Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj
Ir-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj (bl-Ungeriż: Tokaji borvidék;[1] bis-Slovakk: Vinohradnícka oblasť Tokaj)[2] jew ir-reġjun tal-inbid ta' Tokaj-Hegyalja (fil-qosor Tokaj-Hegyalja jew Hegyalja) huwa reġjun tal-inbid storiku li jinsab fil-Grigal tal-Ungerija u fix-Xlokk tas-Slovakkja. Huwa wkoll wieħed mis-seba' reġjuni akbar tal-inbid tal-Ungerija (bl-Ungeriż: Tokaji borrégió). Hegyalja bl-Ungeriż tfisser "l-għoljiet ta' qabel il-muntanji", u dan huwa l-isem oriġinali tar-reġjun.
Ir-reġjun jikkonsisti minn 28 villaġġ u 11,149 ettaru ta' għelieqi kklassifikati bid-dwieli, li minnhom huwa stmat li 5,500 ettaru attwalment huma mħawla. Ir-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002 bl-isem sħiħ ta' Pajsaġġ Kulturali Storiku tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj.[3] Madankollu, il-fama tar-reġjun ilha minn ferm qabel din id-deżinjazzjoni peress li huwa l-post fejn oriġina l-inbid Tokaji aszú, l-eqdem inbid iffermentat fid-dinja.
Minħabba t-Trattat ta' Trianon, parti iżgħar tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj issa tagħmel parti mis-Slovakkja.
Karatteristiċi
immodifikaUħud mill-karatteristiċi li jwasslu biex ir-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj ikun uniku huma:
- il-ħamrija u l-mikroklima: it-territorju ta' Tokaj jikkonsisti minn ħamrija taflija jew loess fuq sottoswol vulkaniku. Il-mikroklima hija ddeterminata mix-xaqlibiet orjentati lejn in-Nofsinhar li jirċievu ammont sostanzjali ta' xemx u l-prossimità tax-xmajjar Tisza u Bodrog, u twassal għall-proliferazzjoni tal-Botrytis (taħsir nobbli) u t-tnixxif sussegwenti tal-għeneb.
- il-varjetajiet ta' għeneb indiġeni: l-għeneb Furmint u Hárslevelű ilhom jitkabbru fir-reġjun għal sekli sħaħ, u flimkien mal-għeneb Muscat Isfar (bl-Ungeriż: Sárgamuskotály), Kabar, Kövérszőlő u Zéta, huma l-uniċi varjetajiet ta' għeneb li uffiċjalment jitħallew jintużaw fir-reġjun.
- il-kantini: sistema vasta ta' kantini tħaffret fil-blat bejn l-1400 u l-1600 W.K. Il-kantini jipprovdu temperatura kostanti ta' madwar 10-12 °C. Il-kantini huma miksija b'moffa karatteristika, li titkattar permezz tal-alkoħol li jiżvinta matul it-tqaddim tal-inbejjed u żżomm l-umdità stabbli bejn 85 % u 90 %, li hija ideali għat-tqaddim tal-inbejjed Tokaji.
- is-sistema tad-denominazzjoni: Digriet irjali li nħareġ fl-1737[4] jew fl-1757[5] stabbilixxa distrett magħluq tal-produzzjoni f'Tokaj, x'aktarx l-iżjed sistema bikrija tal-għoti tad-denominazzjonijiet lill-inbejjed (għalkemm dan huwa rrifjutat mir-reġjun tal-inbid ta' Chianti, li huwa maħsub li t-territorju tiegħu ġie definit fl-1716).[6] Il-klassifikazzjoni tal-vinji bdiet fl-1730 u tlestiet miċ-ċensimenti nazzjonali tal-1765 u tal-1772.
Storja
immodifikaMid-dokumenti storiċi joħroġ fid-dieher li l-vinji kienu ġew stabbiliti f'Tokaj saħansitra fis-seklu 12, iżda hemm evidenza li l-produzzjoni tal-inbid iddaħħlet qabel fir-reġjun.
Għadd ta' esperti jsostnu li l-vitikultura jaf bdiet fir-reġjun ta' Tokaj saħansitra minn żmien iċ-Ċeltiċi, jiġifieri Q.K. Werqa ppetrifikata tad-dwieli li nstabet f'Erdőbénye u li tmur lura għall-aħħar tas-seklu 3 W.K., tindika l-eżistenza tal-vitikultura fi żmien ir-Rumani. L-Islavi waslu fir-reġjun lejn l-aħħar tas-seklu 5 u l-bidu tas-seklu 6. Oriġini possibbli tal-isem "Tokaj" hi li ġej mill-kelma Slava "Stokaj", li tfisser bejn wieħed u ieħor konfluwenza (jiġifieri l-konfluwenza tax-xmajjar Bodrog u Tisza). L-Islovakki jsostnu li l-Islavi komplew il-vitikultura li kienet ġiet stabbilita qabel fir-reġjun. L-insedjaturi Ungeriżi waslu f'Tokaj mill-aħħar tas-seklu 9 u hemm teorija alternattiva li l-vitikultura ddaħħlet fir-reġjun mil-Lvant, x'aktarx mit-tribù Kabar. L-Ungeriżi milli jidher kellhom tradizzjoni antika tal-produzzjoni tal-inbid. Oriġini possibbli oħra tal-isem "Tokaj" hi li ġejja mill-kelma Armena li tfisser "għenba".
Il-popli Latini ġew mistiedna jinsedjaw Tokaj għall-ewwel darba mir-Re Ungeriż Béla III (1172-1196) u mbagħad minn Béla IV (1235-1270). Dawn l-immigranti x'aktarx li kienu nies mill-Wallonja fit-Tramuntana ta' Franza, għalkemm xi riċerkaturi jsostnu li kienu Taljani. Xi nies Slavi (Slovakki u Russi) ġew dokumentati wkoll li kienu involuti fil-vitikultura ta' Tokaj sas-seklu 12. Madankollu, it-tkabbir ta' Tokaj bħala reġjun ewlieni tal-inbid seħħ fil-bidu tas-seklu 16.
Għall-ħabta tal-1620, l-Imperatur importa lil Duvont, bidwi-produttur tal-inbid Franċiż mill-Wallonja, li iktar 'il quddiem ivvinta l-metodu li mbagħad sar magħruf bħala l-metodu tar-"re tal-inbejjed" fid-distrett ta' Tokaj.
Sabiex jagħti ġieħ lill-ħiliet eċċezzjonali ta' Duvont, l-imperatur ta n-nobbiltà lil dan il-bidwi, u tah wieħed mill-bosta villaġġi tiegħu (Kiralyfalva), li llum il-ġurnata huwa Königsdorf fl-Awstrija. L-imperatur imbagħad ta l-kunjom ta' Királyfalvy lill-familja ta' Duvont.
L-inbid ta' Tokaj kulma jmur sar materja prima importanti għar-reġjun mis-seklu 17, u l-esportazzjoni tiegħu sar sors kbir ta' introjtu għall-prinċpijiet mexxejja tat-Transilvanja, li kien jagħmel parti minnu r-reġjun ta' Tokaj dak iż-żmien. Tabilħaqq, id-dħul mill-inbid Tokaji Aszú li kulma jmur sar iktar rinomat għen biex jiffinanzja l-gwerer tal-indipendenza li ġew miġġielda kontra t-tmexxija Awstrijaka tal-Asburgi. L-inbid ta' Tokaj sar iktar rinomat meta fl-1703, Francis II Rákóczi, il-Prinċep tat-Transilvanja, ta bosta fliexken tal-inbid ta' Tokaj bħala rigal lir-Re Lwiġi XIV ta' Franza. L-inbid ta' Tokaj imbagħad ġie servut fil-qorti ta' Versailles, fejn sar magħruf bl-isem ta' Tokay. Lwiġi XIV tassew ħa pjaċir b'dan ix-xorb prezzjuż u ddikjarah bħala "Vinum Regum, Rex Vinorum" ("Inbid tar-Rejiet, Re tal-Inbejjed").
Fis-seklu 18, ir-reġjun ta' Tokaj laħaq il-qofol tal-prosperità tiegħu. Kemm il-Polonja kif ukoll ir-Russja kienu saru swieq kbar tal-esportazzjoni tal-inbid. Fir-Russja, l-inbid ta' Tokaj tant kellu importanza li l-imperaturi Russi żammew kolonja de facto f'Tokaj sabiex tiġi ggarantita l-provvista tal-inbid lill-Qorti Imperjali.
Id-diviżjoni tal-Polonja fl-1795 u l-impożizzjoni sussegwenti tad-dazji doganali kienu daqqa ta' ħarta kbira għall-esportazzjonijiet tal-inbid ta' Tokaj u wasslu għad-deklin ekonomiku tar-reġjun. Madankollu, din kienet biss l-ewwel kriżi minn tliet kriżijiet kbar għal Tokaj. It-tieni kriżi seħħet meta l-epidemija tal-phylloxera waslet f'Tokaj fl-1885 u qerdet il-maġġoranza l-kbira tal-vinji fi ftit snin. It-tielet kriżi seħħet meta l-Ungerija tilfet żewġ terzi mit-territorju tagħha taħt it-Trattat ta' Paċi ta' Trianon li ġie ffirmat f'Ġunju 1920, u b'hekk l-inbid ta' Tokaj tilef l-aċċess għall-maġġoranza tas-suq domestiku tiegħu. Ir-reġjun ġie diviż ukoll bejn l-Ungerija u ċ-Ċekoslovakkja li kienet għadha kemm inħolqot, li kisbet territorju ta' 120 ettaru (bl-eċċezzjoni tal-1938-1944, meta l-Ungerija ħadet il-kontroll tat-territorju). Dan tal-aħħar issa jifforma parti minn reġjun tal-inbid fis-Slovakkja li jmiss ma' dak tal-Ungerija, b'bejn wieħed u ieħor 908 ettari ta' vinji kklassifikati ta' Tokaj.[7]
L-era tat-tmexxija Komunista fl-Ungerija wasslet għat-tnawwir tal-kwalità u tar-reputazzjoni tal-inbejjed ta' Tokaj. Madankollu, mill-1990 sar ammont konsiderevoli ta' investiment fir-reġjun ta' Tokaj, u b'hekk twittiet it-triq għal dak li ġie mlaqqam bħala r-"Rinaxximent ta' Tokaj". Illum il-ġurnata hemm kważi 600 produttur tal-inbid fir-reġjun, li minnhom madwar 50 produttur jipproduċu l-firxa sħiħa ta' inbejjed ta' Tokaj.
Diżgwid dwar id-"Denominazzjoni tal-oriġini"
immodifikaL-inbid ta' Tokaj, min-natura unika tiegħu, huwa materja prima lussuża li tattira ferm lis-suq internazzjonali.
Fl-1964 inbeda diżgwid meta għall-ewwel darba, dak iż-żmien iċ-Ċekoslovakkja esportat il-produzzjoni eċċessiva tagħha tal-inbid ta' Tokaj lill-Awstrija, suq li normalment kien jiġi fornut din il-materja prima mill-Ungerija biss. Il-kunflitt ta' interessi ġie solvut fi ftehim bilaterali li skontu s-Slovakkja, a skapitu tal-konċessjoni marbuta mal-birra Ċeka min-naħa tal-Ungerija, setgħet tesporta l-produzzjoni eċċessiva tagħha tal-inbid ta' Tokaj lill-Ungerija (li konsegwentement kienet tbigħu taħt tikketta Ungeriża u terġa' tesportah). Dan il-ftehim skada fl-1990 u mill-ewwel reġa' nqala' d-diżgwid.[8] F'Ġunju 2004 intlaħaq qbil bejn il-gvernijiet tal-Ungerija u tas-Slovakkja fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj fis-Slovakkja. Fil-qafas ta' dan il-qbil, l-inbid prodott fil-5.65 km² ta' art fis-Slovakkja jista' juża d-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj. Madankollu, is-Slovakkja ma osservatx dan il-qbil vinkolanti legalment, li kellu jintroduċi l-istess standards stabbiliti fil-liġijiet Ungeriżi dwar l-inbid mill-1990. Għadu ma ġiex deċiż min se jissorvelja jew jinforza dawk il-liġijiet. Id-diżgwid wassal biex is-Slovakkja titressaq quddiem qorti internazzjonali mill-Ungerija u ħames pajjiżi oħra (l-Italja, Franza, l-Awstralja, is-Serbja u s-Slovenja), minħabba d-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj.
F'Novembru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet kontra t-talba tal-Ungerija li titħassar id-denominazzjoni Slovakka "Vinohradnícka oblasť Tokaj" mill-E-Bacchus, bażi tad-data elettronika li fiha reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti mill-Unjoni Ewropea. L-Ungerija ressqet appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fi Frar 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet kontra l-appell Ungeriż fir-rigward ta' deċiżjoni preċedenti dwar id-denominazzjoni tal-"Vinohradnícka oblasť Tokaj" (Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj) fis-Slovakkja, li fiha isem ir-reġjun tal-inbid ta' Tokaj fl-Ungerija. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti ddikjarat li r-reġistrazzjoni mis-Slovakkja tal-"Vinohradnícka oblasť Tokaj" fil-bażi tad-data Ewropea E-Bacchus ma kinitx tikkostitwixxi miżura punibbli.[9] B'hekk, taħt il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni Ewropea, ir-reġjun tal-produzzjoni tal-inbid ta' Tokaj jinsab kemm fl-Ungerija kif ukoll fis-Slovakkja. Għaldaqstant, il-produtturi tal-inbid mir-reġjun tal-inbid ta' Tokaj fl-Ungerija u fis-Slovakkja jistgħu jużaw id-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pajsaġġ Kulturali Storiku tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj fl-Ungerija ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]
Referenzi
immodifika- ^ "127/2009. (IX. 29.) FVM rendelet - Nemzeti Jogszabálytár". njt.hu. Miġbur 2023-03-22.
- ^ "e-Bacchus Database". Your Gate to Europe (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tokaj Wine Region Historic Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
- ^ "The history of the first demarkated wine region of the world – the Tokaj wine region | IVES" (bl-Ingliż). 2020-07-28. Miġbur 2023-03-22.
- ^ "Sweet and Sophisticated: The Story of Tokaji Wine". Wine Folly (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
- ^ Hungary, Daily News (2022-09-14). "Hungary's Tokaj: the first official wine region in Europe". Daily News Hungary (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
- ^ ""Slovakia, a Land of Wine". Slovak Union of Grape and Wine Producers. pp. 21-23" (PDF).
- ^ "Bitka o víno kráľov, kráľa vín. Slovensko-maďarské spory o značku Tokaj sa ťahajú už 34 rokov". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-08. Miġbur 2023-03-22.
- ^ "Press corner". European Commission - European Commission (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.