Palazz ta’ Djoklezjanu

palazz antik li nbena għall-Imperatur Ruman Djoklezjanu fi Split, il-Kroazja

Il-Palazz ta’ Djoklezjanu (bil-Kroat: Dioklecijanova palača, ippronunzjat [diɔklɛt͡sijǎːnɔʋa pǎlat͡ʃa]) huwa palazz antik li kien inbena għall-Imperatur Ruman Djoklezjanu fil-bidu tar-raba’ seklu W.K., li llum jirrappreżenta madwar nofs iċ-ċentru storiku ta’ Split, il-Kroazja. Filwaqt li huwa msemmi bħala “palazz” minħabba l-użu maħsub tiegħu bħala r-residenza għall-irtirar ta’ Djoklezjanu, it-terminu jista' jqarraq b’dak li jkun peress li l-istruttura hija tassew enormi u tixbaħ iktar xi fortizza kbira. Madwar nofs il-palazz kien allokat għall-użu personali ta’ Djoklezjanu, filwaqt li l-bqija kienet tintuża għall-gwarniġjon militari.

Il-Peristilju tal-Palazz ta’ Djoklezjanu

Il-kumpless inbena fuq peniżola sitt kilometri fil-Lbiċ minn Salona, il-kapitali tad-Dalmazja (provinċja Rumana), waħda mill-ikbar bliet tal-Imperu Ruman b’60,000 ruħ u art twelid Djoklezjanu. L-art madwar Salona jxaqleb kemxejn lejn il-baħar u hija art karstika, b’kontenut tal-ġebla tal-ġir tipika mil-Lvant għall-Punent bi xquq tal-marl. Illum il-ġurnata, il-fdalijiet tal-palazz huma parti mill-qalba storika ta’ Split, li fl-1979 tniżżlet fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

 
Rikostruzzjoni tal-Palazz ta’ Djoklezjanu fid-dehra oriġinali tiegħu meta tlesta fit-305 W.K. (veduta mil-Lbiċ)

Djoklezjanu kien ordna l-kostruzzjoni tal-istabbiliment iffortifikat sew qrib il-belt ta’ Spalatum fejn twieled bi tħejjija għall-irtirar tiegħu fl-1 ta’ Mejju tas-sena 305 W.K.[2] Is-sit magħżul kien ħdejn Salona, iċ-ċentru amministrattiv provinċjali tad-Dalmazja, fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta’ peniżola qasira. Abbażi tat-tagħrif ta’ mappa Rumana (permezz tal-parċmina Medjevali Tabula Peutingeriana), diġà kien hemm insedjament imsejjaħ Spalatum f’dik il-bajja, iżda l-fdalijiet u d-daqs tiegħu għadhom ma nstabux u ma ġewx stabbiliti.

Id-data tal-bidu tal-kostruzzjoni tal-Palazz ta’ Djoklezjanu għadu ma ġiex stabbilit bi preċiżjoni. Huwa preżunt li l-kostruzzjoni nbdiet madwar is-sena 295, wara l-introduzzjoni tat-Tetrarkija. Iżda għaxar snin wara dik id-deċiżjoni, meta Djoklezjanu abdika fis-sena 305, il-palazz jidher li kien għadu ma tlestix, u hemm indikazzjonijiet li xi xogħlijiet kienu għadhom qed iseħħu waqt li l-imperatur kien qed jirresjedi fil-Palazz. Mhux magħruf skont liema ideat arkitettoniċi nbena l-palazz u min kienu l-bennejja tiegħu. Il-kumpless ġie mmudellat fuq il-fortizzi Rumani tat-tielet seklu. Wieħed jista’ jara xi eżempji tagħhom jistgħu tul il-Limes (il-fruntiera ffortifikata Rumana tul il-Ġermanja), bħall-forti bil-pont ta’ Divitia tul ix-xmara Rhein minn Köln.[3]

Madankollu, l-ismijiet Griegi mnaqqxa ta’ Zotikos u Filotas, kif ukoll ta’ bosta persuni Griegi, jindikaw li għadd ta’ bennejja kienu oriġinarjament mill-parti tal-Lvant tal-imperu, jiġifieri Djoklezjanu x’aktarx li kien ġab miegħu bennejja mil-Lvant. Minkejja dan, huwa probabbli ħafna li parti kbira tal-forza tax-xogħol kienet ta’ oriġini lokali. Il-materjali bażiċi ġew minn barriera fil-qrib. Il-ġebla tal-ġir bajda ġiet minn Brač u wħud minn Seget ħdejn Trogir; it-tufa ġie estratt minn qigħan tax-xmajjar fil-qrib u l-brikks kienu jsiru fi Spalatum u f’impjanti oħra fil-qrib.

F’Carnuntum, in-nies talbu lil Djoklezjanu biex jirritorna fuq it-tron sabiex isolvi l-kunflitti li kienu feġġew minħabba t-tlugħ fil-poter ta’ Kostantinu u l-użurpazzjoni ta’ Massenzju.[4] Huwa magħruf li Djoklezjanu wieġeb: “Li kieku tistgħu turu l-kaboċċa li żrajt b’idejja stess lill-imperatur tagħkom, bla dubju li kieku ma jazzardax jissuġġerixxi li nissostitwixxi l-paċi u l-hena ta’ dan il-post bit-tempesti li jinqalgħu mir-rgħiba li qatt ma tista’ tiġi ssodisfata”.[5]

Din kienet referenza għall-imperatur Djoklezjanu li rtira fil-palazz tiegħu biex ikabbar il-kaboċċi.

 
Kif kien il-Palazz ta’ Djoklezjanu meta nbena

Djoklezjanu għex għal erba’ snin oħra, u qatta’ l-ġranet tiegħu fil-ġonna tal-palazz tiegħu. Huwa ra s-sistema tetrarkika tiegħu tfalli u tisfaxxa minħabba l-ambizzjonijiet egoisti tas-suċċessuri tiegħu. Huwa sema’ bit-tielet darba li Massimjan kiseb it-tron tal-poter, is-suwiċidju sfurzat tiegħu, u d-damnatio memoriae tiegħu. Fil-palazz tiegħu, l-istatwi u r-ritratti ta’ sieħbu l-eks imperatur twaqqgħu u nqerdu. Mifni bid-disprament u bil-mard, Djoklezjanu jaf ikkommetta suwiċidju wkoll. Huwa miet fit-3 ta’ Diċembru 312.[6][7]

Wara mewt Djoklezjanu, il-palazz baqa’ fil-pussess imperjali tar-Rumani, u ta kenn lill-membri mkeċċija tal-familja tal-Imperatur. Fis-sena 480, l-Imperatur Julius Nepos ġie maqtul minn wieħed mis-suldati tiegħu stess, allegatament maqtul b’daqqiet ta’ sikkina fil-villa tiegħu ħdejn Salona.[8] Peress li l-Palazz ta’ Djoklezjanu kien fiż-żona, jaf kien l-istess bini.

Meta Salona ġiet meqruda kważi għalkollox fl-invażjonijiet tal-Avari u tas-Slavi fis-seklu 7, għalkemm is-sena eżatta tal-qerda għadha dibattitu miftuħ bejn l-arkeoloġi. Parti mill-popolazzjoni mkeċċija, li sfaw refuġjati, sabu kenn ġewwa l-ħitan b’saħħithom tal-palazz u bihom bdiet ħajja ġdida organizzata fil-belt.[9] Minn dak iż-żmien, il-palazz baqa’ jintuża kontinwament, u r-residenti għamlu d-djar u n-negozji tagħhom taħt il-palazz u direttament fil-ħitan tiegħu.[10] Il-Knisja ta’ San Martin hija eżempju ta’ din ix-xejra. Illum bosta ristoranti u ħwienet, u xi djar għadhom jistgħu jinstabu fil-ħitan.

Fil-perjodu tal-komun Medjevali ħieles, bejn is-sekli 12 u 14, kien hemm żvilupp arkitettoniku ikbar, meta bosta djar Medjevali melew mhux biss il-binjiet Rumani iżda wkoll parti kbira mill-ispazji vojt tat-toroq u tal-baċiri tal-port. F’dan il-perjodu wkoll, tlestiet il-kostruzzjoni tat-torri tal-kampnar Rumanesk tal-Katidral ta’ San Domnius, li jinsab fil-binja li oriġinarjament kienet inbniet bħala t-Tempju ta’ Ġove u mbagħad intużat bħala l-Mawżolew ta’ Djoklezjanu.[11]

Wara l-Medjuevu, il-palazz kien prattikament intesa’ mill-bqija tal-Ewropa, sakemm l-arkitett Skoċċiż Robert Adam wettaq stħarriġ tal-fdalijiet. Imbagħad, bl-għajnuna tal-artist u tal-antikwarju Franċiż Charles-Louis Clérisseau u diversi disinjaturi tekniċi, Adam ippubblika Ruins of the Palace of the Emperor Diocletian at Spalatro in Dalmatia (Londra, 1764).[12]

Il-Palazz ta’ Djoklezjanu kien ispirazzjoni għall-istil ġdid ta’ Adam ta’ arkitettura Neo-Klassika[13] u l-pubblikazzjoni ta’ tpinġijiet bil-kejl wasslet biex jissemma fil-vokabularju tad-disinn tal-arkitettura Ewropea għall-ewwel darba. Ftit għexieren ta’ snin wara, fl-1782, il-pittur Franċiż Louis-François Cassas għamel tpinġijiet tal-palazz, ippubblikati minn Joseph Lavallée fl-1802 fil-kroniki tal-vjaġġi tiegħu.[14]

Illum il-ġurnata, il-palazz huwa ppreservat sew flimkien mal-iktar binjiet storiċi importanti, fiċ-ċentru tal-belt ta’ Split, it-tieni l-ikbar belt tal-Kroazja moderna. Il-Palazz ta’ Djoklezjanu jmur lil hinn mill-importanza lokali biss minħabba l-livell ta’ preservazzjoni tiegħu. Il-palazz huwa wieħed mill-iktar binjiet karatteristiċi arkitettoniċi u kulturali famużi u kompluti tul il-kosta Kroata tal-Adrijatiku. Il-palazz huwa rinomat fil-Mediterran, fl-Ewropa u fid-dinja kollha għaliex jirrappreżenta l-iktar fdalijiet kompluti ta’ palazz Ruman fid-dinja.

Wirt kulturali

immodifika
 
Veduta tal-Peristilju fl-1764, inċiżjoni ta’ Robert Adam. Il-Peristilju huwa l-pjazza ċentrali tal-palazz, fejn tinsab id-daħla ewlenija għall-kwartieri ta’ Djoklezjanu.

F’Novembru 1979 l-UNESCO, f’konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Wirt Kulturali u Naturali, adottat proposta li l-belt storika ta’ Split mibnija madwar il-Palazz ta’ Djoklezjanu għandha tkun inkluża fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][15]

F’Novembru 2006, il-Kunsill tal-Belt iddeċieda li joħroġ permessi għal 20 binja ġdida fi ħdan il-palazz (inkluż kumpless tal-ħwienet u garaxx taħt l-art), minkejja li l-palazz kien ġie ddikjarat bħala Sit ta’ Wirt Dinji. Jingħad li din id-deċiżjoni kienet motivata politikament u ttieħdet l-iktar minħabba l-pressjoni mill-iżviluppaturi lokali tal-proprjetà. Ladarba l-pubbliku sar jaf bil-proġett fl-2007, tħejjiet petizzjoni kontra d-deċiżjoni u l-proġett qatt ma twettaqhuma għamlu petizzjoni kontra d-deċiżjoni u rebħu. Ma nbnew l-ebda bini ġdid, ċentru tax-xiri jew il-garaxx taħt l-art.

Il-Fondi Dinji għall-Monumenti ilu jaħdem fuq proġett ta’ konservazzjoni fil-palazz, li jinkludi stħarriġ tal-integrità strutturali u t-tindif u t-restawr tal-ġebla u tax-xogħol bil-ġibs.

Il-palazz jidher fuq in-naħa ta’ wara tal-karta tal-flus Kroata ta’ 500 kuna, maħruġa fl-1993.[16][17]

Arkitettura

immodifika
 
Pjanta tal-Palazz ta’ Djoklezjanu

Il-pjanta tal-palazz għandha għamla rettangolari irregolari twila 214.97 metru fil-Lvant, 174.74 metru fit-Tramuntana, 181.65 metru fin-Nofsinhar (b’aġġustament minħabba l-art), u b’sittax-il torri mill-faċċati tal-Punent, tat-Tramuntana u tal-Lvant li jħarsu lejn l-art kontinentali u erba’ torrijiet fil-kantunieri tal-pjazza ċentrali. Il-pjanta tal-palazz tixbaħ lil dik tal-fortijiet leġjonarji Rumani simili għal dawk tad-Danubju.[18]

Tnejn mis-sitt torrijiet ottagonali tal-palazz kienu kkonfinati bi tliet daħliet. Tliet torrijiet tal-kantunieri baqgħu ppreservati sa żminijietna, ħlief dak tal-Lbiċ, filwaqt li kulma fadal mit-torrijiet ottagonali u rettangolari l-oħra huwa fdalijiet biss. Tliet daħliet ippreservati tajjeb ġew frammentati arkitettonikament, speċjalment id-daħla tat-Tramuntana li kienet tagħti l-aċċess ewlieni minn Salona. In-Id-daħla tan-Nofsinhar qrib il-baħar hija żgħira, sempliċi u ppreservata tajjeb. Il-ħitan tal-faċċata tal-palazz huma kbar u l-partijiet t’isfel tagħhom huma b’saħħithom sew, mingħajr fetħiet, filwaqt li fil-parti ta’ fuq huma esposti b’arkati kbar fil-faċċati tal-Punent, tat-Tramuntana u tal-Lvant. Porzjonijiet taħt l-art tal-palazz fihom xogħol tal-ġebel b’volta f’għamla ta’ bittija.

Ħitan ta’ barra

immodifika

Il-faċċata tan-Nofsinhar biss, qrib ħafna tal-baħar, ma kinitx iffortifikata. Il-kompożizzjoni arkitettonika elaborata tal-gallerija bl-arkati fis-sular ta’ fuq tagħha hija differenti mit-tliet faċċati tax-xatt. Bieb monumentali f’nofs kull wieħed minn dawn il-ħitan kien jagħti għal bitħa interna. Il-Bieb tan-Nofsinhar (Porta Meridionalis), qrib il-baħar, kellu għamla u dimensjonijiet iktar sempliċi mit-tliet daħliet l-oħra, u x’aktarx li oriġinarjament kien maħsub bħala l-aċċess privat tal-imperatur għall-baħar jew bħala daħla tas-servizz għall-provvisti.

Il-Bieb tat-Tramuntana

immodifika
 
Rikostruzzjoni tal-Porta Septemtrionalis

Il-Bieb tat-Tramuntana (Porta septemtrionalis), magħruf ukoll bħala l-Bieb tad-Deheb (Porta Aurea), huwa wieħed mill-erba’ bibien Rumani prinċipali tal-Palazz ta’ Djoklezjanu. Oriġinarjament kien il-bieb prinċipali li minnu l-Imperatur kien jidħol fil-kumpless, u t-triq minnu lejn it-Tramuntana kienet twassal lejn Salona, il-kapitali tal-provinċja Rumana tad-Dalmazja u l-post fejn twieled Djoklezjanu. X’aktarx huwa l-bieb li daħal minnu l-Imperatur wara l-abdikazzjoni tiegħu mit-tron imperjali fl-1 ta’ Mejju 305.[19] Illum il-ġurnata hemm il-Knisja ta’ San Martin tas-7 seklu ’l fuq mill-bieb, li hija miftuħa għall-pubbliku.

Il-Bieb tal-Lvant

immodifika
 
Il-Bieb tal-Lvant

Il-Bieb tal-Lvant (Porta Orientalis), magħruf ukoll bħala l-Bieb tal-Fidda (Porta Argentea), huwa wieħed mill-erba’ bibien Rumani ewlenin tal-palazz. Oriġinarjament, il-bieb kien bieb sekondarju, li jħares lejn il-Lvant lejn il-belt Rumana ta’ Epetia, li llum il-ġurnata hija msejħa Stobreč.[20] Probabbilment għall-ħabta tas-seklu 6, ’il fuq mill-bieb fil-kuritur tas-suldati tal-għassa, inbniet knisja żgħira ddedikata lil Sant’Apollinare.[21] Dan inzerta fl-istess żmien meta l-kumpless kellu influss ta’ refuġjati minn komunitajiet periferiċi, u knejjes simili kienu nbnew fuq it-tliet bibien l-oħra tal-palazz. L-istruttura ta’ din il-parti tal-ħitan u l-bieb innifsu ġew inkorporati iktar tard f’diversi binjiet fis-sekli ta’ wara, bħall-Knisja ta’ Dušica, li nqerdet fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Bieb tal-Punent

immodifika
 
Rikostruzzjoni tal-Porta Occidentalis

Il-Bieb tal-Punent (Porta Occidentalis), magħruf ukoll bħala l-Bieb tal-Ħadid (Porta Ferrea), huwa wieħed mill-erba’ bibien Rumani ewlenin tal-palazz. Oriġinarjament, il-bieb kien bien militari, li minnu t-truppi setgħu jidħlu fil-kumpless. Dan il-bieb huwa l-uniku wieħed li baqa’ jintuża kontinwament sa żminijietna. Matul il-persegwitazzjonijiet taħt Teodosju I, skultura ta’ Nika, l-alla Rumana tal-vitorja (li kienet fuq il-ħaġra ċentrali ta’ fuq il-bieb), tneħħiet mill-bieb iktar tard fis-seklu 5. Il-Kristjani naqqxu salib minflokha.[22][23] Fis-seklu 6, ’il fuq mill-bieb, inbniet knisja żgħira ddedikata lil Santa Teodora. Dan inzerta fl-istess żmien meta l-kumpless kellu influss ta’ refuġjati minn komunitajiet periferiċi, u knejjes simili kienu nbnew fuq it-tliet bibien l-oħra tal-palazz.

Il-Bieb tan-Nofsinhar

immodifika
 
Parti mill-ħajt tan-Nofsinhar fis-seklu 21

Il-Bieb tan-Nofsinhar (Porta Meridionalis), magħruf ukoll bħala l-Bieb tal-Bronż, huwa l-iżgħar mill-erba’ bibien Rumani prinċipali tal-palazz. Oriġinarjament, kien bieb mal-baħar li minnu l-Imperatur kien jidħol fil-kumpless bid-dgħajsa, mill-kmamar tas-sular t’isfel tal-palazz imperjali.

Tqassim intern

immodifika

Id-disinn oriġina mid-disinni tal-villa Rumana u l-castrum, u dan huwa joħroġ fid-dieher fl-arranġament tal-ispazji fuq ġewwa. It-triq trasversali (decumanus) li tgħaqqad il-Bieb tal-Lvant mal-Bieb tal-Punent kienet taqsam il-kumpless f’żewġ partijiet.

Parti tan-Nofsinhar

immodifika

Fil-parti tan-Nofsinhar kien hemm strutturi iktar lussużi mill-parti tat-Tramuntana; dawn kienu jinkludu kemm binjiet pubbliċi, privati u reliġjużi, kif ukoll l-appartamenti tal-Imperatur.

Appartamenti tal-Imperatur

immodifika
 
Rikostruzzjoni tal-1912 tal-faċċata fuq in-naħa tal-baħar ta’ E. Hébrard u J. Zeiller

L-appartamenti tal-Imperatur kienu jiffurmaw blokka waħda tul ix-xatt ta’ mal-baħar, bi pjanta esterna kwadra u bi pjanta tal-art fuq ġewwa ċirkolari, imsaqqfa b’koppla. Minn hemm, wieħed kien jasal fejn l-appartament tal-Imperatur, li kien fond 40 metru, tul il-faċċata kollha tan-Nofsinhar. Is-sular ta’ fuq tiegħu huwa parzjalment ippreservat biss, iżda s-sular t’isfel u s-sottostrutturi kollha tiegħu li jirfduh huma ppreservati kważi għalkollox. Għalhekk wieħed xorta jista’ josserva t-tqassim u d-dehra kumplessiva tal-ispazji ta’ fuq abbażi ta’ dawk t’isfel ladarba l-pjanta tas-sulari ta’ fuq u t’isfel kienet prattikament l-istess. Fuq in-naħa tal-Punent tas-sular ta’ fuq ġew ippreservati l-fdalijiet ta’ sala b’koppla u ta’ żewġ swali bl-apsidi, u fuq in-naħa tal-Lvant hemm partijiet minn kamra tal-ikel ottagonali (triclinium) bi tliet swali bi pjanta b’għamla ta’ salib. Il-ħajt tas-Sala tal-Punent b’għamla ta’ salib ġie ppreservat fl-għoli kollu tiegħu. L-appartament ta’ Djoklezjanu kien interkonness ma’ kamra twila tul il-faċċata tan-Nofsinhar (cryptoporticus)[24], li minnha kien hemm veduta tal-baħar minn 42 tieqa u tliet gallariji. Dan l-aħħar instabu żewġ banjijiet fit-Tramuntana tal-appartament tal-Imperatur, waħda maġenb is-sala tal-Punent u l-oħra maġenb is-sala tal-Lvant. Għalkemm għal ħafna sekli s-sottostruttura tal-palazz kienet kważi mimlija għalkollox bl-iskart, il-biċċa l-kbira tagħha ġiet ippreservata sew u tindika l-għamla u t-tqassim oriġinali tal-kmamar tas-sular ta’ fuq.

Vestibolu

immodifika

Il-vestibolu huwa magħmul minn rotunda li darba kienet l-ewwel sezzjoni tal-kuritur imperjali fil-Palazz ta’ Djoklezjanu li kien jagħti mill-Peristilju għall-appartamenti imperjali tal-palazz.[25]

 
Kantini tal-Palazz ta’ Djoklezjanu

Kantini tal-Palazz

immodifika

Taħt l-appartamenti imperjali hemm il-Kantini tal-Palazz ta’ Djoklezjanu li huma sett ta’ sottostrutturi li jinsabu fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Palazz. Dawn jirrappreżentaw wieħed mill-aqwa kumplessi ta’ kantini antiki ppreservati l-aħjar fid-dinja.

Peristilju

immodifika

Bitħa monumentali, imsejħa l-Peristilju, kienet tagħti aċċess fit-Tramuntana tal-appartamenti imperjali quddiem il-Vestibolu. Kienet tagħti aċċess ukoll għall-mawżolew ta’ Djoklezjanu fil-Lvant (illum il-Katidral ta’ San Domnius ), u għal tliet tempji fil-Punent (tnejn minnhom intilfu u t-tielet wieħed oriġinarjament kien it-tempju ta’ Ġove, li ġie kkonvertit f’battisterju). Hemm ukoll tempju lejn il-Punent tal-peristilju msejjaħ it-Tempju ta’ Asclepius, li għandu saqaf semiċilindriku mibni minn blokok tal-ġebel, li fis-snin 40 tas-seklu 20 ġew sostitwiti b’saqaf taċ-ċomb. It-tempju dan l-aħħar ġie rrestawrat.

Parti tat-Tramuntana

immodifika

Il-parti tat-Tramuntana tal-palazz, li kien maqsum f’żewġ partijiet mit-triq ewlenija mit-Tramuntana għan-Nofsinhar (cardo) mill-Bieb tat-Tramuntana sal-Peristilju, hija inqas ippreservata. Normalment huwa maħsub li din il-parti kienet kumpless residenzjali għas-suldati, għall-qaddejja, u possibilment kien fiha wkoll xi faċilitajiet oħra.

Toroq u binjiet annessi

immodifika

Iż-żewġ partijiet tal-palazz milli jidher kienu mdawra bit-toroq, tul il-ħitan tal-perimetru, u b’binjiet rettangolari (possibbilment imħażen).[26]

Materjali tal-bini

immodifika

Il-Palazz ta’ Djoklezjanu nbena bil-ġebla tal-ġir u bl-irħam abjad lokali ta’ kwalità għolja, li l-biċċa l-kbira minnu ġie mill-barrieri tal-irħam tal-gżira ta’ Brač, bit-tufa meħuda mill-qigħan tax-xmajjar fil-qrib, u bil-brikks magħmulin fil-fabbriki ta’ Salonitan u f’fabbriki oħrajn. Xi materjal għad-dekorazzjoni ġie importat: kolonni tal-granit Eġizzjan, irħam fin għal xi kisjiet u għal xi kapitelli prodotti f’Proconnesos (illum magħrufa bħala l-gżira ta’ Marmara, it-Turkija).

 
Sfinġi fil-Peristilju

Sfingijiet Eġizzjani

immodifika

Il-Palazz ta’ Djoklezjanu kien imżejjen b’diversi sfinġijiet tal-granit ta’ 3,500 sena ilu, li joriġinaw mis-sit tal-Faragħun Eġizzjan Thutmose III. Fadal biss tlieta minnhom fi Split. Wieħed għadu fil-Peristilju, ieħor jinsab bla ras quddiem it-Tempju ta’ Ġove, u ieħor jinsab fil-mużew tal-belt ta’ Split.

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika

Il-Kumpless Storiku ta’ Split bil-Palazz ta’ Djoklezjanu ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]

Il-Palazz ta’ Djoklezjanu ntuża bħala post għall-ġbid tar-raba’ staġun tas-sensiela tal-HBO Game of Thrones.[27] Il-palazz ospita wkoll il-ġbid tal-31 staġun tar-reality show tas-CBS The Amazing Race.[28][29]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historical Complex of Split with the Palace of Diocletian". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-13.
  2. ^ Fik Meijer (2004) Emperors Don't Die in Bed, p. 114.
  3. ^ Dixon, Karen R. and Southern, Pat. The Late Roman Army, p. 34.
  4. ^ Barnes, Constantine and Eusebius, 31–32; Lenski, 65; Odahl, p. 90.
  5. ^ Aurelius Victor, Epitome de Caesaribus 39.6.
  6. ^ Nakamura, Byron J. (July 2003). "When Did Diocletian Die? New Evidence for an Old Problem". Classical Philology. 98 (3): 283–289.
  7. ^ Barnes, Constantine u Eusebius, 41.
  8. ^ Wilhelm Ensslin [de], "Julius Nepos", in Paulys Realencyclopädie der classischen Altertumswissenschaft, Band XVI,2 (1935), S. 1505–1510.
  9. ^ Charles George Herbermann, The Catholic Encyclopedia: An International Work of Reference (1913). See also Constantine VII Porphyrogenitus, De administrando imperio; Greek text edited by Gy. Moravcsik; English translation by R. J. H. Jenkins. Rev.ed., Dumbarton Oaks Center for Byzantine Studies, 1967, 1985; and Thomae Archidiaconi (Archdeacon Thomas of Split), Spalatensis Historia Salonitanorum atque Spalatinorum pontificum (History of the Bishops of Salona and Split). Damir Karbić, Mirjana Matijević Sokol, Olga Perić, and James Ross Sweeney, eds. Budapest: CEU Press (2006).
  10. ^ "Diocletian's Palace". www.croatiatraveller.com. Miġbur 2021-05-13.
  11. ^ "How life goes on in a ruined Roman palace". Apollo Magazine (bl-Ingliż). 2016-12-22. Miġbur 2021-05-13.
  12. ^ Adam, Robert; Bartolozzi, Francesco (1764). Ruins of the palace of the Emperor Diocletian at Spalatro in Dalmatia. [London] : Printed for the author.
  13. ^ "Hogan, C. Michael, "Diocletian's Palace", The Megalithic Portal, A. Burnham ed".
  14. ^ Voyage pittoresque et historique de l'Istrie et de la Dalmatie rédigé d'après l'Itinéraire de L. F. Cassas par Joseph Lavallée (Paris, 1802).
  15. ^ "Diocletian's Palace". w3.mrki.info. Miġbur 2021-05-13.
  16. ^ "Features of Kuna Banknotes". web.archive.org. 2009-05-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-05-06. Miġbur 2021-05-13.
  17. ^ "Description of the 500 Kuna Banknote". web.archive.org. 2011-06-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-06-04. Miġbur 2021-05-13.
  18. ^ Dixon, Karen R. and Southern, Pat. The Late Roman Army, p. 143.
  19. ^ "Zlatna vrata u Splitu". Putovnica.net (bil-Kroat). Miġbur 2021-05-13.
  20. ^ Šušnjar, Bogdan, Villa of the Diocletian in Split, p. 74.
  21. ^ "Srebrna vrata u Splitu". Putovnica.net (bil-Kroat). Miġbur 2021-05-13.
  22. ^ "Split - The Iron Gate". visitsplit.com. Miġbur 2021-05-13.
  23. ^ Prijatelj, Kruno, Spomenici Splita i okolice, str. 34.
  24. ^ "Split - Vestibule". visitsplit.com. Miġbur 2021-05-13.
  25. ^ "Vestibule | Split, Croatia Attractions". Lonely Planet (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-13.
  26. ^ "Diocletian's Palace". w3.mrki.info. Miġbur 2021-05-13.
  27. ^ ago, Ours is the Fury 7 years (2013-09-27). "Day 72: Filming in Diocletian's Palace & Žrnovnica" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-07. Miġbur 2021-05-13.
  28. ^ "Let's Split: The Amazing Race Discovers Croatia in Season 31 (VIDEO)". www.total-croatia-news.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-09-28. Miġbur 2021-05-13.
  29. ^ "Jackson's 'The Amazing Race' YouTube stars Tyler Oakley, Korey Kuhl take the lead". mlive (bl-Ingliż). 2019-06-13. Miġbur 2021-05-13.