Bukhara

belt fil-Provinċja ta’ Bukhara fl-Użbekistan

Bukhara (bil-Persjan: بخارا‎; bl-Użbek: Buxoro/Бухоро; bit-Taġik: Бухоро, [buxɔːˈɾɔː]) hija l-ħames l-ikbar belt fl-Użbekistan[1], u hija l-belt kapitali tar-Reġjun ta’ Bukhara.

Bukhara
 Użbekistan
Amministrazzjoni
Stat sovranUżbekistan
Reġjun tal-UżbekistanBukhara Region (en) Translate
Isem uffiċjali Buxoro
Ismijiet oriġinali Buxoro
Kodiċi postali 2001ХХ
Ġeografija
Koordinati 39°46′29″N 64°25′43″E / 39.7747°N 64.4286°E / 39.7747; 64.4286Koordinati: 39°46′29″N 64°25′43″E / 39.7747°N 64.4286°E / 39.7747; 64.4286
Bukhara is located in Uzbekistan
Bukhara
Bukhara
Bukhara (Uzbekistan)
Superfiċjenti 39.4 kilometru kwadru
Għoli 225 m
Demografija
Popolazzjoni 280,187 abitanti (1 Jannar 2020)
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+5
bliet ġemellati Lahore, Santa Fe, Rueil-Malmaison (en) Translate, Bonn, Córdoba, Malatya (en) Translate, Nishapur, Samarkanda, Khujand, İzmiru Vladimir (en) Translate
bukhara.uz
L-ewwel raġġi tax-xemx fuq il-pjazza monumentali ta’ Bukhara

Ir-reġjun madwar Bukhara ilu abitat għal mill-inqas ħames millenji, u l-belt ilha teżisti għal nofs dak iż-żmien. Il-belt tinsab tul it-Triq tal-Ħarir, u ilha sservi bħala ċentru għall-kummerċ, għall-istudju, għall-kultura u għar-reliġjon. Ilsien twelid il-maġġoranza tan-nies f’Bukhara huwa t-Taġik, djalett tal-lingwa Persjana[2], għalkemm l-Użbek huwa mitkellem bħala t-tieni lingwa mill-biċċa l-kbira tar-residenti. Bukhara kienet il-belt kapitali tal-Imperu Samanida, tal-Kanat ta’ Bukhara, u tal-Emirat ta’ Bukhara, u kienet il-belt fejn twieled Imam Bukhari.[3] Bukhara kienet magħrufa wkoll bħala “Bukhara n-Nobbli” (Bukhārā-ye sharīf). Il-belt fiha xi 140 monument arkitettoniku, tant li l-UNESCO niżżlet iċ-ċentru storiku ta’ Bukhara (li fih bosta moskej u madrasi) fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji.[4]

Ismijiet immodifika

L-isem preċiż tal-belt ta’ Bukhara fil-qedem mhux magħruf. L-oażi kollha ilha tissejjaħ Bukhara minn żmien żemżem u x’aktarx li għall-ħabta tas-seklu 10 dan l-isem ġie ttrasferit ukoll għall-belt.[5]

Hemm diversi verżjonijiet tal-oriġini ta’ isem il-belt. Skont għadd ta’ studjużi, abbażi tat-tagħrif ta’ Juwaini, l-isem imur lura għat-terminu “Vihara” bis-Sanskritu, jiġifieri “monasteru Buddista”. It-terminu huwa qrib ħafna tat-terminu bil-lingwa tal-Buddisti Uyghur u Ċiniżi, li kienu jsemmu l-postijiet ta’ qima tagħhom bl-istess mod. Madankollu, l-ebda artefatt relatat mal-Buddiżmu u mal-Manikeiżmu ma nstab fil-belt u fl-oażi.

Skont l-enċiklopedija Iranica, l-isem “Bukhara” x’aktarx li ġej mis-Sogdjan βuxārak (“Post ta’ Xorti Tajba”).[6]

Fid-dinastija Tang, u dinastiji suċċessivi oħra taċ-Ċina Imperjali, Bukhara kienet magħrufa bl-isem ta’ Buhe/Puhe(捕喝), li ġie sostitwit biċ-Ċiniż bil-fonema ġenerika moderna spelluta bħala Bùhālā (布哈拉).[7]

Fis-sekli 19 u 20 Bukhara kienet magħrufa bħala Bokhara fil-pubblikazzjonijiet bl-Ingliż, kif jidher pereżempju fil-kitbiet u fir-rapporti dwar l-Emirat ta’ Bukhara matul il-Logħba l-Kbira.

Muhammad ibn Jafar Narshakhi fl-Istorja ta’ Bukhara (ikkompletata fid-943-944 W.K.) jikteb:

Bukhara għanda ħafna ismijiet. Wieħed mill-ismijiet tagħha kien Numijkat. Kienet tissejjaħ ukoll "Bumiskat". Għandha żewġ ismijiet bl-Għarbi. Wieħed huwa "Madinat al Sufriya" li tfisser—"il-belt tar-ram" u l-ieħor huwa "Madinat Al Tujjar" li tfisser—"il-belt tal-merkanti". Iżda, l-isem ta’ Bukhara huwa iktar magħruf mill-ismijiet l-oħra. F’Khorasan, ma hemm l-ebda belt oħra b’daqstant ismijiet.[8]

Fi żmien il-Medju Evu, il-belt kienet magħrufa bħala Buḫārā / بخارا f’sorsi bl-Għarbi u bil-Persjan. Bl-Użbek modern, isem il-belt jiġi spellut bħala Buxoro.

Isem il-belt ġie mitoloġizzat bħala Albracca fil-poeżija epika bit-Taljan Orlando Innamorato ppubblikata fl-1483 minn Matteo Maria Boiardo.[9]

Storja immodifika

 
Amir Alim Khan, l-aħħar Emir ta’ Bukhara, 1911

L-istorja ta’ Bukhara tmur lura għal bosta millenji. Fi żmien il-Medju Evu, Bukhara kienet il-kapitali tal-Imperu Samanida u tal-Kanat ta’ Bukhara, u fiha twieled Imam Bukhari.

Fil-bidu tas-seklu 11, Bukhara saret parti mill-istat Tork tal-Karakanidi. Il-mexxejja tal-Karakanidi bnew ħafna binjiet f’Bukhara: il-minaret ta’ Kalyan, il-moskea ta’ Magoki Attori, palazzi u ġonna.[10]

Bukhara tinsab fil-Punent ta’ Samarkanda u qabel kienet ċentru importanti tat-tagħlim fid-dinja Iżlamika kollha. Fiha kien jgħix ix-Xejikk Naqshbandi, li kien figura importanti għall-avvanz tal-mod Sufista misterjuż ta’ kif jiġu indirizzati t-teorija, ir-reliġjon u l-Iżlam.[11]

Il-belt attwalment hija l-kapitali tar-Reġjun ta’ Bukhara fl-Użbekistan. Il-belt tinsab tul it-Triq tal-Ħarir u b’hekk kienet ċentru kummerċjali, ta' studju, kulturali u reliġjuż importanti ħafna. Matul l-era tad-deheb tas-Samanidi, Bukhara saret ċentru intellettwali maġġuri tad-dinja Iżlamika.[12]

L-Imperu Samanida ħataf lil Bukhara, il-kapitali tat-territorju l-kbir ta’ Khorasan, fid-903 W.K.[13] Genghis Khan assedja lil Bukhara għal ħmistax-il jum fl-1220.[14][15] Bħala ċentru kummerċjali importanti, Bukhara kienet tħaddan fiha komunità ta’ merkanti Indjani Medjevali mill-belt ta’ Multan (attwalment il-Pakistan) li kien magħruf li kienu s-sidien ta’ diversi artijiet fil-belt.[16]

 
Dettall tat-tiżjin tad-daħla tal-Madrasa ta’ Nadir Divan-begi

Bukhara kienet l-aħħar kapitali tal-Emirat ta’ Bukhara u ġiet assedjata mill-Armata l-Ħamra matul il-Gwerra Ċivili Russa. Matul l-operazzjoni f’Bukhara tal-1920, it-truppi tal-Armata Ħamra taħt il-kmand tal-Ġeneral tal-Bolxeviki Mikhail Frunze attakka l-belt ta’ Bukhara. Fil-31 ta’ Awwissu 1920, l-Emir Alim Khan ħarab lejn Dushanbe fil-Lvant ta’ Bukhara (iktar ’il quddiem ħarab minn Dushanbe lejn Kabul fl-Afganistan). Fit-2 ta’ Settembru 1920, wara erbat ijiem ta’ ġlied, iċ-ċittadella tal-Emir (magħrufa bħala l-Ark) ġiet meqruda, u fuq il-quċċata tal-Minaret ta’ Kalyan ġiet olzata l-bandiera ħamra. Fl-14 ta’ Settembru 1920 ġie stabbilit il-Kumitat Rivoluzjonarju ta’ Bukhara, immexxi minn A. Mukhitdinov. Il-gvern—il-Kunsill tan-Nażiri tal-Poplu—kien ippresedut minn Faizullah Khojaev.

Ir-Repubblika Sovjetika tal-Poplu ta’ Bukhara eżistiet mill-1920 sal-1925, meta l-belt ġiet integrata fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika Użbeka. Fitzroy Maclean, li dak iż-żmien kien diplomatiku żagħżugħ fl-Ambaxxata Brittanika f’Moska, għamel żjara qasira f’Bukhara fl-1938, fejn qagħad iżur il-monumenti u raqad fil-ġonna. Fil-memorji tiegħu Eastern Approaches, huwa stqarr li Bukhara kienet “belt li ssaħħrek” bil-binjiet tagħha li setgħu jħaqquha “mal-ifjen arkitettura tar-Rinaxximent Taljan”. Fit-tieni nofs tas-seklu 20, il-gwerra fl-Afganistan u l-gwerra ċivili fit-Taġikistan wasslu bosta refuġjati mit-Taġikistan li jitkellmu d-Dari u t-Taġik f’Bukhara u f’Samarkanda. Dawn il-belt iffaċċjaw ukoll moviment biex jiġu annessi mat-Taġikistan minkejja li l-bliet ma għandhomx fruntiera komuni mal-pajjiż.[17]

Monumenti storiċi f’Bukhara immodifika

Kumplessi arkitettoniċi immodifika

  •  
    Il-Minaret ta’ Kalyan
    Kumpless ta’ Po-i-Kalyan: it-titlu Po-i Kalan (jew Poi Kalân, bil-Persjan: پای کلان‎, ifisser “Pedament Grandjuż”); dan il-kumpless jagħmel parti mill-kumpless arkitettoniku li jinsab fil-bażi tal-minaret il-kbir ta’ Kalyan.
  • Minaret ta’ Kalyan: L-isem sħiħ tal-minaret huwa Minâra-i Kalân, (l-ekwivalenti bil-Persjan/bit-Taġik għal “Minaret il-Kbir”). Il-minaret huwa magħruf ukoll bħala t-Torri tal-Mewt, peress li skont leġġenda huwa s-sit fejn għal sekli sħaħ il-kriminali kienu jiġu ġustizzjati billi jintefgħu mill-quċċata tiegħu għal isfel. Il-minaret huwa l-iktar parti famuża tal-kumpless u tal-pjazza, u jispikka b’mod dominanti fuq iċ-ċentru storiku tal-belt. Ir-rwol tal-minaret huwa l-iktar għal skopijiet tradizzjonali u dekorattivi—id-dimensjoni tiegħu tmur lil hinn mis-sempliċi funzjoni prinċipali tal-minaret, jiġifieri li jipprovdi punt għoli li minnu l-muezzin ikun jista’ jselli biex in-nies jinġabru għat-talb. Għal dan l-iskop, kien ikun biżżejjed li l-muezzin jitla’ fuq is-saqaf ta’ moskea. Din il-prattika kienet komuni fl-ewwel snin tal-Iżlam. Il-kelma "minaret" ġejja mill-Għarbi "minara" (li tfisser "fanal", jew iktar litteralment "post fejn xi ħaġa taqbad"). Il-minareti tar-reġjun kienu adattamenti possibbli tat-“torrijiet tan-nar” jew “fanali” tal-eri preċedenti taż-Żoroastrijani.[18] L-arkitett ta’ dan il-minaret, Bako, iddisinja l-minaret fil-forma ta’ torri ċirkolari tal-brikks qisu pilastru, li iktar ma jgħola iktar jidjieq. Id-dijametru tal-bażi huwa disa’ metri, filwaqt li fil-quċċata d-dijametru huwa sitt metri. Il-minaret huwa għoli 45.6 metru, u jidher minn distanzi twal ħafna ’l fuq mill-pjanuri ċatti tal-Asja Ċentrali. Ġo fih hemm garigor taraġ tal-brikks li jdur mal-pilastru u li jagħti għall-koppla b’sittax-il ħnejja, li fuqha hijja bbażata x-“xarif” b’disinn raffinat.[19]
  • Moskea ta’ Kalyan (Masjid-i Kalân), li x’aktarx tlestiet fl-1514, bħala daqs fiha daqs il-Moskea ta’ Bibi-Khanym f’Samarkanda. Il-moskea tiflaħ fi ħdanha tnax-il elf ruħ. Minkejja li l-Moskea ta’ Kalyan u l-Moskea ta’ Bibi-Khanym Mosque għandhom kostruzzjoni simili, l-arti tal-bini tagħhom hija differenti. Mitejn u tmenin pilastru monumentali jirfdu s-saqaf b’diversi koppli tal-galleriji mad-dawra tal-ispazju miftuħ tal-Moskea ta’ Kalyan. L-assi lonġitudinali tal-ispazju miftuħ jintemm b’portal li jagħti għall-kompartiment prinċipali (maksura) b’sala b’għamla ta’ salib, b’koppla blu enormi bil-mużajk minn ġewwa. Il-binja fiha bosta kurżitajiet arkitettoniċi, pereżempju toqba f’waħda mill-koppli. Minn din il-koppla wieħed jista’ jara l-pedamenti tal-Minaret ta’ Kalyan. Imbagħad, jekk wieħed jimxi lura pass wara pass, wieħed jista’ jgħodd il-livelli kollha tax-xogħol bil-brikks tal-minaret sal-koppla ewlenija.[20]
  • Madrasa ta’ Mir-i Arab (1535-1536): il-kostruzzjoni tal-Madrasa ta’ Mir-i-Arab x’aktarx li saret mix-Xejikk Abdullah Yamani tal-Jemen—imsejjaħ ukoll Mir-i-Arab—l-imgħallem spiritwali ta’ Ubaidullah-khan u ta’ ibnu Abdul-Aziz-khan. Ubaidullah-khan iddikjara gwerra permanenti kontra l-Iran li rnexxiet. It-truppi tiegħu ħakmu lil Herat mill-inqas tliet darbiet. Kull wieħed minn dawn l-attakki u serqiet kontra l-Iran kien akkumpanjat mill-qbid ta’ bosta nies bħala ħabsin. Jingħad li Ubaidullah-khan kien investa l-flus mill-fidwa ta’ iktar minn tliet elef ħabsi Persjan fil-kostruzzjoni tal-Madrasa ta’ Mir-i-Arab. Ubaidullah-khan kien reliġjuż ħafna. Huwa kien trawwem b’rispett kbir lejn l-Iżlam fl-ispirtu tas-Sufiżmu. Missieru tah isem xejikk prominenti tas-seklu 15 Ubaidullah al-Ahrar (1404-1490), li oriġina mir-Reġjun ta’ Tashkent. Sas-snin 30 tas-seklu 16, iż-żmien meta li matulu s-sovrani bnew mawżolej mill-isbaħ għalihom u għall-qrabathom, kien spiċċa. Id-diversi Khan tad-dinastija Xajbanida kienu jħaddnu b’mod standard it-tradizzjonijiet tal-Koran. L-importanza tar-reliġjon kienet tant kbira li saħansitra l-khan famuż Ubaidullah indifen taħt l-art qrib l-imgħallem tiegħu fil-madrasa tiegħu. Fin-nofs tal-volta (gurhana) fil-Madrasa ta’ Mir-i-Arab hemm il-qabar tal-injam ta’ Ubaidullah-khan. Maġenbu hemm l-imgħallem tiegħu, Mir-i-Arab. Muhammad Kasim, mudarris (għalliem għoli) tal-madrasa (miet fl-1047 hijra) huwa midfun hawnhekk ukoll. Il-portal tal-Madrasa ta’ Miri Arab jinsab fuq assi wieħed mal-portal tal-Moskea ta’ Kalyan. Madankollu, minħabba li l-pjazza tbaxxiet lejn il-Lvant, kien meħtieġ li tiġi mgħollija kemxejn binja tal-madrasa fuq pjattaforma.[21]
  • Kumpless ta’ Lab-i Hauz: jew Lab-e hauz, bil-Persjan: لب حوض‎, li tfisser “maġenb l-għadira”), huwa kumpless li bħat-tifsira tal-isem jinsab f’żona madwar waħda mill-ftit hauz, jew għadajjar, li baqa’ fil-belt ta’ Bukhara. Diversi għadajjar simili kienu jeżistu f’Bukhara qabel l-era Sovjetika. L-għadajjar kienu jservu bħala s-sors ewlieni tal-ilma tal-belt, iżda kienu magħrufa wkoll għat-tixrid tal-mard, u b’hekk il-biċċa l-kbira minnhom imtlew bir-radam matul is-snin 20 u 30 tas-seklu 20 mis-Sovjetiċi. Il-kumpless ta’ Lab-i Hauz baqa’ jeżisti bis-saħħa tar-rwol tiegħu bħala l-binja ċentrali ta’ kumpless arkitettoniku li jmur lura għas-sekli 16 u 17. Il-kumpless ta’ Lab-i Hauz jikkonsisti mill-Madrasa ta’ Kukeldash tas-seklu 16[22], l-ikbar waħda fil-belt, tul in-naħa tat-Tramuntana tal-għadira.[23] Fin-naħat tal-Lvant u tal-Punent tal-għadira hemm binja tas-seklu 17 għas-Sufisti, u madrasa tas-seklu 17.[24]

Hemm ukoll skultura tal-metall ta’ Nasruddin Hodja, li huwa l-karattru ċentrali ta’ ħafna stejjer folkloristiċi tat-tfal fl-Asja Ċentrali, fl-Afganistan u fil-Pakistan, bilqiegħda fuq il-felu tiegħu b’id fuq qalbu u l-oħra fuq rasu bis-sinjal li kollox sew.

  • Kumpless Arkitettoniku ta’ Bahoutdin: huwa nekropoli li jfakkar lil Shaykh Bohoutdin, il-fundatur tal-ordni ta’ Naqshbandi. Il-kumpless jinkludi d-dahma (il-lapida) ta’ Bahoutdin, il-moskea ta’ Khakim Kushbegi, il-moskea ta’ Muzaffarkan, u l-khanqah ta’ Abdul-Lazizkhan. Is-sit kollu huwa elenkat fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji indikattivi tal-UNESCO mit-18 ta’ Jannar 2008.
 
Is-swar taċ-ċittadella

Fortizza immodifika

  • Ark, il-Fortizza ta’ Bukhara

Mawżolej immodifika

  • Mawżolew ta’ Chashma-Ayub

Chashma-Ayub, jew il-Fawwara ta’ Ġobb, tinsab ħdejn il-mawżolew ta’ Samani. L-isem tiegħu jingħad li jirrifletti leġġenda li tistqarr li l-profeta Ġobb ("Ayub" fil-Koran) żar dan il-post u ħoloq fawwara tal-ilma b’moviment bil-ħatar tiegħu fuq l-art. L-ilma ta’ dan il-bir jingħad li huwa safi ħafna, u jitqies li għandu “kwalitajiet ta’ fejqan”. Il-binja attwali fis-sit inbniet matul it-tmexxija ta’ Timur, u għandha koppla b’għamla ta’ kon tal-istil ta’ Khwarazm li mhix komuni fir-reġjun.

  • Mawżolew ta’ Ismail Samani

Il-mawżolew ta’ Ismail Samani (is-sekli 9-10) huwa wieħed mill-iktar binjiet importanti tal-arkitettura tal-Asja Ċentrali. Inbena fis-seklu 9 (bejn it-892 u d-943) bħala l-qabar ta’ Ismail Samani—il-fundatur tad-dinastija Samanida, li kienet l-aħħar dinastija Persjana nattiva fit-tmun tar-reġjun fis-sekli 9 u 10, wara li s-Samanidi stabbilew indipendenza virtwali mill-Kaliffat Abbasida f’Baghdad.

Is-sit huwa uniku minħabba l-istil arkitettoniku tiegħu li jiġbor flimkien elementi Żoroastrijani u Iżlamiċi. Il-faċċata tal-binja hija miksija b’xogħol bil-brikks, li huma mżejna b’mod mirqum, b’motivi tondi qishom xmux—immaġni komuni fl-arti Żoroastrijana tar-reġjun bħala rappreżentazzjoni tal-alla Żoroastrijan, Ahura Mazda, li tipikament jiġi rrappreżentat bin-nar u d-dawl. L-għamla tal-binja hija kubojdu, u tfakkar fil-Ka'aba ta’ Mekka, filwaqt li s-saqaf b’koppla huwa tipiku tal-arkitettura tal-moskej. L-istil sinkretiku tas-santwarju jirrifletti dak tas-sekli 9 u 10—żmien meta r-reġjun kien għad kellu popolazzjonijiet kbar ta’ Żoroastrijani li kienu bdew jikkonvertu għall-Iżlam għall-ħabta ta’ dak iż-żmien.

Is-santwarju jitqies ukoll bħala wieħed mill-eqdem monumenti fir-Reġjun ta’ Bukhara. Fi żmien l-invażjoni ta’ Genghis Khan, is-santwarju jingħad li kienet diġà ġiet midfuna fit-tajn minħabba l-għargħar. B’hekk, meta l-invażjonijiet tal-Mongoli seħħew f’Bukhara, is-santwarju ħelisha mill-qerda.

Il-mawżolew tal-missier fundatur tal-Pakistan, Muhammad Ali Jinnah, magħruf bħala l-Mazar-e-Quaid f’Karachi, ġie mmudellat abbażi ta’ dan is-santwarju.

Moskej immodifika

  • Moskea ta’ Bolo Haouz

Il-Moskea ta’ Bolo Haouz, li nbniet fl-1712 fuq in-naħa opposta taċ-ċittadella ta’ Ark fid-distrett ta’ Reġistan, serviet bħala moskea tal-Ġimgħa meta l-Emir ta’ Bukhara kellu jbaxxi rasu quddiem it-tmexxija tar-Russi Bolxeviki fis-snin 20 tas-seklu 20.

  • Chor Minar
 
Chor Minar

Chor Minar, magħrufa wkoll bħala l-Madrasa ta’ Khalif Niyaz-kul, hija binja moħbija fi trejqa fil-Grigal tal-kumpless ta’ Lyabi Hauz. L-istruttura nbniet minn Khalif Niyaz-kul, sinjurun minn Bukhara ta’ oriġini Turkmena fis-seklu 19 taħt it-tmexxija tad-dinastija Janid.[25] L-istruttura b’erba’ torrijiet xi kultant tiġi mfixkla ma’ bieb tal-madrasi li kienu jeżistu wara l-istruttura fl-imgħoddi; madankollu, iċ-Chor Minar fil-fatt huwa kumpless ta’ binjiet b’żewġ funzjonijiet: ritwal u kenn.

Il-binja prinċipali hija moskea. Minkejja l-għamla esterna mhux tas-soltu, il-binja hija tipika minn ġewwa għal moskea tal-Asja Ċentrali. Minħabba l-koppla tal-binja, il-kompartiment ewlieni għandu proprjetajiet akustiċi tajbin u għaldaqstant għandu sinifikat speċjali għad-“dhikr-hana”—post fejn isiru ċ-ċerimonji ritwalizzati “dhikr” tas-Sufisti, b’liturġija li spiss tinkludi talb, kant u mużika strumentali.

Fuq iż-żewġ naħat tal-binja ċentrali hemm kompartimenti residenzjali, li wħud minnhom iġġarrfu, u fadal biss il-pedamenti tagħhom viżibbli. B’hekk, biex il-binja tassew tintuża bħala madrasa jonqos biss il-funzjonament sħiħ ta’ klassi u xi kmamar utilitarji. Madankollu, kienet prattika komuni li l-hekk imsejħa madrasi ma jkollhomx kmamar tal-għoti tal-lekċers, jew jekk ikollhom tali kmamar, ma kinux jingħataw lekċers fihom. Dawn il-madrasi kienu jintużaw bħala ospizji għall-istudenti.

Kull wieħed mill-erba’ torrijiet għandu motivi dekorattivi differenti. Uħud jgħidu li l-elementi tad-dekorazzjoni jirriflettu l-erba’ reliġjonijiet fl-Asja Ċentrali. Hemm ukoll elementi qishom salib, motiv Kristjan ta’ ħuta, rota tat-talb tal-Buddiżmu, u motivi Żoroastrijani u Iżlamiċi. Fl-1995, minħabba ruxxell tal-ilma taħt l-art, wieħed mit-torrijiet iġġarraf u ġiet applikata u ngħatat assistenza ta’ emerġenza mill-UNESCO fil-qafas tal-Fond għall-Wirt Dinji. Għalkemm it-tiġrif irriżulta fid-destabilizzazzjoni tal-istruttura kollha, l-awtoritajiet kienu anzjużi biex jgħattu d-diżastru mill-iktar fis. Malajr malajr, il-binja ġiet rikostruwita “bl-użu ta’ materjal tal-bini mhux tradizzjonali, bħal konkrit ta’ kwalità baxxa u azzar”. Iċ-Chor Minar reġa’ sar wieħed mis-siti popolari tal-belt wara r-rikostruzzjoni.[26]

Fuq il-lemin taċ-Chor Minar hemm għadira, x’aktarx tal-istess żmien tal-kumplament tal-kumpless. Iċ-Chor Minar issa huwa mdawwar l-iktar minn djar u ħwienet żgħar tul il-perimetru tiegħu.

  • Moskea ta’ Magok-i-Attari

L-eks Moskea ta’ Magok-i Attori nbniet fis-seklu 9, x’aktarx fuq il-fdalijiet ta’ tempju Żoroastrijan antik. Il-moskea nqerdet u reġgħet inbniet diversi drabi, u l-eqdem parti li għadha teżisti tinsab fil-faċċata tan-Nofsinhar, u tmur lura għas-seklu 12—b’hekk hija waħda mill-iktar strutturi antiki li għadhom jeżistu f’Bukhara, u waħda mill-ftit li baqgħet sħiħa wara l-invażjoni ta’ Genghis Khan. Il-moskea hija iktar baxxa mil-livell tal-art u ġiet skavata fl-1935. Ma għadhiex tiffunzjona bħala moskea u minflok tospita mużew tat-twapet.

  • Moskea ta’ Mir Sayyid Ali Hamadani

Din il-moskea hija ddedikata lil Mir Sayyid Ali Hamadani, il-qaddis patrun tal-Musulmani Kaxmiri fil-Wied ta’ Kashmir.[27]

Sit ta’ Wirt Dinji immodifika

Iċ-ċentru storiku ta’ Bukhara ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[28]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[28]

 
Veduta panoramika taċ-ċentru storiku ta’ Bukhara

Ġeografija immodifika

Madwar 225 kilometru fil-Punent ta’ Samarkanda fin-Nofsinhar/fiċ-ċentru tal-Użbekistan, hemm il-belt ta’ Bukhara max-xmara Zeravshan, f’elevazzjoni ta’ 229 metru.

Klima immodifika

Bukhara għandha klima arida kiesħa tipika tal-Asja Ċentrali (Köppen BWk). It-temperatura medja ta’ waranofsinhar f’Jannar hija 6.6 °C jew 43.9 °F, u tiżdied għal temperatura massima medja ta’ madwar 37.2 °C jew 99.0 °F f’Lulju. Il-preċipitazzjoni annwali medja hija 135 millimetru jew 5.31 pulzieri.

L-ilma minn dejjem kien importanti fil-klima sħuna u niexfa tal-Asja Ċentrali; għalhekk, mill-qedem, ġiet żviluppata l-biedja bl-irrigazzjoni. Il-bliet inbnew ħdejn ix-xmajjar u l-kanali tal-ilma sabiex l-ilma jilħaq il-belt kollha. Inbnew ġibjuni mhux mgħottija, magħrufa bħala hauzes. Ġibjuni tal-ilma mgħottija speċjali, jew sardobas, inbnew tul ir-rotot tal-caravanserai biex il-vjaġġaturi u l-annimali tagħhom ikollhom l-ilma.

Madankollu, l-użu eċċessiv tal-agrokimiki matul l-era tal-Unjoni Sovjetika, id-diverżjoni ta’ ammonti enormi ta’ ilma għall-irrigazzjoni miż-żewġ xmajjar li jalimentaw lill-Użbekistan, u n-nuqqas kroniku ta’ impjanti tat-trattament tal-ilma, ikkawżaw problemi tas-saħħa u ambjentali fuq skala enormi.

Data klimatika għal Bukhara (1981-2010)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja °C (°F) 6.6

(43.9)

10.1

(50.2)

16.4

(61.5)

24.5

(76.1)

30.4

(86.7)

35.9

(96.6)

37.2

(99.0)

35.5

(95.9)

29.9

(85.8)

22.9

(73.2)

15.5

(59.9)

8.4

(47.1)

22.8

(73.0)

Temp. baxxa medja °C (°F) −2.5

(27.5)

−0.6

(30.9)

4.2

(39.6)

10.2

(50.4)

15.0

(59.0)

19.4

(66.9)

21.2

(70.2)

18.9

(66.0)

12.9

(55.2)

6.7

(44.1)

2.3

(36.1)

−1.2

(29.8)

8.9

(48.0)

Preċipitazzjoni medja f’mm (pulzieri) 19.1

(0.75)

18.9

(0.74)

29.5

(1.16)

20.1

(0.79)

12.4

(0.49)

1.8

(0.07)

0.7

(0.03)

0.2

(0.01)

1.0

(0.04)

2.0

(0.08)

12.0

(0.47)

17.3

(0.68)

135

(5.31)

Medja ta’ jiem ta’ preċipitazzjoni 10 10 10 8 7 2 1 1 1 4 7 9 70
Umdità relattiva medja (%) 80 75 72 59 46 38 40 44 48 56 64 79 58
Sors 1: Iċ-Ċentru tas-Servizz Idrometeoroloġiku tal-Użbekistan[29]
Sors 2: Deutscher Wetterdienst (umdità)[30]

Nies notevoli immodifika

Ħafna nies notevoli għexu f’Bukhara fl-imgħoddi. Fosthom kien hemm:

  • An Lushan (għall-ħabta tas-703-757)
  • Muhammad Ibn Ismail Ibn Ibrahim Ibn al-Mughirah Ibn Bardizbah al-Bukhari (810–870) – studjuż Iżlamiku li kien jikkompila l-ħaditi
  • Avicenna (Abu Ali ibn Sina) (980–1037) – fiżiku u filosfu Persjan
  • Qumri (980–990)—fiżiku u studjuż, li jingħad li kien l-għalliem ta’ Avicenna
  • Bal'ami: Abolfazl Muhammad u ibnu Abu-Ali Mohammad, żewġ viżjeri Persjani tar-rejiet Samanidi, u storiċi u patruni tal-arti u tal-letteratura
  • Abubakr Narshakhi (is-seklu 10) – storiku li kiteb l-Istorja ta’ Bukhara
  • Sadiduddin Muhammad Aufi (1171-1242) – storiku, xjenzat u awtur
  • Syed Jalaluddin Surkh-Posh Bukhari (595-690 AH, 1199-1291 W.K.)
  • Sayyid Ajjal Shams al-Din Omar (1211-1279)
  • Baha-ud-Din Naqshband Bukhari (1318-1389)
  • Amir Kulal (miet fl-1370)
  • Sadriddin Ayni (1878-1954)
  • Abdurauf Fitrat (1886-1938)
  • Fayzulla Khodzhayev (1896-1938)
  • Ibraghim Muminov (1908-1974)
  • Sorojon Yusufova (1910-1966)
  • Muhammadjon Shakuri (1925-2012)
  • Yitzhak Apeloig (twieled fl-1944), professur Iżraeljan tal-kimika komputazzjonali u President tat-Technion
  • Oksana Chusovitina (twieldet fl-1975)

Ġemellaġġi immodifika

Din hija lista tal-bliet ġemellati ma’ Bukhara:

Referenzi immodifika

  1. ^ "Biggest Cities Uzbekistan". www.geonames.org. Miġbur 2021-06-28.
  2. ^ Rahim Masov. "The History of the Clumsy Delimitation". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-12-10. Miġbur 2021-06-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Города Узбекистана, Таш.. 1965; Ашуров Я. С., Гелах Т. Ф., Камалов У. Х., Бухара, Таш., 1963; Сухарева О. А., Бухара XIX—начала XX вв., М., 1966; Пугаченкова Г. А., Самарканд, Бухара, 2 изд., [М, 1968]; Бухара. Краткий справочник, 4 изд., Таш., 1968.
  4. ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2021-06-28.
  5. ^ Bukhara; Architectural epigraphy of Uzbekistan. p.28; Abdukhalikov F. Tashkent: UZBEKISTAN TODAY, 2016.
  6. ^ "BUKHARA". web.archive.org. 2009-01-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-02. Miġbur 2021-06-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "General Info". web.archive.org. 2001-01-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2001-01-26. Miġbur 2021-06-28.
  8. ^ Narshaki, Richard Nelson Fyre, The History of Bukhara, p. 27.
  9. ^ Orlando Innamorato tradott minn Charles Stanley Ross, Parlor Press LLC, 2004, p. 593. (Albraca tissemma għall-ewwel darba fil-Ktieb I, Canto VI, vers 42, fuq p. 60.).
  10. ^ Nemtseva N. B. Rabat-i Malik, XI — nachalo XVIII vv.: arkheologicheskiye issledovaniya. — Tashkent: Frantsuzskiy Institut Issledovaniy Tsentral'noy Azii, 2009.
  11. ^ "Bukhara" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-28.
  12. ^ "Information on Bukhara". www.people-travels.com. Miġbur 2021-06-28.
  13. ^ Sen, Sailendra (2013). A Textbook of Medieval Indian History. Primus Books. p. 62. ISBN 978-9-38060-734-4.
  14. ^ "Temujin | Genghis Khan | Pax Mongolica | Mongol Empire | Islam - HOTW". web.archive.org. 2018-08-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-08-13. Miġbur 2021-06-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ Battutah, Ibn (2002). The Travels of Ibn Battutah. London: Picador. pp. 141, 313. ISBN 9780330418799.
  16. ^ Levi, Scott (2016). "Caravans: Punjabi Khatri Merchants on the Silk Road". Penguin UK. ISBN 9789351189169.
  17. ^ Sengupta, Anita (2003). The Formation of the Uzbek Nation-State: A Study in Transition. Lexington Books. pp. 256–257.
  18. ^ "Kalyan Minaret". web.archive.org. 2014-10-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-10-21. Miġbur 2021-06-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "Бухоро Bukhara Бухара" На узбекском, английском и русском языках. Издательство "Узбекистан", Ташкент 2000.
  20. ^ "В.Г. Сааков Архитектурные шедевры Бухары. Бухарское областное общество "Китабхон" Уз ССР, Ровно 1991 г.
  21. ^ "Bukhara Uzbekistan - Miri Arab Madrasah". pagetour.org. Miġbur 2021-06-28.
  22. ^ "Bukhara Uzbekistan - Kukeldash Madrasah". pagetour.org. Miġbur 2021-06-28.
  23. ^ "Bukhara Uzbekistan - Nadir Divan-Begi Khanaka". pagetour.org. Miġbur 2021-06-28.
  24. ^ "Bukhara Uzbekistan - Nadir Divan-Begi Madrasah". pagetour.org. Miġbur 2021-06-28.
  25. ^ О.А.Сухарева КВАРТАЛЬНАЯ ОБЩИНА ПОЗДНЕФЕОДАЛЬНОГО ГОРОДА БУХАРЫ (в связи с историей кварталов) Академия наук СССР Институт этнографии им.Н.Н.Миклухо-Маклая Издательство Наука; Главная редакция восточной литературы Москва 1976.
  26. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 1997) Historic Centre of Bukhara (Uzbekistan)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-28.
  27. ^ Jaffer Badakshi f’Khasatul Munakib; referenza ta’ Jeelani Allaie.
  28. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Bukhara". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-28.
  29. ^ Centre of Hydrometeorological Service of the Republic of Uzbekistan (Uzhydromet). ""Average monthly data about air temperature and precipitation in 13 regional centers of the Republic of Uzbekistan over period from 1981 to 2010"". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-12-15. Miġbur 2021-06-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  30. ^ Deutscher Wetterdienst. ""Klimatafel von Buchara / Usbekistan" (PDF). Baseline climate means (1961–1990) from stations all over the world (in German)" (PDF).