Enċiklopedija hija xogħol ta' referenza jew kompendju li jipprovdi sommarji ta' għarfien jew mill-fergħat kollha jew minn qasam jew dixxiplina partikolari.[1] L-enċiklopediji huma maqsuma f'artikoli jew entrati li ħafna drabi huma rranġati alfabetikament skont l-isem tal-artikolu[2] u xi kultant skont kategoriji tematiċi. L-entrati tal-enċiklopedija huma itwal u aktar dettaljati minn dawk fil-biċċa l-kbira tad-dizzjunarji. Ġeneralment, b'differenza mill-entrati tad-dizzjunarju - li jiffokaw fuq informazzjoni lingwistika dwar kliem, bħall-etimoloġija, it-tifsira, il-pronunzja, l-użu u l-forom grammatikali tagħhom - l-artikoli tal-enċiklopedija jiffokaw fuq informazzjoni fattwali li tikkonċerna s-suġġett imsemmi fit-titlu tal-artikolu.[3][2]

Il-volumi tal-15-il edizzjoni ta’ Encyclopædia Britannica (flimkien mal-volum għas-sena 2002) ikopru żewġ xkafef tal-kotba f’librerija.
Il-paġna tat-titlu ta' Lucubrationes, edizzjoni tal-1541, wieħed mill-ewwel kotba li użaw varjant tal-kelma enċiklopedija fit-titlu

L-enċiklopediji ilhom jeżistu għal madwar 2,000 sena u evolvew b’mod konsiderevoli matul dak iż-żmien fir-rigward tal-lingwa (miktuba b’lingwa internazzjonali ewlenija jew lingwa vernakulari), id-daqs (ftit jew ħafna volumi), l-intenzjoni (preżentazzjoni ta’ firxa globali jew limitata ta’ għarfien), perspettiva kulturali (awtorevoli, ideoloġika, didattika, utilitarja), awtur (kwalifiki, stil), qarrejja (livell ta’ edukazzjoni, sfond, interessi, kapaċitajiet), u t-teknoloġiji disponibbli għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tagħhom (manuskritti miktuba bl-idejn, edizzjonijiet żgħar jew kbar stampati, internet). Verżjonijiet stampati sabu post prominenti f'libreriji, skejjel u istituzzjonijiet edukattivi oħra, bħala sors ta' informazzjoni affidabbli miġbura minn esperti.

Il-wasla ta' verżjonijiet diġitali u open-source fis-seklu 21, bħall-Wikipedija, espandiet bil-kbir l-aċċessibilità, l-identità tal-awturi, it-tip ta' qarrejja, u l-varjetà ta' entrati enċiklopediċi.

Etimoloġija

immodifika

Żewġ kelmiet Griegi mifhuma ħażin bħala waħda

immodifika

Il-kelma enċiklopedija ( encyclo | pedia ) ġejja mill-Grieg Koine ἐγκύκλιος παιδεία,[4] magħruf ukoll bħala Grieg Bibbliku, transliterat bħala enkyklios paedia, li tfisser "edukazzjoni ġenerali" minn enkyklios (ἐγκύκλιος), li tfisser "ċirkolari, rikurrenti, meħtieġa regolarment, ġenerali" [5] u paedia (παιδεία), li tfisser "edukazzjoni, trobbija ta' tfal"; flimkien, il-frażi litteralment tittraduċi bħala "istruzzjoni sħiħa" jew "għarfien sħiħ".[6] Madankollu, iż-żewġ kelmiet separati tnaqqsu għal kelma waħda minħabba żball skribali minn kopjisti ta' edizzjoni manuskritta Latina ta' Quintillian fl-1470.[7] Il-kopjisti ħadu din il-frażi bħala kelma Griega waħda, enkyklopaedia, bl-istess tifsira, u din il-kelma Griega żbaljata saret il-kelma Latina l-ġdida "encyclopaedia", li minnha ġiet il-kelma bl-Ingliż u lingwi oħra inkluż il-Malti. Minħabba din il-kelma magħquda, il-qarrejja tas-seklu ħmistax u dawk li ġew warajhom, spiss u b’mod żbaljat, ħasbu li l-awturi Rumani Quintillian u Plinju ddeskrivew ġeneru antik.[8]

Użu fis-seklu sittax tal-kelma magħquda

immodifika
 
Il-paġna tat-titlu ta' Encyclopaediæ, seu orbis disciplininarum, tam sacrarum quam prophanarum, epistemon ta' Skalich mill-1559, bl-ewwel użu ċar tal-kelma encyclopaedia fit-titlu.[9]

Fis-seklu sittax kien hemm ċertu ambigwità dwar kif tuża din il-kelma ġdida. Kif juru bosta titli, ma kienx hemm kunċett kostanti dwar l-ortografija tagħha u lanqas l-istatus tagħha bħala nom. Pereżempju: Margarita philosophica encyclopaediam exhibens ta' Jacobus Philomusus (1508); l-Encyclopedia orbisque doctrinarum, hoc est omnium artium, scientiarum, ipsius philosophiae index ac divisio ta' Johannes Aventinus; Lucubrationes vel potius absolutissima kyklopaideia (1538, 1541) ta' Joachimus Fortius Ringelbergius; Encyclopaediæ, seu orbis disciplinarum, tam sacrarum quam prophanarum, epistemon (1559) ta' Paul Skalich; Margarita philosophica ta' Gregor Reisch (1503, intitolat mill-ġdid Encyclopaedia fl-1583); u Cyclopaedia Paracelsica ta' Samuel Eisenmenger (1585).[10]

Hemm żewġ eżempji tal-eqdem użu vernakulari tal-kelma magħquda. Madwar l-1490, Franciscus Puccius kiteb ittra lil Politianus fejn irringrazzjah tal-Miscellanea tiegħu, u sejħilha enċiklopedija.[10] B'mod aktar komuni, François Rabelais huwa msemmi għall-użu tiegħu ta' dan it-terminu f'Pantagruel (1532).[11]

Is-suffiss -p(a)edia

immodifika

Diversi enċiklopediji għandhom ismijiet li jinkludu s-suffiss -p(a)edia, biex jimmarkaw it-test bħala li jappartjeni għall-ġeneru ta' enċiklopediji. Eżempju huwa Banglapedia (dwar kwistjonijiet rilevanti għall-Bangladesh).

Użu kontemporanju

immodifika

Bil-Malti, il-kelma enċiklopedija tintuża komunament mingħajr varjanti ortografiċi. Bl-Ingliż, il-kelma hija l-iktar komunement miktuba encyclopedia, għalkemm encyclopaedia (minn encyclopædia ) tintuża wkoll fl-Ingliż Brittaniku.[12]

Karatteristiċi

immodifika

L-enċiklopedija moderna ġiet żviluppata mid-dizzjunarju fis-seklu 18. Storikament, kemm l-enċiklopediji kif ukoll id-dizzjunarji ġew riċerkati u miktuba minn esperti edukati tajjeb u infurmati sew, iżda huma differenti fl-istruttura b'mod sinifikanti. Dizzjunarju huwa xogħol lingwistiku li jiffoka primarjament fuq elenkar alfabetiku tal-kliem u d-definizzjonijiet tagħhom. Kliem sinonimu u dak relatat mas-suġġett jinstabu mxerrdin mad-dizzjunarju, u ma jagħtu l-ebda post ovvju għal trattament fil-fond. Għalhekk, dizzjunarju tipikament jipprovdi informazzjoni limitata, analiżi jew sfond għall-kelma definita. Filwaqt li jista' joffri definizzjoni, jista' jħalli lill-qarrej fejn kien għax xorta jibqa' majifhimx it-tifsira, is-sinifikat jew il-limitazzjonijiet ta' terminu, u kif it-terminu jirrelata ma' qasam usa' ta' għarfien. Enċiklopedija, teoretikament, mhix miktuba sabiex tikkonvinċi, għalkemm wieħed mill-għanijiet tagħha huwa tabilħaqq li jikkonvinċi lill-qarrejja mill-veraċità tagħha stess.

Biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet, artikolu ta' enċiklopedija tipikament mhuwiex limitat għal definizzjonijiet sempliċi, u mhuwiex limitat għad-definizzjoni ta' kelma individwali, iżda jipprovdi tifsira aktar estensiva għal suġġett jew dixxiplina. Minbarra li jiddefinixxi u jelenka termini sinonimi għas-suġġett, l-artikolu jista' jittratta t-tifsira aktar estensiva tas-suġġett f'aktar fond u jwassal l-iktar għarfien akkumulat rilevanti dwar dak is-suġġett. Artikolu ta' enċiklopedija spiss jinkludi wkoll bosta mapep u illustrazzjonijiet, kif ukoll dettalji bibljografiċi u statistika.

Erba' elementi ewlenin jiddefinixxu enċiklopedija: is-suġġett tagħha, l-ambitu tagħha, il-mod kif inhi organizzata, u l-metodu ta' produzzjoni tagħha:

  • L-Enċiklopediji jistgħu jkunu ġenerali, u jkun fihom artikoli dwar suġġetti f'kull qasam (l-Encyclopædia Britannica bil-lingwa Ingliża u dik bil-Ġermaniż Brockhaus huma eżempji magħrufa). Enċiklopediji ġenerali jista' jkun fihom gwidi dwar kif tagħmel diversi affarijiet, kif ukoll jinkorporaw dizzjunarji u gazzettieri. Hemm ukoll enċiklopediji li jkopru varjetà wiesgħa ta' suġġetti minn perspettiva kulturali, etnika jew nazzjonali partikolari, bħall-Great Soviet Encyclopedia jew l-Encyclopaedia Judaica.
  • Xogħlijiet ta' ambitu enċiklopediku għandhom l-għan li jwasslu l-għarfien importanti akkumulat għall-qasam tas-suġġett tagħhom, bħal enċiklopedija tal-mediċina, tal-filosofija jew tal-liġi. Ix-xogħlijiet ivarjaw fil-firxa tal-materjal u fil-fond tad-diskussjoni, skont l-udjenza li jkunu jridu jilħqu.
  • Xi metodu sistematiku ta' organizzazzjoni huwa essenzjali biex enċiklopedija tkun tista' tintuża bħala referenza. Storikament kien hemm żewġ metodi ewlenin ta' organizzazzjoni fl-enċiklopediji stampati: il-metodu alfabetiku (li jikkonsisti f'numru ta' artikoli separati, organizzati f'ordni alfabetika) u l-organizzazzjoni skont kategoriji ġerarkiċi. L-ewwel metodu huwa l-iktar komuni llum, speċjalment għal xogħlijiet ġenerali. Il-fluwidità tal-midja elettronika, madankollu, tippermetti possibbiltajiet ġodda għal aktar minn metodu wieħed ta' organizzazzjoni tal-istess kontenut. Barra minn hekk, il-midja elettronika toffri kapaċitajiet ġodda għat-tfittxija, l-indiċjar u r-referenza. L-epigrafu minn Orazju fuq il-paġna tat-titlu tal-Encyclopédie tas-seklu 18 jissuġġerixxi l-importanza tal-istruttura ta' enċiklopedija: "Liema grazzja tista' tiżdied ma' affarijiet komuni bis-setgħa tal-ordni u l-konnessjoni."
  • Hekk kif il-mezzi multimedjali moderni u l-era tal-informazzjoni evolvew, ħarġu metodi ġodda għall-ġbir, il-verifika, it-tqassir, u l-preżentazzjoni ta' kull tip ta' informazzjoni. Proġetti bħal Everything2, Encarta, h2g2, u l-Wikipedija huma eżempji ta’ forom ġodda ta' enċiklopediji, filwaqt li l-irkupru tal-informazzjoni qed isir aktar sempliċi. Storikament, il-produzzjoni tal-enċiklopediji saret kemm f'kuntesti għall-profitt kif ukoll għal dawk li mhumiex. Il-Great Soviet Encyclopedia msemmija hawn fuq kienet kompletament sponsorjata mill-istat, filwaqt li l-Britannica kienet sostnuta kummerċjalment. B'paragun, il-Wikipedija hija sostnuta minn voluntiera li jikkontribwixxu f'ambjent mingħajr skop ta' profitt taħt l-organizzazzjoni tal-Fondazzjoni Wikimedia.

Xi xogħlijiet intitolati "dizzjunarji" huma fil-fatt simili għall-enċiklopediji, speċjalment dawk li għandhom x'jaqsmu ma' qasam partikolari (bħad-Dizzjunarju tal-Medju Evu, id-Dizzjunarju tal-Vapuri tal-Ġlied Navali Amerikani, u d-Dizzjunarju tal-Liġi ta' Black).

Hemm xi differenzi sinifikanti bejn enċiklopediji u dizzjunarji. Fost l-aktar notevoli nsibu li artikoli ta' enċiklopedija huma itwal, aktar sħaħ u jidħlu aktar fil-fond minn entrati fil-biċċa l-kbira tad-dizzjunarji ġenerali.[2] Hemm differenzi fil-kontenut ukoll. Ġeneralment, id-dizzjunarji jipprovdu informazzjoni lingwistika dwar il-kliem infushom, filwaqt li l-enċiklopediji jiffokaw aktar fuq il-ħaġa li għaliha jintużaw dawk il-kliem.[3] Għalhekk, filwaqt li l-entrati tad-dizzjunarju huma marbutin sew mal-kelma deskritta, l-artikoli tal-enċiklopedija jistgħu jingħataw isem xi ftit jew wisq differenti. Hekk, l-entrati tad-dizzjunarju ma jistgħux jiġu tradotti għalkollox f'lingwi oħra, iżda jistgħu jkunu artikoli ta' enċiklopedija.

Fil-prattika, madankollu, id-distinzjoni mhix konkreta, peress li m'hemm l-ebda differenza ċara bejn informazzjoni fattwali, "enċiklopedika" u informazzjoni lingwistika bħalma tidher fid-dizzjunarji.[3] Għalhekk l-enċiklopediji jista' jkun fihom materjal li jinstab ukoll fid-dizzjunarji, u viċi versa. B’mod partikolari, l-entrati tad-dizzjunarju spiss ikun fihom informazzjoni fattwali dwar il-ħaġa msemmija mill-kelma.

L-enċiklopediji żviluppaw sew mill-forma miktuba li kellhom fl-antik, għal dik stampata fi żminijiet moderni. Illum jinstabu wkoll f'ambjenti elettroniċi.

Żminijiet antiki

immodifika
 
Naturalis Historiae, edizzjoni tal-1669, paġna tat-titlu

Wieħed mill-ewwel xogħlijiet enċiklopediċi li baqgħu ħajjin sa żminijiet moderni huwa n-Naturalis Historiae ta’ Plinju x-Xiħ, statist Ruman li għex fl-ewwel seklu wara Kristu. Huwa ġabar xogħol ta’ 37 kapitlu li jkopru l-istorja naturali, l-arkitettura, il-mediċina, il-ġeografija, il-ġeoloġija, u aspetti oħra tad-dinja ta’ madwaru. Fid-daħla tiegħu jgħid li ġabar 20,000 fatt minn 2,000 xogħol minn aktar minn 200 awtur, u żied ħafna oħra mill-esperjenza tiegħu stess. Ix-xogħol ġie ppubblikat madwar is-sena 77–79, għalkemm Plinju aktarx li ma spiċċax din il-biċċa xogħol qabel mewtu fl-iżbruffar tal-Vesuvju fis-sena 79 W.K.[13]

Żmien medjevali

immodifika

Isidru ta’ Sevilja, wieħed mill-iprem studjużi tal-Medju Evu bikri, huwa rikonoxxut bħala l-kittieb tal-ewwel enċiklopedija tal-Medju Evu, l-Etymologiae (L-Etimoloġiji ) jew l-Oriġini (madwar is-sena 630), li fiha ġabar għadd imdaqqas ta' tagħlim disponibbli fi żmienu, kemm antik kif ukoll kontemporanju. Dan ix-xogħol fih 448 kapitlu f'20 volum, u huwa ta' valur kbir minħabba l-kwotazzjonijiet u frammenti ta' testi minn awturi oħra li kienu jintilfu kieku ma ġabarhomx.

L-iktar enċiklopedija popolari tal-Era Karolingjana kienet id-De universo jew De rerum naturis ta’ Rabanus Maurus, miktuba madwar is-sena 830; din kienet ibbażata fuq Etymologiae.[14]

L-enċiklopedija tas-Suda, enċiklopedija Biżantina enormi mis-seklu 10, kellha 30,000 entrata, ħafna meħudha minn sorsi antiki li issa ntilfu, u spiss ġejjin minn kompilaturi Kristjani Medjevali. It-test kien irranġat alfabetikament b'xi ftit devjazzjonijiet mill-ordni komuni tal-vokali fl-alfabett Grieg.

Il-ġabriet bikrija ta' għerf Musulman fil-Medju Evu kienu jinkludu bosta xogħlijiet komprensivi. Madwar is-sena 960, l-Aħwa tal-Purità ta’ Basra kienu qed jaħdmu fuq l-Enċiklopedija tal-Aħwa tal-Purità.[15] Xogħlijiet notevoli f'dan il-kuntest jinkludu l-enċiklopedija tax-xjenza ta' Abu Bakr al-Razi, il-produzzjoni prolifika tal-Mutazilite Al-Kindi f'270 ktieb, u l-enċiklopedija medika ta' Ibn Sina, li kienet xogħol ta' referenza standard għal sekli sħaħ. Notevoli wkoll huma xogħlijiet ta' storja universali (jew soċjoloġija) minn Asharites, al-Tabri, al-Masudi, L-Istorja tal-Profeti u s-Slaten minn Muhammad ibn Jarir al-Tabari, Ibn Rustah, al-Athir, u Ibn Khaldun, li fil-Muqadimmah iwissi dwar kemm nistgħu nafdaw ċerti sorsi, xi ħaġa li għadha applikabbli anke illum.

 
Silta mill-enċiklopedija "Liber Floridus". Illustrazzjoni li turi lill-kittieb Lambert, waqt li qed jipprova jiġbor l-għarfien kollu tal-bniedem. Manuskritt ippreservat fil-Librerija tal-Università ta’ Ghent.

Ix-xogħol enċiklopediku enormi fiċ-Ċina tal-Erba’ Kotba l-Kbar tal-Għanja, miġbur fis-seklu 11 matul id- dinastija Song bikrija (960–1279), kien biċċa xogħol letterarja enormi għal dak iż-żmien. L-aħħar enċiklopedija minn dawn l-erbgħa tammonta għal 9.4 miljun karattru Ċiniż f'1,000 volum miktub. Il-'perjodu tal-enċiklopedisti' jifrex mill-għaxar sas-sbatax-il seklu, u matulu l-gvern taċ-Ċina impjega mijiet ta' studjużi biex jiktbu enċiklopediji kbar ħafna.[16] L-akbar waħda minnhom hija l-Enċiklopedija Yongle; li tlestiet fl-1408 u kienet tikkonsisti fi kważi 23,000 volum ta' folji f'forma ta' manuskritt.

Tard fil-Medju Evu, bosta awturi fl-Ewropa kellhom l-ambizzjoni li jiġbru l-għerf kollu tal-bniedem f’oqsma partikolari jew b’mod ġenerali, pereżempju Bartholomeus Anglicus, Vincent ta’ Beauvais, Radulfus Ardens, Sydrac, Brunetto Latini, Giovanni da Sangiminiano, u Pierre Bersuire. Xi wħud kienu nisa, bħal Hildegard ta' Bingen u Herrad ta' Landsberg. L-iktar magħrufa minn dawk il-pubblikazzjonijiet kienu l-Speculum maius (Il-Mera l-Kbira) ta’ Vincent ta' Beauvais u d-De proprietatibus rerum (Fuq il-Proprjetajiet tal-Oġġetti) minn Bartholomeus Anglicus. Matul il-Medju Evu, dan tal-aħħar ġie tradott (jew adattat) għall-Franċiż, Provenzal, Taljan, Ingliż, Fjamming, Anglo-Norman, Spanjol u Ġermaniż. It-tnejn inkitbu f'nofs is-seklu 13. L-ebda enċiklopedija Medjevali ma kellha t-titlu Encyclopaedia - ħafna drabi kienu jissejħu Fuq in-natura (De natura, De naturis rerum), Mera (Speculum maius, Speculum universale), jew Teżor (Trésor).[17]

Rinaxximent

immodifika
 
Anatomija fil-Margarita Philosophica, 1565

L-enċiklopediji Medjevali kienu kollha kkupjati bl-id u għalhekk disponibbli l-aktar għal patruni sinjuri jew irġiel monastiċi; kienu jiswew ħafna flus, u ġeneralment kienu miktuba għal dawk li jiddilettaw fil-ġbir tal-għarfien aktar milli għal dawk li jaqrawh każwalment.[18]

Matul ir-Rinaxximent, l-invenzjoni tal-istampar ippermettiet it-tifrix usa' tal-enċiklopediji u kull studjuż li ried waħda seta' jkollu kopja personali. Id-De expetendis et fugiendis rebus ta' Giorgio Valla ġie stampat wara mewtu fl-1501 minn Aldo Manuzio f'Venezja. Dan ix-xogħol segwa l-iskema tradizzjonali tal-arti liberali. Madankollu, Valla żied it-traduzzjoni ta' xogħlijiet Griegi qodma dwar il-matematika (l-ewwelnett minn Arkimede), li kienu għadhom kemm ġew skoperti mill-ġdid u tradotti għal-Latin. Il-Margarita Philosophica ta’ Gregor Reisch, stampata fl-1503, kienet enċiklopedija sħiħa li tispjega s-seba’ arti liberali.

It-terminu enċiklopedija iddaħħal mill-umanisti tas-seklu 16 li qraw ħażin kopji tat-testi ta' Plinju[19] u Quintillian,[20] u għaqqdu ż-żewġ kelmiet Griegi "enkyklios" u "paedia" f'kelma waħda, έγκυκλοπαιδεία.[21] Il-frażi enkyklios paedia (ἐγκύκλιος παιδεία) intużat minn Plutarka u l-kelma Latina encyclopaedia ġiet minnu.

L-ewwel xogħol intitolat b’dan il-mod kien l- Encyclopedia orbisque doctrinarum, hoc est omnium artium, scientiarum, ipsius philosophiae index ac divisio miktub minn Johannes Aventinus fl-1517. 

It-tabib u filosfu Ingliż, Sir Thomas Browne uża l-kelma 'enċiklopedija' fl-1646 fid-daħla biex jiddefinixxi l-Pseudodoxia Epidemica tiegħu, xogħol ewlieni fir-rivoluzzjoni xjentifika tas-seklu 17. Browne qassam l-enċiklopedija tiegħu fuq l-iskema stabbilita fir-Rinaxximent, l-hekk imsejħa 'skala ta' ħolqien' li titla' mid-dinja minerali, veġetali, tal-annimali, umana, planetari u dik kożmoloġika. Pseudodoxia Epidemica kien best-seller Ewropew, tradott għall-Franċiż, l-Olandiż u l-Ġermaniż kif ukoll il-Latin. B'kollox kien hemm mhux inqas minn ħames edizzjonijiet tiegħu, kull waħda riveduta u miżjuda, u l-aħħar edizzjoni ħarġet fl-1672.

Fatturi finanzjarji, kummerċjali, legali u intellettwali biddlu d-daqs tal-enċiklopediji. Matul ir-Rinaxximent, il-klassijiet medji kellhom iktar ħin biex jaqraw u l-enċiklopediji għenuhom jitgħallmu aktar. Il-pubblikaturi riedu jżidu l-produzzjoni tagħhom u għalhekk xi pajjiżi bħall-Ġermanja bdew ibigħu kotba mingħajr ċertu partijiet tal-alfabett, biex jippubblikawhom aktar malajr. Il-pubblikaturi ma setgħux jaffordjaw ir-riżorsi kollha waħedhom, u għalhekk il-pubblikaturi kienu jingħaqdu flimkien biex joħolqu enċiklopediji aħjar. Meta l-pubblikazzjoni saret finanzjarjament impossibbli, introduċew sistemi ta' abbonamenti u pubblikazzjonijiet maqsuma b'partijiet li jinħarġu minn żmien għal żmien. Dan kien riskjuż għall-pubblikaturi minħabba li kellhom isibu nies li jħallsu kollox bil-quddiem jew bin-nifs. Meta dawn irnexxew, il-kapital tal-pubblikaturi żdied u kien ikun hemm dħul kostanti għall-produzzjoni tal-enċiklopediji. Aktar tard, ir-rivalità kibret, u bdew jintalbu d-drittijiet tal-awtur minħabba liġijiet dgħajfa f'dan il-qasam. Xi pubblikaturi kienu jikkopjaw ix-xogħol ta' pubblikatur ieħor biex jipproduċu enċiklopedija aktar malajr u bi prezz orħos. B'hekk il-konsumaturi ma kienx ikollhom iħallsu ħafna u l-pubblikaturi setgħu jbiegħu aktar. L-enċiklopediji għamluha possibli li nies tal-klassi medja setgħu bażikament ikollhom librerija żgħira f'darhom stess. Ħafna nies fl-Ewropa kienu qed isiru aktar kurjużi dwar is-soċjetà tagħhom u f'dawk ta' madwarhom u b'hekk anke qamu kontra l-gvern tagħhom.[22]

Enċiklopediji tradizzjonali

immodifika
 
Encyclopédie, 1773

L-idea moderna ta' enċiklopedija ġenerali, taf il-bidu tagħha qabel l-enċiklopedisti tas-seklu 18. Madankollu, Chambers' Cyclopaedia, magħrufa wkoll bħala Universal Dictionary of Arts and Sciences (1728), u l-Encyclopédie ta' Denis Diderot u Jean le Rond d'Alembert (maħruġa mill-1751 'il quddiem), kif ukoll l-Encyclopædia Britannica u l-Conversations-Lexikon ta' Brockhaus, kienu l-ewwel li ħadu l-forma ta' enċiklopedija kif nafuha llum, b'ambitu komprensiv ta' suġġetti, diskussi fil-fond u organizzati b'mod aċċessibbli u sistematiku. Fl-1728, Chambers segwew mal-Lexicon Technicum ta' John Harris maħruġ fl-1704 u l-edizzjonijiet sussegwenti; dan ix-xogħol kien bit-titlu u l-kontenut tiegħu "A Universal English Dictionary of Arts and Sciences: Explaining not only the Terms of Art, but the Arts Themselves".

Enċiklopediji popolari u bi prezz raġonevoli bħal Harmsworth's Universal Encyclopaedia u ċ-Children's Encyclopaedia dehru fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20.

Fl-Istati Uniti, is-snin ħamsin u sittin raw l-introduzzjoni ta' diversi enċiklopediji kbar, ħafna drabi mibjugħa bin-nifs. L-iktar magħrufa minn dawn kienu l-World Book u Funk & Wagnalls. Daqs 90 % inbiegħu bieb bieb. Fil-ktieb tiegħu You Could Look It Up, Jack Lynch jgħid li l-bejjiegħa tal-enċiklopediji tant kienu komuni li anke ċajt beda jintqal dwarhom. Huwa jiddeskrivi l-għajta tal-bejgħ tagħhom hekk: "Ma kinux ibiegħu kotba imma stil ta' ħajja, futur, wegħda ta' mobbiltà soċjali." F'reklam tal-World Book tal-1961 jingħad li, "Għandek il-futur tal-familja tiegħek f'idejk issa," waqt li turi idejn femminili li jżommu l-formola biex tordna. [23]

 
Reklam tal-1913 għall-Encyclopædia Britannica, l-eqdem u waħda mill-ikbar enċiklopediji Ingliżi kontemporanji

It-tieni nofs tas-seklu 20 ra wkoll il-proliferazzjoni ta' enċiklopediji speċjalizzati li ġabru suġġetti f'oqsma speċifiċi, prinċipalment biex isostnu industriji u professjonisti speċifiċi. Din it-tendenza kompliet sa żmienna. Enċiklopediji ta' mill-inqas volum wieħed fid-daqs issa jeżistu għall-biċċa l-kbira tad-dixxiplini akkademiċi kważi kollha, jekk mhux kollha, inklużi suġġetti speċjalizzati ħafna bħalma huma l-bijoetika.

Enċiklopediji diġitali u onlajn

immodifika

Ma' tmiem is-seklu 20, l-enċiklopediji kienu qed jiġu ppubblikati fuq CD-ROM għall-użu fuq kompjuters personali. L-Encarta tal-Microsoft, ippubblikata bejn l-1993 u l-2009, kienet eżempju importanti f'dan il-qasam peress li ma kellha l-ebda ekwivalenti stampat. F'dawn it-tiġ ta' enċiklopediji, ħafna mill-artikoli kienu akkumpanjati minn fajls tal-vidjo kif ukoll awdjo kif ukoll bosta stampi ta' kwalità tajba.[24]

Teknoloġiji diġitali u crowdsourcing onlajn ippermettew li l-enċiklopediji jinqatgħu mil-limitazzjonijiet tradizzjonali ta' daqs, sew fl-ammont ta' artikli kif ukoll fl-approfondiment tas-suġġetti koperti. Il-Wikipedija, enċiklopedija onlajn b'xejn, b'liċenzja miftuħa u multilingwi, appoġġata mill-Fondazzjoni Wikimedia mingħajr skop ta' qligħ u s-softwer open-source MediaWiki dehret għall-ewwel darba fl-2001. B'differenza għal enċiklopediji kummerċjali onlajn bħal Encyclopædia Britannica Online, li huma miktuba minn esperti, il-Wikipedija hija maħluqa u miżmuma b'mod kollaborattiv minn edituri voluntiera, organizzati minn linji gwida miftiehma b'mod kollaborattiv u rwoli tal-utenti. Ħafna kontributuri jużaw psewdonimi u jibqgħu anonimi. Il-kontenut huwa għalhekk rivedut, iċċekkjat, miżmum jew imneħħi abbażi tal-valur intrinsiku tiegħu stess u sorsi esterni li jappoġġjawh.

L-affidabbiltà tal-enċiklopediji tradizzjonali, min-naħa tagħhom, tiddependi fuq l-awturi u l-kompetenza professjonali tagħhom. Ħafna akkademiċi, għalliema, u ġurnalisti rrifjutaw u jkomplu jirrifjutaw enċiklopediji miftuħa, li joriġinaw mill-folla, speċjalment il-Wikipedija, bħala sors affidabbli ta’ informazzjoni, u l-Wikipedija fiha nnifisha mhix sors affidabbli skont l-istandards tagħha stess minħabba l-mudell ta’ crowdsourcing u l-fatt li hija apertament modifikabbli b'mod anonimu.[25] Studju min-Nature fl-2005 sab li l-artikoli tax-xjenza tal-Wikipedija kienu bejn wieħed u ieħor komparabbli fl-eżattezza għal dawk ta' Encyclopædia Britannica, li fihom l-istess numru ta' żbalji serji u madwar 1/3 aktar ineżattezzi fattwali żgħar, iżda li l-kitba tal-Wikipedija kellha t-tendenza li tkun konfuża u inqas faċli biex tinqara.[26] L-Encyclopædia Britannica ċaħdet il-konklużjonijiet tal-istudju, u qieset li l-istudju kien difettuż ferm.[27] Fi Frar 2014, il-Wikipedija kellha 18-il biljun żjara fil-paġni tagħha minn kważi 500 miljun viżitatur uniku kull xahar.[28] Il-kritiċi jargumentaw li l-Wikipedija turi preġudizzju sistemiku.[29]

Hemm diversi enċiklopediji iżgħar, ġeneralment aktar speċjalizzati, fuq diversi temi, xi drabi ddedikati għal reġjun ġeografiku speċifiku jew perjodu ta' żmien.[30] Eżempju wieħed ta' dan huwa l-iStanford Encyclopedia of Philosophy.

L-ikbar enċiklopediji

immodifika

Mill-bidu tas-snin 2020, l-akbar enċiklopediji kienu dawk Ċiniżi bl-isem Baidu Baike (16-il miljun artikolu) u Hudong Baike (13-il miljun artikolu), segwit mill-Wikipediji bl-Ingliż (6 miljun artikolu), il-Ġermaniż (2+ miljun artikolu) u l-Franċiż (2+ miljun artikolu).[31] Aktar minn tużżana Wikipediji oħra għandhom 1 miljun artikolu jew aktar, ta' kwalità u tul varjabbli. Il-kejl tad-daqs ta' enċiklopedija bl-artikoli tagħha huwa metodu ambigwu peress li l-enċiklopediji Ċiniżi onlajn imsemmija hawn fuq jippermettu aktar minn artikolu wieħed dwar l-istess suġġett, filwaqt li l-Wikipediji jaċċettaw artikolu komuni wieħed biss għal kull suġġett iżda jippermettu ħolqien awtomatizzat ta' artikoli kważi vojta.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Glossary of Library Terms". Riverside City College, Digital Library/Learning Resource Center (bl-Ingliż). 2006. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-08-03.
  2. ^ a b ċ Hartmann, R. R. K.; James, Gregory, ed. (2002). Dictionary of Lexicography (bl-Ingliż). Taylor & Francis. ISBN 978-0-415-14143-7.
  3. ^ a b ċ Béjoint, Henri (2000). Modern Lexicography: An Introduction (bl-Ingliż). Oxford University Press. pp. 30–31. ISBN 0-19-829951-6.
  4. ^ Quintillian (1920). Institutio Oratoria (bl-Ingliż). 1. Tradott minn Edgeworth Butler, Harold. 10.1, p. 161.
  5. ^ Liddell, Henry George; Scott, Robert; Stuart-Jones, Henry, ed. (1940). "ἐγκύκλιος". A Greek-English Lexicon (bl-Ingliż) (9 ed.). Oxford University Press.
  6. ^ Liddell, Henry George; Scott, Robert; Stuart-Jones, Henry, ed. (1940). "παιδεία". A Greek-English Lexicon (9 ed.). Oxford University Press.
  7. ^ Franklin-Brown, Mary (2012). Reading the World: Encyclopedic Writing in the Scholastic Age (bl-Ingliż). University of Chicago Press. ISBN 9780226260686.
  8. ^ König, Jason; Woolf, Greg, ed. (2013-10-17). Encyclopaedism from Antiquity to the Renaissance (bl-Ingliż). Cambridge University Press. ISBN 978-1-107-03823-3.
  9. ^ Yeo, Richard (2001). Encyclopaedic Visions: Scientific Dictionaries and Enlightenment Culture (bl-Ingliż). Cambridge University Press. ISBN 978-0521152921.
  10. ^ a b Harris-McCoy, Daniel (2008). Varieties of encyclopedism in the early Roman Empire: Vitruvius, Pliny the Elder, Artemidorus (PhD) (bl-Ingliż). University of Pennsylvania.
  11. ^ Carey, Sorcha (2006). Pliny's Catalogue of Culture: Art and Empire in the Natural History (bl-Ingliż) (stampat mill-ġdid ed.). Oxford University Press. ISBN 978-0199207657.
  12. ^ "encyclopaedia | encyclopedia, n.". Oxford English Dictionary (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal (online) fl-2015-09-24.
  13. ^ Plinju x-Xiħ (1855). Naturalis Historia (bl-Ingliż). Tradott minn Bostock, John. Taylor and Francis.
  14. ^ Kaske, R. E. (1988). Medieval Christian Literary Imagery: A Guide to Interpretation (bl-Ingliż) (stampat mill-ġdid ed.). University of Toronto Press. ISBN 978-0802066633.
  15. ^ Wightman, William P.D. (1953). The Growth of Scientific Ideas (bl-Ingliż). Yale University Press. ISBN 978-1135460426.
  16. ^ Murray, Stuart A. P. (2009-07-27). The Library: An Illustrated History (bl-Ingliż). Allworth Press. ISBN 9781602397064.
  17. ^ Paulmier-Foucart, Monique (2002). "Medieval Encyclopaedias". F' Vauchez, André (ed.). Encyclopedia of the Middle Ages (bl-Ingliż). James Clarke & Co.
  18. ^ Strayer, Joseph, ed. (1989). "Encyclopedia". Dictionary of the Middle Ages (bl-Ingliż). Charles Scribner's Sons. ISBN 0-684-19073-7. OCLC 8474388.
  19. ^ Plinju x-Xiħ (1855). Naturalis Historia (bl-Ingliż). Tradott minn Bostock, John. Taylor and Francis. Prefazju 14.
  20. ^ Quintillian (1920). Institutio Oratoria (bl-Ingliż). 1. Tradott minn Edgeworth Butler, Harold. 10.1, p. 161. ut efficiatur orbis ille doctrinae, quem Graeci ἐγκύκλιον παιδείαν vocant
  21. ^ Liddell, Henry George; Scott, Robert; Stuart-Jones, Henry, ed. (1940). "έγκυκλοπαιδεία". A Greek-English Lexicon (bl-Ingliż) (9 ed.). Oxford University Press. f. l. [= falsa lectio, Latin għal "false reading", jew "qari falz"] għal ἐγκύκλιος παιδεία
  22. ^ Loveland, Jeff (2012). "Why Encyclopedias Got Bigger . . . and Smaller". Information & Culture: A Journal of History (bl-Ingliż). 47 (2): 233–254. doi:10.1353/lac.2012.0012.
  23. ^ Onion, Rebecca (2016-06-03). "How Two Artists Turn Old Encyclopedias Into Beautiful, Melancholy Art". Slate (bl-Ingliż).
  24. ^ "Important Notice: MSN Encarta to be Discontinued". MSN Encarta (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-27.
  25. ^ Sidener, Jonathan (2006-09-23). "Wikipedia co-founder looks to add accountability, end anarchy". San Diego Union Tribute (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-01-17.
  26. ^ Giles, Jim (2005-12-14). "Internet encyclopedias go head to head". Nature (bl-Ingliż). 438 (900–901). Bibcode:2005Natur.438..900G. doi:10.1038/438900a.
  27. ^ "Fatally Flawed: Refuting the recent study on encylopedic accuracy by the journal Nature" (PDF) (bl-Ingliż). Encyclopædia Britannica. 2006.
  28. ^ Cohen, Noam (2014-02-09). "Wikipedia vs. the Small Screen". The New York Times (bl-Ingliż).
  29. ^ Reagle, Joseph; Rhue, Lauren (2011). "Gender Bias in Wikipedia and Britannica". International Journal of Communication (bl-Ingliż). 5.
  30. ^ Sideris, Athanasios. Ioannides, M.; Arnold, D.; Niccolucci, F.; Mania, K. (ed.). The Encyclopedic Concept in the Web Era. The e-volution of Information Communication Technology in Cultural Heritage: Where Hi-Tech Touches the Past: Risks and Challenges for the 21st Century. The 7th International Symposium on Virtual Reality, Archaeology and Cultural Heritage (VAST 2006) (bl-Ingliż). Nicosia, Ċipru: Archaeolingua. pp. 192–197. ISBN 963-8046-74-0.
  31. ^ "Wikipedia: The Free Encyclopedia". Wikipedia.org. Wikimedia Foundation.