Ħaġar ta' Jelling
Il-Ħaġar ta' Jelling (bid-Daniż: Jellingstenene) huma ħaġar kbir imnaqqax fis-seklu 10, li jinsabu fir-raħal ta' Jelling fid-Danimarka. L-eqdem waħda miż-żewġ ħaġriet ta' Jelling twaqqfet mir-Re Gorm ix-Xiħ bħala mafkar għal martu Thyra. L-ikbar waħda miż-żewġ ħaġriet twaqqfet minn iben ir-Re Gorm, Harald Bluetooth, bħala mafkar għall-ġenituri tiegħu, u sabiex jiċċelebra l-ħakma tiegħu tad-Danimarka u tan-Norveġja, kif ukoll il-konverżjoni tiegħu u tad-Daniżi għall-Kristjaneżmu. L-iskrizzjonijiet runiċi fuq il-Ħaġar ta' Jelling huma l-iktar magħrufa fid-Danimarka.[1] Fl-1994, il-ħaġar flimkien mat-tumbati funebri tal-art u l-knisja ż-żgħira fil-qrib, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala eżempju uniku tal-kultura Nordika pagana u Kristjana.[2]
Importanza
immodifikaIl-ħaġar huwa identifikat b'mod qawwi mal-ħolqien tad-Danimarka bħala nazzjon. Iż-żewġ iskrizzjonijiet isemmu l-isem "Danimarka" (bl-akkużattiv "tanmaurk" ([danmɒrk]) fuq il-ħaġra l-kbira, u bil-ġenittiv "tanmarkar" ([danmarkaɽ]) fuq il-ħaġra ż-żgħira).[3]
Il-ħaġra l-kbira ssemmi b'mod espliċitu l-konverżjoni tad-Danimarka mill-paganiżmu Norveġiż u l-proċess ta' Kristjanizzazzjoni, flimkien ma' xbieha ta' Kristu msallab; għaldaqstant, b'mod popolari hija mlaqqma bħala ċ-"ċertifikat tal-magħmudija tad-Danimarka" (bid-Daniż: Danmarks dåbsattest), espressjoni maħluqa mill-istoriku tal-arti Rudolf Broby-Johansen fis-snin 30 tas-seklu 20.[4]
Storja reċenti
immodifikaWara li l-ħaġriet ilhom espost għall-elementi għal eluf ta' snin, bdew jitfaċċaw xi xquq. Fil-15 ta' Novembru 2008, esperti mill-UNESCO eżaminaw il-ħaġriet biex jiddeterminaw il-kundizzjoni tagħhom. L-esperti talbu li l-ħaġriet jiġu mċaqilqa f'sala interna tal-wirjiet jew tiġi protetta b'xi mod ieħor fil-post, sabiex ma ssirx iktar ħsara lill-ħaġriet minħabba t-temp.[5]
Fi Frar 2011, is-sit ġie vvandalizzat bi sprej taż-żebgħa ħadra, bil-kelma "GELWANE" li ġiet miktuba fuq iż-żewġ naħat tal-ġebla l-kbira, u bi graffiti identiċi sprejjati fuq lapida ta' qabar fil-qrib u fuq il-bieb tal-knisja ż-żgħira.[6] Wara ħafna spekulazzjoni dwar it-tifsira possibbli tal-kelma enigmatika "gelwane"[7], ġie skopert li l-vandalu kien tifel ta' 15-il sena bis-sindromu ta' Asperger u l-kelma ma kellha l-ebda tifsira.[8][9] Peress li ż-żebgħa ma kinitx laħqet ibbieset, l-esperti rnexxielhom ineħħuha.[10]
L-Aġenzija tal-Ħarsien tal-Wirt tad-Danimarka ddeċidiet li żżomm il-ħaġriet fil-post attwali tagħhom u għażlet disinn ta' vetrini protettivi minn 157 proġett li ntbagħtu f'kompetizzjoni. Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni kienu Nobel Architects.[11] Il-vetrini tal-ħġieġ joħolqu sistema klimatika li żżomm il-ħaġriet f'temperatura u f'umdità fissi u tipproteġihom mill-erożjoni minħabba l-elementi. Id-disinn huwa kkaratterizzat minn vetrini rettangolari tal-ħġieġ imsaħħa permezz ta' żewġ naħat tal-bronż mastizz immuntati fuq qafas ta' sostenn tal-azzar. Il-ħġieġ huwa miksi b'materjal li ma jirriflettix li jagħti sfumatura fl-aħdar lill-ħġieġ. Barra minn hekk, l-uċuħ tal-bronż jagħtu lewn ħadrani msaddad, li jenfasizza t-tonalitajiet griżi u ħamranija tal-ħaġar runiku kif ukoll in-natura u l-importanza monumentali tagħhom.[12]
Ħaġra runika ta' Harald Bluetooth
immodifikaL-iskrizzjoni fuq l-ikbar ħaġra runika ta' Jelling (Jelling II, Rundata DR 42) tgħid:
Ir-Re Harald ordna li jsir dan il-monument bħala mafkar ta' missieru Gorm u bħala mafkar ta' ommu Thyrvé; dak l-istess Harald li rebaħ għalih innifsu d-Danimarka u n-Norveġja kollha u kkonverta lid-Daniżi għall-Kristjaneżmu.
Bin-Norveġiż Antik standard l-iskrizzjoni tgħid:
Haraldr konungr bað gǫrva kumbl þausi aft Gorm faður sinn auk aft Þórví móður sína. Sá Haraldr es sér vann Danmǫrk alla auk Norveg auk dani gærði kristna.[13]
Traskrizzjoni | Trażlitterazzjoni[14] | |
(naħa A) | ᚼᛅᚱᛅᛚᛏᚱ ᛬ ᚴᚢᚾᚢᚴᛦ ᛬ ᛒᛅᚦ ᛬ ᚴᛅᚢᚱᚢᛅ
ᚴᚢᛒᛚ ᛬ ᚦᛅᚢᛋᛁ ᛬ ᛅᚠᛏ ᛬ ᚴᚢᚱᛘ ᚠᛅᚦᚢᚱ ᛋᛁᚾ ᛅᚢᚴ ᛅᚠᛏ ᛬ ᚦᚭᚢᚱᚢᛁ ᛬ ᛘᚢᚦᚢᚱ ᛬ ᛋᛁᚾᛅ ᛬ ᛋᛅ ᚼᛅᚱᛅᛚᛏᚱ (᛬) ᛁᛅᛋ ᛬ ᛋᚭᛦ ᛫ ᚢᛅᚾ ᛫ ᛏᛅᚾᛘᛅᚢᚱᚴ |
haraltr : kunukʀ : baþ : kaurua
kubl : þausi : aft : kurm faþur sin auk aft : þąurui : muþur : sina : sa haraltr (:) ias : sąʀ * uan * tanmaurk |
(naħa B) | ᛅᛚᛅ ᛫ ᛅᚢᚴ ᛫ ᚾᚢᚱᚢᛁᛅᚴ | ala * auk * nuruiak |
(naħa Ċ) | ᛫ ᛅᚢᚴ ᛫ ᛏ(ᛅ)ᚾᛁ (᛫ ᚴᛅᚱᚦᛁ ᛫) ᚴᚱᛁᛋᛏᚾᚭ | * auk * t(a)ni (* karþi *) kristną |
Il-ħaġra għandha figura ta' Kristu msallab fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra għandha figura ta' serp imgeżwer ma' ljun. Kristu jidher imsallab u mgeżwer f'qishom friegħi. Id-dehra ta' Kristu b'dan il-mod spiss tqieset li tindika l-paralleliżmu mat-tgħalliq tal-alla pagan Norveġiż Odin, li f'Rúnatal jingħad li ġie mgħallaq ma' siġra u mniffed minn lanza.[15]
Kopji moderni tal-ħaġra runika ta' Harald Bluetooth
immodifikaFl-1936 kopja oħra ta' din il-ħaġra tqiegħdet fil-Pjazza tal-Katidral (bl-Olandiż: Domplein) f'Utrecht, ħdejn il-Katidral ta' Utrecht, fl-okkażjoni tat-300 anniversarju tal-Università ta' Utrecht.
Fl-1955, saret verżjoni bil-ġibs ta' din il-ħaġra għal festival f'Londra. Issa tinsab fl-artijiet tal-Knisja Daniża f'4 St. Katherines Precinct, Regents Park, Londra. Il-kopja hija miżbugħa b'kuluri jgħajtu, kif x'aktarx kienet xi darba l-ħaġra oriġinali. Il-biċċa l-kbira taż-żebgħa oriġinali tqaxxret mill-ħaġra oriġinali, iżda fadal biżżejjed irqajja' biż-żebgħa biex seta' jiġi ddeterminat x'kienu l-kuluri fl-antik. Hemm kopja oħra tal-ħaġra fil-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka, u kopja oħra, iddekorata minn Rudolf Broby-Johansen fis-snin 30 tas-seklu 20, eżatt barra l-Mużew ta' Jelling, qrib it-tumbati funebri ta' Jelling.[16]
Teżisti kopja f'Rouen, in-Normandija, Franza, ħdejn l-Abbazija ta' Saint-Ouen, li ġiet offruta mid-Danimarka lill-belt ta' Rouen, fl-okkażjoni tal-millenju tan-Normandija fl-1911.
Kopja tal-figura ta' Kristu ta' fuq il-ħaġra runika ta' Harald tidher fin-naħa ta' ġewwa tal-qoxra tal-passaport Daniż.[17]
Ħaġra runika ta' Gorm
immodifikaL-iskrizzjoni tal-eqdem u tal-iżgħar ħaġra runika mill-Ħaġar ta' Jelling (Jelling I, Rundata DR 41) tgħid li r-"Re Gorm għamel dan il-monument bħala mafkar għal martu Thyrvé, bħala ornament tad-Danimarka".
Traskrizzjoni | Trażlitterazzjoni | |
(naħa A) | ᛬ ᚴᚢᚱᛘᛦ ᛬ ᚴᚢᚾᚢᚴᛦ ᛬
᛬ ᚴ(ᛅᚱ)ᚦᛁ ᛬ ᚴᚢᛒᛚ ᛬ ᚦᚢᛋᛁ ᛬ ᛬ ᛅ(ᚠᛏ) ᛬ ᚦᚢᚱᚢᛁ ᛬ ᚴᚢᚾᚢ |
: kurmʀ : kunukʀ :
: k(ar)þi : kubl : þusi : : a(ft) : þurui : kunu |
(naħa B) | ᛬ ᛋᛁᚾᛅ ᛬ ᛏᛅᚾᛘᛅᚱᚴᛅᛦ ᛬ ᛒᚢᛏ ᛬ | : sina : tanmarkaʀ : but : |
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIt-tumbati funebri tal-art, il-ħaġar runiku u l-knisja ta' Jelling ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 u fl-2018 saret modifika minuri fil-konfini tas-sit.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' wieħed mill-kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Referenzi
immodifika- ^ "Jelling stones | Danish gravestones". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-04.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Jelling Mounds, Runic Stones and Church". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-04.
- ^ Thunberg, Carl L. (2012). Att tolka Svitjod. Göteborgs universitet. CLTS. p. 51. ISBN 978-91-981859-4-2.
- ^ Samfund for Sydøstjylland og bidragyderne (2010), p. 83. "Lokalhistorie fra Sydøstjylland" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-09-05. Miġbur 2021-09-05.
- ^ "Eksperter: Runestenene skal reddes". DR (bid-Daniż). 2008-11-16. Miġbur 2021-09-04.
- ^ "Jellingstenene hærget af graffiti". Politiken (bid-Daniż). 2011-02-12. Miġbur 2021-09-05.
- ^ "More Jelling Stones graffiti: Gelwane the Second and Web mining" (bl-Ingliż). 2011-02-18. Miġbur 2021-09-05.
- ^ "16-årig bag graffiti på Jellingesten skal i behandling". Politiken (bid-Daniż). 2012-08-13. Miġbur 2021-09-05.
- ^ Ritzau (2011-02-20). "Jellingstenen skal renses hurtigst muligt". Kristeligt Dagblad (bid-Daniż). Miġbur 2021-09-05.
- ^ Skarum, Sarah (2011-03-07). "Jellingstenen er reddet - næsten". Berlingske.dk (bid-Daniż). Miġbur 2021-09-05.
- ^ "Jelling Stones get designer cases". web.archive.org. 2010-03-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-03-15. Miġbur 2021-09-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Covering of the runic stones in Jelling, Denmark | Copperconcept.org". archive.is. 2013-04-14. Miġbur 2021-09-05.
- ^ Stefan Brink, Neil Price, The Viking World, Routledge (2008), p. 277.
- ^ Jacobsen, Lis; Moltke, Erik (1941–42). Danmarks Runeindskrifter. Copenhagen: Ejnar Munksgaards Forlag.
- ^ Kure, Henning (2007). "Hanging on the World Tree: Man and Cosmos in Old Norse Mythic Poetry". In Andrén, Anders; Jennbert, Kristina; et al. (eds.). Old Norse Religion in Long-Term Perspectives: Origins, Changes, and Interactions. Lund: Nordic Academic Press. pp. 68–73. ISBN 978-91-89116-81-8.
- ^ "EMU Jellingstenen - en del af historiekanonen". web.archive.org. 2009-11-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-11-16. Miġbur 2021-09-05.
- ^ "Council of Europe". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-07-17. Miġbur 2021-09-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)