Gamzigrad
Gamzigrad (biċ-Ċirilliku Serbjan: Гамзиград, pronunzjata [ɡǎmziɡraːd]) huwa sit arkeoloġiku, lokalità ta' spa u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-Serbja.[1] Is-sit jinsab fin-Nofsinhar tax-xmara tad-Danubju, fil-belt ta' Zaječar.[2] Is-sit fih il-kumpless Ruman antik ta' palazzi u tempji msejjaħ Felix Romuliana (bis-Serbjan: Феликс Ромулијана / Feliks Romulijana), li nbena mill-Imperatur Galerju f'Dacia Ripensis.[3][4] L-erja prinċipali tkopri 10 akri (40,000 m2).
Storja
immodifikaF'Gamzigrad hemm il-fdalijiet ta' kumpless Ruman kbir magħruf bħala Felix Romuliana, li kien wieħed mill-iżjed siti Rumani aħħarin importanti fl-Ewropa. L-esploraturi bikrin kienu jemmnu li l-fdalijiet antiki kienu ta' kamp militari Ruman, minħabba d-daqs tiegħu u l-bosta torrijiet. Skavi arkeoloġiċi sistematiċi li twettqu mill-1953 żvelaw li fil-fatt is-sit kien palazz imperjali. Ġie kkonċepit u nbena minn wieħed mit-Tetrarki, l-Imperatur Galerju, l-iben adottat u l-iben tar-rispett tal-Imperatur Djoklezjanu. Galerju beda l-kostruzzjoni fil-298 (wara rebħa kontra l-Imperu tas-Sassanidi li biha kien kiseb l-ammirazzjoni u l-glorja) sabiex ifakkar il-post fejn twieled. L-isem Felix Romuliana ngħata biex jitfakkar isem ommu, Romula, li kienet ukoll il-patri femminili ta' setta pagana. Il-kumpless ta' tempji u palazzi kellu tliet skopijiet prinċipali: post ta' qim tal-personalità divina ta' omm l-Imperatur Galerju, monument għall-kisbiet tiegħu bħala imperatur, u villa lussuża għall-imperatur. Il-kumpless ta' Felix Romuliana baqa' jeżisti sal-attakk li ġarrab mill-Unni f'nofs is-seklu 5. Iktar 'il quddiem is-sit sar insedjament umli ta' bdiewa u ta' artiġjani, u finalment ġie abbandunat fil-bidu tas-seklu 7 bil-wasla tas-Slavi.
L-istrutturi ġew evalwati għall-ewwel darba fl-1835 mill-Baruni von Herder, imprenditur tal-estrazzjoni mis-Sassonja, fil-"Bergmänische Reise in Serbie im Jahre 1835". Iktar 'il quddiem il-mineraloġista Ġermaniż August Breithaupt kiteb ukoll artiklu dwar il-kostruzzjonijiet. In-naturalist, ġeografu, etnografu u l-arkeologu Awstrijaku-Ungeriż Felix Philipp Kanitz (li kiseb rispett kbir fis-Serbja u fil-Bulgarija permezz tax-xogħlijiet tiegħu dwar is-Slavi tan-Nofsinhar) kien interessat ferm f'Gamzigrad u żar il-fdalijiet f'żewġ okkażjonijiet, fl-1860 u fl-1864, u mbagħad pinġa l-kundizzjoni tal-ħitan u tat-torrijiet f'dak iż-żmien, u t-tpinġijiet ġew inklużi fix-xogħlijiet tiegħu dwar is-Serbja, li ġew stampati fi Vjenna u f'Leipzig.
L-entużjażmu għal Gamzigrad għeb sal-aħħar tas-seklu 19. L-istorja reali tal-kumpless kienet għadha ma ġietx irriċerkata. L-interess reġa' tqanqal fis-snin 50 tas-seklu 20 matul il-perjodu tan-"Neo-Romantiċiżmu tal-arkeoloġija Serbjana". Vekoslav Popovic, id-Direttur tal-Mużew ta' Zajecar beda riċerka arkeoloġika sistematika dwar is-sit fl-1953. Il-professur akkademiku Dr. Dragoslav Srejovic kien inkarigat biex iwettaq ir-riċerka fl-1970 u hu jitqies bħala dak li ppożizzjona l-monument fl-arkeoloġija dinjija.
L-iskop reali tal-kumpless ġie żvelat fl-1984, meta fin-naħa tal-Lbiċ tiegħu nstab arċitravu bil-kitba mnaqqxa ta' FELIX ROMULIANA.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-sit ta' Gamzigrad-Romuliana, il-Palazz ta' Galerju, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Konfigurazzjoni
immodifikaMill-iskavi arkeoloġiċi fis-sit ġew żvelati l-fdalijiet ta' kumpless Ruman b'żewġ tempji, żewġ palazzi u binja b'kuritur b'mużajk fin eċċezzjonali bil-figuri tal-mitoloġija Griega ta' Dijoniżju u Medusa, kapitelli bil-figura ta' Erkole, banjijiet u daħliet impressjonanti. Diversi kemxiet ta' muniti tad-deheb Rumani ġew żvelati fis-sit, fejn għadhom jinstabu wkoll artefatti Rumani importanti oħra.
Fost is-sejbiet spettakolari nstabu l-pilastri tal-Imperaturi Djoklezjanu, Massimjanu, Galerju, Liċinju, Massiminu u Kostantinu. Fiż-żewġ mawżolej fuq l-Għolja ta' Magura ndifnu Romula u l-fundatur Galerju u ġew divinizzati.
Fost l-iktar sejbiet importanti li nstabu mis-sit hemm ir-ritratti tal-imperaturi Rumani magħmula mill-porforju u l-muniti li jgħinu biex il-kumpless jiġi datat bir-reqqa. Skultura ta' Diana, l-alla femminili tal-kaċċa, ġiet żvelata f'Lulju 2010 minn timijiet ta' arkeologi Ġermaniżi u Serbjani, u l-esperti qalu li hemm statwa nieqsa ta' żiemel u ta' rikkieb li kienet tissimbolizza r-rebħa kontra l-Barbari.[6]
Flimkien mal-kitbiet imnaqqxa bil-Latin fil-kumpless kollu nstabu wkoll diversi kitbiet imnaqqxa bil-Grieg.[7]
Il-parti tal-Majjistral tas-sit ġiet rinnovata u matul ir-renju tal-Imperatur Ġustinjanu nbnew il-bażiliki.
Parti tat-Tramuntana
immodifikaTempju tat-Tramuntana
immodifikaIt-tempju huwa tat-tip tetrastile prostilos, li huwa simili għat-tempju ta' Ġove fil-Palazz ta' Djoklezjanu fi Split, il-Kroazja, li nbena fit-305 W.K. Il-fdalijiet jinkludu pjattaforma għolja, kripta b'għamla ta' salib, taraġ u artal tas-sagrifiċċji ddedikat lill-alla femminili Libera.
L-arċitravu, il-koxox tad-daħliet, il-pjattaforma u l-pilastri kienu magħmula bil-ġebel tar-ramel aħdar, il-freġju kien magħmul bil-ġebla tal-ġir ta' lewn abjad, filwaqt li l-kapitelli kienu magħmula bl-irħam.
Palazz Nru 1
immodifikaIl-Palazz Nru 1 jikkonsisti minn binja ottagonali ewlenija, tliet peristili u kamra tal-banjijiet iżgħar. Il-vestibolu (is-sala aċċessorja) ġiet ippreservata b'vaska tal-irħam u pilastri tal-brecha u l-granit aħmar. L-art tal-vestibolu hija miksija għalkollox b'mużajk ta' labirint fiċ-ċentru u motivi ġeometriċi.
Is-sala ċentrali (x'aktarx tat-tron) hija mżejna bil-ġeometrija u b'xeni pittoreski tal-kaċċa.
It-triclinum huwa mżejjen b'madum tal-ħaġar prezzjuż ikkulurit (opus sectile) u d-daħla hija mżejna b'mużajk lussuż bix-xbiha tal-alla Grieg Djoniżju. Partijiet minn skultura ta' Galerju rrappreżentat bħala Pantocrator (il-mexxej tal-univers) instabu f'diversi binjiet, id xellugija żżomm globu tal-porporju aħmar instabet fit-triclinum, u ras instabet fix-Xlokk tal-kumpless.
Il-ħitan tal-palazz huma miksija bl-irħam, bil-porporju aħdar u bl-affreski. L-iskulturi tal-irħam tal-allat Griegi ġew magħmula skont l-arti skulturali tas-sekli 5 u 4 Q.K.
Palazz Nru 2
immodifikaIl-Palazz Nru 2 u l-binja fil-qrib b'kuritur għadhom ma ġewx irriċerkati għalkollox.
Hemm peristil rettangolari fiċ-ċentru li huwa mdawwar bi stabbilimenti ta' daqsijiet u ta' funzjonijiet differenti.
Preservazzjoni u turiżmu
immodifikaMatul il-31 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO fi Christchurch, New Zealand, mit-23 ta' Ġunju tat-2 ta' Lulju 2007, ġie deċiż li s-sit ta' Gamzigrad-Romuliana, il-Palazz ta' Galerju jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Felix Romuliana hija waqfa turistika popolari fil-perkors tal-Imperaturi Rumani li tikkollega l-post tat-twelid ta' iktar minn 17-il Imperatur Ruman imwielda fit-territorju tas-Serbja moderna.
Spa
immodifikaFil-qrib hemm spa modern, Gamzigradska Banja, li għandu wkoll "sptar speċjali tar-riabilitazzjoni".[8]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Gamzigrad-Romuliana, Palace of Galerius". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-23.
- ^ "Споменици културе у Србији". spomenicikulture.mi.sanu.ac.rs. Miġbur 2023-03-23.
- ^ "Il-Mużew ta' Zaječar". web.archive.org. 2013-06-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-12. Miġbur 2023-03-23.
- ^ "Is-Sit Arkeoloġiku ta' Gamzigrad" (PDF).
- ^ Lavan, Luke A.; Bowden, William (2003). Theory and Practice in Late Antique Archaeology (bl-Ingliż). BRILL. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "Blic Online | Archeologists found sculpture of Diana, Goddess of hunt". web.archive.org. 2010-07-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-07-24. Miġbur 2023-03-23.
- ^ "Epigraphical Database". web.archive.org. 2015-05-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-05-09. Miġbur 2023-03-23.
- ^ "VisitSerbia.org - Gamzigrad Spa". web.archive.org. 2017-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-09-27. Miġbur 2023-03-23.