Kelma
Fil-linwistika, kelma ta’ lingwa mitkellma tista’ tiġi definita bħala l-iżgħar sekwenza ta’ fonemi li wieħed jista’ jlissen b’mod iżolat b’tifsira oġġettiva jew prattika. F’ħafna lingwi, il-kelmiet jikkorrispondu wkoll għal sekwenzi ta’ grafemi ("ittri") fis-sistemi standard tal-kitba tagħhom li jkunu delimitati minn spazji usa’ mill-ispazju normali ta’ bejn l-ittri fi ħdan l-istess kelma, jew b’konvenzjonijiet grafiċi oħra.[1] Il-kunċett ta’ "kelma" s-soltu jiġi distint minn dak ta’ morfema, li hija l-iżgħar unità ta’ kelma b’tifsira, anke jekk waħedha ma tgħoddx bħala kelma.
F’bosta lingwi, in-nozzjoni ta’ x’inhi "kelma" tista’ tiġi mgħallma fi ħdan it-tagħlim tas-sistema tal-kitba. Dan japplika għall-Malti, u għall-biċċa l-kbira tal-lingwi li jinkitbu b’alfabeti li oriġinaw mill-alfabeti Latini jew Griegi tal-qedem.
Għad ma hemmx konsensus fost il-lingwisti dwar x’inhi d-definizzjoni proprja ta’ "kelma" f’lingwa mitkellma li tkun indipendenti mis-sistema tal-kitba tagħha, u lanqas dwar id-distinzjoni preċiża bejnha u “morfema”. Din il-kwistjoni għadha tiġi dibattuta b’mod partikolari għaċ-Ċiniż u għal lingwi oħra tal-Lvant tal-Asja u Afro-Asjatiċi.[2]
Fl-ortografija Maltija, is-sekwenzi ta’ ittri "blat", "alla", "beka", "ma’", u "tista’" jitqiesu bħala kelmiet b’morfema waħda, filwaqt li "blatiet", "allat", "bekkej", u "tistax" huma kelmiet magħmula minn żewġ morfemi jew iktar ("blat"+"iet", "alla"+"t", "bek"+"kej", u "tista"+"x"). Fil-Malti u f’ħafna lingwi oħra, il-morfemi li jsawru kelma ġeneralment jinkludu mill-inqas għerq wieħed u possibbilment xi affissi ("-iet", "-x", eċċ.). Il-kelmiet li jkollhom iktar minn għerq wieħed jissejħu kelmiet komposti.
Il-kelmiet jiġu kkombinati biex jiffurmaw elementi oħra tal-lingwa, fosthom frażijiet ("blata ħamra", "raġel jimbuttak"), propożizzjonijiet ("Jien kilt frotta"), u sentenzi ("Jien kilt frotta, imma ma xbajtx").
Definizzjonijiet/tifsiriet
immodifikaĠew proposti bosta kriterji għall-identifikazzjoni tal-kelmiet. Madankollu, instab li l-ebda definizzjoni ma tapplika għal-lingwi kollha.[3] Id-dizzjunarji jikkategorizzaw il-lessiku ta’ lingwa (jiġifieri, il-vokabularju tagħha) f’lemmi. Dawn jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ x’inhi kelma fl-opinjoni tal-kittieba ta’ dik il-lingwa partikolari. L-iktar mezzi xierqa biex jitkejjel it-tul ta’ kelma huwa billi jiġu magħduda s-sillabi jew il-morfemi tagħha.[4] Meta kelma jkollha diversi definizzjonijiet jew iktar minn sens wieħed, tista’ twassal għal konfużjoni f’dibattitu jew f’diskussjoni.[5]
Definizzjoni semantika
immodifikaLeonard Bloomfield introduċa l-kunċett ta’ “Forom Ħielsa Minimi (bl-Ingliż: "Minimal Free Forms") fl-1928. Il-kelmiet jitqiesu bħala l-iżgħar unità tat-taħdit li tagħmel sens u li jistgħu jitqiesu bħala kelmiet waħedhom. Dan jikkorrelata l-fonemi (l-unitajiet tal-ħsejjes) mal-lessemi (l-unitajiet tat-tifsira). Madankollu, xi kelmiet bil-miktub mhumiex forom ħielsa minimi peress li ma jagħmlux sens waħedhom (pereżemju, ma’ u ta’).
Xi studjużi tas-semantika ressqu teorija tal-hekk imsejħa kelmiet primittivi semantiċi, jiġifieri kelmiet mingħajr definizzjoni li jirrappreżentaw kunċetti fundamentali li jagħmlu sens bl-intuwizzjoni. Skont din it-teorija, il-kelmiet primittivi semantiċi jservu bħala l-bażi biex tiġi deskritta t-tifsira, mingħajr ċirkolarità, ta’ kelmiet oħra u ta’ tifsiriet kunċettwali assoċjati oħra.
Karatteristiċi
immodifikaFl-iskola Minimalista tas-sintassi teorika, il-kelmiet (imsejħa wkoll oġġetti lessikali fil-letteratura) jitqiesu bħala "ġabriet" ta’ karatteristiċi lingwistiċi li jiġu magħqudin flimkien fi struttura b’forma u b’tifsira. Pereżempju, il-kelma "merilli" għandha karatteristiċi semantiċi (tfisser oġġetti li jeżistu fid-dinja reali, il-merilli), karatteristiċi kategoriċi (hija nom), karatteristiċi numeriċi (hija plural u trid taqbel mal-verbi, mal-pronomi u mal-kliem dimostrattiv fid-dominju tagħha), karatteristiċi fonoloġiċi (tiġi ppronunzjata b’mod partikolari), eċċ.[6]
Konfini tal-kliem
immodifikaIl-kompitu li jiġi definit x’inhi "kelma" jinvolvi fejn tibda tispiċċa kelma u fejn tibda oħra—fi kliem ieħor, l-identifikazzjoni tal-konfini tal-kliem. Hemm diversi modi biex jiġi ddeterminat fejn għandhom jitpoġġew il-konfini tal-kliem ta’ lingwa mitkellma:[1]
- Pawża potenzjali: Kelliem jintalab jirrepeti sentenza partikolari bil-mod, u jippermetti l-pawżi. Il-kelliem x’aktarx idaħħal pawżi fil-konfini tal-kliem. Madankollu, dan il-metodu mhuwiex daqshekk infallibbli: il-kelliem jista’ faċilment jiddividi l-kelmiet polisillabiċi, jew ma jisseparax żewġ kelmiet jew iktar b’rabta sfiqa (eż. fl-Ingliż "to a" f’"He went to a house").
- Indiviżibbiltà: Kelliem jintalab jgħid sentenza bil-mitkellem b’vuċi tgħajjat, u mbagħad jintalab jgħid is-sentenza mill-ġdid b’kelmiet addizzjonali. Għaldaqstant, Għext f’dan ir-raħal għal għaxar snin tista’ ssir Jien u l-familja tiegħi għexna f’dan ir-raħal żgħir għal xi għaxar snin. Dawn il-kelmiet addizzjonali x’aktarx li jiżdiedu fil-konfini tal-kliem tas-sentenza oriġinali. Madankollu, xi lingwi għandhom l-infissi, li jitpoġġew fi ħdan kelma. B’mod simili, xi lingwi għandhom affissi separabbli: fis-sentenza bil-Ġermaniż "Ich komme gut zu Hause an", il-verb ankommen jiġi sseparat.
- Konfini fonetiċi: Xi lingwi għandhom regoli partikolari tal-pronunzja li jagħmluha faċli li wieħed jinduna fejn għandu jkun hemm konfini tal-kliem. Pereżempju, f’lingwa li regolarment tenfasizza l-aħħar sillaba ta’ kelma, konfini tal-kliem x’aktarx li tinzerta wara kull sillaba enfasizzata. Eżempju ieħor jista’ jiġi osservat f’lingwa li għandha armonija bil-vokali (bħat-Tork): il-vokali fi ħdan kelma partikolari jikkondividu l-istess kwalità, u għalhekk konfini x’aktarx li sseħħ kull meta l-vokali tinbidel. Minkejja dan, mhux il-lingwi kollha għandhom regoli fonetiċi daqstant konvenjenti, u anke dawk li għandhom xorta waħda jkollhom eċċezzjonijiet okkażjonali.
- Konfini ortografiċi: fil-lingwi bi tradizzjoni letterarja, hemm interrelazzjoni bejn l-ortografija u l-kwistjoni dwar x’jitqies bħala kelma unika.
Referenzi
immodifika- ^ a b Haspelmath, Martin (2011). "The indeterminacy of word segmentation and the nature of morphology and syntax". Folia Linguistica. 45 (1). ISSN 0165-4004.
- ^ Charles F. Hockett (1951): Review of John De Francis (1950) Nationalism and language reform in China. Published in Language, volume 27, issue 3, pp. 439-445.
- ^ Dixon; Aikhenvald (2002). Word : a cross-linguistic typology. Cambridge: Cambridge University Press. p. 6. ISBN 0511061498.
- ^ Taylor, John (2015). The Oxford Handbook of the Word. p. 93.
- ^ "Chodorow, Martin S., Roy J. Byrd, and George E. Heidorn. "Extracting semantic hierarchies from a large on-line dictionary"" (PDF). web.archive.org. 2018-02-15. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2018-02-15. Miġbur 2021-07-18.
- ^ Adger (2003), pp. 36–37.