Katidral ta' Roskilde
Il-Katidral ta' Roskilde (bid-Daniż: Roskilde Domkirke), fil-belt ta' Roskilde fuq il-gżira ta' Zealand (Sjælland) fil-Lvant tad-Danimarka, huwa katidral tal-Knisja Luterana tad-Danimarka.
Il-katidral huwa l-iżjed knisja importanti fid-Danimarka, il-knisja tal-oqbra rjali uffiċjali tal-monarki Daniżi, u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Dan bis-saħħa tal-arkitettura tal-katidral li toħroġ fid-dieher 800 sena ta' stili arkitettoniċi Ewropej, u peress li hija waħda mill-iżjed eżempji bikrin fl-Iskandinavja ta' katidral Gotiku mibni bil-brikks; il-binja ħeġġet it-tifrix tal-istil Gotiku bil-brikks fit-Tramuntana tal-Ewropa kollha. Mibni fis-sekli 12 u 13, il-katidral jinkorpora karatteristiċi Gotiċi u Rumaneski fid-disinn tiegħu. Il-katidral ilu l-post tad-dfin prinċipali għall-monarki Daniżi mis-seklu 15. Matul is-sekli ġie estiż u mmodifikat b'mod estensiv biex jiġu akkomodati għadd konsiderevoli ta' kappelli funebri u l-bosta kappelli ta' ġo fih inbnew b'diversi stili arkitettoniċi.
Il-katidral huwa attrazzjoni turistika ewlenija u kull sena jattira iżjed minn 165,000 viżitatur. Mill-1995 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-arkitettura unika tiegħu.[1] Il-katidral għadu jintuża bħala knisja u matul is-sena jospita wkoll għadd ta' kunċerti.
Storja
immodifikaKnejjes preċedenti
immodifikaRoskilde saret il-belt kapitali l-ġdida tad-Danimarka bis-saħħa tar-Re Harald Bluetooth għall-ħabta tad-960. Preċedentement, ir-re kien irresjeda f'Jelling, fejn bena knisja u l-Ħaġar ta' Jelling, iżda wara li wassal għall-unifikazzjoni tad-Daniżi u tan-Norveġiżi, kienet meħtieġa mossa biex il-monarka seta' jibqa' qrib iċ-ċentru tal-poter fir-renju l-ġdid. Skont sorsi bil-miktub, meta ttrasferixxa ruħu lejn Roskilde, Bluetooth bena residenza rjali u maġenbha knisja żgħira tal-injam, iddedikata lit-Trinità Mqaddsa. Ma tantx nafu wisq dwar il-Knisja tat-Trinità; wisq iktar nafu dwar l-arkitettura tagħha. Iżda minkejja l-istorja qasira tagħha huwa magħruf li seħħew żewġ avvenimenti hemmhekk. Fil-Gesta Hammaburgensis ecclesiae pontificum ta' Adam ta' Bremen, hemm rendikont ta' kif iben ir-re, Sweyn Forkbeard, qajjem ribelljoni kontrih, u ġiegħel lil missieru jaħrab lejn Jomsborg. Meta Bluetooth miet fid-985/986, l-armata li kienet daret kontrih ġabet il-katavru tiegħu lura lejn Roskilde u difnitu fil-knisja li huwa kien bena.[2] Fil-Milied tal-1026, il-Konti Ulf inqatel minn wieħed li kien midħla sew ta' Cnut il-Kbir. Minkejja xi differenzi bejn id-diversi sorsi, dan seħħ fil-knisja (Chronicon Roskildense) jew fir-residenza rjali (Gesta Danorum ta' Saxo Grammaticus). Ulf kien iżżewweġ lil oħt Cnut il-Kbir, Estrid, li nkorlat għall-qtil ta' żewġha u talbet li tingħata kumpens b'weregild.[3]
Hemm xi dubji dwar meta Roskilde saret is-sede tal-Isqof ta' Roskilde. Meta Sweyn Forkbeard ħakem l-Ingilterra fl-1013, huwa beda jibgħat isqfijiet Ingliżi lejn id-Danimarka, proċess li tkompla mis-suċċessur tiegħu Cnut il-Kbir. Dan ikkawża ftit kunflitt mal-Arċisqof ta' Amburgu, li kien iqis li l-Iskandinavja kienet parti mill-Arċidjoċesi ta' Bremen. L-iżjed isqof bikri magħruf ta' Roskilde kien Gerbrand, li kien fil-kleru ma' Cnut il-Kbir, u li ġie interċettat mill-irġiel tal-Arċisqof ta' Amburgu-Bremen meta baħħar lejn id-Danimarka fl-1022. Tħalla jkompli l-vjaġġ tiegħu wara li ħalef li jkun leali għall-arċisqof. L-arċisqof x'aktarx li kellu kull raġun li jissuspetta fih, peress li d-dokumenti ta' dak iż-żmien jissuġġerixxu li Cnut il-Kbir jaf kien ippjana li joħloq arċidjoċesi f'Roskilde, b'Gerbrand bħala l-arċisqof.[4]
Bil-finanzjament mogħti lil Estrid Svendsdatter bħala kumpens, il-Knisa l-antika tat-Trinità twaqqgħet u minflokha nbdiet il-kostruzzjoni ta' katidral sempliċi tal-ġebel għall-ħabta tal-1026. Dan jaf ifforma l-bażi tal-katidral li nbena wara, iżda diffiċli li wieħed isostni dan b'ċertezza, peress li sussegwentement inbnew żewġ katidrali fl-istess sit. Madankollu, minn skavi arkeoloġiċi li saru fl-1968 ħareġ li l-bażijiet taż-żewġ binjiet kellhom l-istess għoli, xi ħaġa li ma kinitx tagħmel sens li kieku żewġ binjiet separati kienu nbnew fi żmien 50 sena.[5]
Madankollu, nafu fiċ-ċert li nbena katidral tal-ġebel f'dan is-sit. Il-kostruzzjoni kienet inbdiet mill-Isqof Wilhelm bejn l-1060 u l-1073, u tlestiet mis-suċċessur tiegħu Svend Nordmand għall-ħabta tal-1080. Il-katidral il-ġdid inbena bil-ġebla tat-travertin, ġebla li hemm abbundanza tagħha fl-inħawi ta' Roskilde. Il-katidral inbena bħala bażilika bi stil Rumanesk, bi ħnejjiet fuq ġewwa nofshom għat-tond biex jirfdu s-saqaf ċatt fuq ġewwa, u b'żewġ torrijiet fuq kull naħa tad-daħla tal-faċċata tal-Punent. Lejn it-Tramuntana, inbena monasteru tal-ġebel bi tliet naħat għall-patrijiet u għal oħrajn li kienu assoċjati mal-katidral. Is-suċċessur ta' Svend Nordmand, Arnold, żied ħajt madwar il-binja, li serva bħala garanzija ta' sikurezza għal kull min kien ifittex il-kenn hemmhekk. Madankollu, Arnold kien ikkunsidrat ukoll bħala l-isqof li tilef l-Arċidjoċesi tal-Iskandinavja favur il-Katidral ta' Lund, minħabba n-nuqqas ta' qilla u ta' motivazzjoni tiegħu.[6]
Meta tlesta l-katidral il-ġdid, kien hemm ix-xewqa li tinkiseb relikwa għalih. Żewġ kanoniċi (membri tal-kleru tal-katidral) intbagħtu minn Ruma biex isibu relikwa xierqa. Skont leġġenda jingħad li huma u jistrieħu wara l-wasla tagħhom, San Lucius, li kien Papa mill-253 sal-255, deherilhom u qalilhom li kien intgħażel biex ikun il-qaddis patrun ta' Roskilde sal-aħħar taż-żminijiet. L-għada, iż-żewġ kanoniċi ttieħdu lejn Santa Cecilia in Trastevere biex jagħżlu fost il-bosta relikwi li kien hemm. Huma raw kranju jleqq li kien dak ta' San Lucius. Meta rritornaw, huma u jbaħħru, il-bastiment tagħhom spiċċa attakkat minn dimonju b'saħħtu li kien jgħix moħbi fl-ilmijiet Daniżi. L-ekwipaġġ għażel bix-xorti min kien se jiġi ssagrifikat, u b'hekk intgħażel il-kanonku li kien qed iġorr il-kranju ta' San Lucius. Huwa offra talba lill-qaddis, ħasel il-kranju tliet darbiet, tefa l-ilma fl-oċean, u qabeż fil-baħar. Kulħadd baqa' mistagħġeb li l-kanonku rnexxielu jimxi fuq l-ilma. Id-dimonju għeb qalb it-twerżiq fil-fond tal-oċean u qatt ma deher iktar.[7]
Is-sena eżatta meta r-relikwa waslet f'Roskilde mhix magħrufa; id-data biss hija magħrufa, il-25 ta' Awwissu, peress li f'dakinhar dejjem kienet tiġi ċċelebrata l-wasla tar-relikwa. L-ewwel tismija bil-miktub tar-relikwa tmur lura għal żmien Ælnoth, patri f'Odense, li ddeskriviha f'xogħol dwar il-ħajja ta' Canute l-Qaddis fl-1122. Oġġett ieħor ta' dak iż-żmien, siġill imnaqqax minn nejba ta' walrus, li turi lil San Lucius bejn iż-żewġ torrijiet tal-katidral, imur lura għall-bidu tas-seklu 12. Dan x'aktarx li kien inxtara sabiex jgħin biex tintrebaħ l-arċidjoċesi ta' Roskilde, li ngħatat lil Lund fl-1103/1104.[8]
Katidral attwali
immodifikaĠie aċċettat li ftit wara li sar l-Isqof ta' Roskilde fl-1157, Absalon beda jkabbar il-katidral tat-travertin.[9] Fl-1160, is-sengħa tal-produzzjoni tal-brikks waslet fid-Danimarka mill-Italja permezz tal-patrijiet, u b'hekk beda jintuża dan il-materjal ġdid. Ir-riċerkaturi ddeċidew li jibnu katidral madwar dak eżistenti, biex b'hekk is-servizzi setgħu jibqgħu jsiru matul il-kostruzzjoni. Ilu jingħad li l-Isqof Absalon kien beda l-kostruzzjoni, u meta Absalon ġie mġiegħel iċedi l-kariga tiegħu bħala Isqof ta' Roskilde fl-1191, kienu tlestew biss iż-żewġ sulari tal-apsida, it-torrijiet tal-kor u parti mit-transett.[10] Is-suċċessur ta' Absalon, Peder Sunesen, li kellu għall-qalbu l-istil Gotiku Franċiż ġdid, iktar 'il quddiem wettaq bidliet sinifikanti fil-pjanta tal-katidral, u neħħa t-torrijiet tal-kor u ċekken il-wisa' tat-transett.[11] Iżda riċerka ġdida tindika li Peder Sunesen kien dak li beda l-kostruzzjoni iktar milli dak li beda r-rikostruzzjoni. Il-katidral inbena fil-perjodu ta' tranżizzjoni bejn ir-Rumanesk u l-Gotiku, u fih jidhru elementi miż-żewġ stili.
Il-kor tlesta u ġie inawgurat fl-1225, u b'hekk is-servizzi setgħu jiġu ċċelebrati hemmhekk, filwaqt li l-katidral l-antik tat-travertin twaqqa'. Ix-xogħol fuq in-navata kompla għaddej għal 55 sena oħra, fid-dawl tal-fondi limitati, nuqqas ta' fran għall-produzzjoni tal-brikks, u x-xtiewi qalila.[12] Bl-eċċezzjoni taż-żewġ torrijiet fil-faċċata tal-Punent, il-katidral tlesta sal-1280, u x-xogħol fuq ġewwa baqa' għaddej, għalkemm ġie mdewwem kemxejn minħabba nirien fl-1282 li qerdu wkoll diversi djar tal-kanoniċi fl-inħawi. Bosta kappelli ġew miżjuda mal-katidral, u fl-1405 tlesta x-xogħol fuq iż-żewġ torrijiet.
Meta mietet Margrethe I fl-1412, indifnet fil-kappella tal-familja tagħha f'Sorø Klosterkirke. Iżda s-sena ta' wara, l-Isqof Peder Jensen Lodehat, li kien il-kanċillier u l-konsulent reliġjuż tar-reġina, ordna li l-katavru tagħha jindifen fil-Katidral ta' Roskilde. Il-patrijiet f'Sorø rrabjaw ferm, l-iktar minħabba li t-telfa tal-fdalijiet terrestri tar-reġina kienet se tfisser telf sinifikanti ta' introjtu mill-offerti — dak iż-żmien il-patrijiet u l-membri tal-kleru kienu jitħallsu biex jiċċelebraw quddiesa għal persuna mejta, u għal reġina dawn il-quddisiet kienu jiġu mitluba fuq bażi regolari u b'mod perpetwu; b'hekk kienu jqallgħu ħafna flus — kif ukoll telf ta' prestiġju. Minkejja li spiss il-ħtija tingħata lill-isqof, jista' jkun ukoll li dan it-trasferiment ġie orkestrat mill-iben adottiv tar-reġina, Eric ta' Pomerania. Din it-teorija hija rinfurzata permezz tal-kitba mnaqqxa fuq is-sarkofagu, li tiddeskrivi din l-għażla li saret mir-re l-ġdid, Eric VII, fl-1423.
Fil-Chronica novella tiegħu, il-kronista Ġermaniż Hermann Korner jiddeskrivi ċ-ċerimonja funebri enormi li damet tlett ijiem u li kienet tinvolvi lir-Re Eric VII, diversi nobbli, l-Arċisqof ta' Lund, u l-isqfijiet Daniżi kollha. Hemm ġrajja dwar kif il-purċissjoni tat doni sostanzjali lil kull wieħed mill-50 artal fil-katidral. Fl-ewwel jum, il-koppja rjali kienet tagħti ornament tad-deheb, antipendlu tad-deheb u kalċi tal-fidda lil kull artal; kull wieħed min-nobbli kien jagħti fjorin għal kull artal; u l-kavallieri, l-assistenti tagħhom, u kull min kien jixtieq jagħti xi doni kien jagħti muniti tal-fidda minn Lübeck. Fit-tieni u fit-tielet jum, il-koppja rjali kienet talloka żewġ nobbli għal kull artal, in-nobbli kienu jagħtu fjorin għal kull artal, u l-kumplament tal-purċissjoni kienet tagħti muniti tal-fidda. Dawn il-muniti tal-fidda mbagħad kienu jitpoġġew fi skutella u kienu jinqasmu fost il-foqra f'Roskilde.
Fl-14 ta' Mejju 1443, Roskilde nħakmet min-nirien li qerdu l-biċċa l-kbira tal-belt u d-djar kollha tal-kleru għajr tlett idjar biss. In-nirien tant kienu qawwijin li l-ħġieġ tat-twieqi xxaqqaq, u ċ-ċomb tas-saqaf dab. Il-katidral ġarrab ħsarat estensivi u kien biss fl-1463 li l-Isqof Oluf Mortensen seta' jerġa' jiddedikah. Sabiex jgħinu bir-rikostruzzjoni tal-katidral, kull wieħed mill-isqfijiet tad-Danimarka ffirma ittra biex jingħataw 40 jum ta' indulġenzi li kull min kien jagħmel tajjeb għall-kostijiet.[13] Ir-rikostruzzjoni setgħet ingħatat palata wkoll mid-deċiżjoni ta' Kristjanu I li tinbena kappella fil-katidral. Il-Kappella tal-Maġi nbniet matul is-snin 60 tas-seklu 15, u flimkien mas-sarkofagu ta' Margrethe I u l-fdalijiet mill-knejjes preċedenti, tħaddan fiha l-iżjed difniet irjali bikrin.
Ir-Riformazzjoni waslet fl-1536, u mmarkat żvolta negattiva ħafna għall-Katidral ta' Roskilde. Mhux talli l-Isqof ta' Roskilde, Joachim Rønnow, inżamm bħala priġunier fil-Kastell ta' Copenhagen, talli d-djoċesi ġiet ittrasferita lejn Copenhagen u Peder Palladius sar is-Sovraintendent il-ġdid ta' Zealand u iktar 'il quddiem isqof. Hans Tausen, li kien ħadem qatigħ biex iħeġġeġ l-adozzjoni mifruxa tar-Riformazzjoni, intbagħat lejn Roskilde fl-1538 sabiex jagħti daqqa t'id biex jikkonverti lill-membri tal-kleru li kienu kontra dawn l-ideat ġodda. F'laqgħa tar-Riformazzjoni li saret fl-1540, ġie deċiż li l-proprjetà kollha tal-isqof kienet se tingħadda lir-re, kemm simbolikament kif ukoll fir-realtà bħala l-Kap tal-Knisja tad-Danimarka. Il-katidral kien diġà ġie mġiegħel iċedi parti mill-proprjetà tiegħu matul it-Taqbida tal-Konti, iżda wara li ttieħdet din id-deċiżjoni u fid-dawl ta' gwerra imminenti kontra l-Iżvediżi, il-konfiska tal-proprjetà tal-knisja żdiedet. Fost il-pussessi l-iktar preġjati tal-katidral kien hemm statwa tal-injam ta' San Lucius, miksija bid-deheb u l-ħaġar prezzjuż. Il-kleru ssielet ferm biex jipprova jibqa' jżomm il-proprjetà tal-katidral, u saħansitra darba minnhom talba għal rendikont ta' wħud mill-oġġetti li ġew ikkonfiskati. Madankollu, ir-re wieġeb li r-re ma għandux għalfejn jagħti rendikont għal xi ħaġa li diġà hija proprjetà tiegħu.[14]
Wara r-Riformazzjoni, il-katidral infetaħ għall-kongregazzjoni ordinarja, u b'hekk kien hemm bżonn li tinxtara għamara ġdida, speċjalment bankijiet tal-knisja. Bħalma ġara f'eks katidrali Kattoliċi oħra, il-kor, li kien ġie sseparat min-navata permezz ta' ħajt kbir, tħalla intatt bl-artal iserraħ mal-ħajt.
Filwaqt li l-katidral għadda minn diffikultà finanzjarja, minħabba li tilef il-proprjetà kollha tiegħu (li dak iż-żmien kienet tinkludi kwart tal-azjendi agrikoli f'Zealand u 30 proprjetà immobbli kbar), irċieva varjetà ta' doni minn Kristjanu IV: l-artal maġġuri (bejn l-1555 u l-1623), senduq irjali għall-ħabta tal-1600, il-pulptu fl-1610, il-kappella funebri tiegħu stess fl-1614, il-kostruzzjoni taż-żewġ spiri ikoniċi fl-1633 u finalment portal tad-daħla Rinaxximentali grandjuż tal-ġebel tar-ramel fl-1635.[15]
Fis-26 ta' Frar 1658, it-Trattat ta' Roskilde ġie ffirmat fil-katidral. Fis-serqa li wettqu l-Iżvediżi fi ħdan il-katidral, huma ħadu l-libsa tad-deheb ta' Margrethe I, li kienet imdendla qrib is-sarkofagu tagħha. Il-libsa ttieħdet mir-reġina konsorti Żvediża Hedwig Eleonora u issa tinsab fil-Katidral ta' Uppsala. Fl-1690, Kristjanu V ordna t-tneħħija tal-kor Kattoliku antik, sabiex seta' joħloq kripta taħtu għat-tfal li kellu barra ż-żwieġ mill-maħbuba tiegħu Sophie Amalie. B'hekk l-artal seta' jitressaq fejn jinsab attwalment.
Fl-1774, beda x-xogħol fuq it-tielet kappella funebri rjali, il-Kappella ta' Federiku V, bit-tneħħija tal-Kappella tal-Madonna li kien hemm qabel. Il-flus malajr spiċċaw, u x-xogħol tlesta biss fl-1825. Sadanittant, fl-1806, il-katidral bigħ l-inventarju tiegħu miż-żminijiet Kattoliċi f'irkant rinomat. Fost l-oġġetti li nbigħu kien hemm kurċifiss grandjuż li ntrebaħ minn ħaddiem tas-sengħa lokali li kien jaħdem ir-ram. Hu u jisserra l-kurċifiss għall-ħatab, ras Ġesù nqasmet u minn ġo fiha waqa' salib patriarkali żgħir tad-deheb. Wara ħarsa iktar mill-qrib, ġie żvelat li s-salib ma kienx mastizz u li ġo fih kien hemm moħbija skalda mis-salib ta' Kristu. L-għajdut dwar din is-sejba malajr wasal għand il-Kollezzjoni Rjali tal-Arti, li iktar 'il quddiem saret il-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka, li xtratu minnufih.[16]
Fl-1871, il-portal tad-daħla ġie sostitwit b'wieħed li jaqbel mal-istil kumplessiv tal-katidral, filwaqt li l-portal l-antik ingħata b'donazzjoni lill-Knisja ta' Holmen. Madankollu, meta wasal il-portal il-ġdid, il-purtinar tal-knisja baqa' mwaħħax meta nduna li kien kopja batuta tal-portal l-antik. Minkejja dan, ma kellu l-ebda triq oħra għajr li jibnih.
Ix-xogħol fuq ir-raba' kappella funebri rjali nbeda fl-1915, u qabel it-tlestija tagħha fl-1924, Roskilde reġgħet saret djoċesi. Fis-27 ta' Awwissu 1968, meta kien kważi tlesta x-xogħol ta' restawr fuq l-ispira ta' Margrethe, l-ispira ħadet in-nar, u heddet li tiġġarraf għalkollox fil-kor. Matul ix-xogħlijiet tat-tifi tan-nar, membri tad-difiża ċivili u membri tal-persunal tal-knisja għattew is-sedji tal-kanoniċi, l-artal u s-sarkofagi fil-kor ta' wara b'kutri niedja kontra n-nirien, bit-tama li ma ssirx ħsara lill-oġġetti ta' valur bla qies. Il-Ministru għad-Difiża tad-Danimarka ordna projbizzjoni totali fuq l-operazzjonijiet tal-ġettijiet fiż-żona, sakemm isiru investigazzjonijiet li setgħu jikkonfermaw jekk il-volti kinux f'periklu li jikkollassaw.[17] Iktar 'il quddiem ġie skopert li minkejja li kien hemm projbizzjoni totali fuq kwalunkwe sors ta' sħana fiż-żona fejn kien qed isir ir-restawr, l-artiġjani kienu qed ipejpu u jużaw tagħmir tat-tqabbid tan-nar fuq ġewwa.[18] L-aħħar binja li żdiedet mal-katidral saret fl-1985, meta ġie inawgurat is-Sit Funebri l-Ġdid, magħruf ukoll bħala l-Post tad-Dfin ta' Federiku IX.
Fl-2018, il-post tad-dfin futur u l-monument għar-reġina attwali tad-Danimarka Margrethe II tlestew fil-Kappella ta' Santa Briġitta. Id-disinn tħejja mill-iskultur Daniż Bjørn Nørgaard. Hemm mudell għall-wiri fil-katidral flimkien ma' wirja dwar it-tradizzjoni tad-difniet irjali.[19]
Deskrizzjoni
immodifikaKappelli
immodifikaKappella tal-Maġi (Kappella ta' Kristjanu I)
immodifikaMeta r-Re Kristofru III miet mingħajr ma kellu tfal fl-1448, l-armla tiegħu Dorothea ta' Brandenburg reġgħet iżżewġet lir-re l-ġdid, Kristjanu I. Wara ftit snin, huwa sar ir-Re tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Iżvezja, u Dorothea welldet lir-Re futur Ġwanni, u b'hekk ġiet stabbilita d-Dinastija ta' Oldenburg. F'dan l-isfond ta' avvenimenti, Kristjanu I iddeċieda li jibni kappella grandjuża fil-katidral.[20] L-istrument tal-istabbiliment ġie ffirmat fit-28 ta' April 1459, li mhux biss ordna l-kostruzzjoni tal-kappella iżda ta wkoll irqajja' kbar ta' art lill-knisja.[21] Fir-rebbiegħa tal-1462, ir-re appella lill-Papa Piju II għall-indulġenza talli bena l-kappella, u finalment din ingħatat wara li żar lill-Papa Sestu IV f'Ruma fl-1474.[22]
Mibnija bi stil Gotiku bħall-kumplament tal-katidral, il-kappella tikkonsisti minn żewġ sulari; is-sular t'isfel maħsub bħala kappella funebri għal Kristjanu I u s-sular ta' fuq maħsub bħala Sala Kbira għall-membri tal-Fratellanza l-ġdida ta' Omm Alla, il-prekursur tal-Ordni attwali tal-Iljunfant. Iż-żewġ sulari jserrħu fuq pilastru ċentrali tal-granit, l-hekk imsejjaħ Pilastru tar-Re, fejn diversi rejiet kejlu t-tul tagħhom matul is-snin.[23] Fost dawn ir-rejiet kien hemm Pietru l-Kbir, li t-tul tiegħu tkejjel fl-1716, li kien l-itwal, filwaqt li Chulalongkorn tas-Siam, li t-tul tiegħu tkejjel fl-1907, kien l-iqsar. Huwa maħsub li l-marka tat-tul ta' Kristjanu I kienet żball tekniku, peress li r-re x'aktarx tassew kien twil, iżda mhux il-ġgant li jissuġġerixxi l-markatur.
Id-difniet ta' Kristjanu I u tar-Reġina Dorothea ġew immarkati b'par ġebliet sempliċi, peress li l-kappella stess kellha titqies bħala l-monument sepulkrali tagħhom, filwaqt li l-monumenti sepulkrali ta' Kristjanu III u ta' Federiku II jiddominaw is-sular t'isfel. Il-monument tal-alabastru Rouge Belge u Noir Belge ta' Kristjanu III inħoloq fl-1574-1575 mill-iskultur Cornelis Floris minn Anversa. Meta l-iskultur miet f'Ottubru 1575, il-monument kien kważi tlesta għalkollox; kien fadallu biss l-armi u l-kitbiet imnaqqxa, li mbagħad kellhom jiżdiedu minn Jan Baptist Guidetty. Fil-fatt, qatt ma ġew miżjuda, u meta l-Ispanjoli serqu minn Anversa f'Novembru 1576, il-monument inżamm sal-ħlas ta' rahan mill-armla ta' Cornelis Floris. Imbagħad, l-armla bagħtet tinforma lill-qorti Daniża, sabiex il-monument jittieħed u tingħata l-ħlas tagħha, xi ħaġa li saret biss fl-1578. Meta l-monument wasal f'Elsinore, żewġ bennejja lokali lestew ix-xogħol fuqu, u finalment fis-sajf tal-1580 tpoġġa fil-kappella.
Il-monument ta' Federiku II, maħdum bl-istess materjali, inbena fl-1594-1598 mill-iskultur Fjamming Gert van Egen, li kien student ta' Cornelis Floris u kien resident ta' Elsinore. Madankollu, iż-żewġ monumenti huma vojta, peress li l-oqbra ndifnu taħt l-art tal-kappella.[24] Ir-Re Ġwanni suppost kellu jindifen ukoll fil-kappella, iżda lejn l-aħħar ta' ħajtu, hu u martu tant kienu għal qalbhom jgħixu fil-Kastell ta' Næsbyhoved qrib Odense, li r-re esprima l-preferenza tiegħu li jindifen fil-katidral Franġiskan tar-raħal. Madankollu, l-isqof u l-kanoniċi f'Roskilde sostnew li r-Re kien iddetermina li kellu jindifen f'Roskilde. L-armla tar-re, Kristina tas-Sassonja, bagħtet ittra lil Papa Ljun X biex titolbu l-assistenza, u fit-tweġiba tiegħu, il-Papa stqarr li wieħed għandu dejjem jirrispetta l-aħħar xewqa tad-deċedut, u b'hekk ir-re ndifen f'Odense.[25]
Il-volti u l-ħitan tal-kappella huma mżejna b'affreski rikki li jmorru lura għas-snin 60 tas-seklu 15, meta l-kappella nħolqot minn Kristjanu I u minn martu. Wara li ġew imbajda għalkollox, l-affreski ġew skoperti mill-ġdid fl-1826. Dirgħajn ir-re u r-reġina jżejnu l-ħajt tal-Lvant tal-kappella.[26]
Attwalment is-sular ta' fuq jintuża bħala mużew, fejn jintwerew diversi artefatti bħall-ħġieġ ikkulurit antik tat-twieqi u tiġi spjegata l-istorja kollha tal-katidral.
Kappella ta' Kristjanu IV
immodifikaIl-kostruzzjoni tal-kappella ġiet ordnata minn Kristjanu IV innifsu fl-1613, wara l-mewt tar-Reġina Anna Katerina s-sena ta' qabel, u wara li rrealizza li l-ispazju fuq ġewwa tal-katidral kien qed jonqos ġmielu. Il-kappella nbniet bi Stil Rinaxximentali Olandiż u x-xogħol fuq il-faċċata tal-kappella nbeda fl-1614 minn Lorenz van Steenwinckel u tlesta fl-1641 minn ħuh, Hans van Steenwinckel iż-Żgħir.[27] Il-faċċata nbniet bil-brikks ħomor b'saqaf forfċi mtarraġ u tħares lejn it-Tramuntana. Fuq kull waħda mit-tarġiet tas-saqaf forfċi, tpoġġiet figura tal-ġebel tar-ramel, li tirrappreżenta kull waħda mill-virtujiet Kristjani. Maġenb it-twieqi tas-saqaf forfċi, hemm erba' pitti, u kull wieħed għandu simbolu tal-mewt: kranju, minġell, torċa tħares 'l isfel u klessidra. Fiċ-ċentru tas-saqaf forfċi, hemm is-siġill tar-re.[28]
Il-lavur tal-ħadid ferrobattut li jissepara l-kappella min-navata nħadem minn Caspar Fincke fl-1619, u fih kitba tal-ħallieq tiegħu:
- Caspar Fincke bin ich benant
- Dieser arbeit bin ich bekant
(Traduzzjoni mhux uffiċjali: Jisimni Caspar Fincke I u jien magħruf għal dan ix-xogħol).
Mal-mewt ta' Kristjanu IV fl-1648, il-kappella minn ġewwa kienet għadha ma tlestietx, u l-qabar tar-re minflok tqiegħed fil-kripta ta' taħt. Ir-re kien ikkummissjona l-monument għalih innifsu, fejn hu u r-reġina tiegħu jidhru għarkopptejhom quddiem kurċifiss, iżda peress li kien tlesta qabel mewtu, il-monument kien inħażen temporanjament fl-arsenal tar-re. Meta l-arsenal ħa n-nar fl-1647, kulma kien fadal mill-monument kien il-kurċifiss grandjuż tal-ġebel tar-ramel u ras skolpita mill-alabastru. Sussegwentement il-kurċifiss tpoġġa fil-Knisja ta' Holmen, filwaqt li r-ras ingħatat lill-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka.[29] Is-suċċessuri tar-re ma rnexxilhomx jipprovdu post tad-dfin xieraq għar-re, u x-xogħol inbeda finalment fl-1840 taħt Kristjanu VIII. Huwa kien ittama li jara l-proġett jitlesta sal-1848, il-200 anniversarju tal-mewt ta' Kristjanu IV, iżda x-xogħol tlesta fl-1870.[30]
Ix-xogħol fuq ġewwa nbeda fl-1840 meta Kristjanu VIII ordna statwa ta' Kristjanu IV mill-iskultur rinomat Bertel Thorvaldsen. Din kellha tkun parti mill-monument ippjanat għal Kristjanu IV, li kellu jiġi ddisinjat mill-arkitett G.F. Hetcsh, iżda kien għadu jrid jiġi deċiż min kien se jieħu ħsieb il-ħolqien tat-tiżjin. Fl-1845 kummissjoni inkarigat lil Heinrich Eddelien, iżda x-xogħol mexa bil-mod, x'aktarx minħabba li Kristjanu VIII kien għassa ta' dan il-proġett u kkritika x-xogħlijiet proposti. Meta Kristjanu VIII miet fl-1848, il-proġett tilef l-ikbar forza motivazzjonali tiegħu, u r-re l-ġdid, Federiku VII, ma kienx wisq interessat li l-proġett jitlesta. Meta Eddelien miet fl-1852, kien tlesta biss ix-xogħol fuq is-saqaf bil-volta miksija bil-kwiekeb u l-motivi allegoriċi, u l-kumplament tax-xogħol waqaf ħesrem.[31]
Fl-1856, Georg Hilker żied freġju taħt il-volta tas-saqaf, li kellu jservi biex jissepara t-tiżjin tas-saqaf u tal-ħitan. Meta Wilhelm Marstrand u Heinrich Hansen inħatru finalment fl-1860, il-Ministru għall-Finanzi C.E. Fenger kien responsabbli. Il-kummissjoni oriġinali rrabjat ferm li l-Ministru kien opera wara daharhom, iżda ż-żminijiet kienu nbidlu minn meta l-kummissjoni kienet issawret, u bil-Partit Liberali Nazzjonali kien fil-poter, kien hemm iktar attenzjoni lejn l-attitudni nazzjonali. Il-Ministru Liberali Nazzjonali ħass li t-tlestija tal-Kappella ta' Kristjanu IV, li huwa kien iqis bħala monument nazzjonali, kienet se ssaħħaħ is-sentiment nazzjonali fil-kunflitt li kien qed jiżviluppa mal-Prussja.[32]
Marstrand u Hansen ressqu l-proposti tat-tiżjin tagħhom fl-1861, wara li ddeċidew li Marstrand kellu jieħu ħsieb il-pitturi, filwaqt li Hansen kellu jieħu ħsieb il-gwarniċi. Dik is-sena t-tnejn ivvjaġġaw lejn Franza biex jistudjaw it-tpittir biż-żejt fuq il-ġibs. Imbagħad, Marstrand qatta' s-sjuf tal-1864-1866 f'Roskilde, u pitter ħajt wieħed kull sena. Meta Marstrand lesta x-xogħol tiegħu, il-ħames oqbra fil-kappella tpoġġew fil-pożizzjoni attwali tagħhom.[32]
Kappella ta' Federiku V
immodifikaIl-kappella tikkonsisti fil-fatt minn żewġ kappelli bi stil Neoklassiku. Il-kostruzzjoni damet 51 sena (1774-1825) u kienet teħtieġ it-tneħħija ta' kappella li kienet teżisti qabilha, il-Kappella tal-Madonna.
Il-kostruzzjoni tal-kappella nbdiet minn C. F. Harsdorff fl-1774, x'aktarx permezz ta' skizzi bikrin li kien wettaq matul il-vjaġġi tiegħu f'Ruma fl-1762-1764, iżda minħabba nuqqas ta' finanzjament ix-xogħol ġie sospiż fl-1779. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tkompla mill-apprendist tiegħu C. F. Hansen fl-1820 u tlesta fl-1825. Il-kappella tikkonsisti minn vestibolu b'żewġ kmamar biswit xulxin fuq in-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, waħda li normalment issir referenza għaliha bħala l-Kappella ta' Kristjanu VI, u oħra b'kamra b'għamla ta' salib u msaqqfa b'koppla, magħrufa proprju bħala l-Kappella ta' Federiku V. Fuq ġewwa, il-binja għandha ħitan klassiċi miżbugħa bl-abjad, filwaqt li minn barra għandha l-brikks ħomor karatteristiċi bħall-bqija tal-katidral.
Meta l-kappella ġiet inawgurata f'Settembru 1825, it-twiebet li temporanjament kienu maħżuna fil-Kappella ta' Kristjanu IV tressqu fil-kappella l-ġdida, u magħhom żdiedu oħrajn tal-membri tal-familja rjali li mietu sadanittant. Dan wassal biex il-kappella, li kienet iddisinjata għal ħames sarkofagi tal-irħam, fl-1912 kellha iktar minn 17-il tebut b'kollox. Madankollu, iż-żieda tal-Kappella ta' Kristjanu IX, it-tneħħija ta' wħud mit-twiebet u t-tqiegħed tagħhom fil-kripti, u l-arranġament mill-ġdid tat-twiebet, wasslu għas-sitwazzjoni attwali fejn hemm 12-il tebut jew sarkofagu preżenti.[33] Minkejja dan, inħolqot konfużjoni sħiħa, peress li wħud mit-twiebet ma ġewx irranġati f'pari li jikkorrispondu mar-relazzjonijiet li kienu jeżistu matul ħajjithom.[34]
Il-kappella turi xejra gradwali ta' tranżizzjoni minn sarkofagi grandjużi tal-irħam għal sarkofagi iktar sempliċi miksija bil-bellus, u fil-każ ta' Federiku VII, saħansitra tebut tal-injam.
Kappella ta' Kristjanu IX
immodifikaMeta l-Kostituzzjoni tad-Danimarka ġiet reveduta fl-1915, il-Folketing iddeċieda jagħti ġieħ lill-familja rjali, billi qata' x-xewqa tar-Re Kristjanu X, u bena kappella ġdida fil-katidral, iddedikata lill-familja ta' Glücksburg li kellha t-tron f'idejha minn meta Kristjanu IX sar re fl-1863. Il-kappella ġiet iddisinjata mill-arkitett tal-katidral ta' dak iż-żmien, Andreas Clemmensen.[35]
Il-kostruzzjoni tal-kappella, issorveljata mill-arkitett Schledermann, bdiet fl-1919 u tlestiet fl-1924. Il-kappella nbniet bi stil Neo-Biżantin, ta' ispirazzjoni Rumana. Il-kappella nbniet bħala estensjoni tal-binja tal-armi tal-Majjistral, li mbagħad ma baqgħetx teżisti iktar bħala binja indipendenti. L-għamla tal-kappella hi ta' salib b'ħitan griżi u saqaf b'koppla. Malli tlestiet, il-kappella qanqlet dibattitu jaħraq fil-gazzetti Daniżi, u wħud bdew jemmnu li l-kappella kienet differenti għalkollox mill-istil prevalenti tal-katidral.
Fin-naħa tat-Tramuntana hemm is-sarkofagu doppju ta' Kristjanu IX u tar-Reġina Luiża. Iddisinjat minn Hack Kampmann, is-sarkofagu oriġinarjament kien fin-naħa tal-Lvant tal-Kappella ta' Federiku V. Madwar is-sarkofagu hemm tliet statwi ta' figuri femminili, iddisinjati minn Edvard Eriksen. L-istatwi jissejħu "Niket", "Memorja", u "Mħabba" u ġew skolpiti mill-irħam abjad minn Carrara fl-Italja. L-istatwa tan-"Niket" tixbaħ ħafna lill-istatwa tas-Sirenetta ż-Żgħira li hemm f'Copenhagen, li mhix kumbinazzjoni. Edvard Eriksen kien ħoloq l-istatwa tas-Sirenetta ż-Żgħira fl-1911, sentejn qabel ħoloq l-istatwi fil-kappella, u l-mara tiegħu Eline Eriksen kienet il-mudella għat-tnejn li huma. Fin-naħa tal-Punent hemm is-sarkofagu doppju ta' Federiku VIII u tar-Reġina Luiża tiegħu, iddisinjat minn Utzon-Frank. Fin-naħa tal-Lvant hemm it-twiebet sempliċi tal-irħam ta' Kristjanu X u tar-Reġina Alessandrina tiegħu. It-twiebet ġew iddisinjati minn Kaare u Naur Klint, ġew magħmula mill-irħam Norveġiż, u għandhom Dannebrog stilizzat fuq l-għatu u fuq in-naħat tiegħu.
Wara l-mewt ta' Maria Feodorovna fl-1928, u wara ċerimonja qasira fil-Knisja ta' Alexander Nevsky f'Copenhagen u ċerimonja Ortodossa Russa f'Roskilde, it-tebut tal-imperatriċi armla tqiegħed fil-kappella qrib il-qabar tal-ġenituri tagħha u ta' ħuħa u ta' oħtha tar-rispett. Fl-1957, it-tebut tqiegħed fil-kripta ta' taħt il-kappella sa Settembru 2006, meta mbagħad ġie rritornat lir-Russja. Kienet ix-xewqa tal-imperatriċi armla li tindifen jekk jista' jkun maġenb ir-raġel tagħha Alessandru III fil-Katidral ta' San Pietru u ta' San Pawl. Din ix-xewqa twettqet wara negozjati estensivi bejn ir-Reġina Margrethe II u l-President Putin.
Wara l-mewt ta' Federiku IX fl-1972, it-tebut tiegħu tqiegħed fil-kappella, miksi bl-istemma rjali tiegħu, mgħasses bit-tliet iljuni tal-fidda mis-simbolu tal-Kuruna Daniża. Maġenb it-tebut tiegħu tpoġġew par kandilabri bl-għamla ta' ankri. Wara li t-tebut tar-re ndifen fl-1985, fil-kappella għad fadal biss il-kandelabri.
Kappella ta' San Indrija u Kappella ta' Santa Briġitta
immodifikaDan iż-żewġ kappelli, fuq in-naħa tat-Tramuntana, huma l-unika fdalijiet tal-bosta kappelli Medjevali li kienu mehmuża mal-katidral oriġinali. Il-Kappella ta' San Indrija nbniet fl-1396 u l-Kappella ta' Santa Briġitta nbniet fl-1485.
Il-Kappella ta' San Indrija ġiet imżejna mill-ġdid fl-2010 mill-artist Peter Brandes, li pprovda artal ġdid kif ukoll lavur tal-ħadid ferrobattut li kien jissepara l-kappella min-navata. Il-kunsill tal-knisja parrokkjali beħsiebu li l-kappella fil-futur tipprovdi ambjent iktar intimu għal uħud mill-funzjonijiet tal-knisja fil-katidral, fosthom iż-żwieġ jew il-magħmudija. Il-kappella għandha l-orgni żgħir tagħha għal dawn is-servizzi.
Mir-Riformazzjoni, il-Kappela ta' Santa Briġitta ntużat l-iktar biex jinħażnu fiha diversi oġġetti tal-inventarju tal-knisja miż-żminijiet Kattoliċi, u li ma kinux meħtieġa iktar fl-era Luterana. Dawn jinkludu s-sedja taċ-ċelebrant, is-sedja tal-kor tal-knisja, u l-kaxxa tal-ittri tal-kanoniċi. Barra minn hekk, il-kappella għandha l-eqdem lapida fil-katidral, li tmur lura għall-ħabta tal-1250. Ir-Reġina Margrethe II għażlet il-Kappella ta' Santa Briġitta bħala l-post tad-dfin tagħha fil-futur, b'sarkofagu maħluq mill-artist Bjørn Nørgaard. Is-sarkofagu tlesta u ġie installat, iżda huwa mgħotti sa meta tmut ir-reġina.[36]
Post tad-dfin ta' Federiku IX
immodifikaDan il-post infetaħ fit-23 ta' Settembru 1985[37] u huwa l-ewwel post tad-dfin li jinsab barra mill-katidral innifsu. Inbena għal żewġ raġunijiet: kienet ix-xewqa ta' Federiku IX li jindifen barra mill-katidral, b'veduta tal-Fjord ta' Roskilde (ir-re kien iħobb ibaħħar u kien marbut mill-qrib mal-flotta navali), u apparti minn hekk ma kienx għad fadal spazju fil-Kappella ta' Kristjanu IX. F'Jannar 1972, mal-mewt tar-re, faqqa' d-dibattitu dwar kif setgħet titwettaq ix-xewqa tiegħu. Saret laqgħa f'Mejju tal-istess sena, li involviet il-muniċipalità, il-kunsill tal-knisja parrokkjali, il-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka, u fondazzjoni għall-kultura tal-bini u tal-ħolqien tal-pajsaġġi.[38] Fl-1974 ġie ppreżentat dokument ta' diskussjoni, li kien jispjega kif l-inħawi kellhom jiġu ppreservati u kif kien se jiġi stabbilit il-post tad-dfin il-ġdid.[39] Kien hemm ftit oppożizzjoni mill-membri tal-kunsill parrokkjali, li insistew li t-tradizzjoni tad-dfin tal-monarki fil-katidral kellha tinżamm. Il-pjan tal-istabbiliment ta' żoni għall-inħawi tlesta fl-1982 u b'hekk ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-post tad-dfin seta' jinbeda.[40]
Il-post tad-dfin ġie ddisinjat mill-arkitett Vilhelm Wohlert b'kooperazzjoni ma' Inger u Johannes Exner, u jikkonsisti minn ottagonu tal-brikks sempliċi u mhux imsaqqaf, b'xatba tal-bronż iddisinjata minn Sven Havsteen-Mikkelsen. Il-lapida nqatgħet mill-granit ta' Greenland mill-iskultur Erik Heide, għalkemm il-qabar ma ġiex issiġillat b'mod permanenti sad-dfin tar-Reġina Ingrid fis-sena 2000.[41] Skont ix-xewqa tar-Reġina Ingrid, il-post tad-dfin ġie miksi minn vinji selvaġġi u minn pjanti minn madwar ir-renju.
Difniet irjali
immodifikaKor
immodifika- Margrethe I (mietet fl-1412): eżatt wara l-artal maġġuri
Pilastri maġenb l-apsida
immodifika- Harald Bluetooth (miet fl-985-986): x'aktarx li ndifen fil-pilastru tal-Majjistral, iżda ma nstabu l-ebda qabar jew fdalijiet
- Sweyn II Estridsen (miet fl-1076): indifen fil-pilastru tax-Xlokk
Estrid Svendsdatter (li mietet bejn l-1057 u l-1073) kien jingħad b'mod mifrux li ndifnet fil-pilastru tal-Grigal, iżda permezz ta' test tad-DNA li sar fl-2003 ħareġ ċar li dan ma kienx minnu u li l-fdalijiet fil-post kienu ta' mara li mietet żgħira wisq biex tkun tassew Estrid Svendsdatter. Skont teorija ġdida, huwa maħsub li s-sinjal fuq il-pilastru jirreferi għal Margareta Hasbjörnsdatter, li kienet magħrufa wkoll bħala Estrid u li żżewġet lil Harald III Hen, iben Sweyn Estridsen. Fil-pilastru tal-Lbiċ hemm il-fdalijiet ta' żewġ isqfijiet, Asser u William.
Apsida
immodifika- Kristofru III tal-Bavarja (miet fl-1448)
- Kristjanu V (miet fl-1699) u r-Reġina Charlotte ta' Hesse-Kassel (mietet fl-1714)
- Federiku IV (miet fl-1730) u r-Reġina Luiża ta' Mecklenburg-Güstrow (mietet fl-1721)
Kappella tal-Maġi (Kappella ta' Kristjanu)
immodifika- Kristjanu I (miet fl-1481) u r-Reġina Dorothy ta' Brandenburg (mietet fl-1495)
- Kristjanu III (miet fl-1559) u r-Reġina Dorothy ta' Sachsen-Lauenburg (mietet fl-1571)
- Federiku II (miet fl-1588) u r-Reġina Sofija ta' Mecklenburg-Schwerin (mietet fl-1631)
Kappella ta' Federiku V
immodifika- Kristjanu VI (miet fl-1746) u r-Reġina Sofija Magdalena ta' Brandenburg-Kulmbach (mietet fl-1770)
- Frederick V (miet fl-1766) u l-Irġejjen Luiża tal-Gran Brittanja (mietet fl-1751) u Juliana Maria ta' Brunswick-Wolfenbüttel (mietet fl-1796)
- Kristjanu VII (miet fl-1808)
- Federiku VI (miet fl-1839) u r-Reġina Marie ta' Hesse-Kassel (mietet fl-1852)
- Kristjanu VIII (miet fl-1848) u r-Reġina Caroline Amalie ta' Schleswig-Holstein (mietet fl-1881)
- Federiku VII (miet fl-1863)
Kappella ta' Kristjanu IV
immodifika- Kristjanu, il-Prinċep ErediPrince Elect (d. 1647)
- Christian IV (d. 1648) and Queen Anne Catherine of Brandenburg (d. 1612)
- Frederick III (d. 1670) and Queen Sophie Amalie of Brunswick-Calenberg (d. 1685)
Kappella ta' Kristjanu IX
immodifika- Kristjanu IX (1906) u r-Reġina Luiża ta' Hesse-Kassel (1898)
- Federiku VIII (1912) u r-Reġina Luiża tal-Iżvezja u tan-Norveġja (1926)
- Kristjanu X (1947) u r-Reġina Alessandrina ta' Mecklenburg-Schwerin (1952)
Qabar ta' Federiku IX
immodifika- Federiku IX (miet fl-1972) u r-Reġina Ingrid tal-Iżvezja (mietet fis-sena 2000)
Qabar ta' Maria Feodorovna
immodifika- Maria Feodorovna (mietet fl-1928), prinċipessa Daniża u Imperatriċi tar-Russja li kienet miżżewġa lill-Ksar Alessandru III indifnet hawnhekk minn mewtha fl-1928 sad-dfin tagħha fir-Russja permezz ta' għadd ta' ċerimonji, bejn it-23 u t-28 ta' Settembru 2006. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-fdalijiet tagħha jinsabu maġenb dawk tar-raġel tagħha.[42]
Kor tas-subien
immodifikaMill-1987, il-katidral ilu jospita wieħed mill-korijiet ewlenin tas-subien fid-Danimarka, il-Kor tas-Subien tal-Katidral ta' Roskilde. Il-kor huwa riżorsa ewlenija fix-xogħol taż-żgħażagħ tal-parroċċa. Il-koristi kollha jmorru l-iskola normali iżda jiltaqgħu darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa biex jipprattikaw. Kull sentejn, il-kor isiefer barra mill-pajjiż lejn destinazzjonijiet differenti, fosthom New Zealand, l-Iskandinavja, l-Ingilterra, Greenland, Franza u l-Kanada.
Orgni
immodifikaFl-1554 nbena orgni ġdid minn Herman Raphaelis (magħruf ukoll bħala Hermann Rodensteen). Dan ingħata b'donazzjoni lill-katidral għas-servizzi tiegħu. Ġie mmodernizzat u mkabbar fl-1611, fl-1654, fis-snin 90 tas-seklu 17, fl-1833, fl-1926 u fis-snin 50 tas-seklu 20. Matul is-snin 80 tas-seklu 20, spikkaw problemi tekniċi u ta' intonazzjoni. Wara investigazzjoni bir-reqqa — u minħabba l-preżenza fl-istrument ta' kwantità konsiderevoli ta' pajpijiet tas-sekli 16 u 17— ittieħdet id-deċiżjoni li jinħoloq mill-ġdid orgni Daniż klassiku tas-seklu 17. Dan ix-xogħol twettaq minn Marcussen & Søn u tlesta fl-1991.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Katidral ta' Roskilde ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Roskilde Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-07.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 10.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 13.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 12.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 15.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 16-18.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 19-21.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 21.
- ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 30.
- ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. pp. 30-31.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 28.
- ^ Højlund, Ole (2010). Under stilladser og presenninger: Roskilde Domkirke 2005-2010. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-16-2. p. 50.
- ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 82.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 110.
- ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 124.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 38-39.
- ^ "E-Pages". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
- ^ "E-Pages. p. 2". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
- ^ "Margrethe 2.s gravmæle". roskildedomkirke.dk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-07. Miġbur 2023-02-07.
- ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. p. 13.
- ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. p. 17.
- ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. p. 42.
- ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 34.
- ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. pp. 47-48.
- ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. pp. 228-229.
- ^ "Roskilde cathedral". www.astoft2.co.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-07. Miġbur 2023-02-07.
- ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 36.
- ^ Højlund, Ole (2010). Under stilladser og presenninger: Roskilde Domkirke 2005-2010. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-16-2. p. 90.
- ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 128.
- ^ Cederstrøm, Elisabeth (1988). Kong Christian stod ved højen Mast in Danmarks Christian: Chr. IV i eftertiden. Aarhus Kunstmuseums forlag. ISBN 978-87-88575-36-1. p. 23.
- ^ Cederstrøm, Elisabeth (1988). Kong Christian stod ved højen Mast in Danmarks Christian: Chr. IV i eftertiden. Aarhus Kunstmuseums forlag. ISBN 978-87-88575-36-1. p. 24.
- ^ a b Cederstrøm, Elisabeth (1988). Kong Christian stod ved højen Mast in Danmarks Christian: Chr. IV i eftertiden. Aarhus Kunstmuseums forlag. ISBN 978-87-88575-36-1. p. 28.
- ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 49.
- ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. pp. 49-50.
- ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 145.
- ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 17, 210.
- ^ "Nyt kongeligt gravsted (bid-Daniż)". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
- ^ "Bisættes i Roskilde Domkirke (bid-Daniż)". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
- ^ "Voksende modstand mod det nye gravkammer (bid-Daniż)". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
- ^ Fang, Lotte (2001). By og bibliotek. Roskilde Library. p. 47.
- ^ "Roskilde Domkirkes historie - Roskilde Domkirke". web.archive.org. 2011-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-09-27. Miġbur 2023-02-07.
- ^ "Kejserinde Dagmars genbegravelse". www.kongper.dk. Miġbur 2023-02-06.