrajk antik.[21]

 
Il-mużajk ta' Volubilis.

Il-kontroll ta' Ruma fuq il-belt intemm wara l-kaos tal-Kriżi tas-Seklu 3, meta l-imperu kważi sfaxxa għalkollox meta sensiela ta' ġenerali ħatfu u tilfu l-poter permezz ta' gwerer ċivili, irvelli fil-palazzi u assassinji. Għall-ħabta tal-280, it-tmexxija Rumana tilfet il-kontroll tal-biċċa l-kbira tal-Mawritanja u qatt ma reġgħet stabbilietu. Fil-285, l-Imperatur Dijoklezjanu organizza mill-ġdid dak li kien għad fadal mill-provinċja u żamm biss l-istrixxa kostali bejn Lixus, Tingis u Septa (illum il-ġurnata Ceuta). Għalkemm kien hemm armata Rumana bbażata f'Tingis, ġie deċiż li kien ikun għali wisq li jsir tentattiv ta' konkwista mill-ġdid ta' reġjun vulnerabbli tal-fruntiera. Madankollu, l-okkupazzjoni tal-belt baqgħet għaddejja, peress li l-mużajk fin bħal dak tat-tellieqa bil-karrijiet bl-annimali fil-Villa ta' Venere ma setax sar qabel is-seklu 4. Tmiem il-belt Rumana x'aktarx waslet b'terremot lejn l-aħħar tas-seklu, li radam diversi statwi tal-bronż fil-fdalijiet tal-vilel.[22]

Wara r-Rumani immodifika

Volubilis baqgħet abitata għal sekli wara tmiem il-kontroll Ruman. Ġiet okkupata mill-ġdid ċertament mill-Imperu Ruman tal-Lvant fis-sekli 6 u 7, kif joħroġ fid-dieher minn tliet kitbiet Kristjani mnaqqxa datati bis-sena provinċjali.[23] Sas-708 mal-wasla tal-Għarab, isem il-belt inbidel għal Oualila jew Walīlī, u l-belt ġiet abitata mill-Awraba, tribù Berbera li oriġinat mil-Libja. Ħafna miċ-ċentru tal-belt kien ġie abbandunat u ġie ttrasformat f'ċimiterju, filwaqt li ċ-ċentru abitat kien mexa fil-Lbiċ tal-belt, fejn inbena ħajt ġdid ta' difiża.[24]

Volubilis baqgħet il-belt kapitali tar-reġjun ferm wara l-bidu tal-perjodu Iżlamiku. Instabu muniti Iżlamiċi tas-seklu 8 fis-sit, li huma evidenza tal-wasla tal-Iżlam f'din il-parti tal-Marokk. Instabu kollha 'l barra mill-ħitan tal-belt, u dan jissuġġerixxi li l-insedjament Għarbi baqa' distint mill-insedjament Berberu ġewwa l-ħitan. Hemmhekk Moulay Idriss stabbilixxa d-dinastija Idrisida tal-Marokk fis-787-788. Dan kien dixxendent dirett tal-profeta Iżlamiku Muħammed, u ħarab lejn il-Marokk mis-Sirja wara l-Battalja ta' Fakhkh fis-787. Huwa ġie pproklamat imam f'Volubilis, li kienet okkupata mill-Awraba, taħt Ishaq ibn Mohammad. Huwa żżewweġ lil Kanza, mill-Awraba, u flimkien kellhom iben, Idris II, li ġie pproklamat imam f'Volubilis. Huwa wkoll għex 'il barra mill-ħitan tal-belt, tul ix-xtut ta' Wadi Khoumane, fejn ġie skavat kumpless dan l-aħħar li jista' jiġi identifikat bħala l-kwartieri ġenerali tiegħu.[25] Idriss I ħakem il-biċċa l-kbira tat-Tramuntana tal-Marokk matul it-tliet snin tar-renju tiegħu, u stabbilixxa l-belt ta' Fes. Huwa nqatel f'Volubilis fis-791 skont l-ordnijiet tal-kaliff ta' Bagdad, Harun al-Rashid. Idriss II ittrasferixxa l-belt kapitali lejn Fes, u b'hekk Volubilis ġiet imċaħda mill-aħħar fdalijiet ta' importanza politika li kien għad fadlilha.[26]

 
Veduta panoramika lejn il-Punent ta' Volubilis. Il-qalba Feniċja tal-belt tinsab fuq ix-xellug, il-Bażilika u t-Tempju jidhru fiċ-ċentru, filwaqt li l-Arkata ta' Caracalla tidher fuq il-lemin wara l-estensjoni Rumana tal-belt.

Grupp Musulman magħruf bħala r-Rabedi, li kien wettaq rewwixta f'Córdoba f'Al-Andalus (l-Andalusija fi Spanja moderna), reġa' insedja Volubilis fit-818. Għalkemm in-nies komplew jgħixu f'Volubilis għal diversi sekli oħra, x'aktarx li tbattlet kważi għalkollox sas-seklu 14. Leo Africanus iddeskriva l-ħitan u d-daħliet tal-belt, kif ukoll il-qabar ta' Idris, mgħassa minn żewġ jew tliet kastelli biss.[27] Il-katavru tiegħu sussegwentement tneħħa u ttieħed lejn Moulay Idriss Zerhoun, 3 kilometri (1.9 mil) 'il bogħod, fejn inbena mawżolew kbir apposta. Isem il-belt intesa u baqa' magħruf fost iċ-ċittadini lokali bħala Ksar Faraoun, jew il-"Kastell tal-Faragħun", b'allużjoni għal leġġenda li kienet inbniet mill-Eġizzjani tal-Qedem. Minkejja dan, uħud mill-binjiet tagħha baqgħu jeżistu, allavolja fi stat ta' fdalijiet, saħansitra sas-seklu 17 meta Moulay Ismail seraq ir-rikkezzi mis-sit biex jipprovdi l-materjal għall-kostruzzjoni tal-belt kapitali imperjali ġdida f'Meknes.[28] Terremot li seħħ fl-1755 ikkawżaw qerda ulterjuri. Madankollu, l-antikwarju Ingliż John Windus kien pinġa s-sit fl-1722. Fil-ktieb tal-1725 A Journey to Mequinez (Vjaġġ lejn Mequinez), Windus iddeskriva dak li ra:

Binja partikolari milli jidher hija parti minn arkata trijonfali, u hemm diversi ġebliet imkissrin b'kitbiet imnaqqxa fuqhom, li jinsabu fir-radam u l-iskart ta' taħt, li fl-imgħoddi żgur li kienu fl-għoli iktar milli jinsabu attwalment. Is-sit huwa twil 56 pied u wiesa' 15-il pied, biż-żewġ naħat indaqs, mibnija b'ġebel iebes ħafna, kważi twil jarda u oħxon nofs jarda. L-arkata hija wiesgħa 20 pied u għolja madwar 26 pied. Il-kitbiet imnaqqxa jinsabu fuq ġebel ċatt kbir, li meta kienu sħaħ ħdejn xulxin, kienu twal madwar ħames piedi u wesgħin tliet piedi, u l-ittri fuqhom kienu itwal minn 6 pulzieri. Barra minn hekk, kien hemm ukoll bust li bil-kemm jingħaraf, u kien l-unika ħaġa li kien għad hemm li kienet tirrappreżenta l-ħajja, għajr l-għamla ta' sieq taħt il-parti t'isfel ta' libsa, fin-niċċa fuq in-naħa l-oħra tal-arkata. Madwar 100 jarda mill-arkata hemm parti mill-faċċata li għadha tajba ta' binja kwadra kbira, twila 140 pied u għolja 60 pied; parti mill-erba' kantunieri għadhom weqfin, iżda ftit fdalijiet fadal biss, apparti dawn tal-faċċata. Madwar l-għolja wieħed jista' jara l-pedament ta' ħajt b'ċirkonferenza ta' madwar żewġ mili, li kien mibni madwar dawn il-binjiet; fuq ġewwa tagħhom kien hemm bosta ġebel sparpaljat tal-istess daqs li bihom kienet mibnija l-arkata, iżda bil-kemm fadal ġebla waħda sħiħa. L-arkata, li kienet tinsab madwar mil u nofs 'il bogħod mill-binjiet l-oħra, milli jidher kienet qisha daħla, u kienet għolja biżżejjed biex raġel riekeb żiemel seta' jgħaddi minn ġo fiha.[29]

Wara li żar is-sit 95 sena wara, fl-1820, wara li t-terremot tal-1755 kien ġarraf il-ftit binjiet li kien għad fadal, James Gray Jackson kiteb:

Nofs siegħa bogħod wara li wieħed jitlaq mis-santwarju ta' Muley Dris Zerone, fl-għoljiet ta' qabel il-muntanji Atlas, jiena żammejt man-naħa tax-xellug tat-triq, fejn kien hemm fdalijiet enormi u mill-isbaħ. Il-kampanja, għal mili sħaħ, mimlija kolonni mkissrin tal-irħam abjad. Kien għad hemm żewġ portiċi weqfin għoljin 30 pied u wesgħin 12-il pied, u l-parti ta' fuq kienet magħmula minn ġebla waħda sħiħa. Ippruvajt nagħti titwila lejn dawn il-fdalijiet immensi, li ntużaw għall-irħam għall-palazzi imperjali f'Mequinas u f'Tafilelt; iżda kelli noqgħod lura, peress li rajt xi persuni mis-santwarju jsegwuni. B'mod kontinwu jiġu skavati reċipjenti u ktieli tad-deheb u muniti tal-fidda minn dawn il-fdalijiet. Madankollu, il-kampanja mimlija sriep ukoll, u rajna bosta skorpjuni taħt il-ġebel li qalleb min kien qed iwassalni. Dawn il-fdalijiet jingħad mill-Afrikani li nbnew mill-Faragħuni: u jissejħu Kasser Farawan.[30]

Walter Burton Harris, kittieb għal The Times, żar Volubilis matul il-vjaġġi tiegħu fil-Marokk bejn l-1887 u l-1889, wara li s-sit kien ġie identifikat mill-arkeologi Franċiżi iżda qabel ma saru xi skavi serji jew restawr. Huwa kiteb:

"Ma tantx fadal wisq fdalijiet li għadhom weqfin; żewġ arkati, it-tnejn tassew kbar bħala daqs, u ppreservati pjuttost tajjeb, waħedhom juru l-kobor li kellha din il-belt antika, filwaqt li akri sħaħ ta' art huma miżgħuda monumenti u skulturi mkissrin. Għad hemm ukoll ftit pilastri iżolati, u sistema kbira tad-drenaġġ jew akkwedott, simili għal Cloaca Maxima f'Ruma, li tagħti lejn xmara żgħira iktar 'l isfel".

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Volubilis ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Referenzi immodifika

  1. ^ "Recherche archéologiques à Rirha / Gilda" (bil-Franċiż). 2020-06-17. Miġbur 2023-08-04.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Volubilis". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-04.
  3. ^ "Archaeological Site of Volubilis « African World Heritage Fund". web.archive.org. 2013-10-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-10-20. Miġbur 2023-08-04.
  4. ^ Haddadou, Mohand Akli (2006). Dictionnaire des racines berbères communes (bil-Franċiż). Alġerija: Haut Commissariat à l'Amazighité. ISBN 978-9961-789-98-8.
  5. ^ "Charlton T. Lewis, Charles Short, A Latin Dictionary, vŏlūbĭlis". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2023-08-04.
  6. ^ Kreeft, Peter; Tacelli, Ronald K. (2009-09-20). Handbook of Christian Apologetics. InterVarsity Press. ISBN 978-0-8308-7544-3.
  7. ^ University, The Open (2015-08-07). Getting started on Classical Latin. The Open University. ISBN 978-1-4730-0108-4.
  8. ^ "وليلي أو قصر فرعون – زمان". web.archive.org. 2020-06-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-06-10. Miġbur 2023-08-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ Février, James Germain (1966). "Inscriptions puniques et néopuniques". Études d'Antiquités africaines. 1 (1): 81–132.
  10. ^ Publishers, Nagel (1977). Morocco. Nagel Publishers. ISBN 978-2-8263-0164-6.
  11. ^ Carrasco, J. L. Escacena (2000). "Archaeological relationship between North Africa and Iberia". In Arnaiz-Villena, Antonio; Martínez-Laso, Jorge; Gómez-Casado, Eduardo (eds.). Prehistoric Iberia: Genetics, Anthropology, and Linguistics. New York: Springer. ISBN 0-306-46364-4. p. 128.
  12. ^ Rogerson, Barnaby (2010). Marrakesh, Fez and Rabat. Londra: Cadogan Guides. ISBN 978-1-86011-432-8. p. 236.
  13. ^ Parker, Philip (2010). The Empire Stops Here: A Journey along the Frontiers of the Roman World. Londra: Random House. ISBN 978-0-224-07788-0. p. 491.
  14. ^ Davies, Ethel (2009). North Africa: The Roman Coast. Chalfont St Peter, Bucks: Bradt Travel Guides. ISBN 978-1-84162-287-3. p. 141.
  15. ^ Davies, Ethel (2009). North Africa: The Roman Coast. Chalfont St Peter, Bucks: Bradt Travel Guides. ISBN 978-1-84162-287-3. p. 41.
  16. ^ Rogerson, Barnaby (2010). Marrakesh, Fez and Rabat. Londra: Cadogan Guides. ISBN 978-1-86011-432-8. p. 237.
  17. ^ Romer, Frank E. (1998). Pomponius Mela's Description of the World. Ann Arbor, MI: University of Michigan Press. ISBN 978-0-472-08452-4. p. 131.
  18. ^ Löhberg, Bernd (2006). Das "Itinerarium provinciarum Antonini Augusti": Ein kaiserzeitliches Strassenverzeichnis des Römischen Reiches. Berlin: Frank & Timme GmbH. ISBN 978-3-86596-085-6. p. 66.
  19. ^ "About Volubilis". web.archive.org. 2012-04-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-24. Miġbur 2023-08-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ MacKendrick, Paul Lachlan (2000). The North African Stones Speak. Chapel Hill, NC: UNC Press Books. ISBN 978-0-8078-4942-2. p. 312.
  21. ^ Andreeva, Sofia; Fedorchuk, Artem; Nosonovsky, Michael (2019). "Revisiting Epigraphic Evidence of the Oldest Synagogue in Morocco in Volubilis". Arts. Vol. 8. p. 127.
  22. ^ Fentress, Elizabeth; Limane, Hassan (2010). "Excavations in Medieval Settlements in Volubilis 2000-2004". Quadernos de Madinat Zahra. No. 7p. p. 107.
  23. ^ Conant, Jonathan (2012). Staying Roman: Conquest and Identity in Africa and the Mediterranean, 439–700. New York: Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-19697-0. p. 294.
  24. ^ Akerraz, Aomar, ed. (1985). "Note sur l'enceinte tardive de Volubilis". Bulletin Archéologique du Comité des Travaux Historiques. pp. 429–436.
  25. ^ Fentress, Elizabeth; Limane, Hassan (2010). "Excavations in Medieval Settlements in Volubilis 2000-2004". Quadernos de Madinat Zahra. No. 7p. pp. 103-122.
  26. ^ Rogerson, Barnaby (2010). Marrakesh, Fez and Rabat. Londra: Cadogan Guides. ISBN 978-1-86011-432-8. p. 238.
  27. ^ Leo Africanus trad. A. Épaulard, I, p. 245.
  28. ^ Windus, John (1725). A journey to Mequinez, the residence of the present emperor of Fez and Morocco. Londra: Jacob Tonson. OCLC 64409967. p. 86.
  29. ^ Windus, John (1725). A journey to Mequinez, the residence of the present emperor of Fez and Morocco. Londra: Jacob Tonson. OCLC 64409967. pp. 86-89.
  30. ^ Shabeeny, El Hage abd Salam; Jackson, James Grey (1820). An account of Timbuctoo and Housa. Londra: Longman, Hurst, Rees, Orme and Brown. OCLC 165576157. pp. 120-121.